SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ kreditu – Kuntratt ta’ self konkluż mal-konsumatur – Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji – Konsegwenzi ta’ dan il-karattru”

Fil-Kawżi magħquda C‑96/16 u C‑94/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa rispettivament mill-Juzgado de Primera Instancia Nru 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2016, u mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Frar 2017, fil-proċeduri

Banco Santander SA

vs

Mahamadou Demba,

Mercedes Godoy Bonet (C‑96/16),

u

Rafael Ramón Escobedo Cortés

vs

Banco de Sabadell SA (C‑94/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, A. Borg Barthet u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banco Santander, SA, minn A. M. Rodríguez Conde u J. M. Rodríguez Cárcamo, abogados,

għal Banco de Sabadell SA, minn A. M. Rodríguez Conde u J. M. Rodríguez Cárcamo, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, N. Ruiz García u M. van Beek kif ukoll minn A. Cleenewerck de Crayencour, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, l-ewwel, Banco Santander, SA, minn naħa, u Mercedes Godoy Bonet u Mahamadou Demba, min-naħa l-oħra (C‑96/16), u, it-tieni, bejn Ramón Escobedo Cortés u Banco de Sabadell, SA (C‑94/17), dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ self konklużi bejn dawn il-partijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[…]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,”

7

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

10

Il-paragrafu 1(e) tal-Anness tal-istess direttiva jinkludi, fi ħdan il-lista ta’ klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha, dawk li għandhom l-għan jew l-effett li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.

Id-dritt Spanjol

Id-dispożizzjonijiet dwar it-trasferiment ta’ kreditu

11

L-Artikolu 1535 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili), li jirregola d-dritt tad-debitur li jifdi d-dejn tiegħu fil-każ ta’ trasferiment ta’ kreditu, jipprovdi:

“Meta kreditu kontenzjuż jiġi ttrasferit, id-debitur għandu jkollu d-dritt li jaqta’ dan il-kreditu billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-ammont li dan tal-aħħar ikun ħallas kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minnu u l-interessi fuq l-ammont mid-data ta’ dan il-ħlas.

Kreditu jitqies li huwa kontenzjuż meta l-kawża dwaru tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni.

Id-debitur jista’ jinvoka d-dritt tiegħu f’terminu ta’ disat ijiem mit-talba għal ħlas imressqa miċ-ċessjonarju.”

12

Is-sostituzzjoni taċ-ċedent ta’ kreditu biċ-ċessjonarju fil-proċeduri pendenti hija rregolata mill-Artikoli 17 u 540 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE no 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), fejn l-imsemmi Artikolu 17 japplika fil-kuntest tal-proċeduri fuq il-mertu u l-imsemmi Artikolu 540 japplika fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-klawżoli inġusti

13

L-Artikolu 82(1) tat-texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (test li jirriformula l-liġi ġenerali għad-difiża tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet komplementari oħra), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/2007 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE no 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181, iktar’ il quddiem il-“LGDCU”), jipprovdi:

“L-istipulazzjonijiet kollha li ma jkunux ġew innegozjati individwalment u l-prattiki kollha li għalihom ma jkunx ingħata kunsens espress li, kuntrarjament għar-rekwiżit ta’ bona fides, jikkawżaw żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur u għall-utent, għandhom jitqiesu li huma klawżoli inġusti.”

14

L-Artikolu 85(6) tal-LGDCU jipprevedi li huma abbużivi “il-klawżoli li jimponu fuq il-konsumatur u utent li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu, kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli”. Din id-dispożizzjoni tittrasponi d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3(1) u (3) kif ukoll tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, filwaqt li tippreċiża li, fid-dritt Spanjol, it-tip ta’ klawżola msemmi fl-imsemmi punt 1(e) għandha dejjem titqies bħala inġusta.

Il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja)

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑94/17 jirriżulta li, fis-sentenzi tagħha Nru 265/2015, tat-22 ta’ April 2015, Nru 470/2015, tas-7 ta’ Settembru 2015 u Nru 469/2015, tat-8 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem is-“sentenzi tat-22 ta’ April, tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li, fin-nuqqas ta’ kriterji legali li minnhom jirriżultaw regoli ċari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru inġust tal-klawżoli li ma ġewx innegozjati li jiddefinixxu r-rata tal-interessi moratorji fil-kuntratti ta’ self personali konklużi mal-konsumaturi, il-qrati Spanjoli tal-ewwel istanza u tal-appell kienu japplikaw kriterji differenti. Dan kien iwassal għal inċertezza legali kbira u differenza arbitrarja fit-trattament bejn il-konsumaturi skont il-qorti adita bil-kawża. Jeżistu wkoll differenzi importanti fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi tal-karattru possibbilment inġust ta’ dawn il-klawżoli.

16

Konsegwentement, sabiex titwaqqaf din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali u dawn id-differenzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li kien meħtieġ li tiddefinixxi l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust tal-imsemmija klawżoli u li tiddetermina dawn il-konsegwenzi.

17

Għal dan il-għan, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, minn naħa, li, skont l-Artikolu 85(6) tal-LGDCU, huma inġusti l-klawżoli li jimponu fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli. Min-naħa l-oħra, din analizzat id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’każ ta’ ħlas tard mid-debitur fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet f’diversi oqsma kif ukoll ir-rati tal-interessi moratorji ġeneralment previsti fil-kuntratti ta’ self li ġew innegozjati individwalment mal-konsumatur.

18

Minn din l-analiżi hija kkonkludiet li kellhom jiġu ddikjarati inġusti l-klawżoli li ma ġewx innegozjati tal-kuntratti ta’ self personali mal-konsumatur relattivi għall-interessi moratorji li jissodisfaw il-kriterju li jgħid li r-rata ta’ dawn l-interessi għandha taqbeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji miftiehma bejn il-partijiet fil-kuntratt.

19

Fil-fatt, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) spjegat li l-iffissar ta’ tali rata ta’ interessi moratorji twassal għal differenza inġustifikata meta mqabbla mal-perċentwali previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fir-rigward tad-dewmien fil-ħlas mid-debitur imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u li professjonist ma setax raġonevolment iqis li, billi jittratta lill-konsumatur b’mod ġust, dan tal-aħħar jaċċetta, fil-kuntest ta’ negozjati individwali, klawżola li tistabbilixxi interessi ta’ tali rata.

20

Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-karattru inġust tal-klawżoli inkwistjoni, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li, fil-kawżi li kienet adita bihom, ir-rata tal-interessi moratorji ffissati minn dawn il-klawżoli kienet tikkonsisti f’żieda fir-rata tal-interessi ordinarji b’ċertu numru ta’ punti perċentwali. Minn dan hija ddeduċiet li, fl-ipoteżi fejn l-imsemmija klawżoli jiġu ddikjarati inġusti, ikollha titneħħa kompletament iż-żieda li l-interessi moratorji jirrappreżentaw fil-konfront tal-interessi ordinarji, b’mod li huma biss dawn tal-aħħar li jibqgħu jiddekorru. Min-naħa l-oħra, din qieset li ma kienx hemm lok li jitneħħew ukoll l-imsemmija interessi ordinarji, li jżommu l-funzjoni tagħhom ta’ remunerazzjoni għat-tqegħid għad-disponibbiltà ta’ flus mislufin.

21

Is-soluzzjoni adottata fis-sentenzi tat-22 ta’ April, tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015 ġiet estiża għall-kuntratti ta’ self ipotekarju mis-sentenzi Nru 705/2015 tat-23 ta’ Diċembru 2015, Nru 79/2016 tat-18 ta’ Frar 2016 u Nru 364/2016 tat-3 ta’ Ġunju 2016.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑96/16

22

Fit-2 ta’ Novembru 2009 u fit-22 ta’ Settembru 2011, M. Demba u M. Godoy Bonet ikkonkludew żewġ kuntratti ta’ self mal-istabbiliment bankarju Banco Santander SA, rispettivament, għal ammont ta’ EUR 30750 bi skadenza fit-2 ta’ Novembru 2014 fir-rigward tal-ewwel wieħed u għal ammont ta’ EUR 32 153.63 bi skadenza fit-22 ta’ Settembru 2019 fir-rigward tat-tieni wieħed. Skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dawn il-kuntratti, ir-rati tal-interessi ordinarji u moratorji applikabbli kienu ta’ 8.50 % u ta’ 18.50 % għall-ewwel kuntratt, u ta’ 11.20 % u ta’ 23.70 % għat-tieni kuntratt, rispettivament.

23

Peress li M. Demba u M. Godoy Bonet waqfu jħallsu lil Banco Santander il-ħlasijiet mensili previsti mill-imsemmija kuntratti, dan tal-aħħar iddikjara l-iskadenza antiċipata tagħhom u adixxa lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Juzgado de Primera Instancia Nru 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja), b’talba għall-eżekuzzjoni tal-krediti miżmuma fir-rigward ta’ M. Demba u ta’ M. Godoy Bonet għal ammont totali ta’ EUR 53 664.14.

24

Għalkemm din il-possibbiltà ma hijiex prevista mill-kuntratti inkwistjoni, fis-16 ta’ Ġunju 2015, Banco Santander ittrasferixxa dawn il-krediti permezz ta’ att awtentiku lil terz għal ammont stmat għal EUR 3 215.72, billi bbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili. Dan it-terz għalhekk talab li jissostitwixxi ruħu għal Banco Santander fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mressqa minn dan tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

25

Din il-qorti tistaqsi ruħha dwar id-dritt eventwali ta’ M. Demba u ta’ M. Godoy Bonet li jifdu d-dejn tagħhom u, b’hekk, li jaqtugħ billi jħallsu lura lill-imsemmi terz l-ammont li dan ħallas għat-trasferiment inkwistjoni, flimkien mal-interessi, mal-infiq u mal-ispejjeż applikabbli.

26

F’dan ir-rigward, din tenfasizza li, filwaqt li jipprevedi tali dritt ta’ fidi, l-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili madankollu jillimita dan id-dritt għall-krediti msejħa “kontenzjużi”, jiġifieri għal dawk li jkunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni fuq il-mertu fil-kuntest ta’ proċedura dikjaratorja. Għaldaqstant, dan l-artikolu ma jipprevedix il-possibbiltà għad-debitur li jinvoka dan id-dritt fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-kreditu, bħall-proċedura fil-kawżi prinċipali, jew ta’ trasferiment extraġudizzjarju, ħaġa li, skont il-qorti tar-rinviju, ma tiggarantixxix protezzjoni suffiċjenti tal-interessi tal-konsumaturi. Il-qorti msemmija żżid li tali protezzjoni lanqas ma hija żgurata permezz tal-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jirregolaw is-sostituzzjoni taċ-ċedent biċ-ċessjonarju fil-proċeduri pendenti, b’mod partikolari peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux id-dritt tad-debitur li jifdi d-dejn tiegħu previst fl-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili.

27

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-Direttiva 93/13, ta’ prattika li tikkonsisti għal professjonist, fl-assenza ta’ klawżola kuntrattwali speċifika f’dan is-sens, f’li jittrasferixxi jew jixtri kreditu bi prezz baxx, mingħajr ma d-debitur jiġi informat minn qabel b’dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu għalih u mingħajr ma tingħatalu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk li jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-ammont li dan tal-aħħar ikun ħallas għall-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż, interessi u infiq applikabbli.

28

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-karattru eventwalment inġust tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li jiffissaw ir-rata tal-interessi moratorji applikabbli u dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali karattru. F’dan il-kuntest, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 93/13 tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat-22 ta’ April, tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015.

29

F’dan il-kuntest, il-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza nru 38 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

[ a)]

Il-prattika tan-negozju ta’ trasferiment jew xiri tal-krediti mingħajr ma tingħata l-possibbiltà lill-konsumatur li jaqta’ d-dejn billi jħallas il-prezz, l-interessi u l-ispejjeż tal-proċess liċ-ċessjonarju, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, […] u mal-Artikoli 4(2), 12 u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

[b])

L-imsemmija prattika tan-negozju ta’ xiri tad-dejn tal-konsumatur għal prezz baxx mingħajr il-kunsens jew għarfien tiegħu, mingħajr ma tiġi inkluża bħala kundizzjoni ġenerali jew klawżola inġusta imposta fil-kuntratt, u mingħajr ma jingħata l-possibbiltà li jipparteċipa f’dik it-tranżazzjoni billi jixtri u b’hekk jaqta’ d-dejn, hija kompatibbli mal-prinċipji msemmija fid-Direttiva [93/13] u, b’estensjoni, mal-prinċipju ta’ effettività u mal-Artikoli 3(1) u 7 tagħha?

[2)

a)]

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-ġurisprudenza komunitarja li tiżviluppahom, huwa konfomi mad-dritt tal-Unjoni, mad-[Direttiva 93/13] u b’mod partikolari mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li jiġi stabbilit bħala kriterju inekwivoku li, fi ftehimiet ta’ self mhux iggarantit konklużi ma’ konsumaturi, klawżola mhux innegozjata li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji li teċċedi r-rata ta’ interessi [ordinarji] miftiehma b’iktar minn żewġ punti perċentwali, hija inġusta?

[b)]

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-ġurisprudenza komunitarja li tiżviluppahom, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal 5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u b’mod partikolari mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, li jiġi stabbilit, konsegwentement, li interessi ordinarji jibqgħu jakkumulaw sakemm id-dejn ikun tħallas fit-totalità tiegħu?”

Il-Kawża C‑94/17

30

Fil-11 ta’ Jannar 1999, R. R. Escobedo Cortés ikkonkluda ma’ Caja de Ahorros del Mediterrráneo, li sar Banco de Sabadell, kuntratt ta’ self ipotekarju f’ammont ta’ EUR 17 633.70, rimborsabbli permezz ta’ pagamenti mensili. Il-klawżoli 3 u 3a ta’ dan il-kuntratt kienu jipprevedu rata ta’ interessi ordinarji ta’ 5.5 % fis-sena, bla ħsara għal varjazzjoni b’effett mill-ewwel sena. Fil-mument meta seħħew il-fatti rilevanti fil-kawżi prinċipali, din ir-rata kienet tammonta għal 4.75 % fis-sena. Il-klawżola 6 tal-imsemmi kuntratt kienet tistipula li r-rata ta’ interessi moratorji kienet ta’ 25 % fis-sena.

31

R. R. Escobedo Cortés, li kien moruż fil-ħlas, ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Spanja) kontra Banco de Sabadell għall-annullament, b’mod partikolari, ta’ din l-aħħar klawżola, għar-raġuni li din kellha karattru inġust.

32

Din il-qorti ddikjarat li din il-klawżola kienet inġusta u, konsegwentement, qieset li r-rata tal-interessi moratorji applikabbli kellha titnaqqas sal-limitu stabbilit fl-Artikolu 114(3) tal-Ley Hipotecaria (il-Liġi dwar l-Ipoteki), kif emendata bil-Ley 1/2013 de medidas para reforzar li protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social (il-Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u tal-kera soċjali), tal-14 ta’ Mejju 2013 (BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373), li jikkorrispondi għal rata tliet darbiet ogħla mir-rata ta’ interessi legali. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014 tal-Audiencia Provincial de Alicante (il-Qorti Provinċjali ta’ Alicante, Spanja).

33

R. R. Escobedo Cortés ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), għar-raġuni li din tikser l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, peress li l-klawżola tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji kienet ġiet iddikjarata inġusta, dan il-kuntratt ma għandux jibqa’ jipproduċi interessi moratorji u lanqas interessi ordinarji.

34

Skont din il-qorti, dan l-appell iqajjem dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li l-applikazzjoni tagħhom hija indispensabbli sabiex din it-tilwima tiġi deċiża, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ din il-klawżola u l-konsegwenzi ta’ dan il-karattru. B’mod partikolari, jeżistu inċertezzi dwar il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenzi tat-22 ta’ April, tas-7 u tat-8 ta’ Settembru 2015 kif ukoll mis-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2015, tat-18 ta’ Frar 2016 u tat-3 ta’ Ġunju 2016, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, mad-direttiva msemmija.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [93/13], jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali li tiddikjara li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji li tirrappreżenta żieda ta’ iktar minn żewġ punti perċentwali fuq ir-rata ta’ interessi remuneratorji annwali stabbilita fil-kuntratt tikkostitwixxi kumpens sproporzjonalment għoli impost fuq il-konsumatur li jkun baqa’ inadempjenti fil-ħlas u hija, konsegwentement, inġusta?

2)

L-Artikolu 3, moqri flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness, l-Artikoli 4(1), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, jipprekludu interpretazzjoni ġurisprudenzjali li, sabiex tiġi deċiża n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li jistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji, tidentifika bħala suġġett tal-istħarriġ tan-natura inġusta l-ispiża addizzjonali li din ir-rata tirrappreżenta meta mqabbla mar-rata ta’ interessi remuneratorji, sa fejn din tikkostitwixxi “kumpens sproporzjonalment għoli impost fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu” u li tistabbilixxi li l-konsegwenza tal-konstatazzjoni ta’ din in-natura inġusta għandha tkun it-tħassir totali ta’ din l-ispiża addizzjonali, b’tali mod li huma biss l-interessi remuneratorji li għandhom jibqgħu jiddekorru sar-rimbors tas-self?

3)

F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-annullament ta’ klawżola li tistabbilixxi r-rata ta’ interessi moratorji minħabba n-nautra inġusta tagħha għandu jkollha effetti oħra sabiex tkun kompatibbli mad-Direttiva 93/13/KEE, bħal pereżempju t-tħassir tal-maturazzjoni tal-interessi kollha, kemm remuneratorji kif ukoll moratorji, meta l-persuna li tissellef tibqa’ inadempjenti fl-obbligu tagħha li tirrimborsa s-self fl-iskadenzi previsti fil-kuntratt jew inkella il-maturazzjoni tal-interessi legali?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36

Permezz tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2016 u tal-5 ta’ April 2017, it-talbiet rispettivi tal-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza nru 38 ta’ Barcelona, Spanja) u tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), intiżi sabiex il-Kawżi C‑96/16 u C‑94/17 ikunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew miċħuda.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2017, dawn iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑96/16

38

Permezz tal-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑96/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prassi ta’ professjonist li tikkonsisti fit-trasferiment jew fix-xiri ta’ dejn miżmum fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma l-possibbiltà ta’ tali trasferiment tkun prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ dan il-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar jiġi informat minn qabel dwar dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu u mingħajr ma tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-prezz li dan ħallas skont l-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż, l-interessi u l-infiq applikabbli.

39

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li din id-direttiva tapplika biss għall-klawżoli kuntrattwali, bl-esklużjoni tal-prattiki sempliċi.

40

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ebda klawżola kuntrattwali fil-kawżi prinċipali ma tipprevedi u lanqas tinkludi l-possibbiltà għal Banco Santander li jittrasferixxi lil terzi il-kreditu li jkollu fir-rigward tad-debituri fil-kawżi prinċipali kif ukoll id-dritt eventwali ta’ dawn tal-aħħar li jifdu dejn tagħhom mingħand dan it-terz. B’hekk, dan it-trasferiment sar abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili.

41

Minn dan isegwi li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għal prattiki msemmija fil-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑96/16, fin-nuqqas ta’ kull klawżola kuntrattwali f’dan ir-rigward.

42

Sa fejn, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-trasferiment ta’ dejn kif ukoll is-sostituzzjoni taċ-ċessjonarju minflok iċ-ċedent fil-proċeduri pendenti, li jinsabu fl-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili kif ukoll l-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għar-raġuni li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiggarantixxux protezzjoni suffiċjenti tal-interessi tal-konsumaturi għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet statutorji jew regolatorji imperattivi ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija.

43

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva prevista fl-imsemmi Artikolu 1(2), testendi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u għal dawk li huma applikabbli awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti mill-partijiet f’dan ir-rigward. Din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti, liema ekwilibriju l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippreżerva b’mod espliċitu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, Woonhaven Antwerpen, C‑446/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:954, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Essenzjalment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-esklużjoni msemmija tkopri d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi differenti minn dawk relatati mal-kontroll tal-klawżoli inġusti, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali sabiex tevalwa l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, Woonhaven Antwerpen, C‑446/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:954, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fid-digriet tal-5 ta’ Lulju 2016, Banco Popular Español u PL Salvador (C‑7/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:523, punti 24 sa 27), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 kienet tkopri dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili peress li dan l-artikolu kien jikkostitwixxi dispożizzjoni imperattiva u li ma kienx jikkonċerna l-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali għall-evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għandu jingħad ukoll, b’mod iktar ġenerali, li l-imsemmi Artikolu 1535 ma jidhirx li jirrigwarda l-kontroll tal-klawżoli inġusti.

46

Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-istess jgħodd fir-rigward tal-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li madankollu huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-paragrafi (a) u (b) tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑96/16 għandha tkun, minn naħa, li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tapplikax għal prassi ta’ professjonist li tikkonsisti fit-trasferiment jew fix-xiri ta’ dejn miżmum fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma l-possibbiltà ta’ tali trasferiment tkun prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ dan il-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar jiġi informat minn qabel dwar dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu u mingħajr ma tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-prezz li dan ħallas skont l-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż, l-interessi u l-infiq applikabbli. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva lanqas ma tapplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili kif ukoll fl-Artikoli 17 u 540 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jipprevedu tali possibbiltà ta’ fidi u li jirregolaw is-sostituzzjoni taċ-ċedent biċ-ċessjonarju fil-proċeduri pendenti.

Fuq il-paragrafu (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17

48

Permezz tal-paragrafu (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli tkun inġusta, minħabba li timponi li l-konsumatur li jinsab lura fil-ħlasijiet iħallas kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli, meta din ir-rata taqbeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

Fuq l-ammissibbiltà

49

Kemm Banco Santander u l-Gvern Spanjol, fil-Kawża C‑96/16, kif ukoll Banco de Sabadell, fil-Kawża C‑94/17, isostnu li d-domandi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma inammissibbli peress li dawn iqajmu kwistjoni purament ipotetika.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fil-fatt, tali domandi jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwarhom meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati, meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Issa, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragrafu (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta f’din il-kawża jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx b’mod definittiv dwar il-karattru inġust tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li jiffissaw ir-rata tal-interessi moratorji. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din l-istess deċiżjoni jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, din il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk il-kriterju stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), kif imfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita mid-Direttiva 93/13 sa fejn din tapplika b’mod oġġettiv u awtomatiku, mingħajr ma tippermetti li l-qorti nazzjonali adita tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Risposta għal din id-domanda tkun utli għall-qorti msemmija, b’mod partikolari sabiex tiddetermina l-elementi li fuqhom din għandha tibbaża l-verifika tal-karattru inġust tal-klawżoli prinċipali.

53

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17, lanqas ma jidher b’mod manifest li din id-domanda ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, jew li l-problema hija ta’ natura purament ipotetika. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju indikat, essenzjalment, li l-appell li hija adita bih, għalkemm jirrigwarda konkretament il-konsegwenzi tal-karattru inġust tal-klawżola inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, iqajjem ukoll dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 relatati mal-konstatazzjoni ta’ dan il-karattru. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, konformement mal-liġi Spanjola, din il-qorti tista’ jew għandha teżamina mill-ġdid ex officio l-imsemmi karattru fil-kuntest tal-appell pendenti quddiemha u, b’mod iktar partikolari, il-kriterji li fid-dawl tagħhom dan il-karattru għandu jiġi stabbilit — punt li jidher li din għadha ma ddeċidietx b’mod definittiv — u dan peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali għandhiex tiġi ddikjarata inġusta għandha tiġi ttrattata bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku, fejn il-qorti nazzjonali hija marbuta, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, li tevalwa ex officio l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 44, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 40, 4144).

54

Konsegwentement, il-paragrafu (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17 huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

– Osservazzjonijiet preliminari

55

Banco Santander kif ukoll Banco de Sabadell isostnu li l-kriterju stabbilit fil-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jissemma fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ma huwiex vinkolanti. B’hekk, skont dawn l-istituzzjonijiet bankarji, għalkemm il-qrati Spanjoli jidhru, fil-fatt, li applikaw b’mod awtomatiku dan il-kriterju, il-qorti nazzjonali tista’ dejjem, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, tinjorah.

56

Barra minn hekk, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol sostna li l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) hija kumplimentari għas-sistema legali nazzjonali sa fejn din tiżgura interpretazzjoni uniformi tal-liġi mill-qrati nazzjonali. Madankollu, skont dan il-gvern, din il-ġurisprudenza ma għandhiex valur vinkolanti jew obbligatorju, fis-sens li hija nieqsa minn karattru normattiv erga omnes, ma għandhiex is-saħħa ta’ liġi u ma hijiex sors tal-liġi f’dan l-ordinament ġuridiku. B’hekk, il-qrati inferjuri jistgħu jinjorawha u jipprovaw iwasslu lit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) biex ibiddilha. Il-gvern imsemmi żied li l-ġurisprudenza msemmija għandha madankollu saħħa ta’ eżemplarità, fis-sens li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali inferjuri jistgħu jiġu annullati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) jekk dawn jitbiegħdu minn din l-istess ġurisprudenza.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency, C‑507/15, EU:C:2017:129, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont il-qrati tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fil-ġurisprudenza inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, stabbilixxiet preżunzjoni inkonfutabbli li tgħid li klawżola li tissodisfa l-kriterju msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza hija inġusta.

59

Barra minn hekk, essenzjalment, minn dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li n-natura vinkolanti ta’ din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-qrati inferjuri Spanjoli ma tistax tiġi eskluża, fis-sens li dawn huma marbuta, taħt piena ta’ kritika min-naħa tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), adita fl-appell, li jiddikjaraw tal-klawżola bħala inġusta.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula billi tibbaża ruħha fuq il-premessi esposti fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza.

61

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jirriżulta li kull klawżola li tissodisfa l-kriterju msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza hija preżunta li hija inġusta, min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza ma tidhirx li ċċaħħad lill-qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tqis li klawżola ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li ma tissodisfax dan il-kriterju, jiġifieri klawżola li tistabbilixxi rata ta’ interessi moratorji li ma taqbiżx b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji previsti mill-kuntratt, tkun madankollu inġusta u, jekk ikun il-każ, li tinjoraha, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

– Fuq ir-risposta għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17

62

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu qabel kollox jiġi rrilevat, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qrati tar-rinviju, li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tidher li bbażat ruħha, biex tiddefinixxi l-kriterju msemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, fuq il-linji gwida stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

63

Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 17 sa 19 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) eżaminat, għal dan il-għan, ir-regoli nazzjonali applikabbli f’diversi oqsma tad-dritt u pprovat tiddetermina l-livell tar-rata ta’ interessi moratorji li tista’ tiġi raġonevolment aċċettata minn konsumatur ttrattat b’mod leali u ġust fl-aħħar tal-innegozjar individwali, filwaqt li ħarset b’mod partikolari li tinżamm il-funzjoni ta’ dawn l-interessi, li b’mod partikolari hija li tiskoraġġixxi d-dewmien fil-ħlas u l-kumpens proporzjonat lill-kreditur f’każ ta’ tali dewmien. Għalhekk jidher li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti mfakkra b’mod partikolari fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punti 68, 69, 7174).

64

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix l-applikazzjoni ta’ kriterju ġurisprudenzjali, bħal dak imsemmi fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, sa fejn minnu jirriżulta li kull klawżola kuntrattwali li tissodisfah hija preżunta, b’mod inkonfutabbli, abbużiva, għandu jitfakkar li din id-direttiva hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-professjonist fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner,C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-direttiva msemmija tipprovdi, fl-Artikolu 3(1) tagħha, il-projbizzjoni ta’ klawżoli standardizzati li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq għad-dannu tal-konsumatur nuqqas’ ta’ ekwilibriju sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 42).

66

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżoli kuntrattwali li tressqu quddiemha għandhomx jiġu kkwalifikati bħala inġusti, filwaqt li, fil-prinċipju, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din l-istess direttiva, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 71).

67

Essenzjalment, minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li din tipprekludi t-tfassil ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi kriterju li minnu għandu jiġi evalwat il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali, fil-każ fejn din il-leġiżlazzjoni tipprekludi lill-qorti nazzjonali aditi bi klawżola li ma tissodisfax dan il-kriterju milli teżamina dan il-karattru u, jekk ikun il-każ, milli tiddikjara lil din il-klawżola bħala inġusta u teskludiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punti 28 sa 42). Madankollu, kif ġie espost fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li dan huwa l-effett tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

68

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li, fir-rwol tagħhom ta’ armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt u fl-interess taċ-ċertezza legali, il-qrati supremi ta’ Stat Membru, bħat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jistgħu, fl-osservanza tad-Direttiva 93/13, jistabbilixxu xi kriterji li fid-dawl tagħhom il-qrati inferjuri għandhom jeżaminaw il-karattru inġust tal-klawżoli kuntrattwali.

69

Issa, għalkemm il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ċertament ma tidhirx li hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet iktar stretti li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari peress li, kif espona l-Gvern Spanjol waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisprudenza ma tidhirx li għandha s-saħħa ta’ liġi u lanqas ma tikkostitwixxi sors ta’ liġi fis-sistema legali Spanjola, xorta jibqa’ l-fatt li l-istabbiliment ta’ kriterju ġurisprudenzjali, bħal dak stabbilit f’dan il-każ mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), jifforma parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex minn din id-direttiva. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża mhux biex tiżgura bilanċ kuntrattwali globali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, iżda biex tevita li jinħoloq żbilanċ bejn dawn id-drittijiet u dawn l-obbligi għad-detriment tal-konsumaturi.

70

Minn dan isegwi li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix l-istabbiliment ta’ tali kriterju.

71

Għalhekk, ir-risposta għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑94/17 għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli tkun inġusta, minħabba li din timponi li l-konsumatur li jinsab lura fil-ħlasijiet iħallas kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli, meta din ir-rata taqbeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

Fuq il-paragrafu (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u t-tieni domanda fil-Kawża C‑94/17

72

Permezz tal-paragrafu (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑94/17, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li l-konsegwenza tal-karattru inġust ta’ klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fl-eliminazzjoni totali ta’ dawn l-interessi, fejn jibqgħu jiddekorru l-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

73

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali adita bi klawżola kuntrattwali inġusta għandha biss tinjora l-applikazzjoni tagħha sabiex ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma hija awtorizzata tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jissussisti, fil-prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra għajr dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżola msemmija, sa fejn tali persistenza tal-kuntratt tkun ġuridikament possibbli b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-possibbiltà hija limitata għall-każijiet fejn l-invalidità ta’ din il-klawżola tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi tali li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat. F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet essenzjalment iddeċidiet, l-annullament ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli ma jistax ikollu konsegwenzi negattivi għall-konsumatur ikkonċernat sa fejn l-ammonti li jistgħu jintalbu mingħand dan tal-aħħar mill-kreditur ikunu neċessarjament inqas fl-assenza ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punti 3334).

75

Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 ma teħtieġx li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-klawżola ddikjarata inġusta, lil dawk li ma ġewx ikklassifikati bħala tali. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tipproteġi lill-konsumatur u terġa’ tistabbilixxi bilanċ bejn il-partijiet billi tiġi eliminata l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti, filwaqt li tinżamm, fil-prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös, C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 46, u tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 32).

76

B’mod partikolari, minn din id-direttiva ma jirriżultax li l-eliminazzjoni jew it-tħassir tal-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji, minħabba l-karattru inġust tagħha, għandha twassal ukoll għall-eliminazzjoni jew għat-tħassir tal-klawżola tal-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi ordinarji u dan peress li dawn il-klawżoli għandhom jiġu sseparati b’mod ċar. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, għandu fil-fatt jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑94/17, l-interessi moratorji huma intiżi sabiex jippenalizzaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mid-debitur tal-obbligi li jwettaq il-ħlasijiet tas-self fl-iskadenzi miftiehma kuntrattwalment, biex jiskoraġġixxu lil dan id-debitur milli jdum fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu u, jekk ikun il-każ, biex il-kreditur jiġi kkumpensat għad-dannu subit minħabba l-ħlas tard. Min-naħa l-oħra, l-interessi ordinarji għandhom funzjoni ta’ ħlas għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma flus mill-kreditur sad-data tar-rimbors tagħha.

77

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw irrispettivament minn kif inhuma fformulati l-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rata tal-interessi moratorji u dik li tiffissa r-rata tal-interessi ordinarji. B’mod partikolari, dawn japplikaw mhux biss meta r-rata tal-interessi moratorji tkun iddefinita indipendentement mir-rata tal-interessi ordinarji, fi klawżola distinta, iżda wkoll meta r-rata tal-interessi moratorji tkun iddeterminat taħt forma ta’ żieda fir-rata tal-interessi ordinarji minn ċertu numru ta’ punti perċentwali. F’dan l-aħħar każ, peress li l-klawżola inġusta tikkonsisti f’din iż-żieda, id-Direttiva 93/13 teżiġi biss li l-imsemmija żieda tiġi annullata.

78

F’dan il-każ, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qrati tar-rinviju, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li s-soluzzjoni adottata fil-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali timplika li l-qorti nazzjonali, li tkun ikkonstatat il-karattru inġust tal-klawżola ta’ kuntratt ta’ self li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji, teskludi purament u sempliċement l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola jew taż-żieda li jirrappreżentaw dawn l-interessi meta mqabbla mal-interessi ordinarji, mingħajr ma tista’ tissostitwixxi lil dik il-klawżola b’dispożizzjonijiet leġiżlattivi supplimentari jew tirrevedi l-klawżola inkwistjoni, filwaqt li żżomm il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt, b’mod partikolari dik relatata mal-interessi ordinarji.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-paragrafu (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/16 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑94/17 għandha tkun li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li l-konsegwenza tal-karattru inġust ta’ klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fl-eliminazzjoni totali ta’ dawn l-interessi, fejn jibqgħu jiddekorru l-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑94/17

80

Fid-dawl tar-risposta fin-negattiv mogħtija għat-tieni domanda fil-Kawża C‑94/17, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda f’dik il-kawża.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens, minn naħa, li din ma tapplikax għal prassi ta’ professjonist li tikkonsisti fit-trasferiment jew fix-xiri ta’ dejn miżmum fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma l-possibbiltà ta’ tali trasferiment tkun prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ dan il-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar jiġi informat minn qabel dwar dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu u mingħajr ma tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-prezz li dan ħallas skont l-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż, l-interessi u l-infiq applikabbli. Min-naħa l-oħra, din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 1535 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) kif ukoll fl-Artikoli 17 u 540 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tas-7 ta’ Jannar 2000, li jipprevedu tali possibbiltà ta’ fidi u li jirregolaw is-sostituzzjoni taċ-ċedent biċ-ċessjonarju fil-proċeduri pendenti.

 

2)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli tkun inġusta, minħabba li din timponi li l-konsumatur li jinsab lura fil-ħlasijiet iħallas kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli, meta din ir-rata taqbeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

 

3)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li l-konsegwenza tal-karattru inġust ta’ klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fl-eliminazzjoni totali ta’ dawn l-interessi, fejn jibqgħu jiddekorru l-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol