SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2002/15/KE — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Transport bit-triq — Ħaddiem mobbli — Sewwieq li jaħdem għal rasu — Kunċett — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C-97/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona (tribunal tax-xogħol ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

José María Pérez Retamero

vs

TNT Express Worldwide SL,

Last Mile Courier SL, li qabel kienet Transportes Saripod SL,

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. M. Pérez Retamero, minn J. Juan Monreal, avukat,

għal TNT Express Worldwide SL, minn D. Fernández de Lis Alonso, avukat,

għal Last Mile Courier SL, li qabel kienet Transportes Saripod SL, minn V. Domenech Huertas, avukat,

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u J. Rius Riu, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(d) u (e) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224, u r-rettifika ĠU 2007, L 57, p. 28).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn José María Pérez Retamero u Last Mile Courier SL, li qabel kienet Transportes Sapirod SL (iktar ’il quddiem “Sapirod”), kif ukoll TNT Express Worldwide SL (iktar ’il quddiem “TNT”) fir-rigward tat-tkeċċija tiegħu minn Sapirod.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2002/15 huma redatti kif ġej:

“(4)

Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu stabbiliti serje ta’ dispożizzjonijiet aktar speċifiċi li jikkonċernaw is-sigħat tax-xogħol tat-trasport fit-toroq intiżi biex jassiguraw is-sigurtà tat-trasport u s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni involuti.

[…]

(9)

Id-definizzjonijiet użati f’din id-Direttiva m’għandhomx jikkostitwixxu preċedent għal regolamenti oħra tal-Komunità dwar il-ħin tax-xogħol.

(10)

Sabiex titjieb is-sigurtà tat-toroq, ikun ipprevenut it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u tiggarantixxi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema mobbli koperti b’din id-Direttiva, dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu jafu eżattament liema perjodi huma ddedikati għall-attivitajiet tat-trasport fit-toroq li jikkostitwixxu l-ħin tax-xogħol u li mhumiex u għalhekk huma meqjusa li huma ħinijiet ta’ waqfien, ħinijiet ta’ serħan jew perjodi ta’ disponibbiltà. Dawn il-ħaddiema għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgha, u waqfiet adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li jitqiegħed limitu massimu fuq in-numru ta’ sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/15, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva għandu jkun li jistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi b’relazzjoni ma’ l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà ta’ persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq u biex tittejjeb is-sigurtà tat-triq u biex jitqabblu l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni.”

5

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-“ħaddiema mobbli impjegati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru, li jipparteċipaw fl-attivitajiet tat-trasport fit-toroq koperti bir-Regolament [tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Volum 1, p. 319)] jew, f’nuqqas ta’ dak, bil-[Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol tal-Ekwipaġġ ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali fuq it-Triq (AETR)]” u, mit-23 ta’ Marzu 2009, għas-“sewwieqa li jaħdmu għal rashom” li jieħdu sehem fl-istess attivitajiet ta’ trasport.

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(d)

‘ħaddiem mobbli’ għandu jfisser kwalunkwe ħaddiem li jifforma parti minn persunal vjaġġanti, inklużi dawk waqt it-taħriġ u l-apprentisti, li jkunu fis-servizz ta’ impriża li topera servizzi tat-trasport għall-passiġġieri jew għall-merkanzija bit-triq għal kiri jew għall-qligħ jew għall-akkont tiegħu;

(e)

‘sewwieq li jaħdem għal rasu’ għandu jfisser kwalunkwe bniedem li l-okkupazzjoni ewlenija tiegħu hija li jittrasporta passiġġieri jew merkanzija fir-toroq għall-kiri jew għall-qligħ fil-qofol tat-tifsira tal-leġislazzjoni tal-Komunità permezz tal-koperta ta’ liċenzja tal-Komunità jew ta’ xi awtorizzazzjoni professjonali oħra biex iwettaq it-trasport imsemmi qabel, li huwa intitolat li jaħdem għal rasu u li mhux marbut ma’ xi ħadd li jimpjegah b’kuntratt ta’ impieg jew b’xi tip ieħor ta’ relazzjoni b’ġerarkija tax-xogħol, li huwa liberu li jorganizza l-attivitajiet relevanti tax-xogħol, li l-introjtu tiegħu jiddependi direttament mill-profitti magħmula u li għandu l-libertà li, individwalment jew permezz ta’ kooperazzjoni bejn sewwieqa li jaħdmu għal rashom, ikollu relazzjonijiet kummerċjali ma diversi klijenti.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, dawk is-sewwieqa li ma jissodisfawx dawn il-kriterji għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħal dawk li hemm provvediment dwarhom għall-ħaddiema mobbli b’din id-Direttiva;

[…]”

Id-dritt Spanjol

7

Skont l-Artikolu 1 tat-test rivedut tal-Ley del Estatuto de los Trabajadores (liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema), approvata bir-Real Decreto Legislativo 1/1995 (Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”):

“1.   Din il-liġi tapplika għall-ħaddiema li jagħtu s-servizzi tagħhom volontarjament b’remunerazzjoni fl-interess ta’ ħaddieħor fil-kuntest tal-organizzazzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra, msejħa l-persuna li timpjega jew l-imprenditur.

[…]

3.   Huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi:

[…]

g)

b’mod ġenerali, kull xogħol magħmul fil-qafas ta’ relazzjoni differenti minn dik iddefinita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

Għal dan il-għan, titqies bħala eskluża mir-relazzjonijiet ta’ xogħol l-attività eżerċitata minn persuni li jipprovdu servizzi ta’ trasport koperti minn awtorizzazzjonijiet amministrattivi fil-pussess tagħhom, magħmula, b’korrispettiv tal-prezz korrispondenti, bl-għajnuna ta’ vetturi kummerċjali ddedikati għal attivitajiet ta’ trasport li huwa s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika u li dawn il-persuni huma proprjetarji tagħhom jew li fir-rigward tagħhom huma għandhom setgħa ta’ dispożizzjoni diretta, anki jekk dawn is-servizzi huma pprovduti b’mod kontinwu lill-istess operatur jew negozjant.

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fit-2 ta’ Ġunju 2008, J. M. Pérez Retamero kkonkluda ma’ TNT kuntratt imsejjaħ “kuntratt ‘legali’ ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport”. Konformement mal-kuntratt imsemmi, TNT kienet fdat lil J. M. Pérez Retamero l-inkarigu li jgħabbi u li jwassal merkanzija fit-territorju ta’ Cataluna (Spanja), li jimla u li jipprovdi dokumenti bil-għan tal-ħruġ mid-dwana, billi indikat istruzzjonijiet preċiżi għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni, biex jgħabbi, jaħżen, iħott u jneħħi mill-ħażna l-merkanzija ttrasportata u, finalment, biex jamministra l-irkupru tal-ammonti relattivi għal merkanziji li jitwasslu jew jiġu kkunsinnati. Barra minn hekk, dan il-kuntratt kien jipprovdi li TNT setgħet tibdel b’mod sħiħ jew parzjalment u b’mod unilaterali l-prinċipji u r-regoli applikabbli għas-servizzi ta’ trasport. Kien ingħata telefon ċellulari b’sim card ipprovduta mill-operatur Vodafone lil J. M. Pérez Retamero, sabiex dan ikun jista’ jwettaq xogħolu. Ukoll konformement mal-kuntratt imsemmi, J. M. Pérez Retamero kellu jissottoskrivi assigurazzjoni ta’ trasport u, f’kull każ, jassumi r-responsabbiltà għat-telf jew għall-qerda tal-merkanzija kif ukoll għad-dewmien fil-kunsinna. It-tul inizjali tal-istess kuntratt kien ġie ffissat għal sitt xhur. Madankollu, dan seta’ jiġi estiż għal perijodi suċċessivi tal-istess tul. Ir-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-persuna interessata kienet tikkonsisti f’somma f’daqqa dovuta għal kull jum ta’ xogħol u kienet titħallas kull xahar. Il-kuntratt inkwistjoni kien jistabbilixxi li l-vettura użata kellha turi l-kuluri kif ukoll ir-reklamar magħżul minn TNT. Barra minn hekk, J. M. Pérez Retamero kien iddikjara li kien fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ trasport. L-Anness I għal dan il-kuntratt kien jipprovdi li t-trasportatur ikollu superviżur.

9

Il-kuntratt imsemmi ġie estiż jew oħrajn ġew konklużi sussegwentement, iżda l-kontenut ta’ dawn il-kuntratti baqa’, essenzjalment, l-istess.

10

Minn Jannar 2014, filwaqt li wettaq dejjem l-istess xogħol, J. M. Pérez Retamero beda jiffattura s-servizzi pprovduti lil Sapirod, inkarigata minn TNT biex tiżgura s-servizzi ta’ trasport ikkonċernati. Il-karti ta’ aċċess għall-installazzjonijiet ta’ TNT kienu direttament maħruġa minnha lit-trasportaturi. Fuq din il-karta, J. M. Pérez Retamero kien iddefinit bħala “sewwieq impjegat”.

11

J. M. Pérez Retamero kien proprjetarju ta’ vann li l-piż totali ta’ tagħbija awtorizzata tiegħu kienet ta’ 2590 kg u li għalih huwa kellu liċenzja ta’ trasport li tawtorizzah iwettaq servizzi ta’ trasport.

12

Fis-17 ta’ Frar 2015, Sapirod informat verbalment lil J. M. Pérez Retamero li din ma setgħet tipproponilu iktar ebda servizz ta’ trasport. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata b’ittra tas-6 ta’ Marzu 2015.

13

Fis-17 ta’ Marzu 2015, J. M. Pérez Retamero ppreżenta kawża quddiem il-Juzgado de lo Social de Barcelona (qorti tax-xogħol ta’ Barcelona, Spanja), għall-konstatazzjoni li dan kien marbut ma’ Sapirod b’kuntratt ta’ xogħol u li għalhekk, it-tkeċċija tiegħu kienet illegali. Minbarra din it-talba, dan sejjaħ fil-kawża lil TNT għal tpoġġija għad-dispożizzjoni illegali ta’ ħaddiema u, għalhekk, talab li dawn iż-żewġ kumpanniji jiġu kkundannati in solidum.

14

Insostenn tar-rikors tiegħu, J. M. Pérez Retamero osserva li l-kriterji jew elementi kollha li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ xogħol, bħas-subordinazzjoni, ix-xogħol imwettaq għal ħaddieħor u l-inklużjoni fl-organizzazzjoni ta’ impriża, kienu preżenti, b’tali mod li, f’dan il-każ, kellu jiġi konkluż li jeżisti, mhux relazzjoni kummerċjali, iżda kuntratt ta’ xogħol. L-esklużjoni oġġettiva magħmula fl-Artikolu 1(3)(g) tal-Istatut tal-Ħaddiema tmur kontra d-Direttiva 2002/15, b’mod li dan ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “sewwieq li jaħdem għal rasu”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva.

15

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Sapirod, b’mod partikolari, sostniet li ma kienet teżisti ebda kontradizzjoni bejn l-Artikolu 1(3)(g) tal-Istatut tal-Ħaddiema u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15, peress li, f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, id-detenzjoni ta’ “liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva” li tippermetti li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bit-triq, tikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv li jeskludi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Il-fatt li d-dispożizzjoni msemmija tad-dritt tal-Unjoni ma tirreferixxix espressament għall-fatt li l-persuna interessata hija l-proprjetarju tal-vettura jew li għandha s-setgħa li tiddisponi minnha huwa irrilevanti.

16

Quddiem il-qorti tar-rinviju, TNT osservat, b’mod partikolari, li mill-premessa 5 tad-Direttiva 2002/15 jirriżulta li din tal-aħħar ma għandhiex teċċedi dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha u li b’hekk din id-direttiva ma tikkostitwixxix strument leġiżlattiv validu biex issir distinzjoni bejn l-eżerċizzju tal-attività ta’ trasportatur fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol u l-eżerċizzju ta’ din l-attività bħala sewwieq li jaħdem għal rasu.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm l-għan tad-Direttiva 2002/15 ma jikkonsistix fid-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “ħaddiem impjegat” u ta’ “ħaddiema li jaħdmu għal rashom”, il-kwalifika inkwistjoni ssir fundamentalment minħabba s-sistema ta’ responsabbiltà li hija marbuta magħha. Kieku l-għan tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport kien jikkonsisti fl-armonizzazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-kunċetti rispettivi ta’ “ħaddiem mobbli” u ta’ “sewwieq li jaħdem għal rasu”, li jinsabu fl-Artikolu 3(d) u (e) ta’ din id-direttiva, ikollhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social de Barcelona (qorti tax-xogħol ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-definizzjoni ta’ ‘ħaddiem mobbli’ li tinsab fl-Artikolu 3(d) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/15/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni legali interna bħall-Artikolu 1(3)(g) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jipprevedi li ma jistgħux jitqiesu ‘ħaddiema mobbli’ l-persuni li jipprovdu servizzi ta’ trasport koperti b’awtorizzazzjonijiet amministrattivi li għandhom, ipprovduti, […] bl-għajnuna ta’ vetturi […] li fir-rigward tagħhom [huma] għandhom il-proprjetà jew setgħa diretta ta’ dispożizzjoni, […]?

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2002/15/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk l-ebda kriterju ma jkun issodisfatt jew kriterju wieħed ikun issodisfatt għal persuna sabiex titqies ‘ħaddiem mobbli’ [sewwieq li jaħdem għal rasu], għandu jfisser li l-persuna kkonċernata hija ‘ħaddiem mobbli’?”

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

19

L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari ġiet ikkontestata minn Sapirod, TNT, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, b’mod partikolari minħabba li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15 u li b’hekk, l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn dan isegwi li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, EU:C:1997:369, punt 24, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 25).

21

Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali huma dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, EU:C:1997:369 punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 26).

22

Madankollu, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, EU:C:2006:456, punt 33, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 27).

23

Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rifjut ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali jista’ b’mod partikolari jiġi ġġustifikat jekk huwa manifest li d-dritt tal-Unjoni ma japplikax, la direttament u lanqas indirettament, għaċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 28).

24

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/15 mingħajr ma stabbilixxiet li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/15 jirriżulta li din għandha l-għan li tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi b’relazzjoni mal-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, kif ukoll biex tittejjeb is-sigurtà tat-triq u biex jiġu approssimati iktar il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

26

Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/15, id-definizzjonijiet stabbiliti minnha huma stabbiliti “għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva”. B’hekk, l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “ħaddiem mobbli” u ta’ “ħaddiem li jaħdem għal rasu”, iddefiniti fl-Artikolu 3(d) u (e) ta’ din id-direttiva, ma tistax taqbeż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija.

27

Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda rikors għall-kontestazzjoni ta’ tkeċċija, ma tirrigwardax kwistjoni relattiva għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, iżda l-punt jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “ħaddiem mobbli” u b’hekk bħala impjegat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi tax-xogħol nazzjonali u, b’mod iktar partikolari, tal-liġijiet dwar it-tkeċċija mix-xogħol.

28

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15 u li konsegwentement, il-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 3(d) u (e) ta’ din id-direttiva ma jistgħux japplikaw għal din it-tilwima.

29

Isegwi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(d) u (e) tad-Direttiva 2002/15 ma hijiex neċessarja għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

30

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-domandi li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (qorti tax-xogħol ta’ Barcelona) huma inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (qorti tax-xogħol ta’ Barcelona, Spanja) hija inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.