SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
6 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Artikolu 3(1)(c) — Trade mark verbali nazzjonali La Milla de Oro — Raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew ta’ invalidità — Sinjali ta’ oriġini ġeografika”
Fil-Kawża C‑139/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Burgos (qorti provinċjali ta’ Burgos, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura
Juan Moreno Marín,
María Almudena Benavente Cárdaba,
Rodrigo Moreno Benavente
vs
Abadía Retuerta SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Frar 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal J. Moreno Marín, M. A. Benavente Cárdaba u R. Moreno Benavente, minn J. García Domínguez, avukat u C. Gutiérrez Moliner, procurador, |
— |
għal Abadía Retuerta SA, minn J. C. Quero Navarro u D. Pellisé Urquiza, avukati, kif ukoll minn J.M. Prieto Casado, procurador, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf, J. Rius u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Juan Moreno Marín, María Almudena Benavente Cárdaba u Rodrigo Moreno Benavente, minn naħa, u Abadía Retuerta SA, min-naħa l-oħra, dwar l-użu, minn din il-kumpannija, tas-sinjal “El Pago de la Milla de Oro” għal finijiet kummerċjali, promozzjonali jew pubbliċitarji fir-rigward ta’ inbejjed. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità [invalidità]” jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu: “1. Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità: […]
[…] 3. Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.” |
4 |
Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), it-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. |
Id-dritt Spanjol
5 |
L-Artikolu 5 tal-ley 17/2001 de Marcas (Liġi 17/2001 dwar it-trade marks), tas‑7 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 294, tat‑8 ta’ Diċembru 2001, p. 45579), intitolat “Projbizzjonijiet assoluti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(c) tiegħu: “Is-sinjali li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati: […]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 |
M. A. Benavente Cárdaba u R. Moreno Benavente huma proprjetarji tat-trade mark Spanjola La Milla de Oro, irreġistrata bin-numru 2841993, sabiex tkopri inbejjed. Din it-trade mark ingħatat lil R. Moreno Marin b’deċiżjoni tal-Oficina española de patentes y marcas (uffiċċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks), tat‑23 ta’ April 2009, u sussegwentement ġiet ittrasferita lil M. A. Benavente Cárdaba u lil R. Moreno Benavente. |
7 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra Abadía Retuerta quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Burgos (qorti tal-kummerċ ta’ Burgos, Spanja. Essenzjalment huma jikkritikawha għall-użu tas-sinjal “El Pago de la Milla de Oro” fuq it-tikketta tal-inbejjed li hija tipproduċi, peress li l-użu tad-denominazzjoni “la Milla de Oro” jista’ jwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni mill-konsumaturi bejn il-prodotti kkummerċjalizzati minn M. A. Benavente Cárdaba u R. Moreno Benavente u dawk li tikkummerċjalizza Abadía Retuerta. Konsegwentement, il-partijiet ikkonċernati talbu lil din tal-aħħar twaqqaf b’mod immedjat kull forma ta’ użu ta’ din id-denominazzjoni u li ma tużahiex iktar fil-futur. |
8 |
Abadía Retuerta opponiet għal din l-azzjoni u ppreżentat kontrotalba intiża għall-konstatazzjoni tal-invalidità tat-trade mark La Milla de Oro. Hija argumentat, b’mod partikolari, li din it-trade mark tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika u li għandha, għaldaqstant, tiġi applikata l-projbizzjoni assoluta prevista fl-Artikolu 5(1)(c) tal-Liġi 17/2001. |
9 |
Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2014, il-Juzgado de lo Mercantil de Burgos (qorti tal-kummerċ ta’ Burgos, Spanja) ċaħdet l-azzjoni kontra vjolazzjoni li kienet adita biha fl-ewwel istanza u laqgħet il-kontrotalba ta’ Abadía Retuerta billi kkonstatat l-invalidità tat-trade mark La Milla de Oro, għar-raġuni li din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. |
10 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Burgos (qorti provinċjali ta’ Burgos, Spanja). Huma jqisu li s-sinjal “la Milla de Oro” ma jikkorrispondi ma ebda indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika, iżda jikkostitwixxi denominazzjoni immaġinattiva li tkopri, mingħajr ma tagħmel riferiment għal żona ġeografika preċiża, prodotti li huma kkaratterizzati mill-appartenenza tagħhom għas-settur tat-trade marks ta’ lussu. Għaldaqstant, fis-settur tal-inbid, il-“milla de oro” tal-wied tal-Alto Douro (Spanja) jeżisti flimkien mal-“milla de oro” tar-Rioja (Spanja). Dan is-sinjal jintuża wkoll sabiex isir riferiment għal parti minn triq tal-belt ta’ Madrid (Spanja), fejn hemm ħwienet li jikkummerċjalizzaw trade marks magħrufa għall-kwalità tagħhom, u triq oħra, fejn hemm il-mużewijiet tal-arti l-iktar importanti ta’ din il-belt. |
11 |
Abadía Retuerta żżomm sħiħ il-pożizzjoni tagħha u targumenta li s-sinjal “la Milla de Oro” kemm-il darba jiġi użat fis-settur tal-inbid sabiex isir riferiment għal żona ġeografika preċiża ħafna, li kemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll Abadía Retuerta jeżerċitaw l-attività tagħhom fiha, u li, f’dan ir-rigward, tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. |
12 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li dan is-sinjal ma jidhirx li jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika, peress li ma jagħmel riferiment għal ebda post jew karatteristika topografika. Barra minn hekk, fil-każ tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, jeżisti post, li l-isem tiegħu jintuża sussegwentement sabiex isir riferiment għall-oriġini tal-prodott. F’dan il-każ, l-imsemmi sinjal, għall-kuntrarju, ġie kkreat sabiex jagħmel riferiment għal ċerta kategorija ta’ prodotti, li diġà huma preżenti kollha f’post iddeterminat. |
13 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li s-sinjal “la Milla de Oro” għadu assoċjat ma’ post iddeterminat, ikkaratterizzat minn konċentrazzjoni għolja ta’ prodotti ta’ kwalità għolja. Bħall-indikazzjonijiet ġeografiċi li fihom karatteristika ddeterminata ta’ prodott hija assoċjata mal-post inkwistjoni, dan is-sinjal huwa assoċjat mal-post ikkonċernat sa fejn dan huwa kkaratterizzat mill-kwalità tal-prodotti u t-tqegħid tagħhom fi gruppi. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Burgos (qorti provinċjali ta’ Burgos) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
15 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk sinjal bħal “la Milla de Oro”, li jagħmel riferiment għall-karatteristika ta’ prodott jew ta’ servizz li tikkonsisti fil-possibbiltà li jinstab b’abbundanza, fl-istess post, tali prodott jew servizz, ta’ valur u ta’ kwalità għolja, jistax jitqies bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika, peress li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati huma kkonċentrati fi spazju ddeterminat. |
16 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tal-ismijiet ġeografiċi bħala trade marks, meta dawn jagħmlu riferiment għal postijiet li għandhom attwalment, f’għajnejn il-persuni interessati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati jew jekk huwa raġjonevoli li wieħed jaħseb li, fil-futur, tkun tista’ tiġi stabbilita tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 31 u 37). |
17 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-sinjal “la Milla de Oro” ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jagħmel riferiment għal post ġeografiku preċiż u ddeterminat, li l-oriġini tal-inbejjed inkwistjoni hija marbuta miegħu. Fil-fatt, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-inbid, is-sinjal “la Milla de Oro” tar-Ribera del Duero (Spanja) jeżisti flimkien mas-sinjal “la Milla de Oro” tar-Rioja. Fil-qasam tal-lussu, meta dan is-sinjal huwa assoċjat mal-belt ta’ Madrid, huwa jagħmel riferiment għal distrett ta’ din il-belt, fejn hemm konċentrazzjoni ta’ ħwienet ta’ lussu, ħwienet tal-ġojjelli magħrufa kif ukoll galleriji tal-arti. “La Milla de Oro” ta’ Marbella (Spanja) tagħmel riferiment għal distrett ta’ din il-belt fejn hemm proprjetajiet immobbli lussużi kif ukoll ristoranti tal-ogħla klassi li jattiraw klijentela sinjura u famuża. |
18 |
Isegwi li s-sinjal “la Milla de Oro”, minn naħa, jagħmel riferiment għal żona ġeografika li tvarja skont l-isem tal-post ġeografiku li jakkumpanjaha u, min-naħa l-oħra, jagħmel riferiment għal ċertu livell ta’ kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi, li jvarjaw skont l-isem tal-post ġeogragrafiku li dan is-sinjal huwa assoċjat miegħu. |
19 |
Konsegwentement, dan is-sinjal għandu jkollu miegħu isem li jagħmel riferiment għal post ġeografiku partikolari sabiex l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati tkun tista’ tiġi identifikata, peress li dawn tal-aħħar huma kkaratterizzati mill-possibbiltà li jinstabu b’abbundanza, f’dan l-ispazju ddeterminat, tali prodotti u servizzi, ta’ valur u ta’ kwalità għolja. |
20 |
Isegwi li ma teżisti ebda rabta bejn il-prodott ikkonċernat f’dan il-każ, jiġifieri l-inbid, u l-oriġini ġeografika mogħtija lis-sinjal “la Milla de Oro”, peress li huwa preċiżament abbażi tal-isem ta’ post ġeografiku partikolari li huwa assoċjat magħhom li tista’ tiġi ddeterminata l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. |
21 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li sinjal bħal “la Milla de Oro”, li jagħmel riferiment għall-karatteristika ta’ prodott jew ta’ servizz li tikkonsisti fil-possibbiltà li jinstab b’abbundanza, fl-istess post, tali prodott jew servizz, ta’ valur u ta’ kwalità għolja, ma jistax jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika, peress li dan is-sinjal għandu jkun akkumpanjat b’isem li jagħmel riferiment għal post ġeografiku sabiex ikun jista’ jiġi identifikat l-ispazju fiżiku li miegħu hemm assoċjata konċentrazzjoni qawwija ta’ prodott jew ta’ servizz ta’ valur u ta’ kwalità għolja. |
Fuq l-ewwel domanda
22 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li sinjal bħal “la Milla de Oro”, li jagħmel riferiment għall-karatteristika ta’ prodott jew ta’ servizz li tikkonsisti fil-possibbiltà li jinstab b’abbundanza, fl-istess post, tali prodott jew servizz, ta’ valur u ta’ kwalità għolja, jistax jaqa’ taħt il-karatteristiċi li l-użu tagħhom bħala trade mark jikkostitwixxi raġuni għal invalidità, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95. |
23 |
Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tfittex għan ta’ interess ġenerali, li jimplika li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet kollha li jistgħu jintużaw sabiex jagħmlu riferiment għal karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li hija mitluba r-reġistrazzjoni tagħhom jitħallew għad-dispożizzjoni libera tal-impriżi kollha, sabiex ikunu jistgħu jużawhom billi jiddeskrivu l-istess karatteristiċi tal-prodotti tagħhom stess. It-trade marks magħmula esklużivament minn tali sinjali jew indikazzjonijiet ma jistgħux għaldaqstant ikunu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni, ħlief permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2008/95 (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punti 54 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, peress li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark dejjem tintalab fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95 għandha tiġi evalwata, minn naħa, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti jew servizzi u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tagħhom. Din l-evalwazzjoni għandha ssir in concreto, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2003, Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 75, u tat‑12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punti 33 u 34). |
25 |
F’dan il-każ, hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, fl-eżami in concreto tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk is-sinjal “la Milla de Oro” jistax jitqies mill-pubbliku rilevanti bħala deskrittiv ta’ karatteristika ta’ prodott, bħall-inbid, li tikkonsisti fil-possibbiltà li jinstab b’abbundanza, fl-istess post, tali prodott, ta’ valur u ta’ kwalità għolja. |
26 |
Barra minn hekk, jekk jitqies li l-qorti tar-rinviju tqis li sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex deskrittiv tal-karatteristika msemmija iktar ’il fuq, hija jkollha r-responsabbiltà tivverifika jekk l-imsemmi sinjal għandux karattru distintiv. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95, it-trade marks li ma għandhomx karattru distintiv ma għandhomx jiġu rreġistrati jew, jekk jiġu rreġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jieħu l-kliem tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2008/95, jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li hija mitluba r-reġistrazzjoni tiegħu jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża ddeterminata u għalhekk tiddistingwi lil dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Fir-rigward tat-trade marks komposti minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li huma, barra minn hekk, użati bħala slogans ta’ reklamar, indikazzjonijiet ta’ kwalità jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks, ir-reġistrazzjoni tagħhom ma hijiex eskluża minħabba tali użu. Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ tali trade marks, ma hemmx lok li fir-rigward tagħhom jiġu applikati kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal sinjali oħra (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-konnotazzjoni ta’ eloġju ta’ trade mark verbali ma teskludix li din hija xorta waħda ta’ natura li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri. Għaldaqstant, tali trade mark tista’ fl-istess ħin tkun meqjusa mill-pubbliku rilevanti bħala espressjoni promozzjonali u indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi. Minn dan jirriżulta li, sakemm dan il-pubbliku jqis it-trade mark bħala indikazzjoni ta’ din l-oriġini, il-fatt li din tkun simultanjament, jekk mhux ukoll fl-ewwel lok, mifhuma bħala espressjoni promozzjonali huwa irrilevanti għall-karattru distintiv tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Audi vs UASI, C‑398/08 P, EU:C:2010:29, punt 45, u digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Delphi Technologies vs UASI, C‑448/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:1746, punt 36). |
30 |
Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, il-kwistjoni dwar jekk is-sinjal “la Milla de Oro”, sa fejn ma huwiex deskrittiv tal-karatteristika ta’ prodott jew ta’ servizz li tikkonsisti fil-possibbiltà li jinstab b’abbundanza, fl-istess post, tali prodott jew servizz, ta’ valur u ta’ kwalità għolja, huwiex meqjus mill-pubbliku rilevanti bħala slogan jew espressjoni promozzjonali li tista’ tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat. |
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal bħal “la Milla de Oro”, li jagħmel riferiment għall-karatteristika ta’ prodott jew ta’ servizz li tikkonsisti fil-possibbiltà li jinstab b’abbundanza, fl-istess post, tali prodott jew servizz, ta’ valur u ta’ kwalità għolja, jista’ ma jaqax taħt il-karatteristiċi li l-użu tagħhom bħala trade mark jikkostitwixxi raġuni għal invalidità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
32 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.