SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
18 ta’ Jannar 2017 ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tranżazzjonijiet taxxabbli — Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi bi ħlas’ — Ħlas ta’ miżati lil soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati bħala kumpens ġust — Esklużjoni”
Fil-Kawża C‑37/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura
Minister Finansów
vs
Stowarzyszenie Artystów Wykonawców Utworów Muzycznych i Słowno-Muzycznych SAWP z siedzibą w Warszawie (SAWP),
fil-preżenza ta’:
Prokuratura Generalna,
Stowarzyszenie Zbiorowego Zarządzania Prawami Autorskimi Twórców Dzieł Naukowych i Technicznych Kopipol,
Stowarzyszenie Autorów i Wydawców Copyright Polska,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Stowarzyszenie Artystów Wykonawców Utworów Muzycznych i Słowno-Muzycznych SAWP (SAWP), minn A. Załęska, konsulent fiskali, |
— |
għal Stowarzyszenie Zbiorowego Zarządzania Prawami Autorskimi Twórców Dzieł Naukowych i Technicznych Kopipol, minn M. Poniewski, bħala aġent, |
— |
għal Stowarzyszenie Autorów i Wydawców Copyright Polska, minn T. Michalik, konsulent fiskali, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn A. Magrippi u S. Charitaki, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Minister Finansów (ministru tal-finanzi, il-Polonja) u Stowarzyszenie Artystów Wykonawców Utworów Muzycznych i Słowno-Muzycznych SAWP z siedzibą w Warszawie (SAWP) [assoċjazzjoni ta’ artisti ta’ xogħlijiet mużikali bil-kliem jew mingħajr kliem (SAWP), stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-miżata fuq l-apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew oġġetti li jaqgħu taħt drittijiet relatati u fuq it-tagħmir intiż li jikkopja tali xogħlijiet jew tali oġġetti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva tal-VAT
3 |
Id-Direttiva tal-VAT tipprevedi, fl-Artikolu 2(1)(ċ) tagħha: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT: […]
|
4 |
L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT jaqra kif ġej: “‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.” |
5 |
Skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT: “Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:
|
6 |
L-Artikolu 220(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi: “Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dan li ġej, tinħareġ fattura, jew minnha nfisha jew mill-klijent tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:
[…]” |
Id-Direttiva 2001/29/KE
7 |
Id-Direttiva 2001/29/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
|
8 |
L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin: […]
|
Id-dritt Pollakk
Id-dispożizzjonijiet dwar il-VAT
9 |
L’ustawa o podatku od towarów i usług (liġi dwar it-taxxa fuq il-merkanzija u s-servizzi), tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2011, Nru 177, pożizzjoni 1054), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 5(1) tagħha: “Dawn li ġejjin huma suġġetti għall-VAT: il-provvista ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju nazzjonali”. |
10 |
Skont l-Artikolu 8(1) u (2)(a) tal-imsemmija liġi: “Il-provvista ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 5(1)(1) tfisser kull provvista lil persuna fiżika jew ġuridika, jew entità mingħajr personalità ġuridika, li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 7, inklużi:
[…] 2a) Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tipparteċipa fi provvista ta’ servizzi, hija għandha titqies li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess. […]” |
Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati
11 |
L’ustawa o prawie autorskim i prawach pokrewnych (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati), tal‑4 ta’ Frar 1994 (Dz.U. tal‑2006, Nru 90, pożizzjoni 631), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tal‑4 ta’ Frar 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati”) tipprevedi, fl-Artikolu 20 tagħha: “1. Il-produtturi u importaturi ta’:
2. Il-miżati miġbura mill-bejgħ ta’ reġistraturi awdjo u apparat simili ieħor jew tagħmir relatat li jaħżen id-data għandhom jitqassmu kif ġej:
[…] 4. Il-miżati miġbura mill-bejgħ ta’ apparat ta’ riproduzzjoni u ta’ tagħmir relatat li jaħżen id-data għandhom jitqassmu kif ġej:
5. Il-ministru responsabbli mill-kultura u mill-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali, wara konsultazzjoni mas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, mal-assoċjazzjonijiet ta’ awturi, ta’ artisti, ta’ produtturi ta’ fonogrammi u ta’ vidjogrammi u ta’ edituri, kif ukoll mal-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi jew importaturi ta’ apparat u ta’ tagħmir li jaħżen id-data msemmi fil-paragrafu 1, għandu jiddefinixxi b’regolament: il-kategoriji ta’ apparat u ta’ tagħmir, l-ammont tal-miżati msemmija fil-paragrafu 1, skont il-kapaċità ta’ riproduzzjoni tal-apparat u tat-tagħmir kif ukoll skont l-użi l-oħra li huma intiżi għalihom, il-modalitajiet ta’ ġbir u ta’ tqassim tal-miżati u s-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati li huma kompetenti sabiex jiġbruhom.” |
12 |
Skont l-Artikolu 201(1) tal-liġi tal‑4 ta’ Frar 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati: “Id-detenturi ta’ apparat ta’ riproduzzjoni li jeżerċitaw attività ekonomika ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet intiżi għall-użu privat ta’ min jikkopja għandhom iħallsu miżata lill-awturi u lill-edituri, permezz tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, li tammonta għal mhux iktar minn 3 % tad-dħul tagħhom, sakemm ir-riproduzzjoni ma tkunx is-suġġett ta’ kuntratt mad-detentur tad-drittijiet. Il-miżati jitqassmu f’partijiet indaqs bejn l-awturi u l-edituri.” |
13 |
L-Artikolu 104(1) tal-liġi tal‑4 ta’ Frar 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati: […] l-assoċjazzjonijiet li jiġbru flimkien l-awturi, l-artisti u l-produtturi jew l-organizzazzjonijiet tax-xandir, li l-għan tagħhom jikkonsisti fl-amministrazzjoni kollettiva u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati li jingħataw lilhom, kif ukoll fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti mil-liġi.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
SAWP talbet lill-ministru tal-finanzi sabiex jieħu pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-miżati fuq it-tagħmir li jaħżen id-data u l-apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni, imħallsa mill-produtturi u mill-importaturi ta’ tali apparat u tagħmir skont l-Artikolu 20 tal-liġi tal‑4 ta’ Frar 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, humiex suġġetti għall-VAT. |
15 |
Permezz ta’ opinjoni individwali tal‑20 ta’ Awwissu 2012, il-ministru tal-finanzi indika li l-ammonti mħallsa lil SAWP mill-produtturi u mill-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni kienu jikkostitwixxu ħlas għall-użu tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati marbuta mal-bejgħ ta’ apparat intiż li jikkopja x-xogħlijiet u li, konsegwentement, dawn l-ammonti kellhom jitqiesu bħala ħlas għas-servizzi pprovduti mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati u, bħala tali, kellhom ikunu suġġetti għall-VAT. |
16 |
Għalhekk SAWP ippreżentat rikors quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (qorti amministrattiva tal-provinċja ta’ Varsavja, il-Polonja) u talbet l-annullament tal-imsemmija opinjoni individwali. |
17 |
Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2013, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (qorti amministrattiva tal-provinċja ta’ Varsavja) qieset li r-rikors kien fondat. |
18 |
Il-ministru tal-finanzi ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti suprema amministrattiva, il-Polonja), u din tal-aħħar, filwaqt li tindika li fil-Polonja bħalissa jeżistu żewġ insenjamenti ġurisprudenzjali kontradittorji fuq din il-kwistjoni, iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
19 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva tal-VAT għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni jwettqu provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, lill-produtturi u lill-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni li mingħandhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati jiġbru, għall-benefiċċju ta’ dawn id-detenturi iżda f’isimhom stess, miżati fuq il-bejgħ ta’ dan l-apparat u tagħmir. |
20 |
L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT jiddefinixxi “provvista ta’ servizzi” b’kuntrast ma’ “provvista ta’ merkanzija”. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija għandha titqies li hija provvista ta’ servizzi. |
21 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix provvista ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT. |
22 |
L-Artikolu 25 tad-Direttiva tal-VAT jelenka, b’mod indikattiv, tliet tranżazzjonijiet differenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi, fosthom dik fl-ittra (a), li jikkonsistu fl-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli. |
23 |
Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tikkostitwixxi l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli fis-sens tal-punt (a) tal-imsemmi artikolu, u għaldaqstant tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizzi. |
24 |
Issa, qabel din il-kwistjoni, għandu jiġi evalwat jekk tali tranżazzjoni titwettaqx bi ħlas. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, sabiex taqa’ fl-ambitu ta’ din tal-aħħar, tali provvisti ta’ servizzi għandha titwettaq, fi kwalunkwe każ, bi ħlas. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, biss meta teżisti relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Český rozhlas, C‑11/15, EU:C:2016:470, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ikun il-każ jekk teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut, billi s-somom imħallsin jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv għal servizz individwabbli pprovdut fil-kuntest ta’ tali relazzjoni legali (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Société thermale d’Eugénie-les-Bains, C‑277/05, EU:C:2007:440, punt 19). |
27 |
Issa, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, ma jidhirx li teżisti relazzjoni legali li matulha hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi bejn, minn naħa, id-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni jew, skont il-każ, is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ta’ tali drittijiet, u, min-naħa l-oħra, il-produtturi u l-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni. |
28 |
Fil-fatt, l-obbligu li jitħallsu miżati, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa impost fuq dawn il-produtturi u importaturi bis-saħħa tal-liġi nazzjonali li tiddetermina wkoll l-ammont tagħhom. |
29 |
Fit-tieni lok, l-obbligu, għall-produtturi u għall-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni, li jħallsu miżati ma jistax jitqies li jirriżulta mill-provvista ta’ servizz li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv dirett tiegħu. |
30 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-miżati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi li jiffinanzjaw il-kumpens ġust għad-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni. Il-kumpens ġust ma jikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ kwalunkwe servizz, għaliex dan huwa marbut mal-ħsara li tirriżulta għal dawn id-detenturi mir-riproduzzjoni tax-xogħlijiet protetti tagħhom, li saret mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 40). |
31 |
Konsegwentement, tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li twettqet bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjoni li tirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, anki jekk jitqies li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni jistgħu jagħmlu l-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-VAT, lill-produtturi u lill-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni, fatt li ma hemmx il-ħtieġa li jiġi eżaminat, l-imsemmija tranżazzjoni ma taqax, fi kwalunkwe każ, fl-ambitu ta’ din id-direttiva. |
33 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni ma jwettqux provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, lill-produtturi u lill-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni li mingħandhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati jiġbru, għall-benefiċċju ta’ dawn id-detenturi iżda f’isimhom stess, miżati fuq il-bejgħ ta’ dan l-apparat u tagħmir. |
34 |
Peress li t-tieni domanda saret fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel waħda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha. |
Fuq l-ispejjeż
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat‑13 ta’ Lulju 2010, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-detenturi ta’ drittijiet ta’ riproduzzjoni ma jwettqux provvista ta’ servizzi, fis-sens ta’ din id-direttiva, lill-produtturi u lill-importaturi ta’ tagħmir li jaħżen id-data u ta’ apparat għar-reġistrazzjoni u għar-riproduzzjoni li mingħandhom is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati jiġbru, għall-benefiċċju ta’ dawn id-detenturi iżda f’isimhom stess, miżati fuq il-bejgħ ta’ dan l-apparat u tagħmir. |
Firem |
( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.