SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Mejju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Dejn miżmum minn kumpannija li l-maġġoranza tal-kapital tagħha huwa miżmum mill-Istat Rumen, fil-konfront ta’ kumpannija li dan l-Istat huwa l-uniku azzjonist tagħha — Datio in solutum — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Obbligu li l-Kummissjoni Ewropea tiġi nnotifikata”

Fil-Kawża C‑150/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Craiova (qorti tal-appell ta’ Craiova, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Fondul Proprietatea SA

vs

Complexul Energetic Oltenia SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fondul Proprietatea SA, minn C. Dontu, D. Petrache u A. Dăscălescu, avocați,

għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu kif ukoll minn R. Mangu u M. Bejenar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 108(3) TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Fondul Proprietatea SA (iktar ’il quddiem “Fondul”) u Complexul Energetic Oltenia SA (iktar ’il quddiem “CE Oltenia”) dwar talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ CE Oltenia li taċċetta datio in solutum fir-rigward ta’ dejn miżmum minnha fil-konfront ta’ Electrocentrale Grup SA (iktar ’il quddiem “Electrocentrale”).

Id-dritt Rumen

3

Skont l-Artikolu 1469(2) tal-Kodiċi Ċivili, “[i]l-ħlas jikkonsisti fit-trasferiment ta’ somma ta’ flus jew fl-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe prestazzjoni oħra li tikkostitwixxi s-suġġett stess tal-obbligu”.

4

L-Artikolu 1609 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“(1)

Ikun hemm novazzjoni meta d-debitur jagħmel mal-kreditur tiegħu obbligu ġdid, u dan jitqiegħed flok il-qadim, li jispiċċa.

(2)

Ikun hemm novazzjoni wkoll meta debitur ġdid jitqiegħed flok il-qadim, li jiġi meħlus mill-kreditur; l-obbligu l-qadim jispiċċa. F’dan il-każ, in-novazzjoni ssir mingħajr il-kunsens tal-ewwel debitur.

(3)

Ikun hemm novazzjoni wkoll meta, bis-saħħa ta’ kuntratt ġdid, kreditur ġdid jitqiegħed flok il-qadim, li lejh id-debitur jiġi meħlus; l-obbligu l-qadim jispiċċa.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

CE Oltenia, li 77.17 % mill-kapital azzjonarju tagħha huwa miżmum mill-Istat Rumen u 21.53 % minn Fondul, kienet kreditriċi fil-konfront ta’ Electrocentrale, li l-Istat Rumen huwa l-uniku azzjonist tagħha, ta’ somma ta’ 28709475.13 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 6.4 miljuni).

6

Fis-27 ta’ Settembru 2013, il-laqgħa ġenerali ta’ CE Oltenia approvat it-trasferiment ta’ proprjetà, favur tagħha, tal-impjant termoelettriku ta’ Chișcani (ir-Rumanija), li kien il-proprjetà ta’ Electrocentrale, taħt titolu ta’ datio in solutum (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

7

Peress li l-impjant termoelettriku ta’ Chișcani kien stmat li kellu valur ta’ RON 36810200 (madwar EUR 8.2 miljuni), CE Oltenia ħallset id-differenza bejn dan l-ammont u l-ammont tad-dejn li kellha Electrocentrale billi għamlet pagament lil din tal-aħħar fis-somma ta’ RON 8100724.87 (madwar EUR 1.8 miljuni). Barra minn hekk, CE Oltenia assumiet 280 impjegat ta’ Electrocentrale li kienu jaħdmu fl-impjant termoelettriku ta’ Chișcani u kisbet it-trasferiment, favur tagħha, tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra.

8

Fl-24 ta’ Diċembru 2013, Fondul ressqet, quddiem qorti tal-ewwel istanza, kawża għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Peress li t-talba għal annullament tagħha ġiet miċħuda, Fondul ippreżentat appell quddiem il-Curtea de Apel Craiova (qorti tal-appell ta’ Craiova, ir-Rumanija).

9

Quddiem dik il-qorti, Fondul sostniet li, peress li l-impjant termoelettriku ta’ Chişcani ma kienx profittabbli, id-datio in solutum inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kien jissarraf f’ebda benefiċċju għal CE Oltenia u kien ta’ benefiċċju biss għal Electrocentrale li, meħlusa mill-oneru li kien jikkostitwixxi dan l-impjant, setgħet tkompli topera fis-suq tal-provvista tal-enerġija elettrika.

10

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Craiova (qorti tal-appell ta’ Craiova) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-deċiżjoni tal-assemblea ġenerali tal-azzjonisti ta’ CE Oltenia, adottata b’vot tal-Istat Rumen, permezz tad-dipartiment tal-enerġija tal-Ministeru tal-Ekonomija, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist li jżomm 77.17 % mill-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, li permezz tagħha ġie aċċettat, minn naħa, li jiġi estint id-dejn ta’ RON 28709457.13 li [Electrocentrale] kellha lejn CE Oltenia billi jiġi ttrasferit assi kkostitwit mill-beni rreġistrati taħt in-Nru 70301 fil-katast tal-komun ta’ Chişcani, distrett ta’ Brăila u, min-naħa l-oħra, li titħallas lil [Electrocentrale] id-differenza bejn il-valur tal-bejgħ tal-assi u l-valur tad-dejn ta’ CE Oltenia, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u, iktar preċiżament, miżura i) iffinanzjata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ii) li hija ta’ natura selettiva u iii) li hija suxxettibbli li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-għajnuna mill-Istat kienet suġġetta għall-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 108(3) TFUE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

11

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ kumpannija, li l-azzjonist maġġoritarju tagħha huwa Stat Membru, li taċċetta, sabiex jiġi estint dejn, datio in solutum ta’ assi li huwa l-proprjetà ta’ kumpannija oħra, li l-uniku azzjonist tagħha jkun dan l-Istat Membru, u li tħallas somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur stmat ta’ dan l-assi u l-ammont ta’ dan id-dejn, tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

12

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern ma tipprekludix lil qorti nazzjonali milli tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni marbuta mad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddetermina jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 15; tat-22 ta’ Ottubru 2015, EasyPay u Finance Engineering, C‑185/14, EU:C:2015:716, punt 35, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

Fuq il-kundizzjoni tal-finanzjament tal-miżura mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat

14

Għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 16).

15

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni marbuta mal-fatt li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna” huwa iktar ġenerali minn dak ta’ “sussidju” peress li l-kunċett ta’ għajnuna ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, jagħmlu inqas onerużi l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, minħabba f’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikollhom l-istess natura u effetti identiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 131, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 40).

16

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi r-riżorsi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn ir-riżorsi jappartjenux jew le b’mod permanenti lill-patrimonju tal-Istat. Għaldaqstant, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma jkunux jinsabu b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-impriżi pubbliċi, bħalma hija CE Oltenia, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Istat jinsab f’pożizzjoni, bl-eżerċizzju tal-influwenza dominanti tiegħu fuq tali impriżi, li jiggwida l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex jiġu ffinanzjati, jekk ikun il-każ, vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 38).

18

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubbliku, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din tista’ tiġi dedotta minn numru ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest ta’ din il-miżura (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 55).

19

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-organu inkwistjoni ma setax jieħu d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi jew li, minbarra elementi ta’ natura organika li jorbtu lill-impriżi pubbliċi mal-Istat, dawn tal-aħħar, li permezz tagħhom tkun ingħatat l-għajnuna, kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni direttivi mogħtija minn organi tal-Istat. Jekk ikun il-każ, indizji oħra jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi konkluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika hija imputabbli lill-Istat, bħalma huma, b’mod partikolari:

l-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika,

in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju tagħhom fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati,

l-istatus legali tal-impriża, li tkun irregolata mid-dritt pubbliku jew mid-dritt komuni dwar il-kumpanniji,

l-intensità tas-sorveljanza eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-impriża,

jew kwalunkwe indizju ieħor li jindika, f’każ konkret, li hemm involviment mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma huwiex probabbli li ma kienx hemm involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet marbuta magħha (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 5556).

20

Is-sempliċi fatt li impriża pubblika tkun ġiet inkorporata fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt komuni ma jistax, fid-dawl tal-awtonomija li din il-forma ġuridika tista’ tagħtiha, jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn tali kumpannija tkun imputabbli lill-Istat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontroll u l-possibbiltajiet reali ta’ eżerċizzju ta’ influwenza dominanti li tali sitwazzjoni timplika fil-prattika jipprekludu li tiġi eskluża a priori kwalunkwe imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn tali kumpannija u, għaldaqstant, ir-riskju ta’ evitar tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza bħala tali tal-forma ġuridika tal-impriża pubbliku bħala indizju, fost indizji oħra, li jippermetti li jiġi stabbilit f’każ konkret l-involviment jew le tal-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 57).

21

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, tikkostitwixxix vantaġġ mogħti direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-indizji msemmija fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, jekk hijiex imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat.

Fuq il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

22

Wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv mogħti lil impriża.

23

Fondul tqis li d-datio in solutum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija lil Electrocentrale minħabba li l-impjant termoelettriku ta’ Chișcani, li t-titolu ta’ proprjetà tiegħu ġie ttrasferit lil CE Oltenia, ma kienx profittabbli. Għaldaqstant, l-Istat Rumen ma aġixxiex fl-interess ġenerali jew fl-interess ta’ CE Oltenia, iżda aġixxa bl-iskop waħdieni li jagħti vantaġġ patrimonjali lil Electrocentrale, sabiex din tibqa’ topera fis-suq tal-elettriku.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li datio in solutum approvat minn kumpannija li l-Istat huwa l-azzjonist maġġoritarju tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament għajnuna mill-Istat.

25

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet li miżura għandha tissodisfa sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma jkunux issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. Din l-evalwazzjoni titwettaq, f’sitwazzjoni fejn kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ pagament fir-rigward ta’ dejn li jkun dovut lilu minn impriża, bl-applikazzjoni, bħala prinċipju, tal-kriterju tal-kreditur privat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 7071, kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punti 3132).

26

Tali faċilitajiet ta’ pagament jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk, fid-dawl tan-natura sostanzjali tal-vantaġġ ekonomiku mogħti b’dan il-mod, l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx ser tikseb faċilitajiet komparabbli minn kreditur privat li jkun jinsab fl-iktar sitwazzjoni qrib possibbli ta’ dik tal-kreditur pubbliku u li jkun qiegħed jipprova jikseb il-pagament tas-somom dovuti lilu minn debitur li jkun jinsab f’diffikultajiet finanzjarji (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 72).

27

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha fil-kawża prinċipali, jiġifieri, b’mod partikolari, il-valur tal-assi li kien is-suġġett tad-datio in solutum u l-ammont tal-bilanċ imħallas minn CE Oltenia, sabiex tiddetermina jekk Electrocentrale kinitx ser tikseb faċilitajiet komparabbli minn tali kreditur privat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73).

Fuq il-kundizzjonijiet tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni

28

L-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

29

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li l-għajnuna kellha impatt reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li kien hemm distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda huwa meħtieġ biss li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u jekk tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 50, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 64).

30

Madankollu, impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax ikun purament ipotetiku jew preżunt. B’hekk, għandha tiġi ddeterminata r-raġuni għaliex il-miżura inkwistjoni twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u għaliex hija ta’ natura tali li tista’, permezz tal-effetti prevedibbli tagħha, tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 64).

31

B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra li jkunu kompetituri fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati mill-għajnuna (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 141).

32

F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ b’hekk tinżamm jew tissaħħaħ, bil-konsegwenza li l-opportunitajiet ta’ impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jidħlu fis-suq ta’ dan l-Istat Membru jkunu minħabba f’hekk limitati (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 67).

33

Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li l-għajnuna li tkun intiża li teħles lil impriża minn spejjeż li normalment kien ikollha ġġarrab fil-kuntest tal-ġestjoni kwotidjana tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha twassal, bħala prinċipju, għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 54).

34

Barra minn hekk, il-fatt li settur ekonomiku, bħal dak tal-enerġija, kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni huwa ta’ natura li jikkaratterizza impatt reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 142, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 51).

35

Issa, kif il-Kummissjoni osservat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sa fejn l-elettriku huwa s-suġġett ta’ kummerċ transkonfinali, l-għoti ta’ għajnuna permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ natura li jista’ jkollu impatt fuq il-kummerċ. Tali għajnuna tista’ twassal ukoll għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku.

36

Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fil-fatt, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni preċedenti, jekk iż-żewġ kundizzjonijiet eżaminati humiex issodisfatti.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula hija li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ kumpannija, li l-azzjonist maġġoritarju tagħha huwa Stat Membru, li taċċetta, sabiex jiġi estint dejn, datio in solutum ta’ assi li huwa l-proprjetà ta’ kumpannija oħra, li l-uniku azzjonist tagħha jkun dan l-Istat Membru, u li tħallas somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur stmat ta’ dan l-assi u l-ammont ta’ dan id-dejn, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, meta:

din id-deċiżjoni tikkostitwixxi vantaġġ mogħti direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat,

l-impriża benefiċjarja ma kinitx ser tikseb faċilitajiet komparabbli mingħand kreditur privat, u

l-imsemmija deċiżjoni tista’ tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

38

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

Fuq it-tieni domanda

39

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

40

L-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda. Il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod hija intiża li tiġi implementata biss l-għajnuna kompatibbli. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-implementazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna għandha tiġi differita sakemm id-dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna jitneħħa permezz ta’ deċiżjoni finali min-naħa tal-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 2526).

41

L-implementazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali, li r-rwoli rispettivi tagħhom huma komplementari iżda distinti (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 19).

42

Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali jiżguraw li, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, ikunu mħarsa d-drittijiet tal-individwi fid-dawl ta’ eventwali ksur, mill-awtoritajiet Statali, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28).

43

Minn dan isegwi li, fil-każ li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur Electrocentrale, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati li jinnotifikaw din l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel l-implementazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula hija li, jekk qorti nazzjonali tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat id-deċiżjoni ta’ kumpannija, li l-azzjonist maġġoritarju tagħha huwa Stat Membru, li taċċetta, sabiex jiġi estint dejn, datio in solutum ta’ assi li huwa l-proprjetà ta’ kumpannija oħra, li l-uniku azzjonist tagħha jkun dan l-Istat Membru, u li tħallas somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur stmat ta’ dan l-assi u l-ammont ta’ dan id-dejn, l-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru huma obbligati jinnotifikaw din l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel l-implementazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ kumpannija, li l-azzjonist maġġoritarju tagħha huwa Stat Membru, li taċċetta, sabiex jiġi estint dejn, datio in solutum ta’ assi li huwa l-proprjetà ta’ kumpannija oħra, li l-uniku azzjonist tagħha jkun dan l-Istat Membru, u li tħallas somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur stmat ta’ dan l-assi u l-ammont ta’ dan id-dejn, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, meta:

din id-deċiżjoni tikkostitwixxi vantaġġ mogħti direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat,

l-impriża benefiċjarja ma kinitx ser tikseb faċilitajiet komparabbli mingħand kreditur privat, u

l-imsemmija deċiżjoni tista’ tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

 

2)

Jekk qorti nazzjonali tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat id-deċiżjoni ta’ kumpannija, li l-azzjonist maġġoritarju tagħha huwa Stat Membru, li taċċetta, sabiex jiġi estint dejn, datio in solutum ta’ assi li huwa l-proprjetà ta’ kumpannija oħra, li l-uniku azzjonist tagħha jkun dan l-Istat Membru, u li tħallas somma li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur stmat ta’ dan l-assi u l-ammont ta’ dan id-dejn, l-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru huma obbligati jinnotifikaw din l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel l-implementazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.