SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
9 ta’ Marzu 2017 ( *1 )
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Trasferiment ta’ minjieri bi prezz inferjuri għall-valur reali tas-suq — Eżenzjoni mit-taxxi fuq l-operazzjoni ta’ trasferiment — Stima tal-ammont tal-vantaġġ mogħti”
Fil-Kawża C‑100/16 P
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2016,
Ellinikos Chrysos AE Metalleion kai Viomichanias Chrysou, irrappreżentata minn V. Christianos u I. Soufleros, dikigoroi,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Ir-Repubblika Ellenika
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u A. Bouchagiar, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Ellinikos Chrysos AE Metalleion kai Viomichanias Chrysou (iktar ’il quddiem “Ellinikos Chrysos”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Diċembru 2015, Il-Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni (T‑233/11 u T‑262/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:948), sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/452/UE, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar Għajnuna mill-Istat C 48/08 (ex NN 61/08) mogħtija mill-Greċja lil Ellinikos Xrysos SA (ĠU 2011, L 193, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża
|
2 |
TVX Hellas AE operat, sal-2003, il-minjieri tad-deheb ta’ Kassandra (Il-Greċja). Permezz tal-ftehim bonarju tat-12 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Ellenika akkwistat il-proprjetà tal-attiv ta’ TVX Hellas għal EUR 11 miljun u rrilaxxat lilha, kif ukoll lill-kumpannija omm tagħha TVX Gold Inc., minn kull responsabbiltà amministrattiva jew kriminali jew minn kull obbligu għal nuqqasijiet possibbli għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent. |
|
3 |
L-Artikolu 51 tal-Liġi Nru 3220/2004 rratifika dan il-ftehim, filwaqt li l-Artikolu 52 ta’ din il-liġi rratifika l-kuntratt li permezz tiegħu r-Repubblika Ellenika ttrasferixxiet l-attiv ta’ TVX Hellas lil Ellinikos Chrysos għas-somma ta’ EUR 11 miljun. L-imsemmi attiv huwa kompost minn minjieri tad-deheb, minn artijiet u minn stokkijiet ta’ deheb. Barra minn hekk, ix-xerrej impenja ruħu, l-ewwel nett, li jwettaq l-azzjonijiet u l-proċeduri ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ manutenzjoni fit-terminu stabbilit għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet u tal-approvazzjonijiet neċessarji u, it-tieni nett, li jagħti bidu għall-miżuri neċessarji għall-bidu tal-operat tal-minjieri ta’ Kassandra fi żmien tliet xhur. It-tielet nett, ix-xerrej impenja ruħu li jfassal abbozz ta’ investiment komplet dwar l-iżvilupp ta’ dawn il-minjieri kif ukoll dwar il-kostruzzjoni u dwar il-funzjonament tal-fabbrika ta’ metallurġija tad-deheb, fi żmien 24 xahar. |
|
4 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tal-imsemmi kuntratt kien jistipula li l-operazzjoni ta’ trasferiment tal-attiv lil Ellinikos Chrysos kienet eżenti minn drittijiet u taxxi. |
|
5 |
Wara li rċeviet ilment b’rabta ma’ din l-operazzjoni, il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Griegi. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2008, din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE. F’dan il-kuntest, Ellinikos Chrysos ippreżentat xi osservazzjonijiet. |
|
6 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li l-operazzjoni ta’ trasferiment tal-attiv ta’ TVX Hellas lil Ellinikos Chrysos mir-Repubblika Ellenika kienet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li dan l-Istat Membru kellu jirkupraha. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-minjieri ta’ Kassandra nbiegħu lil Ellinikos Chrysos għal prezz inferjuri mill-valur tas-suq, u, min-naħa l-oħra, li l-eżenzjoni mid-drittijiet ta’ reġistrazzjoni jew minn taxxi oħra marbuta mal-operazzjoni ta’ trasferiment tal-artijiet kontenzjużi kkostitwixxiet element addizzjonali tal-għajnuna inkwistjoni. L-ammont totali tal-multa ġie ffissat għal EUR 15.34 miljun. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
7 |
Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti invokat żewġ motivi, bl-ewwel wieħed ikun maqsum f’diversi lmenti. |
|
8 |
Skont it-tieni lment tal-ewwel motiv, li l-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor fil-punt 65 tas-sentenza appellata, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni kienet użat u evalwat b’mod żbaljat ir-rapport ta’ perizja dwar l-istima tal-minjieri ta’ Kassandra mwettqa matul is-sena 2004 minn kumpannija ta’ konsulenti internazzjonali speċjalizzata fis-settur tal-minjieri, f’isem European Goldfields Ltd, fil-kuntest tal-pjan ta’ żieda tal-kapital ta’ din tal-aħħar f’Ellinikos Chrysos (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ perizja”) li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tistma l-valur ta’ dawn il-minjieri. Il-Qorti Ġenerali nnotat l-argumenti dwar il-kuntest li fih ġie redatt dan ir-rapport, id-data ta’ redazzjoni tiegħu kif ukoll id-definizzjoni tal-azjendi attivi li ssemmew fih, li huma elementi li jirrenduh mhux xierqa għal stima tal-valur tal-imsemmija minjieri. Barra minn hekk, fil-punt 92 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali enfasizzat li kien paċifiku li r-rikorrenti ma kinitx qiegħda tikkontesta l-affidabbiltà tal-oġġettività tal-imsemmi rapport. |
|
9 |
Wara li ċaħdet l-argument dwar id-data ta’ redazzjoni tar-rapport ta’ perizja, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan ir-rapport kien iqis li kien fi stat “qrib tal-produzzjoni” sit għat-tħaffir operattiv jew li jkun qiegħed isir studju ta’ fattibbiltà fir-rigward tiegħu, u dan kien il-każ, dejjem skont l-imsemmi rapport, fir-rigward tas-siti għat-tħaffir ta’ Stratoni, ta’ Olympiada u ta’ Skouries li huma kollha inklużi fl-operat ta’ Kassandra. |
|
10 |
Għaldaqstant, fil-punt 99 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni lment tal-ewwel motiv. |
|
11 |
Barra minn hekk, fil-punt 100 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret li r-rapport ta’ perizja għażel l-approċċ imsejjaħ “tad-dħul” sabiex jistma l-valur tas-siti għat-tħaffir inkwistjoni, approċċ li r-rilevanza tiegħu ma ġiex ikkontestat minn Ellinikos Chrysos. |
|
12 |
Fir-rigwad tal-valur tal-mina ta’ Skouries, fil-punt 103 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali enfasizzat li, skont ir-rapport ta’ perizja, kien ġie kkompletat studju ta’ fattibbiltà, b’tali mod li dan il-valur kien ġie stabbilit skont l-approċċ tad-dħul, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ żvilupp, ta’ kostruzzjoni u ta’ funzjonament kif ukoll tal-ispejjeż amministrattivi, sabiex jinkiseb permess ta’ operat. |
|
13 |
Fir-rigward tal-valur tal-artijiet tas-siti għat-tħaffir inkwistjoni, fil-punti 126 u 127 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kummissjoni kienet qieset li dawn kienu jirrappreżentaw attiv ittrasferit lil Ellinikos Chrysos, li l-valur intrinsiku tiegħu kien ġie stmat mir-rapport ta’ perizja abbażi tal-informazzjoni mgħoddija mir-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali vvalidat dan il-valur fil-punt 132 tas-sentenza appellata u ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
It-talbiet tal-partijiet
|
14 |
Ellinikos Chrysos titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
15 |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
16 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar l-istima tal-valur tal-minjieri ttrasferiti, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda l-istima tal-valur tal-artijiet ittrasferiti u fuq l-istima żbaljata tal-vantaġġ li rriżulta mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-operazzjoni ta’ trasferiment, rispettivament. |
|
17 |
Essenzjalment, permezz tat-tliet aggravji tagħha l-appellanti tikkontesta l-istima magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-ammont tal-vantaġġ li ngħatalha bħala riżultat tal-operazzjoni ta’ trasferiment tal-minjieri u tal-artijiet ta’ Kassandra. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li sabiex tistma l-valur ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68). |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ta’ tali operazzjoni huwa neċessarjament ristrett. Dan ikun sempliċement jivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Land Hessen vs Pollmeier Massivholz, C‑242/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:765, punt 28). |
|
20 |
B’mod partikolari, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 78). |
|
21 |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali hija biss kompetenti li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll li tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Masco et vs Il-Kummissjoni, C‑614/13 P, EU:C:2017:63, punt 35). |
|
22 |
Konsegwentement, l-appell preżenti ma jistax jintlaqa’ ħlief jekk Ellinikos Chrysos turi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew żnaturament tal-fatti jew tal-provi fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ristrett tagħha tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ammont tal-għajnuna kontenzjuża. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
23 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha r-rikorrenti fl-ewwel lok issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, qieset li l-minjiera ta’ Stratoni kienet operattiva fil-mument tal-bejgħ tagħha. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-attivitajiet ġew sospiżi fil-minjieri kollha ta’ Kassandra. Fir-rigward tal-minjiera ta’ Skouries, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonferma li hija kellha valur pożittiv u b’mod parallel tikkonstata li dan is-sit għat-tħaffir kien jirrappreżenta biss depożitu li la kellu infrastruttura u lanqas permess għat-tħaffir. |
|
24 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-użu, għall-finijiet tal-istima tal-valur tal-minjieri ttrasferiti, tar-rapport ta’ perizja minħabba l-kuntest li fih dan twettaq. Barra minn hekk, fil‑punti 96 u 97 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni żbaljata li tinsab f’dan ir-rapport f’dak li jikkonċerna t-tkomplija tal-attivitajiet tal-minjieri ta’ Stratoni u ta’ Olympiada. Minn dan tirriżulta stima żbaljata tal-vantaġġ mislut minn Ellinikos Chrysos mill-akkwist tal-minjieri ta’ Kassandra. |
|
25 |
Fit-tielet lok, sabiex tikkonferma l-istima ta’ dan il-vantaġġ il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti spejjeż marbuta mal-infrastrutturi li kellhom jinħolqu sabiex il-minjiera ta’ Skouries issir operattiva. |
|
26 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
27 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi enfasizzat li Ellinikos Chrysos ma tikkontestax id-definizzjoni ta’ sit għat-tħaffir “qrib tal-produzzjoni”, bħalma ntgħażlet mill-Kummissjoni u tfakkret mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha sit għat-tħaffir ikun jinsab fi stat “qrib tal-produzzjoni” meta dan ikun jew kien operattiv jew kien suġġett ta’ studju ta’ fattibbiltà. Peress li l-minjieri ta’ Stratoni u ta’ Olympiada kienu operattivi, iżda l-attivitajiet tagħhom ġew sospiżi għal raġunijiet li ma humiex ekonomiċi, u peress li l-minjiera ta’ Skouries kien sarilha studju ta’ fattibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat li l-istima tal-vantaġġ mogħti lir-rikorrenti bit-trasferiment tas-siti għat-tħaffir inkwistjoni kienet tikkonċerna minjieri fi stat “qrib tal-produzzjoni”. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, Ellinikos Chrysos, billi tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonfermat li l-minjiera ta’ Stratoni kienet attiva fil-mument tat-trasferiment tagħha, twettaq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha l-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-istima tal-valur ta’ din il-minjiera kienet ibbażata fuq il-fatt li din kienet operattiva u li l-attivitajiet tagħha kienu ġew sospiżi għal raġunijiet li ma humiex ta’ natura li taffettwa l-valur ekonomiku intrinsiku tagħha. |
|
29 |
Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ infrastruttura u ta’ permess għat-tħaffir fir-rigward tal-minjiera ta’ Skouris ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, tali stat ma jikkontradixxix ir-rikonoxximient ta’ valur pożittiv lil din il-minjiera, fid-dawl, mhux biss tad-definizzjoni li adottat il-Kummissjoni ta’ minjiera fi stat qrib għall-produzzjoni, iżda wkoll fid-dawl tal-metodu ta’ stima użat, kif ġie deskritt, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, u li ma huwiex ikkontestat minn Ellinikos Chrysos. |
|
30 |
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, li ma rrispondietx b’mod espliċitu għall-argument li permezz tiegħu l-utilità tar-rapport ta’ perizja sabiex jiġi stmat il-valur tal-minjieri inkwistjoni kienet ikkontestata minħabba l-għan tiegħu. |
|
31 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, minn naħa, li fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-qorti tal-Ġustizzja għandu l-għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali rrispondietx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza essenzjalment iwassal sabiex jiġi invokat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u mill-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑593/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:804, punt 27). |
|
32 |
Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi rapport li, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, isegwi r-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil-kawża, u b’hekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita dejjem jekk din tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tkun tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑593/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:804, punt 28). |
|
33 |
Mill-punt 65 tas-sentenza appellata jirriżulta li Ellinikos Chrysos kienet qiegħda tibbaża l-ilment tagħha fuq in-natura inadegwata tar-rapport ta’ perizja bħala bażi tal-istima tal-valur tal-minjieri ta’ Kassandra fuq erba’ argumenti. Issa, minkejja li l-Qorti Ġenerali tat risposta għall-argumenti dwar id-data ta’ redazzjoni tar-rapport ta’ perizja, fil-punti 93 sa 95 tas-sentenza appellata, dwar id-definizzjoni magħżula tal-kunċett ta’ minjiera operattiva, fil-punti 96 sa 98 ta’ din is-sentenza, kif ukoll dwar il-metodu ta’ stima, fil-punti 100 sa 104 ta’ din l-istess sentenza, hija ma rrispondietx għall-argument ibbażat fuq l-għan li għalih dan ir-rapport ġie redatt, u li minn dan tirriżulta n-natura mhux xierqa tiegħu għall-istima kontenzjuża. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi fil-punt 99 tas-sentenza appellata qieset li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-użu, mill-Kummissjoni, tar-rapport ta’ perizja kellhom jiġu miċħuda, mingħajr ma rrispondiet għall-argument ibbażat fuq l-għan li għalih ġie redatt dan ir-rapport, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu jitwettaq minnha. |
|
35 |
It-tieni nett, jekk wieħed jippresupponi li, billi tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ħadet inkunsiderazzjoni elementi tar-rapport ta’ perizja li jirrigwardaw avvenimenti futuri, l-appellanti ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti tal-kawża, hija bl-ebda mod ma tindika sa fejn tali ċirkustanza tiskwalifika lill-istima mwettqa mill-Kummissjoni tal-vantaġġ li ngħatalha. Fil-fatt, billi dawn l-avvenimenti seħħew verament, u barra minn hekk f’data preċedenti għal dik prevista f’dan ir-rapport fir-rigward ta’ wieħed minnhom, ma huwiex evidenti għal liema raġuni tali ċirkustanza tista’ tibdel l-utilità tal-imsemmi rapport għall-finijiet tal-istima tal-vantaġġ mogħti. |
|
36 |
Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, fil-punt 103 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali indikat li r-rapport ta’ perizja kien ħa inkunsiderazzjoni d-diversi spejjeż neċessarji għat-tqegħid fi produzzjoni tal-minjiera ta’ Skouries. Għaldaqstant, din it-tielet parti, li permezz tagħha l-appellanti ssostni li l-istima tal-valur tal-minjiera ta’ Skouries ma rriflettietx tali spejjeż, jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
|
37 |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-ammont stess ta’ dawn l-ispejjeż, mill-punt 21 tas-sentenza prezenti jirriżulta li, fl-istadju tal-appell, Ellinikos Chrysos ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti, b’mod ġenerali, u stima ġdida tal-valur stess tal-minjieri inkwistjoni, b’mod speċifiku. |
|
38 |
Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’, sa fejn, permezz tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrispondietx għall-argument ibbażat fuq l-għan li għalih ġie redatt ir-rapport ta’ perizja. Il-kumplament ta’ dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
39 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja sabiex, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, tiċħad l-argumenti tagħha dwar l-istima tal-valur tal-artijiet tal-minjieri ta’ Kassandra. Fil-fatt, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet aċċettat li l-minjieri li magħhom kienu marbuta dawn l-artijiet ma kinux attivi fil-mument tat-trasferiment tal-attiv, l-istima tagħha tal-valur tal-imsemmija artijiet kien ikun inferjuri għal dak li jirriżulta mis-sentenza appellata. |
|
40 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-metodu ta’ stima tal-valur tal-artijiet ibbażat fuq il-prezz imħallas minn TVX Hellas matul is-sena 1995. Issa, f’dik id-data, il-minjieri kienu attivi u l-valur tal-artijiet kien neċessarjament ikbar minn dak tas-sena 2003. |
|
41 |
Prinċipalment, il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli kollu kemm hu. Sussidjarjament, hija teċċepixxi n-natura manifestament infondata tal-argumenti tal-appellanti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
42 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali fil-punt 126 tas-sentenza appellata kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni li ħa inkunsiderazzjoni l-valur intirinsiku tal-artijiet marbuta mal-minjieri ta’ Kassandra. Madankollu, l-appellanti ma tindikax sa fejn tali approċċ huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li ma ttiħidx kont tal-fatt li l-minjieri inkwistjoni ma kinux attivi u li dawn l-artijiet ma setax ikollhom użu intiż differenti minn dak aċċettat. Fil-fatt, jekk wieħed jippresupponi li tali stat ta’ fatt huwa ta’ natura li jinfluwenza l-valur intrinsiku tal-artijiet inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fl-imsemmi punt 126, li s-sitwazzjoni u n-natura speċjali tal-imsemmija artijiet kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-istima mwettqa mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata b’xi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu jitwettaq minnha. |
|
43 |
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali fil-punt 127 tas-sentenza appellata kkonstatat, u dan mingħajr ma ġiet kontradetta mill-appellanti, li l-valur tal-artijiet aċċettat mill-Kummissjoni wara verifika kien jikkorrispondi għal dak ikkomunikat minn Ellinikos Chrysos. |
|
44 |
Barra minn hekk, u hekk kif tfakkar fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni fittxet li tiddetermina l-valur intrinsiku tal-artijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, u sa fejn il-Kummissjoni, fl-istima tal-valur tal-attivi kollha ttrasferiti, ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha meħtieġa sabiex wieħed jopera l-minjieri ta’ Kassandra kif ukoll in-natura speċjali ta’ dawn l-artijiet, u l-fatt li l-minjieri inkwistjoni ma ġewx operati fil-mument tat-trasferiment tagħhom, minnu nnifsu, ma jistax jinfluwenza l-valur intrinsiku tal-artijiet inkwistjoni. |
|
45 |
Fi kwalunkwe każ, billi tikkontesta l-istima tal-valur tal-artijiet marbuta mal-minjieri kontenzjużi, kif tirriżulta mis-sentenza appellata, Ellinikos Chrysos fil-verità titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti tal-kawża, u din hija xi ħaġa li ma tistax titlob fl-istadju tal-appell, hekk kif tfakkar fil-punt 21 tas-sentenza preżenti. Għandu jitfakkar li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali biss għandha kompetenza sabiex tevalwa l-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-provi. |
|
46 |
Issa, peress li Ellinikos Chrysos ma tinvoka ebda żnaturament ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, l-argumenti tagħha insostenn tat-tieni aggravju tagħha ma jistgħux jintlaqgħu. |
|
47 |
Konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
48 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, peress li l-valur tal-artijiet inkwistjoni ma ġiex stmat b’mod korrett mill-Kummissjoni, l-ammont tal-vantaġġ mislut mill-eżenzjoni mit-taxxa mogħti lilha huwa neċessarjament żbaljat, peress li l-ammont ta’ dawn it-taxxi huwa direttament marbut mal-valur ta’ dawn l-artijiet. |
|
49 |
Il-Kummissjoni tipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
50 |
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-istima, mill-Kummissjoni, tal-valur tal-artijiet relatati mal-minjieri ta’ Kassandra. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza preżenti, Ellinikos Chrysos ma wrietx li dan kien il-każ. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
51 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrispondi għall-argument tal-appellanti bbażat fuq l-għan li għalih ġie redatt ir-rapport ta’ perizja. Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
52 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża. |
|
53 |
Issa, peress li dan huwa l-każ ineżami, hemm lok li jiġi eżaminat l-argument tat-tieni lment tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn Ellinikos Chrysos, ibbażat fuq l-għan li għalih ġie redatt ir-rapport ta’ perizja. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti ssosnti li l-għan li għalih ġie redatt ir-rapport ta’ perizja kien jirrendih mhux xieraq għal użu bl-għan tal-istima tal-valur tal-minjieri ta’ Kassandra. Għalhekk, peress li dan ir-rapport intalab sabiex jingħata parir lill-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ European Goldfields dwar l-akkwist potenzjali ta’ ishma addizzjonali fil-kapital ta’ Ellinikos Chrysos, huwa jirrigwarda l-valur ta’ din il-kumpannija fit-tul. |
|
55 |
Madankollu, u sa fejn l-appellanti la tikkontesta l-affidabbiltà u lanqas l-oġġettività tar-rapport ta’ perizja, is-sempliċi evokazzjoni tal-kuntest li fih dan ġie redatt ma jistax ikollu l-effett li jċaħħdu minn kull kredibbiltà sabiex titwettaq l-istima tal-minjieri ta’ Kassandra. |
|
56 |
Fil-fatt, u fin-nuqqas ta’ element kuntrarju invokat minn Ellinikos Chrysos, ma jidhirx li l-għan li għalih titwettaq perizja għandu xi influwenza fuq il-valur tal-attivi stmati, ħlief sabiex tiġi kkontestata l-affidabbiltà u l-oġġettività ta’ din il-perizja. |
|
57 |
Sa fejn dan ma huwiex il-każ, għandhom jiġu miċħuda l-imsemmi argument kif ukoll ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Ellinikos Chrysos quddiem il-Qorti Ġenerali kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
58 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
59 |
Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna ta’ Ellinikos Chrysos u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.