Kawża C‑147/16

Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen VZW

vs

Susan Romy Jozef Kuijpers

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-vredegerecht te Antwerpen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tal-kwistjoni dwar jekk kuntratt jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ jew fornitur’ – Istituzzjoni edukattiva superjuri li l-finanzjament tagħha huwa żgurat, essenzjalment, minn fondi pubbliċi – Kuntratt dwar pjan ta’ ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi tal-miżati ta’ reġistrazzjoni u tal-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ vjaġġ ta’ studju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas‑17 ta’ Mejju 2018

  1. Protezzjoni tal-konsumaturi–Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi–Direttiva 93/13–Qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja–Setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio jekk klawżola kuntrattwali hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku–Obbligu għall-qorti nazzjonali li teżamina ex officio l-eventwali inklużjoni ta’ kuntratt fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kif ukoll, jekk ikun il-każ, in-natura inġusta tal-imsemmija klawżola

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6)

  2. Protezzjoni tal-konsumaturi–Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi–Direttiva 93/13–Kamp ta’ applikazzjoni–Kuntratt dwar pjan ta’ ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi tal-miżati ta’ reġistrazzjoni u tal-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ vjaġġ ta’ studju konkluż bejn istituzzjoni edukattiva superjuri li l-finanzjament tagħha huwa żgurat, essenzjalment, minn fondi pubbliċi u student–Stabbiliment li għandu jitqies bħala ‘bejjiegħ jew fornitur’ fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt–Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 2(ċ))

  1.  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja u li għandha s-setgħa, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, li teżamina ex officio jekk il-klawżola li t-talba hija bbażata fuqha hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, għandha teżamina ex officio jekk il-kuntratt li jinkludi din il-klawżola jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, in-natura eventwalment inġusta tal-imsemmija klawżola.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li din id-direttiva tiżgura lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku. Hemm lok jitqies li din il-klassifikazzjoni tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva li huma indispensabbli għat-twettiq tal-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 6 (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Minn dan jirriżulta li, meta l-qorti nazzjonali hija kompetenti, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, sabiex teżamina ex officio jekk talba hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, li mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa l-każ fis-sistema ġudizzjarja Belġjana tal-qorti li tiddeċiedi fil-kontumaċja, hija għandha teżerċita wkoll dik il-kompetenza sabiex tevalwa ex officio jekk, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 93/13, il-klawżola kontenzjuża li din it-talba hija bbażata fuqha kif ukoll il-kuntratt li tagħmel parti minnu jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jekk din il-klawżola hijiex inġusta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 45).

    (ara l-punti 35 sa 37, id-dispożittiv 1)

  2.  Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li istituzzjoni edukattiva awtonoma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz ta’ kuntratt, ftiehmet ma’ waħda mill-istudenti tagħha għal faċilitajiet ta’ ħlas tas-somom dovuti minn din tal-aħħar bħala miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju, għandha titqies, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod illi l-imsemmi kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan protettiv imfittex minn din id-direttiva. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżisti, bħala prinċipju, inugwaljanza bejn l-istituzzjoni edukattiva u l-istudent, minħabba l-assimetrija tal-informazzjoni u ta’ kompetenzi tekniċi bejn dawn il-partijiet. Fil-fatt, tali istituzzjoni għandha organizzazzjoni permanenti u kompetenzi tekniċi li ma għandux neċessarjament l-istudent, li jkun qiegħed jaġixxi għal għanijiet privati, li jiġi kkonfrontat b’mod inċidentali b’tali kuntratt.

    (ara l-punti 59, 60, id-dispożittiv 2)