SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prattiki kummerċjali żleali — Reklamar li jidher f’pubblikazzjoni stampata — Ommissjoni ta’ informazzjoni importanti — Aċċess għal din l-informazzjoni permezz tas-sit internet li permezz tiegħu l-prodotti kkonċernati huma ddistribwiti — Prodotti mibjugħa mill-persuna li ppubblikat ir-reklam jew minn terzi”

Fil-Kawża C‑146/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Verband Sozialer Wettbewerb eV

vs

DHL Paket GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verband Sozialer Wettbewerb eV, minn R. Welzel, Rechtsanwalt,

għal DHL Paket GmbH, minn K. Hamacher, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verband Sozialer Wettbewerb eV (iktar ’il quddiem “VSW”) u DHL Paket GmbH (iktar ’il quddiem “DHL Paket”) dwar talba intiża sabiex din tiġi kkundannata twaqqaf it-tixrid ta’ reklamar f’pubblikazzjoni stampata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2005/29

3

Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2005/29:

“Fejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it-tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew iżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-acquis tinsab fl-Anness II. Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7(5) tagħha. […]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

i)

‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

[…]”

5

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.   Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra

4.   F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

a)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;

b)

l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

ċ)

il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

d)

l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;

e)

għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

5.   Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”

Id-dritt Ġermaniż

6

Id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (liġi kontra l-kompetizzjoni żleali), kif emendata fit-22 ta’ Diċembru 2008 u sussegwentement fit-3 ta’ Marzu 2010.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

DHL Paket topera l-pjattaforma ta’ bejgħ online “MeinPaket.de” li fuqha bejjiegħa professjonali jipproponu prodotti għall-bejgħ. L-operazzjonijiet ta’ bejgħ ma jagħtu lok għal ebda kuntratt bejn DHL Paket u x-xerrejja.

8

VSW hija assoċjazzjoni li l-membri tagħha huma b’mod partikolari fornituri ta’ oġġetti tal-elettriku u elettroniċi kif ukoll bejjiegħa li jibagħtu ordnijiet bil-posta, li jipproponu għall-bejgħ oġġetti ta’ kull tip.

9

It-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda reklam ippubblikat fit-2 ta’ Diċembru 2012 fil-Bild am Sonntag ta’ kull ġimgħa fuq talba ta’ DHL Paket. Dan ir-reklam kien jippreżenta ħames prodotti differenti li setgħu jinxtraw permezz tal-pjattaforma ta’ bejgħ ta’ din il-kumpannija. Il-qarrej interessat f’wieħed minn dawn il-prodotti kien mistieden iżur din il-pjattaforma u jdaħħal il-kodiċi li jikkorrispondi għal dak il-prodott, imsemmi fir-reklam. B’dan il-mod huwa kien jaċċedi għal sit iddedikat għall-prodott inkwistjoni, sit li fuqu kienet indikata l-identità tal-bejjiegħ kummerċjali ta’ dak il-prodott. Taħt l-intestatura “Informazzjoni dwar il-fornitur”, il-qarrej seta’ wkoll isib dettalji dwar l-isem kummerċjali u l-indirizz ġeografiku tal-parti kontraenti. Fl-aħħar, f’dan l-istess reklam kien hemm indikat li din il-pjattaforma kienet tippermetti lill-persuni interessati jkollhom aċċess għal iktar minn 5 miljun prodott u għal iktar minn 2500 negozjant.

10

VSW ressqet quddiem il-Landgericht Bonn (qorti reġjonali ta’ Bonn, il-Ġermanja) talba intiża sabiex, abbażi tal-liġi kontra l-kompetizzjoni żleali, DHL Paket tiġi kkundannata twaqqaf it-tixrid ta’ tali reklamar.

11

Skont VSW, DHL Paket ma kinitx issodisfat l-obbligu tagħha li tindika l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-fornituri li jużaw il-pjattaforma ta’ bejgħ tagħha.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2014, il-Landgericht Bonn (qorti reġjonali ta’ Bonn) laqgħet it-talba u kkundannat lil DHL Paket twaqqaf it-tixrid tar-reklamar ikkontestat. Peress li l-Oberlandesgericht Köln (qorti reġjonali superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja) laqgħet l-appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, VSW ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja).

13

Skont il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja), is-soluzzjoni għat-tilwima tiddependi fuq jekk l-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u dwar l-identità tal-kummerċjant, imsemmija fl-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29, għandhiex diġà tiġi inkluża fir-reklamar għal prodotti speċifiċi li jidher f’pubblikazzjoni stampata, fil-każ li l-konsumaturi jistgħu jixtru dawn il-prodotti biss permezz tas-sit internet, indikat fir-reklamar, tal-impriża li tirreklama dawn il-prodotti u fil-każ li l-konsumaturi jistgħu faċilment jiksbu tali informazzjoni fuq dan is-sit internet jew permezz ta’ dan tal-aħħar.

14

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jikkostitwixxi stedina għax-xiri, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, li fih għandha tiġi inkluża l-informazzjoni dwar l-indikazzjonijiet legali meħtieġa fl-Artikolu 7(4)(b) ta’ din id-direttiva.

15

Il-qorti tar-rinviju tosserva li informazzjoni importanti fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 hija pprovduta lill-konsumatur fil-ħin biss jekk huwa jirċeviha qabel ma jkun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi ta’ stedina għax-xiri. Issa, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kummerċjali tikkonsisti fil-konsultazzjoni tas-sit ta’ bejgħ fuq l-internet sabiex jinxtara prodott li r-reklamar tiegħu jsir fuqu jew sabiex dan il-prodott jiġi studjat fid-dettall. Dan il-kuntest jiffavorixxi l-obbligu li r-reklamar stess ikun diġà jinkludi l-informazzjoni dwar l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-bejjiegħ tal-prodotti rreklamati.

16

Il-qorti tar-rinviju madankollu tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’ċertezza suffiċjenti jekk, fil-każ ta’ reklamar stampat li jistieden il-konsultazzjoni ta’ sit ta’ bejgħ fuq l-internet, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29 għandhiex diġà tkun inkluża fir-reklamar stampat stess.

17

Il-qorti tar-rinviju tafferma li, hekk bħal fil-każ ta’ żjara lil ħanut fiżiku, il-konsultazzjoni ta’ sit internet hija direttament marbuta max-xiri tal-prodotti hemm proposti. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-parti kontraenti, prevista fl-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29, hija essenzjali għad-deċiżjoni kummerċjali tal-konsumatur għaliex din tippermettilu jevalwa r-reputazzjoni tal-impriża fir-rigward tal-kwalità u tal-affidabbiltà tal-merkanzija jew tas-servizzi li hija tipproponi kif ukoll is-saħħa ekonomika tagħha, is-solvenza tagħha u r-responsabbiltà tagħha.

18

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-fatt li reklamar stampat ma jsemmix l-informazzjoni dwar l-isem kummerċjali tal-bejjiegħ jista’ jwassal lil konsumatur jikkonsulta s-sit internet, filwaqt li probabbilment huwa ma kienx jeżamina iktar fid-dettall l-offerta rreklamata kieku huwa kien jaf l-identità tal-impriża li qiegħda tagħmel l-offerta, pereżempju fil-każ ta’ kritika żfavorevoli fuq siti ta’ evalwazzjoni jew ta’ esperjenzi ħżiena li dan il-konsumatur diġà kellu ma’ din l-impriża.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward jidher li huwa immaterjali li l-klijent jista’ jixtri l-prodotti rreklamati biss peremss tas-sit internet ta’ dak li qiegħed jippromwovi dawn il-prodotti. Ċertament, l-informazzjoni pprovduta f’dan l-istadju tasal għand il-konsumatur anki qabel il-mument tat-tranżazzjoni jew hija aċċessibbli qabel dan il-mument. Madankollu din tasal tard wisq sabiex huwa jkun jista’ jieħu deċiżjoni informata dwar jekk huwa verament iridx jeżamina iktar fid-dettall il-prodotti rreklamati u, sabiex jagħmel dan, jikkonsulta dan is-sit internet. Bl-istess mod, il-fatt li l-konsumatur, quddiem kompjuter, jista’ jordna oġġetti bil-kalma mingħajr ma jkun osservat mill-persunal responsabbli mill-bejgħ ma jbiddel xejn mill-fatt li huwa ma għandux l-informazzjoni importanti dwar l-indirizz ġeografiku u dwar l-identità tal-bejjiegħ tal-prodotti qabel ma huwa jikkonsulta s-sit internet ta’ dak li jirreklama l-prodotti.

20

Għaldaqstant, skont il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja), l-għan li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 irid jilħaq jiffavorixxi iktar l-argument li DHL Paket kien imissha inkludiet fir-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-bejjiegħa tal-prodotti.

21

Il-qorti tar-rinviju madankollu tfakkar li, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29, sabiex jiġi ddeterminat jekk informazzjoni tħallietx barra huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien li huma imposti mill-prattika kummerċjali. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali dawn il-limitazzjonijiet ma jeżistux. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, jekk ikun neċessarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-miżuri meħuda mill-konvenuta fil-kawża prinċipali sabiex l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur permezz ta’ mezzi oħra.

22

Fl-aħħar nett il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex importanti, sabiex tiġi eżaminata l-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29, li l-impriża tirreklama f’pubblikazzjoni stampata l-bejgħ tal-prodotti tagħha stess u tirreferi direttament għas-sit tagħha stess għall-informazzjoni meħtieġa, jew li r-reklamar jirrigwarda prodotti mibjugħa minn impriżi oħra fuq sit internet tal-impriża li tirreklama l-prodotti u li l-konsumatur jikseb l-informazzjoni meħtieġa biss wara azzjoni jew azzjonijiet addizzjonali (klikks) permezz ta’ links li jirreferu għas-siti internet ta’ dawn l-impriżi l-oħra, links li jidhru fuq l-uniku sit imsemmi fir-reklamar, jiġifieri dak tal-amministratur tal-interface tal-bejgħ.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, fis-sens tal-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29 għandha tkun diġà inkluża fir-reklamar għal prodotti speċifiċi li jsir f’pubblikazzjoni stampata, anki jekk il-konsumaturi jixtru l-prodotti rreklamati biss permezz tas-sit internet, indikat fir-reklamar, tal-impriża li tagħmel il-promozzjoni tal-prodotti u l-konsumaturi jistgħu faċilment jiksbu l-informazzjoni rikjesta fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva minn dan is-sit internet jew permezz tiegħu?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk l-impriża tagħmilx ir-reklamar f’pubblikazzjoni stampata għall-bejgħ tal-prodotti tagħha stess u tirreferi direttament għas-sit tagħha stess għall-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE, jew jekk ir-reklamar jirreferix għal prodotti mibjugħa minn impriżi oħra fuq sit internet tal-impriża li tagħmel il-promozzjoni tal-prodotti u l-konsumaturi jiksbu l-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva biss permezz ta’ azzjoni jew diversi azzjonijiet addizzjonali (klikks) permezz ta’ links li jirreferu għas-siti internet ta’ dawn l-impriżi l-oħra, links li jidhru biss fis-sit imsemmi fir-reklamar, jiġifieri dak tal-amministratur tal-bejgħ interface [interface tal-bejgħ]?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u dwar l-identità tal-kummerċjant għandha tkun inkluża f’reklamar għal prodotti speċifiċi, li jidher f’pubblikazzjoni stampata, meta dawn il-prodotti huma mixtrija mill-konsumaturi, permezz tas-sit internet, indikat fir-reklamar, tal-impriża awtriċi ta’ dan ir-reklamar u meta din l-informazzjoni hija faċilment aċċessibbli fuq dan is-sit internet jew permezz ta’ dan tal-aħħar.

25

L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li reklam bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi stedina għax-xiri fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, peress li l-informazzjoni li dan jinkludi dwar il-prodotti li huma s-suġġett ta’ dan ir-reklam u dwar il-prezz tagħhom hija biżżejjed sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali.

26

Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu, kif ukoll, fejn applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi jikkostitwixxu informazzjoni importanti. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-prattika kummerċjali inkwistjoni għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali tagħha kif ukoll il-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ kommunikazzjoni użat (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 53).

27

Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat jekk xi informazzjoni tħallietx barra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ żmien tal-mezz tal-kommunikazzjoni użat kif ukoll il-miżuri meħuda mill‑kummerċjant sabiex jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall‑konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 54).

28

Minn dan isegwi li l-portata tal-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li għandha tiġi kkomunikata, minn kummerċjant bħala parti minn stedina għax-xiri, għandha tiġi evalwata skont il-kuntest ta’ din l-istedina, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 55).

29

Issa, fil-każ fejn pjattaforma ta’ xiri online hija rreklamata f’pubblikazzjoni stampata u fil-każ fejn, b’mod partikolari, hemm fiha numru kbir ta’ possibbiltajiet ta’ xiri mingħand kummerċjanti differenti, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet ta’ spazju fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29.

30

Minn dan li ntqal jirriżulta li, għalkemm l-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u dwar l-identità tal-kummerċjant, imsemmija fl-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29, għandha, bħala prinċipju, tkun inkluża fl-istedina għax-xiri, dan ma għandux neċessarjament ikun il-każ meta l-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju, sakemm il-konsumaturi li jistgħu jixtru l-prodotti rreklamati permezz tas-sit internet, imsemmi fir-reklam, tal-impriża li tippromwovi dawn il-prodotti jistgħu faċilment jiksbu din l-informazzjoni minn fuq dan is-sit internet jew permezz ta’ dan tal-aħħar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, każ b’każ, jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-istedina għax-xiri u l-mezz ta’ komunikazzjoni użat.

31

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li stedina għax-xiri tkun tindika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29 ma jiddependix minn jekk il-fornitur tal-prodotti kkonċernati huwiex l-awtur ta’ din l-istedina jew terz. Għaldaqstant, fil-każ fejn reklamar, fi pubblikazzjoni stampata, jippromwovi prodotti li joriġinaw minn diversi fornituri, l-informazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni tibqa’ neċessarja, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ta’ spazju msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

32

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, każ b’każ, minn naħa, jekk il-limitazzjonijiet ta’ spazju fit-test ta’ reklamar jiġġustifikawx it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar il-fornitur biss fil-livell tal-pjattaforma ta’ bejgħ online u, min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29 dwar il-pjattaforma ta’ bejgħ online hijiex ikkomunikata b’mod sempliċi u ta’ malajr.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi tkun li l-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li reklam, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “stedina għax-xiri” fis-sens ta’ din id-direttiva jista’ jissodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, każ b’każ, minn naħa, jekk il-limitazzjonijiet ta’ spazju fit-test ta’ reklamar jiġġustifikawx it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar il-fornitur biss fil-livell tal-pjattaforma ta’ bejgħ online u, min-naħa l-oħra, jekk ikun neċessarju, jekk l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 7(4)(b) ta’ din id-direttiva dwar il-pjatttaforma ta’ bejgħ online hijiex ikkomunikata b’mod sempliċi u ta’ malajr.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li reklam, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “stedina għax-xiri” fis-sens ta’ din id-direttiva jista’ jissodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, każ b’każ, minn naħa, jekk il-limitazzjonijiet ta’ spazju fit-test ta’ reklamar jiġġustifikawx it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar il-fornitur biss fil-livell tal-pjattaforma ta’ bejgħ online u, min-naħa l-oħra, jekk ikun neċessarju, jekk l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 7(4)(b) ta’ din id-direttiva dwar il-pjatttaforma ta’ bejgħ online hijiex ikkomunikata b’mod sempliċi u ta’ malajr.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.