Kawża C-126/16

FEDERATIE NEDERLANDSE VAKVERENIGING ET

vs

Smallsteps BV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikoli 3 sa 5 – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – proċeduri ta’ insolvenza – ‘Pre-pack’ – Sopravivenza ta’ impriża”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-SittAwla) tat-22 ta’ Ġunju 2017

Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Direttiva 2001/23 – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ impriża jseħħ wara dikjarazzjoni ta’ falliment fil-kuntest ta’ pre-pack, imħejji preċedentement u implementat immedjatament wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2001/23, Artikoli 3, 4 u 5(1))

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni tal-ħaddiema ggarantita permezz tal-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva tinżamm fis-sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-trasferiment ta’ impriża jseħħ wara dikjarazzjoni ta’ falliment fil-kuntest ta’ pre-pack, ippreparata preċedentement u implementata immedjatament wara d-dikjarazjzoni ta’ falliment, fil-kuntest ta’ liema, b’mod partikolari, “kuratur mistenni”, maħtur minn qorti, jeżamina l-possibbiltajiet ta’ prosegwiment eventwali tal-attivitajiet ta’ din l-impriża minn terz u jħejji ruħu wkoll sabiex jgħaddi għall-atti li għandhom isiru eżatt wara l-falliment sabiex jitwettaq dan il-prosegwiment, u, barra minn hekk, ma huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, li l-għan segwit minn din l-operazzjoni ta’ pre-pack tirrigwarda wkoll il-massimazzjoni tal-prodott taċ-ċessjoni għall-kredituri kollha tal-impriża inkwistjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat li tali operazzjoni ma hijiex intiża, b’mod definittiv, għal-likwidazzjoni tal-impriża, l-għan ekonomiku u soċjali li hija ssegwi ma jistax jispjega u lanqas jiġġustifika li, meta l-impriża kkonċernata tkun suġġetta għal trasferiment totali jew parzjali, il-ħaddiema tagħha jiġu miċħuda d-drittijiet lilhom irrikonoxxuti fid-Direttiva 2001/23 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et, C-472/93, EU:C:1995:421, punti 28 kif ukoll 30).

(ara l-punti 50, 59 u d-dispożittiv)