Kawża C‑93/16

Ornua Co-operative Ltd

vs

Tindale & Stanton Ltd España SL

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Karattru unitarju – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 9(1)(b) u (c) – Protezzjoni uniformi tad-dritt mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontra probabbiltajiet ta’ konfużjoni u kontra ħsarat għar-reputazzjoni – Koeżistenza paċifika ta’ din it-trade mark ma’ trade mark nazzjonali użata minn terz f’parti mill-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ koeżistenza paċifika f’partijiet oħra mill-Unjoni – Perċezzjoni tal-konsumatur medju – Differenzi fil-perċezzjoni li jistgħu jeżistu f’partijiet differenti tal-Unjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Lulju 2017

  1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark-Dritt li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark-Użu ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu-Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark-Kriterji ta’ evalwazzjoni-Koeżistenza paċifika bejn trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark nazzjonali użata minn terz f’parti mill-Unjoni Ewropea-Assenza ta’ tali koeżistenza paċifika f’parti oħra tal-Unjoni-Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni-Inammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 9(1)(b))

  2. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark-Dritt li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark-Użu ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu-Probabbiltà ta’ konfużjoni limitata għal parti mill-Unjoni-Kriterji ta’ evalwazzjoni-Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi rilevanti li jeżistu f’parti mill-Unjoni sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ sinjal f’parti oħra mill-Unjoni-Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 9(1)(b))

  3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea-Effetti tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea-Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark-Dritt li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark-Użu ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu-Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark-Koeżistenza paċifika bejn trade mark magħrufa tal-Unjoni Ewropea u sinjal f’parti mill-Unjoni-Assenza ta’ tali koeżistenza paċifika f’parti oħra tal-Unjoni-Eżistenza ta’ raġuni li tilleġittima l-użu ta’ dan is-sinjal-Assenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 9(1)(c))

  1.  L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni, trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark nazzjonali jikkoeżistu b’mod paċifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix koeżistenza paċifika bejn din it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u s-sinjal identiku għal din it-trade mark nazzjonali, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-imsemmija trade mark tal-Unjoni Ewropea u dan is-sinjal.

    Fil-fatt, kieku l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kien protett biss kontra ħsarat imwettqa fit-territorju kollu tal-Unjoni, ma kienx ikun jista’ jopponi l-użu ta’ sinjali identiċi jew li jixxiebhu li joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti minn dan it-territorju biss, minkejja li l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu bħala għan li jipproteġi lil dan il-proprjetarju, fl-Unjoni kollha, kontra kull użu li jikkawża ħsara għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark tiegħu.

    Konsegwentement, meta l-użu ta’ sinjal joħloq, f’parti mill-Unjoni, probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li, f’parti oħra mill-Unjoni, l-istess użu ma joħloqx tali probabbiltà, ikun hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn din it-trade mark. F’dan il-każ, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita għandha tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati taħt is-sinjal inkwistjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-parti minn dan it-territorju li fih ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C‑223/15, EU:C:2016:719, punti 2536).

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, barra minn hekk, li l-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti mill-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li din l-evalwazzjoni għandha tinkludi paragun viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade mark u tas-sinjal użat mit-terz, li jista’ jwassal, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, għal konklużjonijiet differenti għal parti mill-Unjoni u għal parti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C‑223/15, EU:C:2016:719, punti 3133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    (ara l-punti 32, 33, 36, 38, u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-elementi li, skont il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, huma rilevanti għall-evalwazzjoni dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jistax jipprojbixxi, f’parti mill-Unjoni Ewropea li ma hijiex koperta minn dawn il-proċedimenti, l-użu ta’ sinjal, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-proprjetarju jistax jipprojbixxi l-użu ta’ dan is-sinjal fil-parti mill-Unjoni koperta mill-imsemmija proċedimenti, sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċirkustanzi soċjokulturali ma jkunux differenti b’mod sinjifikattiv f’waħda mill-imsemmija partijiet mill-Unjoni milli fl-oħra.

    (ara l-punt 47 u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li, f’parti mill-Unjoni Ewropea, trade mark li għandha reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea u sinjal jikkoeżistu b’mod paċifiku ma jippermettix li jiġi konkluż li f’parti oħra mill-Unjoni, fejn ma teżistix din il-koeżistenza paċifika, hemm raġuni valida li tilleġittima l-użu ta’ dan is-sinjal.

    (ara l-punt 60 u d-dispożittiv 3)