SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tal-kwistjoni dwar jekk kuntratt jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” – Istituzzjoni edukattiva superjuri li l-finanzjament tagħha huwa żgurat, essenzjalment, minn fondi pubbliċi – Kuntratt dwar pjan ta’ ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi tal-miżati ta’ reġistrazzjoni u tal-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ vjaġġ ta’ studju”

Fil-Kawża C‑147/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerp, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen VZW

vs

Susan Romy Jozef Kuijpers,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm, M. Jacobs u L. Van den Broeck kif ukoll minn J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn P. Cambie u B. Zammitto, esperti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen VZW, istituzzjoni edukattiva awtonoma stabbilita f’Antwerp (il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“KdG”) u Susan Romy Jozef Kuijpers, dwar ir-rimbors, minn din tal-aħħar, ta’ miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju, flimkien mal-interessi, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tipprevedi:

“[b]illi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva”.

4

L-erbatax-il premessa ta’ din id-direttiva hija fformulata kif ġej:

“[b]illi l-Istati Membri għandhom madankollu jiżguraw li ma jkunux inklużi klawżoli inġusti, partikolarment għaliex din id-Direttiva tgħodd ukoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika”.

5

Skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

6

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/13 jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

ċ)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

7

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

8

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

Id-dritt Belġjan

9

Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan fl-Artikoli 73 sa 78 tal-Wet betreffende marktpraktijken en consumentenbescherming (il-Liġi dwar il-Prattiki tas-Suq u l-Protezzjoni tal-Konsumatur), tas‑6 ta’ April 2010 (Belgisch Staatsblad, tat‑12 ta’ April 2010, p. 20803). Dawn l-artikoli kienu, sussegwentement, imħassra u l-kontenut tagħhom ġie rriprodott fl-Artikoli VI.83 sa VI.87 tal-Wetboek van economisch recht (il-Kodiċi dwar id-Dritt Ekonomiku).

10

L-Artikolu VI.83 tal-Kodiċi dwar id-Dritt Ekonomiku jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-klawżoli inġusti japplikaw biss għall-kuntratti konklużi bejn impriża u konsumatur.

11

L-Artikolu I.1 ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi, fil-punt 1 tiegħu, il-kunċett ta’ “impriża” bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika li ssegwi għan ekonomiku fit-tul, inkluż kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ tali persuni”.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Liġi dwar il-Prattiki tas-Suq u l-Protezzjoni tal-Konsumatur daħħlet il-kelma “impriża” fil-Kodiċi dwar id-Dritt Ekonomiku, li ssostitwixxiet lil dik ta’ “bejjiegħ”.

13

L-Artikolu 806 tal-Gerechtelijk Wetboek (il-Kodiċi Ġudizzjarju) jaqra kif ġej:

“F’sentenza fil-kontumaċja, il-qorti għandha tippermetti t-talbiet jew id-difiżi tal-parti preżenti, ħlief sa fejn il-proċedura legali jew it-talbiet jew il-motivi jistgħu jkunu kuntrarji għall-ordni pubbliku”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fit‑3 ta’ Frar 2014, S. Kuijpers, studenta fil-KdG, kienet persuna responsabbli għal ħlas fil-konfront ta’ din tal-aħħar għas-somma totali ta’ EUR 1546 bħala, minn naħa, miżati ta’ reġistrazzjoni relatati mas-snin akkademiċi 2012/2013 u 2013/2014 kif ukoll, min-naħa l-oħra, spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju.

15

Peress li S. Kuijpers ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-dejn tagħha fi ħlas wieħed, il-parti kkonċernata u l-KdG studievoorzieningsdienst (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment KdG Stuvo”) ftiehmu, skont kuntratt bil-miktub, fuq rimbors ikkalkolat skont pjan ta’ ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi. Konformement ma’ dan il-kuntratt, id-Dipartiment KdG Stuvo kellu jagħti lil S. Kuijpers l-ammont li hija kellha bżonn sabiex tħallas id-dejn tagħha mal-KdG, b’responsabbiltà fuq il-parti kkonċernata li tħallas lill-imsemmi Dipartiment KdG Stuvo, kull xahar b’effett mill‑25 ta’ Frar 2014, u dan għal seba’ xhur, is-somma ta’ EUR 200. Kien previst ukoll li l-bilanċ tad-dejn, fl-ammont ta’ EUR 146, kellu jitħallas fil‑25 ta’ Settembru 2014.

16

Barra minn hekk, il-kuntratt kien jinkludi klawżola applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, imfassla kif ġej:

“Jekk is-somma mislufa ma titħallasx lura (kompletament jew parzjalment) fil-ħin, għandhom jitħallsu awtomatikament u mingħajr intimazzjoni interessi ta’ 10 % fis-sena, ikkalkolati fuq l-ammont tad-dejn pendenti mill-jum ta’ wara d-data ta’ skadenza. Indennizz biex ikopri l-ispejjeż tal-ġbir tad-dejn għandu wkoll jitħallas f’każ bħal dan, li huwa stabbilit b’dan il-kuntratt għal 10 % tad-dejn pendenti, b’minimu ta’ EUR 100.”

17

Minkejja li rċeviet ittra ta’ intimazzjoni mid-Dipartiment KdG Stuvo, S. Kuijpers baqgħet inadempjenti fil-ħlas.

18

Fis‑27 ta’ Novembru 2015, il-KdG ressaq lil S. Kuijpers quddiem il-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerp, il-Belġju) sabiex din tiġi kkundannata tħallsu s-somma prinċipali ta’ EUR 1546, flimkien ma’ interessi moratorji ta’ 10 % dekorribbli mill‑25 ta’ Frar 2014, jiġifieri EUR 269.81, kif ukoll danni ta’ EUR 154.60. S. Kuijpers ma dehritx u lanqas ma ġiet irrappreżentata quddiem dik il-qorti.

19

Permezz ta’ sentenza interlokutorja tal‑4 ta’ Frar 2016, il-qorti tar-rinviju laqgħet it-talba tal-KdG dwar is-somma prinċipali dovuta. Fir-rigward tal-interessi u d-danni mitluba wkoll, hija ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-kwistjoni u stiednet lill-KdG tagħmel kwalunkwe osservazzjoni fuq il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika li, peress li S. Kuijpers ma dehritx, hija obbligata, skont l-Artikolu 806 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, tilqa’ t-talba tal-KdG, ħlief fis-sitwazzjoni fejn il-proċedura jew din it-talba jkunu kuntrarji għall-ordni pubbliku.

21

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja, hija tistax teżamina ex officio l-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt li t-talba tal-KdG hija bbażata fuqu jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 93/13. B’mod partikolari ma huwiex ċert li, fil-Belġju, il-leġiżlazzjoni fuq il-klawżoli inġusti hija ta’ ordni pubbliku. Għaldaqstant, dik il-qorti tistaqsi dwar il-konformità tar-regoli proċedurali nazzjonali ma’ din id-direttiva, sa fejn dawn jipprekludu tali eżami.

22

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kuntratt konkluż bejn il-KdG u S. Kuijpers jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti. F’dan il-kuntest, dik il-qorti għandha xi dubji dwar il-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-Direttiva 93/13, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma huwiex iddefinit bħala kuntratti konklużi bejn konsumatur u “bejjiegħ jew fornitur”, iżda bħala kuntratti konklużi bejn konsumatur u “impriża”. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk istituzzjoni edukattiva bħall-KdG, li l-finanzjament tagħha huwa żgurat, essenzjalment, minn fondi pubbliċi, għandhiex titqies bħala “impriża” u/jew “bejjiegħ jew fornitur” meta din tagħti lil student pjan ta’ ħlas lura bin-nifs tat-tip bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Huwa f’dan il-kuntest li l-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerp) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta hija adita b’azzjoni imressqa kontra konsumatur li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u li għandha biss is-setgħa, skont ir-regoli interni tal-proċedura, li teżamina ex officio jekk it-talba hijiex kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, il-qorti nazzjonali għandha bl-istess mod is-setgħa li teżamina u tistabbilixxi ex officio, anki fil-kontumaċja tal-konsumatur, jekk il-kuntratt ikkonċernat jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [93/13], kif trasposta fid-dritt Belġjan?

2)

Istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi edukazzjoni sussidjata lil konsumatur għandha titqies li hija impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kuntratt għall-provvista ta’ dan it-tagħlim bi ħlas ta’ miżata ta’ reġistrazzjoni li possibbilment tista’ tiżdied b’ammonti intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-istituzzjoni edukattiva?

3)

Kuntratt konkluż bejn konsumatur u istituzzjoni edukattiva awtonoma ssussidjata għall-provvista ta’ tagħlim issussidjat ipprovdut minn din l-istituzzjoni jaqa’ taħt id-Direttiva [93/13] u istituzzjoni edukattiva awtonoma li tipprovdi edukazzjoni ssussidjata lil konsumatur għandha titqies li hija bejjiegħ jew fornitur fis-sens ta’ din id-direttiva fil-kuntest tal-kuntratt dwar il-provvista ta’ dan it-tagħlim?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja u li għandha s-setgħa, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, li teżamina ex officio jekk il-klawżola li t-talba hija bbażata fuqha hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku tista’, jew anki għandha, teżamina ex officio jekk il-kuntratt li jinkludi din il-klawżola jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

25

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija marbuta mal-eżistenza, fid-dritt Belġjan, tal-Artikolu 806 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, li jobbliga lill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja li tilqa’ t-talbiet jew il-motivi ta’ difiżi tal-parti preżenti, ħlief sa fejn il-proċedura, dawn it-talbiet jew dawn il-motivi jkunu kuntrarji għall-ordni pubbliku. Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja tista’ tqajjem ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku biss. Issa, sa fejn ma huwiex ċert li l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-klawżoli inġusti hija ta’ ordni pubbliku, dik il-qorti għandha dubji dwar jekk tistax teżamina ex officio, b’mod partikolari, jekk kuntratt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

26

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Frar2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander, C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel il-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti f’bilanċ reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Sabiex tiżgura l-protezzjoni mixtieqa mill-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt biss (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-funzjonijiet li għandha l-qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, hija għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, b’hekk, tirrimedja n-nuqqas ta’ bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 38, kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 2224 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, dan l-obbligu jinkludi wkoll, għall-qorti nazzjonali, dak li teżamina jekk il-kuntratt li jinkludi l-klawżola li hija s-suġġett tat-talba tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 49, u, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 46). Fil-fatt, li tiġi evalwata ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli fil-kuntratt inkwistjoni jimplika neċessarjament, għal dik il-qorti, li teżamina, preliminarjament, jekk dan il-kuntratt jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

31

Dawn l-obbligi imposti fuq il-qorti nazzjonali għandhom jitqiesu li huma neċessarji sabiex jiżguraw lill-konsumatur protezzjoni effettiva, kif iggarantit mid-Direttiva 93/13, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju għoli li huwa ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċitahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 42).

32

Għaldaqstant, il-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi testendi ruħha għall-każijiet fejn il-konsumatur li kkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur kuntratt li fih klawżola inġusta ma jinvokax, minn naħa, il-fatt li dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, in-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni, jew għaliex ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu, jew għaliex l-ispejjeż li jinvolvu l-proċedimenti legali jiddiswaduh milli jiddefendi d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 43).

33

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-imsemmija obbligi minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, il-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni f’kawża jgawdu taħt l-imsemmi dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li għalih tirreferi b’mod impliċitu l-ewwel domanda preliminari u li huwa l-uniku wieħed inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi enfasizzat li, bħalma tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura obbligatorja (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li din id-direttiva tiżgura lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies li huwa regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku. Hemm lok jitqies li din il-klassifikazzjoni tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva li huma indispensabbli għat-twettiq tal-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 6 (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan jirriżulta li, meta l-qorti nazzjonali hija kompetenti, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, sabiex teżamina ex officio jekk talba hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, li mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa l-każ fis-sistema ġudizzjarja Belġjana tal-qorti li tiddeċiedi fil-kontumaċja, hija għandha teżerċita wkoll dik il-kompetenza sabiex tevalwa ex officio jekk, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 93/13, il-klawżola kontenzjuża li din it-talba hija bbażata fuqha kif ukoll il-kuntratt li tagħmel parti minnu jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, jekk din il-klawżola hijiex inġusta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 45).

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja u li għandha s-setgħa, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, li teżamina ex officio jekk il-klawżola li t-talba hija bbażata fuqha hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, għandha teżamina ex officio jekk il-kuntratt li jinkludi din il-klawżola jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, in-natura eventwalment inġusta tal-imsemmija klawżola.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

38

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk istituzzjoni edukattiva awtonoma, bħall-KdG, għandhiex titqies li hija impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni meta din tipprovdi edukazzjoni ssussidjata lil konsumatur u hija tirċievi biss, għal dan l-għan, miżata ta’ reġistrazzjoni li possibbilment tista’ tiżdied b’ammonti intiżi għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti minn din l-istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tistaqsi jekk il-kuntratt konkluż bejn konsumatur u tali istituzzjoni u li jirrigwarda l-provvista ta’ dan it-tagħlim jaqax taħt id-Direttiva 93/13 u jekk din l-istituzzjoni għandhiex, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

39

Preliminarjament, hemm lok jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 93/13 ma tapplikax għall-kuntratti konklużi bejn “impriża” u konsumatur, iżda għal dawk konklużi bejn “bejjiegħ jew fornitur” u konsumatur, b’mod illi ma hemmx lok, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li jiġi ddeterminat jekk istituzzjoni edukattiva bħall-KdG għandhiex titqies bħala “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

40

Barra minn hekk, mid-dokumenti fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kelma “impriża” li tinsab fl-Artikolu VI.83 tal-Kodiċi dwar id-Dritt Ekonomiku intużat mil-leġiżlatur Belġjan sabiex jittrasponi, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-kelma “bejjiegħ jew fornitur” iddefinita fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta japplikaw il-liġi nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 93/13 sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu t-tilwim li jkollhom quddiemhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “impriża”, kif użata fid-dritt Belġjan, għandha tiġi interpretata mill-qorti nazzjonali b’mod konformi ma’ dak ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tagħha.

43

Barra minn hekk, mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipli, iffirmat mill-KdG u S. Kuijpers, jipprevedi pjan ta’ ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi tas-somom dovuti minnha bħala miżati ta’ reġistrazzjoni u spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju.

44

F’dan il-kuntest, hemm lok li t-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk istituzzjoni edukattiva awtonoma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz ta’ kuntratt, ftiehmet ma’ waħda mill-istudenti tagħha għal faċilitajiet ta’ ħlas tas-somom dovuti minn din tal-aħħar bħala miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju, għandhiex titqies, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, b’mod illi l-imsemmi kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 93/13 tapplika, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 3(1) tagħha, għall-klawżoli tal-“kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur” li ma jkunux ġew “negozjat[i] individwalment”.

46

Bħalma tistipula l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn “bejjiegħ jew fornitur” u “konsumatur”, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva.

47

Skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” huwa ddefinit bħala li jkopri kull persuna naturali jew ġuridika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva, tkun qiegħda taġixxi fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk proprjetà privata.

48

Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet dik li jagħti tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-użu tal-kelma “kollha” fl-imsemmija dispożizzjoni juri li kull persuna fiżika jew ġuridika għandha titqies bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13, ladarba hija teżerċita l-attività professjonali tagħha.

50

Fit-tieni lok, din l-istess dispożizzjoni tkopri kull attività professjonali “sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”. Għaldaqstant, bħalma tistipula l-erbatax-il premessa tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika wkoll għal snajja, negozji jew professjonijiet ta’ natura pubblika (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Šiba, C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 25).

51

Minn dan isegwi l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu la l-entitajiet li jsegwu missjoni ta’ interess ġenerali u lanqas dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 32). Barra minn hekk, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, sa fejn il-missjonijiet ta’ natura pubblika u ta’ interess ġenerali spiss jitwettqu mingħajr skop ta’ lukru, il-fatt jekk entità għandhiex skop ta’ lukru jew le huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

52

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “bejjiegħ jew fornitur”, huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata taġixxi “għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”. Fir-rigward tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, dan jipprevedi li l-kunċett ta’ “konsumatur” ikopri kull persuna fiżika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva, taġixxi “għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

53

Għaldaqstant huwa b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, li tiddetermina jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha (sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 30, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Dan il-kriterju jikkorrispondi mal-idea, diġà mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-istess direttiva, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 31, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13, huwa kunċett funzjonali li jinvolvi li jiġi evalwat jekk ir-rabta kuntrattwali tidħolx fil-qafas tal-attivitajiet li persuna tagħmel bħala bejjiegħ jew fornitur (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑27 ta’ April 2017, Bachman, C‑535/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:321, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, il-Gvern Belġjan u dak Awstrijak argumentaw li, bħala istituzzjoni edukattiva superjuri li l-finanzjament tagħha huwa żgurat, essenzjalment, minn fondi pubbliċi, il-KdG ma tistax titqies bħala “impriża”, konformement ma’ kif inhuwa aċċettat dan il-kunċett fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13, sa fejn il-provvista ta’ tagħlim li hija tipprovdi ma jikkostitwixxix “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Wirth, C‑109/92, EU:C:1993:916, punti 1617).

57

F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax direttament il-funzjoni ta’ tagħlim ta’ istituzzjoni bħall-KdG. Kuntrarjament, inkwistjoni hemm servizz ipprovdut minn din l-istituzzjoni, b’mod supplimentari u anċillari għall-attività ta’ tagħlim tagħha, li jikkonsisti f’li toffri, permezz ta’ kuntratt, ħlas lura bin-nifs mingħajr interessi ta’ somom dovuti lilha minn studenta. Issa, tali servizz jammonta, min-natura tiegħu, għall-għoti ta’ faċilitajiet ta’ ħlas ta’ dejn eżistenti u jikkostitwixxi, fundamentalment, kuntratt ta’ kreditu.

58

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti, hemm lok jitqies li, billi tipprovdi, fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt, tali servizz supplimentari u anċillari għall-attività ta’ tagħlim tagħha, istituzzjoni bħall-KdG taġixxi bħala “bejjiegħ jew fornitur”, fis-sens tad-Direttiva 93/13.

59

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan protettiv imfittex minn din id-direttiva. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżisti, bħala prinċipju, inugwaljanza bejn l-istituzzjoni edukattiva u l-istudent, minħabba l-assimetrija tal-informazzjoni u ta’ kompetenzi tekniċi bejn dawn il-partijiet. Fil-fatt, tali istituzzjoni għandha organizzazzjoni permanenti u kompetenzi tekniċi li ma għandux neċessarjament l-istudent, li jkun qiegħed jaġixxi għal għanijiet privati, li jiġi kkonfrontat b’mod inċidentali b’tali kuntratt.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li istituzzjoni edukattiva awtonoma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz ta’ kuntratt, ftiehmet ma’ waħda mill-istudenti tagħha għal faċilitajiet ta’ ħlas tas-somom dovuti minn din tal-aħħar bħala miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju, għandha titqies, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod illi l-imsemmi kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-kontumaċja u li għandha s-setgħa, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, li teżamina ex officio jekk il-klawżola li t-talba hija bbażata fuqha hijiex kuntrarja għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku għandha teżamina ex officio jekk il-kuntratt li jinkludi din il-klawżola jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, jekk ikun il-każ, in-natura eventwalment inġusta tal-imsemmija klawżola.

 

2)

Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li istituzzjoni edukattiva awtonoma, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, permezz ta’ kuntratt, ftiehmet ma’ waħda mill-istudenti tagħha għal faċilitajiet ta’ ħlas tas-somom dovuti minn din tal-aħħar bħala miżati ta’ reġistrazzjoni u ta’ spejjeż marbuta ma’ vjaġġ ta’ studju, għandha titqies, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, bħala “bejjiegħ jew fornitur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod illi l-imsemmi kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.