Kawża C-102/16

Vaditrans BVBA

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Perijodi tal-mistrieħ tax-xufier – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 8(6) u (8) – Possibbiltà li jittieħed il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum u l-perijodu ta’ mistrieħ imnaqqas ta’ kull ġimgħa ’il bogħod mill-bażi u f’vettura – Esklużjoni tal-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017

Trasport – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet soċjali – Mistrieħ fil-ġimgħa – It-teħid ta’ mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa fil-vettura – Esklużjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali – Assenti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 561/2006, Artikolu 8(6))

L-Artikolu 8(6) u (8) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li xufier ma jistax jieħu l-perijodi regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa msemmija fl-imsemmi Artikolu 8(6) fil-vettura.

L-eżami tat-tieni domanda li saret ma wera ebda element ta’ natura li jolqot il-validità tar-Regolament Nru 561/2006 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità fil-qasam kriminali kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara d-dispożittiv 1, 2)