SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/96/KE — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku — Artikolu 14(1)(ċ) — Eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant jew kombustibbli għal skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea u għall-produzzjoni tal-elettriku abbord dgħajjes — Karburant użat minn bastiment sabiex ibaħħar mill-post fejn inbena għal port ta’ Stat Membru ieħor sabiex jimbarka l-ewwel merkanzija kummerċjali tiegħu”

Fil-Kawża C‑151/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

“Vakarų Baltijos laivų statykla” UAB

vs

Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, A. Arabadjiev, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, K. Dieninis u R. Dzikovič kif ukoll minn D. Stepanienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Vakarų Baltijos laivų statykla” UAB u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (spettorat nazzjonali tat-taxxa fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“ispettorat nazzjonali tat-taxxa”) dwar deċiżjoni li tirrifjuta r-rimbors tad-dazji tas-sisa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu:

“(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f”Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179)] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

[…]

(ċ)

prodotti ta’ enerġija forniti għall-użu ta’ karburant għall-skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra ġewwa l-Komunità (tinkludi s-sajd), barra minn dgħajjes għall-użu privat jew għall-divertiment, u elettriku magħmul abbord xi dgħajsa.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva ‘dgħajsa għall-użu privat jew għall-divertiment’ għandha tfisser kull dgħajsa użata mis-sid tagħha jew il-persuna naturali jew ġuridika li tgawdi mill-użu tagħha permezz ta’ kiri jew mezzi oħra, għall-skopijiet oħra mhux kummerċjali u b’mod partikolari dak li ma għandux jaqsam ma’ ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew fornitura ta’ servizzi bil-ħlas jew għall-iskopijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi.”

Id-dritt Litwan

6

Il-punt 2 tal-Artikolu 43(1) tal-Akcizų įstatymas (liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar is-sisa), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar is-sisa”), jittrasponi fid-dritt Litwan l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

7

Skont l-Artikolu 43(2) tal-liġi dwar is-sisa, l-istabbiliment tar-regoli ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għandu jsir mill-Gvern jew minn awtorità awtorizzata minnu.

8

Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Gvern Litwan approva regoli li jirregolaw il-provvista ta’ riżervi għad-dgħajjes u l-inġenji tal-ajru kif ukoll il-karburanti intiżi għall-manifattura, għat-tiswija, għall-ittestjar u għall-funzjonament u l-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru.

9

Skont il-punt 3 ta’ dawn ir-regoli, persuna li tkun qed tipprovdi lill-bastiment bil-karburant għandha tkun fil-pussess ta’ liċenzja.

10

It-tieni paragrafu tal-punt 10 tal-imsemmija regoli jipprevedi li persuna li tkun applikat il-punt 2 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar is-sisa għandha tkun fil-pussess tad-dokumentazzjoni li tipprova li l-iskop tal-provvista huwa tali li jirrendiha eliġibbli għal talba għal eżenzjoni mid-dazji tas-sisa.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

“Vakarų Baltijos laivų statykla” hija impriża litwana li teżerċita b’mod partikolari attivita ta’ bini ta’ bastimenti intiżi jbaħħru f’ibħra fil-miftuħ.

12

Fis-7 ta’ Ottubru 2009, din l-impriża kkonkludiet kuntratt għall-bini ta’ bastiment għall-ġarr ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“bastiment inkwistjoni”) għal kumpannija Estonjana (iktar ’il quddiem il-“klijent”).

13

Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, l-imsemmija impriża xtrat 80600 litru ta’ karburant, li nxteħet direttament fit-tankijiet tal-bastiment inkwistjoni u ħallas id-dazji tas-sisa relatati ma’ dan il-karburant. Parti minn dan il-karburant intuża sabiex saru xi testijiet fuq dan il-vapur qabel ma ġie kkunsinnat lill-klijent.

14

Permezz ta’ dikjarazzjoni uffiċjali ta’ trasferiment u ta’ aċċettazzjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013, “Vakarų Baltijos laivų statykla” ittrasferixxiet lill-klijent il-proprjetà kif ukoll id-drittijiet u l-interessi kollha fuq il-bastiment inkwistjoni, kif ukoll it-tgħamir u r-riżervi preżenti abbord tiegħu, fosthom it-73 030 litru ta’ karburant li ma ntużax waqt it-testijiet li saru qabel il-kunsinna.

15

Wara li irċieva dan il-bastiment, il-klijent ħejja sabiex dan ibaħħar, mingħajr merkanzija, mill-port ta’ Klaipėda (il-Litwanja) għal dak ta’ Stralsund (il-Ġermanja), fejn imbarka l-ewwel merkanzija kummerċjali tiegħu, li sussegwentement ittrasporta bi ħlas għall-port ta’ Santander (Spanja).

16

Fit-22 ta’ Lulju 2013, “Vakarų Baltijos laivų statykla” talbet lill-ispettorat nazzjonali tat-taxxa r-rimbors tad-dazji tas-sisa relatati mal-karburant mixħut fit-tankijiet tal-bastiment inkwistjoni u esportat mill-klijent barra mit-territorju Litwan.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2013, l-ispettorat nazzjonali tat-taxxa ċaħad din it-talba minħabba li, fil-mument tal-kunsinna tal-karburant inkwistjoni lill-klijent, “Vakarų Baltijos laivų statykla” ma kinitx imliet id-dokumenti tal-kontabbiltà biex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ forma proċedurali u sostantivi previsti mid-dritt nazzjonali u ma kinitx fil-pussess ta’ liċenzja, maħruġa skont il-proċedura applikabbli, li kienet tippermettilha tagħmel il-provvista tal-karburant lill-bastimenti.

18

Adit b’rikors kontra din id-deċiżjoni, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (kumitat dwar it-tilwim fuq it-taxxa fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, annulla, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013, id-deċiżjoni li tirrifjuta r-rimbors tad-dazji tas-sisa tal-ispettorat nazzjonali tat-taxxa fuq il-bażi, essenzjalment, li dan ir-rifjut kien ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura formali.

19

L-ispettorat nazzjonali tat-taxxa ppreżenta rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013 quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) li, permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, laqgħat dan ir-rikors.

20

“Vakarų Baltijos laivų statykla” appellat quddiem il-qorti tar-rinviju bl-għan li tiġi annullata din is-sentenza u tinżamm l-imsemmija deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema, il-Litwanja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96/KE, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li d-dazji tas-sisa ma jistgħux jinġabru fuq il-[provvista] ta’ prodotti ta’ enerġija f’ċirkustanzi fejn, bħal f’dan il-każ, dawn il-prodotti huma pprovduti bħala karburant lil bastiment sabiex jintużaw għal skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra tal-[Unjoni Ewropea] bil-għan, li ma jinvolvix remunerazzjoni diretta, li dan il-bastiment ibaħħar bil-mezzi tiegħu stess mill-post fejn ġie mibni għal port fi Stat Membru ieħor sabiex jimbarka l-ewwel merkanzija kummerċjali tiegħu?

2)

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jipprekludi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, bħal dawk applikabbli f’dan il-każ, li jipprekludu l-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali previst f’din id-dispożizzjoni fil-każ fejn il-[provvista] tal-prodotti ta’ enerġija sar bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru, anki jekk [din il-provvista t]issodisfa l-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/96?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-karburant użat sabiex bastiment ibaħħar, mingħajr merkanzija, minn port ta’ Stat Membru, f’dan il-każ dak ta’ fejn inbena, għal port ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jimbarka l-merkanzija li għandha sussegwentement tiġi ttrasportata għal port tat-tielet Stat Membru.

23

Hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 2003/96, din għandha l-għan li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tarmonizza l-livelli minimi ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija fuq il-livell tal-Union sabiex titnaqqas id-differenza bejn il-livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni tal-enerġija applikati mill-Istati Membri.

24

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Gustizzja, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/96 għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq kliemhom u fuq l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva (sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C‑250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punt 19).

25

Mill-kliem tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-fatt li l-prodotti ta’ enerġija jintużaw bħala karburant għal skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2011, Sea Fighter, C‑505/10, EU:C:2011:725, punt 20, u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C‑250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punt 21).

26

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “navigazzjoni” msemmi fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Gustizzja jirriżulta li kull operazzjoni ta’ navigazzjoni għall-finijiet kummerċjali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, u dan indipendentement mill-għan ta’ din in-navigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, C‑389/02, EU:C:2004:214, punti 232529; tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 36, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2011, Sea Fighter, C‑505/10, EU:C:2011:725, punt 16).

27

Għaldaqstant, l-għan tal-vjaġġ imwettaq minn bastiment fl-ibħra tal-Unjoni huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni sakemm din tkun navigazzjoni li tinkludi provvista ta’ servizzi bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 37, u tal-10 ta’ Novembru 2011, Sea Fighter, C‑505/10, EU:C:2011:725, punt 17).

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmi kunċett ta’ “navigazzjoni” jeħtieġ li l-provvista ta’ servizzi bi ħlas tkun inerenti għall-vjaġġ tal-bastiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 40, u tal-10 ta’ Novembru 2011, Sea Fighter, C‑505/10, EU:C:2011:725, punt 18).

29

Mill-espressjoni “dak li ma għandux jaqsam ma ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew fornitura ta’ servizzi bil-ħlas” użata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, jirriżulta li n-navigazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’dan l-Artikolu 14(1)(ċ) tirreferi għal użu fil-każ fejn dgħajsa sservi diretament għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 21).

30

Konsegwentement, operazzjonijiet ta’ navigazzjoni li ma jservux direttament għall-provvista ta’ servizz bi ħlas ma jistgħux jiġu assimilati mal-użu ta’ dgħajsa għal finijiet kummerċjali fis-sens u għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt l-imsemmija eżenzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 27).

31

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ibħra [tal-Unjoni]” imsemmija fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, huwa jirreferi għall-ibħra kollha tali li fihom jistgħu ibaħħru l-bastimenti marittimi kollha, inklużi dawk li għandhom l-ikbar kapaċità, li jistgħu jgħaddu minn passaġġi marittimi għal finijiet kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 32).

32

Barra minn hekk, mill-iskop tad-Direttiva 2003/96, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija, jirriżulta li din ma hijiex intiża tistabbilixxi eżenzjonijiet ta’ natura ġenerali (sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 23, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C‑250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punt 23).

33

B’mod partikolari, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) ta’ din id-direttiva għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari il-moviment tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jistgħu jseħħu fl-ibħra tal-Unjoni. Permezz ta’ din l-eżenzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippromwovi l-ugwaljanza ta’ ċerti kundizzjonijiet fiskali li taħthom joperaw l-impriżi tat-trasport jew ta’ servizzi oħra li jużaw l-ibħra msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punti 2425).

34

F’dan il-kuntest, mill-premessa 23 tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-imsemmija eżenzjoni tibbaża fuq l-osservanza tal-obbligi internazzjonali eżistenti u fuq iż-żamma tal-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 24).

35

Għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li l-vjaġġ tal-bastiment mill-port ta’ Klaipėda għal dak ta’ Stralsund kien jikkostitwixxi l-ewwel pass neċessarju u indispensabbli ta’ navigazzjoni għal finijiet kummerċjali, peress li l-uniku għan ta’ dan il-vjaġġ kien sabiex tingħabba l-merkanzija f’dan il-port tal-aħħar għat-trasportazzjoni ssussegwenti tagħha għall-port ta’ Santander, u li, mingħajr l-imsemmi vjaġġ, dan is-servizz ta’ trasport tal-merkanzija ma setgħax jiġi pprovdut.

36

Għaldaqstant, vjaġġ bħal dak imsemmi fil-punt preċedent għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi operazzjoni ta’ navigazzjoni li sservi direttament għall-provvista ta’ servizz bi ħlas, f’dan il-każ operazzjoni ta’ trasport ta’ merkanzija, b’tali mod li l-karburant użat sabiex jippermetti lill-bastiment jagħmel dan il-vjaġġ intuża għal skopijiet ta’ “navigazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

37

Interpretazzjoni kontrarja tmur kontra l-għan u l-iskop imfittxija minn din id-direttiva, peress li t-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, b’mod partikolari, tikkawża ħsara lill-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern u liż-żamma tal-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi tal-Unjoni.

38

Minn naħa, il-karburant inkwistjoni fil-kawża prinċipali intuża għal navigazzjoni “fl-ibħra [tal-Unjoni]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li ppermetta lil bastiment marittimu jbaħħar minn port fil-Litwanja għal port fil-Ġermanja.

39

Konsegwentement, operazzjoni ta’ navigazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi “navigazzjoni fl-ibħra [tal-Unjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-karburant użat sabiex bastiment ibaħħar, mingħajr merkanzija, minn port ta’ Stat Membru, f’dan il-każ dak ta’ fejn dan il-bastiment inbena, għal port ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemm jimbarka merkanzija qabel ma sussegwentement tiġi ttrasportata għal port tat-tielet Stat Membru.

Fuq it-tieni domanda

41

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minħabba li l-provvista ta’ prodotti ta’ enerġija lil bastiment twettqet mingħajr ma ġew osservati r-rekwiżiti proċedurali previsti minn din il-leġiżlazzjoni, minkejja li din il-provvista hija konformi mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kollha previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm l-istruttura ġenerali kif ukoll l-iskop tad-Direttiva 2003/96 huma bbażati fuq il-prinċipju li l-prodotti ta’ enerġija huma ntaxxati skont l-użu reali tagħhom (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 33).

43

Sa fejn id-Direttiva 2003/96 ma tipprevedix mekkaniżmu ta’ kontroll tal-użu tal-karburant jew tal-kombustibbli intiż għal skopijiet ta’ navigazzjoni u lanqas miżuri intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali marbuta mal-bejgħ tal-karburant jew tal-kombustibbli, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu tali mekkaniżmi u tali miżuri fid-dritt nazzjonali tagħhom, b’rispett tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll għandhom jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 23, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 57).

44

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura inkundizzjonata ta’ obbligu ta’ eżenzjoni b’ebda mod ma tista’ tiġi mminata mill-marġini ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri minn kliem introduttorju, bħal dak li jinsab fl-imsemmi Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96, li jipprovdi li l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw mill-imsemmija Stati Membri “b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż” (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln/Bonn, C‑226/07, EU:C:2008:429, punt 31).

45

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fl-eżerċizzju tas-setgħa li huma għandhom sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 59).

46

Għaldaqstant, ir-rifjut tal-awtoritajiet nazzjonali li jeżentaw mid-dazju tas-sisa prodotti ta’ enerġija, minħabba s-sempliċi fatt li ċerti kundizzjonijiet li kellhom jiġu ssodisfatti skont id-dritt nazzjonali sabiex tinkiseb din l-eżenzjoni ma ġewx issodisfatti, mingħajr ma jiġi vverifikat, abbażi tal-provi prodotti, jekk ir-rekwiżiti sostantivi meħtieġa sabiex dawn il-prodotti ta’ enerġija jintużaw għal finijiet li jagħtu dritt għal eżenzjoni humiex issodisfatti, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet kif ukoll sabiex jiġu pprojbiti l-frodi, l-evażjoni jew l-abbużi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 62).

47

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għall-kundizzjoni li l-fornitur ta’ karburant ikkonċernat ikun fil-pussess ta’ liċenzja għall-provvista tal-karburant lil bastimenti u li jkun issodisfa ċerti formalitajiet, tmur kontra l-istruttura ġenerali u l-iskop ta’ din id-direttiva, peress li hija tissuġġetta d-dritt għal din l-eżenzjoni għal li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti formali mingħajr rabta mal-użu reali tal-prodotti ta’ enerġija kkonċernati.

48

Barra minn hekk, tali kundizzjonijiet bla ebda mod ma jidhru neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ din l-eżenzjoni kif ukoll sabiex jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni jew l-abbuż.

49

Barra minn hekk, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-prodotti ta’ enerġija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntużaw għal finijiet oħra li ma humiex dawk previsti fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jew li ġew ipprovduti bl-għan li jkun hemm benefiċċju frodulenti jew abbużiv mill-imsemmija eżenzjoni.

50

Bil-kontra, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dawn il-prodotti ta’ enerġija intużaw għal skopijiet ta’ navigazzjoni bejn portijiet marittimi ta’ Stati Membri tal-Unjoni.

51

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għal li jiġu ssodisfatti rekwiżiti formali mingħajr rabta mal-użu reali tal-prodotti ta’ enerġija kkonċernati kif ukoll lanqas mal-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa f’din id-dispożizzjoni, timmina n-natura inkondizzjonata tal-obbligu ta’ eżenzjoni previst fl-imsemmija dispożizzjoni u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l‑Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minħabba li l-provvista ta’ prodotti ta’ enerġija lil bastiment twettqet mingħajr ma ġew issodisfatti r-rekwiżiti formali previsti minn din il-leġiżlazzjoni, minkejja li din il-provvista hija konformi mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kollha previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas‑27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-karburant użat sabiex bastiment ibaħħar, mingħajr merkanzija, minn port ta’ Stat Membru, f’dan il-każ dak ta’ fejn dan il-bastiment inbena, għal port ta’ Stat Membru ieħor sabiex hemm jimbarka merkanzija qabel ma sussegwentement tiġi ttrasportata għal port tat-tielet Stat Membru.

 

2)

L‑Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni minħabba li l-provvista ta’ prodotti ta’ enerġija lil bastiment twettqet mingħajr ma ġew issodisfatti r-rekwiżiti formali previsti minn din il-leġiżlazzjoni, minkejja li din il-provvista hija konformi mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kollha previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.