SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Regolament (KE) Nru°6/2002 – Artikolu 20(1)(ċ), Artikolu 79(1), kif ukoll Artikoli 82, 83, 88 u 89 – Azzjoni għal vjolazzjoni – Limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-disinn Komunitarju – Kunċett ta’ ‘ċitazzjoni’ – Regolament (KE) Nru°44/2001 – Punt 1 tal-Artikolu 6 – Ġurisdizzjoni fir-rigward tal-konvenut konġunt iddomiċiljat barra mill-Istat Membru tal-forum – Portata territorjali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinn Komunitarju – Regolament (KE) Nru°864/2007 – Artikolu 8(2) – Liġi applikabbli għat-talbiet intiżi għall-adozzjoni ta’ digrieti dwar sanzjonijiet u miżuri oħra”

Fil-Kawżi magħquda C-24/16 u C-25/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Jannar 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2016, fil-proċeduri

Nintendo Co. Ltd

vs

BigBen Interactive GmbH,

BigBen Interactive SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nintendo Co. Ltd, minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, Rechtsanwälte,

għal BigBen Interactive GmbH u BigBen Interactive SA, minn W. Götz, C. Onken u C. Kurtz, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1)(ċ), tal-Artikolu 79(1), kif ukoll tal-Artikoli 82, 83, 88 u 89 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) kif ukoll tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Nintendo Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Nintendo”), kumpannija stabbilita fil-Ġappun, u min-naħa l-oħra, BigBen Interactive GmbH (iktar ’il quddiem “BigBen Ġermanja”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, u BigBen Interactive SA (iktar ’il quddiem “BigBen Franza”), kumpannija omm ta’ BigBen Ġermanja stabbilita fi Franza, dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni minħabba l-allegat ksur mill-konvenuti fil-kawża prinċipali tad-drittijiet mogħtija lil Nintendo minn disinni Komunitarji li din tal-aħħar hija proprjetarja tagħhom.

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Dan ir-regolament stess ġie abrogat u ssostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), applikabbli b’effett mill-10 ta’ Jannar 2015. L-Artikolu 66 ta’ dan l-aħħar regolament, dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan “għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015”.

4

Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 kienet tipprevedi:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]”

5

Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament:

“Persuna li tkun domiċiljata fit-territorju Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)

meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

6

Skont l-Artikolu 68(2) tal-imsemmi regolament:

“Sakemm dan ir-Regolament jieħu post id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussel bejn Stati Membri, xi referenzi għal Konvenzjoni għandhom jinfthiemu bħala referenza għal dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament Nru 6/2002

7

Il-premessi 6, 7 u 22 kif ukoll 29 sa 31 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdu kif ġej:

“(6)

[…] l-miri ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri, il-protezzjoni ta’ dritt wieħed tad-disinn għal żona waħda li tikkomprendi l-Istati Membri kollha, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti [minħabba l-portata u l-effetti tal-ħolqien ta’ disinn Komunitarju u ta’ awtorità Komunitarja tad-disinni]

(7)

Il-protezzjoni mtejba għad-disinji industrijali mhux biss tippromwovi l-kontribuzzjoni tad-disinjaturi individwali għas-somma ta’ l-eċċellenza Komunitarja fil-qasam, imma wkoll tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom.

[…]

(22)

L-infurzar ta’ dawn id-drittijiet għandu jitħalla għal-liġijiet nazzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu pprovduti ċerti sanzjonijiet bażiċi u uniformi fl-Istati Membri kollha. Dawn għandhom jagħmulha possibbli, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni li taħtha jiġi mfittex l-infurzar, li jitwaqqfu l-atti tal-kontravenzjonijiet.

[…]

(29)

Huwa essenzjali illi d-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komuniatrju jkunu jistgħu jiġu infurzati f’manjiera effiċjenti fit-territorju kollu tal-[Unjoni].

(30)

Is-sistema tal-litiga għandha tevita safejn u sakemm possibbli ‘ix-xiri mill-foru’. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

(31)

Dan ir-Regolament ma jipprekludix illi jiġu applikati lid-disinji protetti bid-disinji Komunitarji dwar il-liġijiet industrijali tal-proprjetà jew il-liġijiet relevanti l-oħra ta’ l-Istati Membri, bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-disinji miksuba bir-reġistrazzjoni jew dawk li għandhom x’jaqsmu mad-disinji, il-marki tal-fabbrika, il-patenti u l-mudelli ta’ utilità mhux irreġistrati, il-kompetizzjoni mhux ġusta jew il-lijabbiltà ċivili.”

8

L-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Disinn Komunitarju għandu jkollu karattru unitarju. Għandu jkollu effett egwali fil-Komunità kollha. Ma jistax jiġi rreġistrat, ittrasferit jew ċedut jew ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tiddikjarah invalidu, u lanqas ma jista’ jiġi pprojbit l-użu tiegħu, għajr rigward il-Komunità kollha. Dan il-prinċipju u l-implikazzjoni tiegħu għandhom japplikaw għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament.”

9

Skont l-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

10

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru°6/2002, intitolat “Limitazzjoni tad-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju ma għandhomx jiġu eżerċitati rigward:

a)

l-atti magħmula b’mod privat jew għal għanijiet mhux kummerċjali;

b)

l-atti magħmula għal għanijiet esperimentali;

ċ)

l-atti tar-riproduzzjoni bl-għan li jagħmlu ċerti ċitazzjonijiet jew għat-tagħlim, sakemm dawn l-atti jkunu kompatibbli mal-prattika tal-kummerċ ġust u ma jippreġudikawx mingħajr ħtieġa l-isfruttament normali tad-disinn, u li jissemma s-sors.”

11

L-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għajr jekk speċifikat xorta oħra f’dan ir-Regolament, il-[Konvenzjoni ta’ Brussell] għandha tapplika għall-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu mad-disinji Komunitarji u l-applikazzjonijiet għal disinji Komunitarji rreġistrati, kif ukoll rigward il-proċeduri li jkollhom x’jaqsmu ma’ kawżi fuq il-bażi tad-disinji Komunitarji u d-disinji nazzjonali li jgawdu protezzjoni simultanja.”

12

Skont l-Artikolu 79(3) tal-imsemmi regolament, l-Artikoli 2 u 4, il-punti 1 u 3 sa 5 tal-Artikolu 5, il-punt 4 tal-Artikolu 16 u l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma humiex applikabbli għall-proċeduri li jirriżultaw mill-kawżi u mit-talbiet imsemmija fl-Artikolu 81 ta’ dan l-istess regolament. Mill-Artikolu 79(3) jirriżulta wkoll li l-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija konvenzjoni huma applikabbli bla ħsara għal-limiti previsti fl-Artikolu 82(4) tar-Regolament Nru 6/2002.

13

Skont l-Artikolu 80(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-Istati Membi għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom numru limitat kemm jista’ jkun ta’ qrati u tribunali nazzjonali ta’ l-ewwel u t-tieni istanza (qrati tad-disinji Komunitarji) li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b’dan ir-Regolament.”

14

L-Artikolu 81(a) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva rigward:

a)

il-kawżi ta’ kontravenzjoni [vjolazzjoni] u – jekk permessi bil-liġijiet nazzjonali – rigward kontravenzjoni mhedda tad-disinji Komunitarji”.

15

L-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u kull dispożizzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar applikabbli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 79, il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81, għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut jew, jekk ma jkunx iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, f’kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

[…]

5.   Il-proċeduri rigward il-kawżi u l-talbiet riferiti fl-Artikolu 81(a) u (d) jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih kien kommess jew mhedded l-att ta’ kontravenzjoni [vjolazzjoni].”

16

Skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Qorti tad-disinji Komunitarji li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija msejsa fuq l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward l-atti ta’ kontravenzjoni [vjolazzjoni] kommessi jew mhedda ġewwa t-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri.

2.   Qorti tad-disinji Komunitarji li l-ġurisdizzjoni tagħha hija msejsa fuq l-Artikolu 82(5) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward l-atti ta’ kontravenzjoni [vjolazzjoni] kommessi jew mhedda ġewwa t-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tkun lokata din il-qorti.”

17

L-Artikolu 88(2) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“2.   Dwar il-materji kollha mhux koperti b’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tagħha.

3.   Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ kawża li jkollha x’taqsam ma’ dritt ta’ disinn nazzjonali fl-Istat Membru fejn tkun lokata.”

18

Skont l-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 6/2002:

“1.   Meta f’kawża dwar kontravenzjoni [vjolazzjoni] jew kontravenzjoni mhedda qorti tad-disinji Komunitarji ssib illi l-konvenut ikun kiser jew hedded li jikser disinn Komunitarju, għandha, jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk, tordna l-miżuri li ġejjin:

a)

ordni li tipprojbixxi lill-konvenut milli jipproċedi bl-atti li jkunu kisru jew jheddu li jiksru disinn Komunitarju;

b)

ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-prodotti tal-kontravenzjoni;

ċ)

ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-materjali u l-għodod […];

d)

kull ordni ti timponi sanzjonijiet oħra approprjati skond iċ-ċirkostanzi li jkunu pprovduti bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru li fih jiġu kommessi l-atti tal-kontravenzjoni jew tal-kontravenzjoni mhedda, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tiegħu.

2.   Il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tieħu dawn il-miżuri skond il-liġijiet nazzjonali tagħha kif ikunu mmirati sabiex jiżguraw illi jitħarsu l-ordnijiet riferiti fil-paragafu 1.”

Ir-Regolament Nru 864/2007

19

Skont il-premessi 6, 7, 13, 14, 16 u 19 tar-Regolament Nru°864/2007:

“(6)

Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)

Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-[Regolament Nru 44/2001] u [mal-]istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

[…]

(13)

Regoli uniformi, applikati irrispettivament mil-liġi li huma jinvokaw, jistgħu jevitaw ir-riskju ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn litiganti [tal-Unjoni].

(14)

Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja. Dan ir-Regolament jipprevedi l-fatturi ta’ rabta li huma l-aktar adatti sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk, dan ir-Regolament jipprevedi regola ġenerali iżda wkoll regoli speċifiċi u, f’ċerti dispożizzjonijiet, ‘klawsola liberatorja’ li tippermetti deroga minn dawn ir-regoli fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament marbut aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor. Dan il-grupp ta’ regoli b’hekk joħloq qafas flessibbli ta’ regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet. Bl-istess mod, jagħti s-setgħa lill-qorti li quddiemha tressqet it-talba sabiex tittratta kull każ individwali b’mod adatt.

[…]

(16)

Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva.

[…]

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal delitti/kważi-delitti ċivili speċjali fejn ir-regola ġenerali ma tippermettix li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn l-interessi litigati.”

20

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.”

21

L-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni.

2.   Fil-każ ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt Komunitarju unitarju ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi applikabbli għandha tkun, għal kwalunkwe kwistjoni mhux regolata mill-istrument Komunitarju relevanti, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur.”

22

Skont l-Artikolu 15(a)(d) u (g) tal-istess regolament:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

a)

il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;

[…]

d)

fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti mil-liġi proċedurali tagħha, il-miżuri li qorti tista’ tieħu għall-prevenzjoni jew għat-terminazzjoni ta’ leżjoni jew dannu jew sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kumpens;

[…]

g)

ir-responsabbiltà għall-atti ta’ persuna oħra”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Nintendo hija kumpannija multinazzjonali attiva fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob vidjo u ta’ konsoli ta’ logħob vidjo, fosthom il-konsol ta’ logħob vidjo Wii u l-aċċessorji tiegħu. Hija l-proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji rreġistrati relatati mal-aċċessorji Wii, bħall-apparat ta’ kontroll remot Wii, l-aċċessorju msejjaħ “Nunchuck” għall-apparat ta’ kontroll remot Wii, li jippermetti l-kontroll differenti tal-logħob kompatibbli, il-konnettur imsejjaħ “Wii Motion Plus” li jista’ jiġi konness mal-apparat ta’ kontroll remot, kif ukoll il-Balance Board, aċċessorju li jippermetti lil min qiegħed jilgħab jikkontrolla l-logħba permezz ta’ bdil fil-piż.

24

Big Ben France timmanifattura apparat ta’ kontroll remot u aċċessorji oħra kompatibbli mal-konsol ta’ logħob vidjo Wii u tbiegħu, permezz tas-sit internet tagħha, direttament lil konsumaturi li jinsabu fi Franza, fil-Belġju u fil-Lussemburgu kif ukoll lis-sussidjarja tagħha, BigBen Ġermanja. Din tal-aħħar tbiegħ il-prodotti mmanifatturati minn BigBen France, b’mod partikolari permezz tas-sit internet tagħha, lil konsumaturi li jinsabu fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

25

Mill-faxxikolu sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li BigBen Ġermanja ma għandhiex stokk tagħha stess tal-prodotti. Barra minn hekk, hija tittrażmetti l-ordnijiet li tirċievi mingħand il-konsumaturi lil BigBen Franza. Il-provvista tal- prodotti li allegatament jikkostitwixxu vjolazzjoni għalhekk issir fi Franza. BigBen Ġermanja u BigBen Franza jużaw ukoll immaġnijiet ta’ prodotti li jikkorrispondu għal disinni protetti u li l-proprjetarja tagħhom hija Nintendo, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni legali, inkluż għal finijiet ta’ reklamar ta’ ċerti prodotti oħra li huma jikkummerċjalizzaw.

26

Nintendo tqis li l-kummerċjalizzazzjoni minn BigBen Ġermanja u BigBen Franza ta’ ċerti prodotti mmanifatturati minn din tal-aħħar tikser id-drittijiet li hija tislet minn disinni Komunitarji rreġistrati li hija proprjetarja tagħhom. Hija tqis ukoll li dawn iż-żewġ kumpanniji ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti bħala li għandhom dritt li jużaw immaġnijiet ta’ prodotti li jikkorrispondu għal dawn id-disinni għall-attività kummerċjali tagħhom. Konsegwentement, hija ressqet kawża quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) permezz ta’ rikorsi kontra BigBen Ġermanja u BigBen Franza intiżi li jikkonstataw li dawn kisru d-drittijiet mogħtija lilhom mill-imsemmija disinni.

27

L-imsemmija qorti rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ksur minn BigBen Ġermanja u BigBen Franza ta’ disinni Komunitarji rreġistrati ta’ Nintendo. Madankollu, din il-qorti ċaħdet ir-rikors sa fejn jikkonċerna l-użu ta’ immaġnijiet ta’ prodotti li jikkorrispondu għal disinni mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. L-imsemmija qorti għalhekk ikkundannat lil BigBen Ġermanja tieqaf milli tuża l-imsemmija disinni fit-territorju tal-Unjoni u laqgħet ukoll, mingħajr limitazzjoni territorjali, it-talbiet annessi ta’ Nintendo, intiżi li jintbagħtulha informazzjoni, kontijiet u dokumenti miżmuma mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li jiġi kkonstatat l-obbligu ta’ kumpens lilha, li jiġu ordnati l-qerda u l-irtirar tal-prodotti inkwistjoni u l-pubblikazzjoni tas-sentenza kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat sostnuti minn Nintendo (iktar ’il quddiem it-“talbiet annessi”).

28

Fir-rigward ta’ BigBen Franza, il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) irrikonoxxiet il-kompetenza internazzjonali tagħha fir-rigward ta’ din il-kumpannija u kkundannata tieqaf milli tuża d-disinni protetti inkwistjoni, fit-territorju tal-Unjoni. Fir-rigward tat-talbiet annessi, hija llimitat il-portata tas-sentenza tagħha għall-attivitajiet ta’ BigBen Franza marbuta mal-prodotti inkwistjoni li hija tforni lil BigBen Ġermanja, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-limitazzjoni territorjali tal-portata tas-sentenza tagħha. Hija qieset id-dritt applikabbli bħala dak tal-post tal-ksur u kienet tal-fehma li f’dan il-każ kien id-dritt Ġermaniż, id-dritt Awstrijak u d-dritt Franċiż.

29

Kemm Nintendo kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf).

30

Insostenn tar-rikors tagħha, BigBen France tinvoka l-assenza ta’ ġuridizzjoni tal-qrati Ġermaniżi li jadottaw digrieti fir-rigward tagħha li huma applikabbli fl-Unjoni kollha u tqis li tali digrieti jista’ biss ikollhom portata territorjali nazzjonali. Min-naħa tagħha, Nintendo tikkontesta l-limitazzjoni ta’ tali digrieti biss għall-prodotti li jinsabu fil-katina ta’ provvista bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali. Nintendo ssostni wkoll li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġi rrikonoxxuti bħala li għandhom id-dritt li jużaw, matul l-attività ekonomika tagħhom u għall-finijiet li jbigħu l-prodotti tagħhom stess, l-immaġnijiet tal-prodotti li jikkorrispondu mad-disinni Komunitarji rreġistrati, filwaqt li l-konvenuti fil-kawżi prinċipali jsostnu li tali użu huwa konformi mar-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, Nintendo hija tal-fehma li d-dritt Ġermaniż għandu jiġi applikat għat-talbiet tagħha relatati ma’ BigBen Ġermanja u d-dritt Franċiż għat-talbiet relatati ma’ BigBen Franza, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf).

31

Għaldaqstant, Nintendo titlob lill-qorti tar-rinviju tordna lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jieqfu milli jipproduċu, jimportaw, jesportaw, jużaw jew jaħżnu għal dawn il-finijiet il-prodotti inkwistjoni fl-Unjoni u/jew jirrappreżentaw dawn il-prodotti, jew skont il-każ, jużaw immaġnijiet tal-imsemmija prodotti li jikkorrispondu għad-disinni Komunitarji ta’ Nintendo, fit-territorju kollu tal-Unjoni. It-talba ta’ Nintendo dwar il-waqfien tal-manifattura tal-prodotti li, fil-fehma tagħha, jiksru d-disinni Komunitarji rreġistrati li hija proprjetarja tagħhom tikkonċerna biss lil BigBen Franza.

32

Barra minn hekk, Nintendo titlob li t-talbiet annessi tagħha jintlaqgħu.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ssostni, fl-ewwel lok, li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha rigward it-talbiet li jirrigwardaw BigBen Franza jirriżultaw mill-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li t-talbiet ta’ Nintendo li jirrigwardaw lil BigBen Ġermanja u lil BigBen Franza huma konnessi minħabba l-eżistenza tal-katina ta’ provvista ta’ allegati prodotti li jikkostitwixxu vjolazzjoni bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali. Madankollu, din il-qorti tiddubita, fid-dawl tal-argumenti esposti quddiemha kemm minn Nintendo kif ukoll minn BigBen Franza, jekk il-portata tas-sentenza mogħtija mil-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) dwar BigBen Franza, fir-rigward tat-talbiet ta’ Nintendo, hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 44/2001 u 6/2002.

34

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjoni dwar jekk u f’liema ċirkustanzi terz jista’ legalment juża prodott li jikkorrispondi ma’ disinn Komunitarju sabiex jirreklama l-prodotti li huwa jikkummerċjalizza u li jikkostitwixxu aċċessorji għal prodotti li jikkorrispondu ma’ tali disinn irreġistrat hija novità. Għaldaqstant, hija neċessarja interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċitazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002.

35

Fit-tielet lok, din il-qorti għandha dubji dwar il-liġi applikabbli għat-talbiet annessi ta’ Nintendo kemm dwar l-ewwel kif ukoll dwar it-tieni konvenut fil-kawża prinċipali u tistaqsi, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari dwar il-portata tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja, imfassla f’termini identiċi fil-Kawżi C-24/16 u C-25/16:

“1)

Fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex timplementa d-drittijiet li jirriżultaw minn disinn Komunitarju quddiem qorti ta’ Stat Membru, meta l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ konvenut tirriżulta biss mill-Artikolu 79(1) tar-Regolament […] Nru 6/2002 […] moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill […] Nru 44/2001 […] minħabba li dan il-konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkunsinna lil konvenut ieħor stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat prodotti li possibbilment jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tali qorti tista’ tadotta kontra l-ewwel wieħed mill-konvenuti msemmija digrieti li japplikaw fl-Unjoni kollha u li ma jkunux limitati għar‑relazzjonijiet ta’ kunsinna li fuqhom tkun ibbażata l-ġurisdizzjoni?

2)

Ir-Regolament […] Nru 6/2002 […] partikolarment l-Artikolu 20(1)(ċ) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li terz jista’ jipproduċi mill-ġdid għal finijiet kummerċjali d-disinn Komunitarju, meta huwa jkollu l-intenzjoni li jikkum[m]erċjalizza aċċessorji relatati ma’ prodotti – li jikkorrispondu għad-disinn tal-proprjetarju? Jekk iva, liema huma l-kriterji applikabbli?

3)

Kif għandu jiġi ddeterminat il-pajjiż ‘fejn ikun seħħ il-ksur’ għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament […] Ruma II fil-każijiet fejn:

a)

l-awtur tal-ksur joffri permezz ta’ sit tal-internet prodotti li jiksru drittijiet protetti, meta dan is-sit tal-internet ikun indirizzat ukoll lil Stati Membri oħra għajr dak li fih l-awtur tal-ksur ikun stabbilit;

b)

l-awtur tal-ksur jittrasporta, fi Stat Membru għajr dak li fih ikun stabbilit, prodotti li jiksru drittijiet protetti?

L-Artikolu 15(a) u (g) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli hekk iddeterminata għandha tapplika wkoll għall-atti ta’ kompliċità ta’ persuni oħra?”

37

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2016, il-Kawżi C-24/16 u C-25/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

38

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tad-disinni Komunitarji li quddiemha tkun tressqet azzjoni għal vjolazzjoni tkun ibbażata, fir-rigward tal-ewwel konvenut, fuq l-Artikolu 82(1) tar-Regolament Nru°6/2002 u, fir-rigward tat-tieni konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor, fuq il-punt 1 tal-Artikolu 6, moqri flimkien mal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li dan it-tieni konvenut jimmanifattura u jikkunsinna lill-ewwel konvenut il-prodotti li dan tal-aħħar jikkumerċjalizza, din il-qorti tista’, fuq talba tar-rikorrent, tadotta digrieti fir-rigward tat-tieni konvenut dwar il-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 89(1) u l-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u li jkopru wkoll l-aġir ta’ dan it-tieni konvenut għajr dak marbut mal-katina ta’ provvista msemmija iktar ’il fuq u li għandhom, skont il-każ, portata li testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi sostnut li, skont l-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 6/2002, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament kif ukoll għal dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li huma applikabbli, peress li r-riferiment għal din il-konvenzjoni għandu jinftiehem, skont l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 44/2001, bħala riferiment għal dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji previsti fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 6/2002 sabiex jiddeċiedu dwar kawżi u talbiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 81 tiegħu, tirriżulta mir-regoli previsti direttament minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Bayerische Motoren Werke, C-433/16, EU:C:2017:550, punt 39).

40

Dan l-Artikolu 82(1) jipprevedi li l-kawżi u t-talbiet jaqgħu prinċipalment taħt il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa ddomiċiljat il-konvenut jew, jekk ma huwiex iddomiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu stabbiliment.

41

Fir-rigward tal-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 82, dan jistabbilixxi, b’mod partikolari, ġurisdizzjoni alternattiva favur qrati tad-disinni Komunitarji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq l-att ta’ vjolazzjoni jew ġie mhedded li jitwettaq tali att ta’ vjolazzjoni.

42

Dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom in-natura ta’ lex specialis fir-rigward tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Bayerische Motoren Werke, C-433/16, EU:C:2017:550, punt 39).

43

Skont l-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru°6/2002, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 huma applikabbli għall-proċeduri dwar disinni Komunitarji. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 79 jelenka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li ma humiex applikabbli għall-proċeduri li jirriżultaw minn kawżi u talbiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 6/2002.

44

Il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex fost id-dispożizzjonijiet elenkati fl-imsemmi paragrafu 3 tal-Artikolu 79. Barra minn hekk, il-lex specialis ikkostitwita mir-regoli previsti fir-Regolament Nru 6/2002, imfakkra fil-punti 40 u 41 tas-sentenza preżenti, ma tinkludix dettalji addizzjonali dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1). Qorti tad-disinni Komunitarji, bħall-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, tista’ għalhekk, skont din id-dispożizzjoni u bla ħsara għall-fatt li l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi jkunu sodisfatti, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni li tkun tressqet kontra konvenut li ma huwiex iddomiċiljat fl-Istat Membru fejn tinsab din il-qorti.

45

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fost il-kawżi differenti, imressqa mill-istess rikorrent kontra konvenuti differenti, hemmx konnessjoni b’tali mod li hemm lok li dawn jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu irrikonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament. Sabiex deċiżjonijiet jistgħu jitqiesu li huma irrikonċiljabbli, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm diverġenza fis-soluzzjoni tal-kawżi, iżda tali diverġenza għandha tqum fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni fattwali u legali (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-privattivi jirriżulta li, meta jkun hemm azzjonijiet ta’ vjolazzjoni li jitressqu quddiem numru ta’ qrati fi Stati Membri differenti, kontra konvenuti ddomiċiljati f’dawn l-Istati, għal fatti allegatament imwettqa fit-territorju tagħhom, ma jkunx hemm lok għal kwalunkwe diverġenzi bejn id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati kkonċernati fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni legali, peress li kull azzjoni għal vjolazzjoni ta’ privattiva Ewropea għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dritt nazzjonali fis-seħħ f’kull Stat li fir-rigward tiegħu tkun ingħatat. Għaldaqstant, deċiżjonijiet diverġenti possibbli ma jistgħux jitqiesu li huma kontradittorji (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et, C-539/03, EU:C:2006:458, punti 30 sa 32).

47

Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew b’mod partikolari, billi rreferew għal din il-ġurisprudenza, li wħud mit-talbiet li tressqu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, intiżi għall-għoti ta’ informazzjoni, ta’ kontijiet u ta’ dokumenti minn dawn il-konvenuti, għall-konstatazzjoni tal-obbligu ta’ kumpens, għall-qerda u għall-irtirar tal-prodotti inkwistjoni, għar-rimbors tal-ispejjeż tal-avukat u għall-pubblikazzjoni tas-sentenza, jiddependu mill-applikazzjoni mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u għalhekk ma jistgħux jaqgħu taħt l-istess sitwazzjoni legali. Fil-fatt, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm riferiment għal tali talbiet kemm fl-Artikolu 89(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll fl-Artikolu 88(2) tiegħu, u kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tirreferi għad-dritt nazzjonali. Isegwi li dawn it-talbiet ma humiex irregolati b’mod awtonomu mir-Regolament Nru 6/2002, iżda jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C-479/12, EU:C:2014:75, punti 52 sa 54).

48

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni legali hija ssodisfatta fil-kawżi prinċipali, peress li t-talbiet tar-rikorrenti mressqa quddiemha kontra ż-żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali jaqgħu effettivament fil-kuntest tal-istess sitwazzjoni legali, minħabba b’mod partikolari n-natura unitarja tad-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju, kif ukoll fid-dawl tal-armonizzazzjoni parzjali tal-metodi ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stabbilita mid-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol.2, p. 32).

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi sostnut li huwa d-dritt esklużiv li jintuża d-disinn Komunitarju li huwa proprjetarju tiegħu u li jipprekludi lil terzi minn kull użu mhux awtorizzat tiegħu, stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002, li dan il-proprjetarju huwa intiż li jipproteġi bit-tressiq ta’ azzjoni ta’ vjolazzjoni. Peress li dan id-dritt jipproduċi l-istess effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni, il-fatt li ċerti digrieti li jistgħu jiġu adottati mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan id-dritt jiddependu mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-eżistenza tal-istess sitwazzjoni legali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001.

50

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-istess sitwazzjoni legali, mit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-eżistenza ta’ kunsinna ta’ prodotti li allegatament jikkostitwixxu vjolazzjoni mwettqa, l-ewwel nett, minn BigBen Franza lil BigBen Ġermanja u, it-tieni nett, minn din tal-aħħar lill-klijenti tagħha tippermetti li jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. Madankollu, hija tistaqsi jekk id-digrieti li l-adozzjoni tagħhom hija mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħux jikkonċernaw dawn il-provvisti biss, li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza tagħha, jew jekk jistgħux jikkonċernaw, barra minn hekk, provvisti oħra, bħal dawk li twettqu minn BigBen Franza biss.

51

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċpali, fejn waħda mill-konvenuti fil-kawżi prinċipali hija kumpannija omm u l-oħra s-sussidjarja tagħha, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tallega atti ta’ vjolazzjoni simili, jew saħansitra identiċi, li jiksru l-istess disinni protetti u li jirrigwardaw prodotti identiċi li allegatament jikkostitwixxu vjolazzjoni, immanifatturati mill-kumpannija omm li tikkummerċjalizzahom f’isimha f’ċerti Stati Membri u tbigħhom ukoll lis-sussidjarja tagħha għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom minn din tal-aħħar fi Stati Membri oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-każ fejn kumpanniji konvenuti li jappartjenu mal-istess grupp ikunu aġixxew b’mod identiku jew simili, skont politika komuni mfassla minn waħda minnhom, għandu jitqies li jikkostitwixxi l-istess sitwazzjoni fattwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et, C-539/03, EU:C:2006:458, punt 34).

52

Għaldaqstant, u b’kunsiderazzjoni għall-għan tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, intiż b’mod partikolari sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli, l-eżistenza tal-istess sitwazzjoni fattwali għandha f’tali ċirkustanzi, għalkemm għandu jkun hemm prova ta’ dawn tal-aħħar, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u fejn tkun saret talba f’dan is-sens, tkopri l-attivitajiet kollha tad-diversi konvenuti, inkluż il-provvisti magħmula mill-kumpannija omm f’isimha, u ma għandhiex tkun limitata għal ċerti aspetti jew għal ċerti elementi tagħha.

53

Fir-rigward tal-portata territorjali tad-digrieti dwar is-sanzjonijiet u ta’ miżuri oħra mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ kull konvenuta fil-kawża prinċipali, għandu jiġi sostnut li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-portata territorjali ta’ projbizzjoni kontra atti oħra ta’ vjolazzjoni jew theddid ieħor ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”) hija stabbilita kemm mill-ġurisdizzjoni territorjali ta’ qorti tat-trade marks Komunitarji li tordna din il-projbizzjoni kif ukoll mill-portata territorjali tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, li hija ppreġudikata bil-vjolazzjoni jew bit-theddid ta’ vjolazzjoni, kif tali portata tirriżulta mir-Regolament Nru 70/94 (sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C-235/09, EU:C:2011:238, punt 33).

54

Din is-soluzzjoni tista’ tiġi direttament trasposta għall-analiżi tal-portata territorjali ta’ projbizzjoni kontra atti oħra ta’ vjolazzjoni jew theddid ieħor ta’ vjolazzjoni ta’ disinni Komunitarji, irregolata b’mod awtonomu bl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, fid-dawl tas-similitudni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 40/94 u 6/2002, li jirregolaw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet mogħtija mit-trade marks Komunitarji u mid-disinni Komunitarji rispettivament.

55

Lanqas ma tista’ tiġi ammessa soluzzjoni differenti għad-determinazzjoni tal-portata territorjali ta’ digrieti mogħtija minn qorti tad-disinni Komunitarji fir-rigward ta’ talbiet dwar sanzjonijiet u miżuri oħra, bħal dawk li saru fil-kawżi prinċipali minn Nintendo, li ma humiex irregolati b’mod awtonomu mir-Regolament Nru 6/2002.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 6/2002 għandu l-għan, imfakkar fil-premessa 29 tiegħu, li jiggarantixxi protezzjoni effikaċji tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju fit-territorju kollu tal-Unjoni. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, dan l-għan huwa essenzjali fid-dawl tan-natura unitarja ta’ tali disinni u tal-fatt li dawn jipproduċu l-istess effetti fl-Unjoni kollha. L-imsemmi għan jintlaħaq, fis-sistema tal-protezzjoni tal-imsemmija drittijiet, stabbilita mir-Regolament Nru 6/2002, minn naħa, minn numru ta’ sanzjonijiet uniformi bażiċi previsti b’mod awtonomu minn dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, minn sanzjonijiet u miżuri oħra li jitħallew f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali.

57

Fil-fatt, filwaqt li l-imsemmi regolament jirrikonoxxi b’mod ċar, fil-premessa 22 tiegħu, l-importanza ta’ sanzjonijiet uniformi bażiċi intiżi, indipendentement mill-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, li jtemmu l-atti ta’ vjolazzjoni, jirrikonoxxi wkoll, f’din il-premessa, moqrija flimkien mal-premessa 29 tal-istess regolament, li l-miżuri li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali jikkontribwixxu, bl-istess mod, sabiex jintlaħaq dan l-għan.

58

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-portata territorjali tad-digrieti dwar sanzjonijiet u miżuri oħra, bħal dawk mitluba minn Nintendo fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 53 tas-sentenza preżenti.

59

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-portata territorjali tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ disinn Komunitarju, mogħtija bis-saħħa tar-Regolament Nru 6/2002, dawn jestendu, fil-prinċipju, għat-territorju kollu tal-Unjoni, fejn id-disinni jgawdu minn protezzjoni uniformi u jipproduċu l-effetti tagħhom (ara, b’anaoloġija, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C-235/09, EU:C:2011:238, punt 39).

60

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, id-disinn Komunitarju huwa ta’ natura unitarja u jipproduċi l-istess effetti fl-Unjoni kollha. Skont din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi rreġistrat, ittrasferit, irtirat jew ikun suġġett għal deċiżjoni ta’ invalidità, u l-użu tiegħu ma jistax jiġi pprojbit, salv għat-territorju kollu tal-Unjoni, u tali prinċipju għandu japplika bla ħsara għal dispożizzjoni oħra kuntrarja fl-imsemmi regolament.

61

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti tad-disinni Komunitarji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li quddiemha tressqet azzjoni għal vjolazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81(a) tar-Regolament Nru 6/2002, li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 82(1) fir-rigward ta’ waħda mill-konvenuti u li quddiemha tressqet kawża kontra l-konvenuta l-oħra mhux iddomiċiljata fl-Istat Membru tal-imsemmija qorti skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 6/2002 jirregola, b’mod awtonomu, il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinni Komunitarji fil-qasam tal-vjolazzjoni u jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 82(1),(2),(3) jew (4) ta’ dan ir-regolament għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda li jiġu mwettqa fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru.

62

Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 83 jipprovdi li qorti tad-disinni Komunitarji, li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 82(5) ta’ dan ir-regolament, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda li tiġi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab din il-qorti.

63

Ir-Regolament Nru 6/2002 ma jispeċifikax espliċitament liema għandha tkun il-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-disinni Komunitarji f’sitwazzjoni, bħal dik deskritta fil-punt 61 tas-sentenza preżenti. Madankollu, la mill-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti ma jirriżulta li l-qrati li ġew validament aditi skont il-punt 1 tal-Artikolu 6 sussegwentement ikollhom ġurisdizzjoni territorjali limitata fir-rigward tal-konvenut li ma huwiex iddomiċiljat fl-Istat Membru tal-forum.

64

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ġurisdizzjoni territorjali ta’ qorti tad-disinni Komunitarju, li quddiemha titressaq azzjoni ta’ vjolazzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(a) tar-Regolament Nru 6/2002, f’kundizzjonijiet bħal dawk imfakkra fil-punt 61 tas-sentenza preżenti, testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni fir-rigward tal-konvenut mhux iddomiċiljat fl-Istat Membru tal-forum.

65

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-iskema ġenerali u mal-għanijiet tar-Regolament Nru 6/2002. Minn naħa, skont l-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament u kif tfakkar fil-punti 61 u 62 tas-sentenza preżenti, huwa biss meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-disinni Komunitarji tkun ibbażata fuq l-Artikolu 82(5) tal-imsemmi regolament li tali qorti jkollha ġurisdizzjoni territorjali limitata għall-atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

66

Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni tista’ tiżgura t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni effettiva ta’ disinni Komunitarji rreġistrati fit-territorju kollu tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 6/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Celaya Emparanza y Galdos International, C-488/10, EU:C:2012:88, punt 44).

67

Mill-kunsiderazzjonijiet preċeenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tad-disinni Komunitarji li quddiemha tkun tressqet azzjoni għal vjolazzjoni tkun ibbażata, fir-rigward tal-ewwel konvenut, fuq l-Artikolu 82(1) tar-Regolament Nru°6/2002 u, fir-rigward tat-tieni konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor, fuq il-punt 1 tal-Artikolu 6, moqri flimkien mal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li dan it-tieni konvenut jimmanifattura u jikkunsinna lill-ewwel konvenut il-prodotti li dan tal-aħħar jikkumerċjalizza, din il-qorti tista’, fuq talba tar-rikorrent, tadotta digrieti fir-rigward tat-tieni konvenut dwar il-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 89(1) u l-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u li jkopru wkoll l-aġir ta’ dan it-tieni konvenut għajr dak marbut mal-katina ta’ provvista msemmija iktar ’il fuq u li għandhom portata li testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

68

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li terz li, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju, juża, inkluż permezz tas-sit internet tiegħu, l-immaġnijiet tal-prodotti li jikkorrispondu għal tali disinni, meta jbigħ legalment prodotti intiżi li jintużaw bħala aċċessorji tal-prodotti speċifiċi tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija minn dawn id-disinni, sabiex jiġi spjegat jew jintwera l-użu konġunt tal-prodotti hekk offerti għall-bejgħ u tal-prodotti speċifiċi tal-proprjetarju tal-imsemmija drittijiet, iwettaq att ta’ riproduzzjoni għal finijiet ta’ “ċitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 20(1)(ċ) u, fl-affermattiv, b’liema kundizzjonijiet jista’ jiġi ammess tali att ta’ riproduzzjoni.

69

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi sostnut li l-limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarji stabbiliti fl-Artikolu 20(1)(ċ) tapplika meta l-użu ta’ tali disinni protetti minn terz għall-finijiet ta’ ċitazzjoni tikkostitwixxi “att ta’ riproduzzjoni” tagħhom. Rappreżentazzjoni bidimensjonali ta’ prodott li jikkorrispondi għal disinn Komunitarju tista’ tikkostitwixxi tali att.

70

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk tali att ta’ riproduzzjoni twettaqx għal finijiet ta’ “ċitazzjoni”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tal-kunċett ta’ “ċitazzjoni”. Mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha, u tali interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C-201/13, EU:C:2014:2132, punt 14, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2015, Lazar, C-350/14, EU:C:2015:802, punt 21).

71

Fir-rigward tat-termini użati fl-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, minn eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn ivarjaw, sa fejn uħud minn dawn il-verżjonijiet, fosthom il-verżjoni Franċiża u Olandiża, jużaw it-terminu “illustrazzjoni”, filwaqt li verżjonijiet oħra jirreferu għall-kunċett ta’ “ċitazzjoni”, kif ġie nnotat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu.

72

Skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni purament letterali ta’ verżjoni lingwistika waħda jew ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-oħrajn, ma tistax tipprevali peress li l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni teżiġi li dawn jiġu interpretati fid-dawl tal-verżjonijiet kollha mfasla bil-lingwi kollha. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Popescu, C-632/15, EU:C:2017:303, punt 35).

73

Fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 6 u 7 tiegħu, dan jistabbilixxi protezzjoni tad-disinni għal territorju wieħed li jinkludi l-Istati Membri kollha, protezzjoni aħjar tad-disinn industrijali li għandha bħala effett li tiffavorixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet ukoll li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-disinni Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Celaya Emparanza y Galdos International, C-488/10, EU:C:2012:88, punt 44).

74

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jillimitaw id-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju ta’ tali disinni bis-saħħa tal-imsemmi regolament, bħall-Artikolu 20(1)(ċ) tiegħu, għandhom jiġu interpretati b’mod strett, mingħajr madankollu ma din l-interpretazzjoni tkun tista’ timmina l-effett utli tal-limitazzjoni hekk stabbilita u tippreġudika l-finalità tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C-145/10, EU:C:2011:798, punti 109133).

75

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarji favur atti mwettqa privatament u għall-finijiet mhux kummerċjali. Peress li l-limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-disinn Komunitarju, prevista fl-Artikolu 20(1)(ċ) hija distinta minn dik prevista fl-Artikolu 20(1)(a), għandu jitqies li l-atti ta’ riproduzzjoni li hemm riferiment għalihom hemmhekk għandhom isiru fil-kuntest ta’ attività kummerċjali.

76

Fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ “ċitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni hija intiża li tillimita d-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju favur atti ta’ riproduzzjoni li jservu bħala bażi għall-ispjegazzjonijiet jew kummenti personali ta’ min għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq din il-limitazzjoni. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 6/2002, imsemmi fil-punt 73 tas-sentenza preżenti, il-fatt li impriża tiġi prekluża milli toħloq prodotti ġodda intiżi li jkunu kompatibbli ma’ prodotti eżistenti, li jikkorrispondu ma’ disinni Komunitarji li l-proprjetarja tagħhom hija impriża oħra, milli tuża l-immaġnijiet ta’ dawn il-prodotti eżistenti meta tqiegħed legalment għall-bejgħ il-prodotti tagħha stess, sabiex tispjega jew turi l-użu konġunt ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, jista’ jiskoraġġixxi l-innovazzjoni, sitwazzjoni li hija intiża li tiġi evitata mill-imsemmi regolament, kif josserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu.

77

Għaldaqstant, terz li jikkummerċjalizza b’mod legali prodotti intiżi li jintużaw ma’ prodotti speċifiċi li jikkorrispondu ma’ disinni Komunitarji u li jirriproduċi dawn tal-aħħar sabiex jispjega jew juri l-użu konġunt ta’ dawn il-prodotti li huwa jikkummerċjalizza u ta’ prodott li jikkorrispondi ma’ disinn protett, iwettaq att ta’ riproduzzjoni għall-finijiet ta’ “ċitazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002.

78

Fir-rigward tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-kundizzjonijiet li jillimitaw il-possibbiltà li din il-limitazzjoni tittieħed bħala bażi, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li din il-limitazzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, il-kompatibbiltà tal-atti ta’ riproduzzjoni mal-prattiki kummerċjali leali, l-assenza ta’ ħsara indebita għall-użu normali tad-disinn minħabba tali atti u l-indikazzjoni tas-sors.

79

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa għal finijiet ta’ ċitazzjoni mal-prattiki kummerċjali leali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett ta’ “prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali” fis-sens, b’mod partikolari, tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), fis-sens li tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ obbligu ta’ lealtà fir-rigward tal-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C-228/03, EU:C:2005:177, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali leali” fis-sens tal-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002.

80

Għaldaqstant, att ta’ riproduzzjoni għal finijiet ta’ ċitazzjoni jew ta’ tagħlim ta’ disinni protetti, ma huwiex konformi mal-prattiki kummerċjali leali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta dan jitwettaq b’mod li jagħti l-impressjoni li hemm rabta kummerċjali bejn it-terz u l-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija disinni, jew meta t-terz, li jixtieq jibbaża ruħu fuq il-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jintużaw konġuntament ma’ prodotti li jikkorrispondu mad-disinni protetti, jikser id-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju tad-disinn protett mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002, jew meta dan it-terz jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni kummerċjali tal-imsemmi proprjetarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland, C-228/03, EU:C:2005:177, punti 42, 43 45, 47 u 48).

81

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa għal finijiet ta’ ċitazzjoni mal-prattiki kummerċjali leali, b’teħid inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ ineżami, b’mod partikolari tal-preżentazzjoni globali tal-prodott ikkummerċjalizzat mit-terz.

82

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kundizzjoni li teżiġi li atti ta’ riproduzzjoni mwettqa għal finijiet ta’ ċitazzjoni ma jippreġudikawx indebitament l-użu normali tad-disinn Komunitarju, għandu jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni hija intiża li jiġi prekluż li l-att ta’ riproduzzjoni għal finijiet ta’ ċitazzjoni jaffettwa negattivament l-interessi ekonomiċi li l-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarju jista’ jikseb minn użu normali tal-imsemmija disinni. Il-qorti tar-rinviju diġà indikat li hija tqis din it-tieni kundizzjoni ssodisfatta fil-kuntest tal-kawżi prinċipali.

83

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-obbligu ta’ indikazzjoni tas-sors, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 ma jispeċifikax kif għandha ssir din l-indikazzjoni. Kif ġie kkonstatat fil-punt 75 tas-sentenza preżenti, din id-dispożizzjoni hija intiża li tawtorizza l-użu tad-disinni Komunitarji għal finijiet ta’ ċitazzjoni u ta’ tagħlim f’attività kummerċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tas-sors, huwa neċessarju b’mod partikolari li t-tip ta’ indikazzjoni magħżula għal dan il-għan tippermetti lil konsumatur raġonevolment informat, u raġonevolament attent u avżat, li jidentifika faċilment l-oriġini kummerċjali tal-prodott li jikkorrispondi mad-disinn Komunitarju.

85

Madankollu, peress li, fil-kawżi prinċipali, l-indikazzjoni tas-sors issir permezz tat-twaħħil ta’ trade mark tal-Unjoni tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarji protetti, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali indikazzjoni hijiex konformi mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trade marks.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li terz li, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju, juża, inkluż permezz tas-sit internet tiegħu, l-immaġnijiet tal-prodotti li jikkorrispondu għal tali disinni, meta jbigħ legalment prodotti intiżi li jintużaw bħala aċċessorji tal-prodotti speċifiċi tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija minn dawn id-disinni, sabiex jiġi spjegat jew jintwera l-użu konġunt tal-prodotti hekk offerti għall-bejgħ u tal-prodotti speċifiċi tal-propjretarju tal-imsemmija drittijiet, iwettaq att ta’ riproduzzjoni għal finijiet ta’ “ċitazzjoni” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 20(1)(ċ); dan l-att huwa għalhekk awtorizzat taħt din id-dispożizzjoni sa fejn josserva l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti hemmhekk, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq it-tielet domanda

87

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-qorti tar-rinviju tispeċifika li hija tagħmel it-tielet domanda biss sa fejn tkun ikkonstatat li BigBen Ġermanja u BigBen Franza kisru d-drittijiet mogħtija lil Nintendo mid-disinni Komunitarji minħabba, minn naħa, il-manifattura, l-offerta, it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-ħażna għal dawn il-finijiet, ta’ prodotti li huma jikkummerċjalizzaw jew, min-naħa l-oħra, minħabba l-użu ta’ immaġnijiet ta’ prodotti li jikkorrispondu mal-imsemmija disinni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li huma joffru għall-bejgħ.

88

Filwaqt li huwa minnu li l-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mogħtija mid-disinni Komunitarji, ma jistax jitqies, kuntrarjament għal dak li tipproponi l-Kummissjoni Ewropea, li t-tielet domanda hija konsegwentement inammissibbli. Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali biss li quddiemhom titressaq il-kawża li għandhom jevalwaw, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ tali ksur fil-kawżi prinċipali ma hijiex purament ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts, C-29/16, EU:C:2017:343, punt 24).

89

It-tieni nett, għandu jiġi speċifikat li t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tirreferi biss għas-sanzjonijiet u għall-miżuri mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li huma esposti fil-punt 47 tas-sentenza preżenti u li ma humiex irregolati b’mod awtonomu mill-Artikolu 89(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 6/2002.

90

It-tielet nett, din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8(2) f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kull konvenut fil-kawża prinċipali huwa akkużat b’diversi atti ta’ vjolazzjoni mwettqa f’diversi Stati Membri tal-Unjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk il-liġi denominata minn din id-dispożizzjoni tapplikax, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 864/2007, għall-atti ta’ kompliċità.

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 jiddetermina, f’każ ta’ obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali Komunitarja ta’ natura unitarja, il-liġi applikabbli għal kull domanda li ma hijiex irregolata mill-istrument Komunitarju rilevanti, billi jirreferi għal-liġi tal-pajjiż li fih ikun twettaq il-ksur.

92

Huwa minnu li s-sanzjonijiet u l-miżuri mitluba fil-kawżi prinċipali kontra l-konvenuti fil-kawżi prinċipali u li huma s-suġġett tat-tielet domanda jaqgħu taħt is-sanzjonijiet u l-miżuri li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 88(2) u fl-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, H. Gautzsch Großhandel, C-479/12, EU:C:2014:75, punti 52 sa 54).

93

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirregolawx dawn is-sanzjonijiet u dawn il-miżuri b’mod awtonomu, iżda jirreferu, kif ġie rrilevat fil-punti 47 u 89 tas-sentenza preżenti, għad-dritt tal-Istati Membri li huma jiddenominaw, inkluż id-dritt internazzjonali privat. Għalhekk, sa fejn id-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri, bl-esklużjoni tar-Renju tad-Danimarka, fir-rigward tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet applikabbli, fil-qasam ċivili u kummerċjali, għall-obbligi mhux kuntrattwali, inklużi għal tali obbligi li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali Komunitarja ta’ natura unitarja, ġie armonizzat bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 864/2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C-359/14 u C-475/14, EU:C:2016:40, punt 37), dan ir-riferiment, sa fejn jikkonċerna d-dritt internazzjonali privat, għandu jinftiehem bħala li jkopri d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

94

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, peress li dan il-kunċett ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw is-sens u l-portata tiegħu, it-termini ta’ tali dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 tas-sentenza preżenti, normalment jiġu interpretati, fl-Unjoni kollha, b’mod awtonomu u uniformi b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.

95

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 jirreferi, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, għal-liġi tal-pajjiż fejn ikun inkiser tali dritt. Tali kliem ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk dan il-kunċett jimplikax aġir attiv min-naħa tal-parti li twettaq il-vjolazzjoni fil-pajjiż denominat, bl-esklużjoni tal-post fejn din il-vjolazzjoni tipproduċi l-effetti tagħha. Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, bħall-verżjonijiet bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż, bit-Taljan, bil-Litwan, bl-Olandiż, bil-Portugiż, bis-Sloven u bl-Isvediż huma iktar espliċiti f’dan ir-rigward, peress li jirreferu għal-liġi tal-pajjiż “fejn ikun seħħ il-ksur”. Dan japplika wkoll għall-verżjoni Ingliża li tirreferi għal-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ l-att ta’ vjolazzjoni.

96

Fir-rigward tal-iskema ġenerali u tal-kuntest tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, mill-premessa 16 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-rikors għal regoli uniformi għandu jtejjeb il-prevedibbiltà ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u jiżgura bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna leża. Għal dan il-għan, l-imsemmi regolament jistabbilixxi bħala prinċipju ġenerali r-regola ta’ lex loci damni, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li tipprovdi li l-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali hija dik tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur.

97

Kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 864/2007, il-leġiżlatur tal-Unjoni madankollu rrikonoxxa l-bżonn li jiġu previsti regoli speċifiċi għal delitti jew kważi delitti li fir-rigward tagħhom dan il-prinċipju ġenerali ma jippermettix li jinstab bilanċ raġonevoli bejn l-interessi inkwistjoni. L-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi tali regoli fil-qasam tal-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali ta’ natura unitarja.

98

Isegwi li, sa fejn l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 jipprevedi kriterju ta’ rabta speċifika li huwa differenti mill-prinċipju ġenerali ta’ lex loci damni, previst fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, dan il-kriterju rigward il-liġi tal-“pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur” għandu jinftiehem bħala distint mill-kriterju tal-pajjiż “fejn iseħħ id-dannu” li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-pajjiż tal-post fejn twettaq il-fatt li ta lok għad-dannu li seħħ, jiġifieri dak li fit-territorju tiegħu seħħ l-att ta’ vjolazzjoni.

99

Madankollu, għandu jiġi indikat li l-proċeduri relatati mal-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma kkaratterizzati minn kumplessità partikolari, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu. Ma huwiex rari li diversi atti ta’ vjolazzjoni jiġu allegati fil-konfront tal-istess konvenut, b’mod li diversi postijiet jistgħu jikkostitwixxu, bħala l-post ta’ fejn seħħ il-fatt li ta lok għall-ksur, il-fattur ta’ konnessjoni rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli.

100

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 6/2002, u kif ġie rrilevat fil-punt 49 tas-sentenza preżenti, id-dritt allokat mid-disinn Komunitarju jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt esklużiv li juża jew li jipprekludi lil kull terz li jużah mingħajr il-kunsens tiegħu. Permezz ta’ “użu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem b’mod partikolari, il-manifattura, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih huwa inkorporat id-disinn jew li fir-rigward tiegħu huwa applikat, jew il-ħażna għal dawn il-finijiet.

101

Min-naħa l-oħra, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ natura unitarja huma protetti fit-territorju kollu tal-Unjoni u l-atti ta’ vjolazzjoni jistgħu jitwettqu f’diversi Stati Membri, u għalhekk id-determinazzjoni tal-liġi sostantiva applikabbli hija pjuttost imprevedibbli għall-kwistjonijiet li ma humiex irregolati b’mod awtonomu mill-istrument tal-Unjoni rilevanti.

102

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li r-Regolament Nru 864/2007 huwa intiż, skont il-premessi 6, 13, 14 u 16 tiegħu, li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-eżitu tal-kawżi, iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-liġi applikabbli u l-applikazzjoni uniformi tal-imsemmi regolament fl-Istati Membri kollha (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Homawoo, C-412/10, EU:C:2011:747, punt 34). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 16 u 19 tar-Regolament Nru 864/2007, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, permezz tal-istabbiliment ta’ kriterji ta’ konnessjoni previsti minn dan ir-regolament, jistabbilixxi bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna leża. Għaldaqstant, il-kriterju ta’ konnessjoni previst fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfakkra iktar ’il fuq, kif ukoll il-karatteristiċi tal-qasam li fih huwa intiżi li japplika.

103

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, fejn l-istess konvenut huwa akkużat b’diversi atti ta’ vjolazzjoni li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu” fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, imwettqa f’diversi Stati Membri, huwa neċessarju, sabiex jiġi identifikat il-fatt li ta lok għad-dannu, mhux li jsir riferiment għal kull att ta’ vjolazzjoni allegat, iżda li jiġi evalwat, b’mod globali, l-aġir tal-imsemmi konvenut, sabiex jiġi ddeterminat il-post li ta lok għall-aġir allegat, fejn twettaq jew fejn hemm riskju li jitwettaq l-att ta’ vjolazzjoni inizjali.

104

Tali interpretazzjoni tippermetti lill-qorti adita tidentifika faċilment il-liġi applikabbli billi tuża kriterju ta’ konnessjoni uniku marbut mal-post fejn twettaq jew ġie mhedded li jitwettaq l-att ta’ vjolazzjoni inizjali li huwa l-bażi ta’ diversi atti allegati fil-konfront tal-konvenut, konformement mal-għanijiet imfakkra fil-punt 102 tas-sentenza preżenti. Din l-interpretazzjoni tippermetti wkoll li tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tal-liġi hekk kif iddenominata mill-partijiet fil-kawżi dwar ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-Unjoni.

105

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel ċerti domandi intiżi li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

106

L-ewwel sitwazzjoni li tagħmel riferiment għaliha l-qorti tar-rinviju hija dik li fiha operatur ekonomiku jkun akkużat li offra għall-bejgħ, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija mid-disinni Komunitarji, permezz tas-sit internet tiegħu, prodotti li allegatament jiksru dawn id-drittijiet, sa fejn tali sit huwa aċċessibbli minn konsumaturi li jinsabu fi Stati Membri għajr dak li hija stabbilita fih il-persuna li twettaq il-vjolazzjoni.

107

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-att li permezz tiegħu l-operatur juża l-kummerċ elettroniku billi jipproponi għall-bejgħ, fuq is-sit internet tiegħu, intiż għal konsumaturi li jinsabu f’diversi Stati Membri, prodotti bi ksur tad-drittijiet mogħtija minn disinni Komunitarju, li jistgħu jintwerew fuq skrin u jiġu ordnati permezz tal-imsemmi sit, jikkostitwixxi offerta għall-bejgħ ta’ tali prodotti. Għalhekk, tali operatur iwettaq, fi-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, offerta, kif ukoll tqegħid fis-suq ta’ prodotti li allegatament jikkostitwixxu vjolazzjoni fis-sit internet tiegħu, liema aġir jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

108

F’tali ċirkustanzi, għandu jitqies li l-fatt li ta lok għad-dannu huwa l-aġir tal-operatur li joffri għall-bejgħ prodotti li allegatament jikkostitwixxu vjolazzjoni, b’mod partikolari billi jqiegħdom għall-bejgħ fuq is-sit internet tiegħu. Għalhekk, il-post fejn jitwettaq l-fatt li ta lok għad-dannu, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, huwa dak fejn ġie attivat il-proċess ta’ tqegħid tal-offerta għall-bejgħ minn dan l-operatur fuq is-sit internet tiegħu.

109

Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni li tagħmel riferiment għaliha l-qorti tar-rinviju, li permezz tagħha tistaqsi dwar il-liġi applikabbli meta operatur jittrasporta, fi Stat Membru għajr dak li fih huwa stabbilit, prodotti li allegatament jiksru drittijiet protetti minn disinn Komunitarju minn imprenditur terz, għandu jiġi enfasizzat, kif ġie speċifikat fil-punt 103 tas-sentenza preżenti, li hemm lok, sabiex jiġi identifikat il-fatt li ta lok għad-dannu, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007, mhux li jsir riferiment għal kull att ta’ vjolazzjoni allegat, iżda li jiġi evalwat, b’mod globali, l-aġir tal-imsemmi konvenut, sabiex jiġi ddeterminat il-post li ta lok għall-aġir allegat, fejn twettaq jew fejn hemm riskju li jitwettaq l-att ta’ vjolazzjoni inizjali.

110

Rigward, fl-aħħar nett, id-domanda tal-qorti tar-rinviju li tikkonċerna l-liġi applikabbli għall-atti ta’ kompliċità, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 864/2007 u li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb validament għal tali domanda, u għaldaqstant, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha titqies bħala inammissibbli.

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-pajjiż fejn ikun seħħ il-fatt li ta lok għad-dannu. F’ċirkustanzi fejn l-istess konvenut ikun akkużat bit-twettiq ta’ diversi atti ta’ vjolazzjoni fi Stati Membri differenti, hemm lok, sabiex jiġi identifikat il-fatt li ta lok għad-dannu, mhux li jsir riferiment għal kull att ta’ vjolazzjoni allegat, iżda li jiġi evalwat, b’mod globali, l-aġir tal-imsemmi konvenut, sabiex jiġi ddeterminat il-post li ta lok għall-aġir allegat, fejn twettaq jew fejn hemm riskju li jitwettaq l-att ta’ vjolazzjoni inizjali.

Fuq l-ispejjeż

112

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti tad-disinni Komunitarji li quddiemha tkun tressqet azzjoni għal vjolazzjoni tkun ibbażata, fir-rigward tal-ewwel konvenut, fuq l-Artikolu 82(1) tar-Regolament Nru°6/2002 u, fir-rigward tat-tieni konvenut stabbilit fi Stat Membru ieħor, fuq il-punt 1 tal-Artikolu 6, moqri flimkien mal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 6/2002, minħabba li dan it-tieni konvenut jimmanifattura u jikkunsinna lill-ewwel konvenut il-prodotti li dan tal-aħħar jikkumerċjalizza, din il-qorti tista’, fuq talba tar-rikorrent, tadotta digrieti fir-rigward tat-tieni konvenut dwar il-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 89(1) u l-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, u li jkopru wkoll l-aġir ta’ dan it-tieni konvenut għajr dak marbut mal-katina ta’ provvista msemmija iktar ’il fuq u li għandhom portata li testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni.

 

2)

L-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li terz li, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju, juża, inkluż permezz tas-sit internet tiegħu, l-immaġnijiet tal-prodotti li jikkorrispondu għal tali disinni, meta jbigħ legalment prodotti intiżi li jintużaw bħala aċċessorji tal-prodotti speċifiċi tal-proprjetarju tad-drittijiet mogħtija minn dawn id-disinni, sabiex jiġi spjegat jew jintwera l-użu konġunt tal-prodotti hekk offerti għall-bejgħ u tal-prodotti speċifiċi tal-propjretarju tal-imsemmija drittijiet, iwettaq att ta’ riproduzzjoni għal finijiet ta’ “ċitazzjoni” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 20(1)(ċ); dan l-att huwa għalhekk awtorizzat taħt din id-dispożizzjoni sa fejn josserva l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti hemmhekk, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

3)

L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-pajjiż fejn ikun seħħ il-fatt li ta lok għad-dannu. F’ċirkustanzi fejn l-istess konvenut ikun akkużat bit-twettiq ta’ diversi atti ta’ vjolazzjoni fi Stati Membri differenti, hemm lok, sabiex jiġi identifikat il-fatt li ta lok għad-dannu, mhux li jsir riferiment għal kull att ta’ vjolazzjoni allegat, iżda li jiġi evalwat, b’mod globali, l-aġir tal-imsemmi konvenut, sabiex jiġi ddeterminat il-post li ta lok għall-aġir allegat, fejn twettaq jew fejn hemm riskju li jitwettaq l-att ta’ vjolazzjoni inizjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.