SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) — Artikoli 20 u 21 — Qsim tal-fruntieri interni — Verifiki fit-territorju — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza kontrolli sabiex tiġi stabbilita l-identità tal-persuni maqbuda f’żona ta’ 30 kilometru mill-fruntiera komuni mal-Istati l-oħra li huma parti mill-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Possibbiltà ta’ kontroll indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata jew tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti ċerti miżuri ta’ kontroll tal-persuni fi ħdan stazzjon tal-ferrovija”

Fil-Kawża C‑9/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

A,

fil-preżenza ta’:

Staatsanwaltschaft Offenburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Svizzeru, minn R. Balzaretti, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 562/2006”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra A, ċittadin Ġermaniż, akkużat bi ksur tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar in-narkotiċi kif ukoll li rreżista lill-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-preambolu tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290):

“Il-partijiet kontraenti għolja,

waqt li jinnutaw li l-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni iffirmati minn uħud mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 u fid-19 ta’ Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim relatati u r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehim, ġew integrati fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea bit-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997;

waqt li jixtiequ jippreservaw l-acquis ta’ Schengen, kif ġie żviluppat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, u jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-objettiv li ċ-ċittadini jkollhom spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni;

[…]

qablu dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea”.

4

L-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll jipprovdi:

“L-acquis ta’ Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tas-16 ta’ April 2003 u ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-25 ta’ April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta’ Schengen.”

5

B’mod partikolari, tagħmel parti mill-imsemmi acquis il-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen (il‑Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”), li l-Artikolu 2 tagħha huwa dwar il-qsim tal-fruntieri interni.

6

Skont l-Artikolu 2(1) sa (3) tal-KIFS:

“1.   Il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kullimkien mingħajr ma jsiru kontrolli fuq persuni.

2.   Madankollu, Parti Kontraenti tista’, wara li tikkonsulta mal-Partijiet Kontraenti l-oħra, tiddeċiedi li jsiru kontrolli xierqa fil-fruntieri nazzjonali interni għal perjodu limitat, jekk dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà nazzjonali. Jekk il-politika pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tirrikjedi azzjoni mmedjata, il-Parti Kontraenti kkonċernata għandha tieħu l-miżuri meħtieġa u għandha tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan kemm jista’ jkun malajr.

3.   It-tneħħija ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni m’għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 22, jew l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija fit-territorju ta’ Parti Kontraenti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ dik il-Parti, jew il-ħtieġa li wieħed iżomm, iġorr u juri permessi u dokumenti stipulati taħt il-liġi ta’ dik il-Parti.”

7

L-Artikolu 2 tal-KIFS tħassar b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2006, konformement mal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006.

8

Skont l-Artikolu 2(9) sa (11) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

9)

‘kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

10)

‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu;

11)

’sorveljanza fuq il-fruntiera’ tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, sabiex persuni ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fuq il-fruntiera”.

9

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 intitolat “Qsim tal-fruntieri interni” jiddisponi:

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

10

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament intitolat “Verifiki fit-territorju” jipprevedi:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

(a)

l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fit-tifsira tal-ewwel sentenza, l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

(i)

ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera;

(ii)

ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini;

(iii)

huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

(iv)

huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

[…]

(c)

il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

(d)

il-possibbiltà għal Stat Membru li bil-liġi jipprevedi obbligu fuq ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-[KIFS].”

Id-dritt Ġermaniż

Il-liġi dwar il-pulizija federali

11

Fit-Taqsima 1, intitolata “Dmirijiet u stazzjonar”, tal-Gesetz über die Bundespolizei (liġi fuq il-pulizija federali), tad-19 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2978, iktar ’il quddiem il-“BPolG”), jinsab l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, li huwa stess huwa intitolat “Protezzjoni tal-fruntieri”, li jiddisponi:

“1)   Il-pulizija federali hija responsabbli mill-protezzjoni tat-territorju federali permezz ta’ sorveljanza mill-pulizija tal-fruntieri (protezzjoni tal-fruntieri) sakemm Land, bi ftehim mal-Istat federali, jissodisfa d-dmirijiet tal-pulizija tal-fruntieri permezz ta’ riżorsi proprji.

2)   Il-protezzjoni tal-fruntieri tinkludi:

1.

is-sorveljanza mill-pulizija tal-fruntieri,

2.

il-kontroll mill-pulizija tat-traffiku transkonfinali, inkluż

a)

il-verifika tad-dokumenti li jippermettu l-qsim tal-fruntiera u d-dritt tal-qsim tal-fruntiera,

b)

ir-riċerka fil-fruntiera,

c)

il-prevenzjoni minn theddid,

3.

f’żona li testendi sa 30 kilometru lil hinn mill-fruntiera, u mill-fruntiera marittima, f’raġġ ta’ 50 kilometru, il-prevenzjoni ta’ theddid dirett kontra s-sigurtà tal-fruntiera.

Il-ministeru federali tal-intern huwa awtorizzat, sabiex jiżgura ż-żona tal-fruntiera, li jestendi mill-fruntiera marittima, it-territorju ddefinit fl-ewwel sentenza tal-punt 3 permezz ta’ digriet, bl-approvazzjoni tal-Bundesrat, fejn is-sorveljanza tal-fruntieri fiż-żona kostali Ġermaniża tkun teħtieġ dan. Id-digriet għandu jidentifika b’mod preċiż l-aħħar linja li tiddelimita ż-żona tal-fruntiera estiża. Mill-fruntiera marittima, din il-linja ma għandhiex taqbeż wisa’ ta’ 80 kilometru.

3)   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit fil-forma ta’ ftehim bil-miktub konkluż bejn il-ministeru federali tal-intern u l-Land ikkonċernat, u ppubblikati fil-Bundesanzeiger [ġurnal uffiċjali Ġermaniż]. Il-ftehim għandu jkopri l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-pulizija federali u l-pulizija tal-Land.

4)   Jekk il-pulizija ta’ Land twettaq dmirijiet imsemmija fil-paragrafu 1 bir-riżorsi tagħha stess, bi ftehim mal-Bund, l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-dmirijiet tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-pulizija tal-Land.”

12

F’din it-Taqsima 1, l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, intitolat “Pulizija ferrovjarja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-pulizija federali hija responsabbli, fil-bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija federali, li tipprevjeni r-riskji għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubblika li

1.   jheddu l-utenti, il-faċilitajiet jew it-tħaddim tal-ferroviji, jew

2.   iseħħu waqt it-tħaddim tal-ferroviji jew tal-faċilitajiet ferrovjarji.”

13

F’din l-istess Taqsima 1, l-Artikolu 12 tal-BPolG, intitolat “Prosekuzzjoni ta’ reati kriminali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-pulizija federali tiżgura d-dmirijiet tal-pulizija fil-qasam tal-prosekuzzjoni kriminali (Artikoli 161 u 163 tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali) sa fejn hemm reat allegat [Artikolu 12(2) tal-kodiċi kriminali] li

1.

jikkonċerna s-sigurtà tal-fruntiera jew l-eżekuzzjoni ta’ kompiti msemmija fl-Artikolu 2,

2.

huwa s-suġġett ta’ prosekuzzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar passaport, tal-liġi dwar ir-residenza jew tal-liġi dwar l-ażil, sa fejn dan ir-reat twettaq bil-qsim tal-fruntiera jew b’relazzjoni diretta ma’ dan il-qsim tal-fruntiera,

3.

għandu jippermetti qsim tal-fruntiera permezz ta’ espedjenti, theddid, vjolenzi jew b’mod illegali ieħor, sa fejn dan ir-reat jiġi stabbilit matul kontroll tat-traffiku transkonfinali,

4.

jippermetti li oġġett jaqsam il-fruntiera mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva bħala element li jikkostitwixxi id-dispożizzjoni kriminali, sakemm il-pulizija federali, permezz jew taħt din il-liġi, ma ngħatax il-kontroll tal-projbizzjoni tad-dħul,

[…]”

14

Fit-Taqsima 2 tal-BPolG, intitolata “Setgħat”, il-Parti 1 tas-Subtaqsima 2, tinkludi l-Artikolu 22 ta’ din il-liġi, li huwa stess huwa intitolat “Interrogatorju u dmir ta’ informazzjoni’, li fil-paragrafi 1 u 1a jiddisponi:

“1)   Il-pulizija federali tista’ tinterroga persuna jekk fatti li jissuġġerixxu li din il-persuna tista’ tipprovdi informazzjoni rilevanti għat-twettiq ta’ dmir mill-pulizija federali. Għall-finijiet tal-interrogazzjoni, il-persuna tista’ tiġi arrestata. Meta mitluba, il-persuna għandha tissottometti, għal eżami, id-dokumenti ta’ identità li hija għandha.

1a)   Bil-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul illegali fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-pulizija federali tista’, fil-ferroviji u f’faċilità tal-ferrovija tal-Istat federali (Artikolu 3), sa fejn huwa raġonevoli li wieħed jassumi, fuq il-bażi tal-għarfien tas-sitwazzjoni jew tal-esperjenza tal-pulizija tal-fruntieri, li dan l-apparat sejjer jintuża għal dħul illegali, kif ukoll f’faċilità li sservi għat-trasport bl-ajru jew f’faċilità ta’ ajruport ċivili (Artikolu 4) internazzjonali, twaqqaf għal żmien qasir u tipproċedi bl-interrogazzjoni ta’ kwalunkwe persuna u teħtieġ li din tal-aħħar tipprovdi, għal skopijiet ta’ kontroll, id-dokumenti ta’ identità li hija ġġorr magħha jew id-dokumenti neċessarji għall-qsim tal-fruntiera u li teżamina l-oġġetti li huma fil-pussess tagħha.”

15

Fl-istess Parti 1 tas-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 2, hemm l-Artikolu 23 ta’ din il-liġi, li huwa intitolat “Identifikazzjoni u kontroll tal-karti”, liema paragrafi 1 u 3 huma fformulati kif ġej:

“1)   Il-pulizija federali tista’ tikkontrolla l-identità ta’ persuna

1.

sabiex jiġi evitat perikolu,

2.

matul il-kontroll mill-pulizija tat-traffiku transkonfinali,

3.

f’żona li testendi sa 30 kilometru lil hinn mill-fruntiera għall-prevenzjoni jew sabiex tevita kull dħul mhux awtorizzat fit-territorju federali jew għall-prevenzjoni ta’ reati kriminali fis-sens tal-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 12(1),

4.

meta l-persuna tinsab f’bini tal-pulizija federali [Artikolu 1(3)], faċilità jew f’bini tal-ferrovija federali (Artikolu 3), fil-faċilitajiet tal-ajruport intiżi għat-traffiku tal-ajru (Artikolu 4), fis-sede ta’ korp kostituzzjonali jew ta’ ministeru federali (Artikolu 5), f’punt ta’ qsim tal-fruntiera (Artikolu 61) jew fil-viċinanza immedjata ta’ dawn il-faċilitajiet u li l-fatti jissuġġerixxu li jistgħu jitwettqu reati kriminali li permezz tagħhom persuni f’dawn il-faċilitajiet jew ħdejn dawn il-faċilitajiet jew dawn l-istess faċilitajiet huma direttament mhedda, u li l-kontroll tal-identità huwa neċessarju minħabba l-perikolu preżenti jew indikazzjonijiet dwar il-persuna, jew

5.

għall-protezzjoni tad-dritt privat.

[…]

3)   Għal skopijiet ta’ identifikazzjoni, il-pulizija federali tista’ tieħu l-miżuri neċessarji. Hija b’mod partikolari tista’ twaqqaf il-persuna kkonċernata, tinterrogaha dwar l-identità tagħha u teżiġi li tgħaddi d-dokumenti ta’ identità tagħha sabiex jiġu eżaminati. Matul il-kontroll tal-pulizija tat-traffiku tal-fruntiera, il-pulizija federali tista’ wkoll teżiġi li l-persuna kkonċernata tipprovdi d-dokumenti li jawtorizzaw il-qsim tal-fruntiera. Il-persuna kkonċernata tista’ tiġi arrestata u tittieħed l-għassa tal-pulizija jekk l-identità tagħha jew id-dritt tagħha li taqsam il-fruntiera ma jistgħux jiġu stabbiliti b’mod ieħor jew biss wara diffikultajiet serji. Fil-kundizzjonijiet stipulati fir-raba’ sentenza, il-persuna kkonċernata kif ukoll l-oġġetti li ġġorr jistgħu jiġu mfittxija sabiex jinstabu elementi sabiex tiġi stabbilita l-identità tagħha.

[…]”

Il-Kodiċi Kriminali

16

Skont l-Artikolu 113(1) sa (3) tal-iStrafgesetzbuch (kodiċi kriminali, BGBl. 1998 I, p. 3322), meta uffiċjal pubbliku jew suldat tal-forzi armati Ġermaniżi li huwa inkarigat mill-implementazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti, tas-sentenzi, tad-deċiżjonijiet tal-qrati jew tad-digrieti, iwettaq tali azzjoni bħala parti mis-servizz tiegħu, kull persuna li tirreżisti dan, bil-forza jew bit-theddida ta’ vjolenza, jew ta’ attakk fiżiku, huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija sa tliet snin jew multa.

17

Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 113, l-att ma jkunx punibbli jekk l-azzjoni fil-kuntest tas-servizz ma kinitx legali.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Fl-1 ta’ April 2014, A mexa fuq il-Pont de l’Europe (pont tal-Ewropa) minn Strasbourg (Franza) lejn Kehl (il-Ġermanja), u immedjatament baqa’ sejjer lejn l-istazzjon tad-Deutsche Bahn AG, li jinsab madwar 500 metru ’il bogħod.

19

Żewġ uffiċjali tal-pulizija federali tal-Ġermanja li kienu għassa rawh mill-fetħa li tinsab quddiem l-istazzjon. Abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG, dawn l-uffiċjali ssuġġettaw lil A għal kontroll tal-identità.

20

Peress li A oppona għal dan b’vjolenza, huwa kien akkużat li rreżista lil uffiċjal tal-infurzar tal-liġi skont l-Artikolu 113(1) tal-kodiċi kriminali.

21

L-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl, il-Ġermanja) ikkunsidrat li l-att ta’ reżistenza lil uffiċjal tal-infurzar tal-liġi kien ikkonfermat u li A kellu jiġi ssanzjonat, sa fejn l-atti tal-uffiċjali tal-pulizija effettwati fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom kienu legali. Din il-qorti tqis li, fid-dawl tal-punt 3 tal-Artikolu 23(1) jew tal-Artikolu 22(1a) tal-BPolG, il-kontroll tal-identità ta’ A minn uffiċjali tal-pulizija federali kienet legali.

22

Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi applikat bi prijorità. F’dan ir-rigward hija għalhekk tirreferi għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363). Skont din il-qorti, jekk dawn id-dubji kienu fondati, it-tentattiv ta’ A li jevita bil-vjolenza milli jistabbilixxi l-identità tiegħu ma tkunx punibbli fis-sens tal-Artikolu 113 tal-kodiċi kriminali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Kehl (qorti distrettwali ta’ Kehl) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 […], jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru inkwistjoni s-setgħa li jiċċekjaw, f’żona ta’ mhux iktar minn 30 km mill-fruntiera tal-art ta’ dan l-Istat Membru mal-Istati li huma parti mill-[KIFS], l-identità ta’ kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-aġir tagħha u miċ-ċirkustanzi speċifiċi, għall-prevenzjoni jew għall-waqfien ta’ dħul illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew għall-prevenzjoni ta’ ċerti atti kriminali diretti kontra s-sigurtà jew il-protezzjoni tal-fruntiera jew imwettqa b’rabta mal-qsim tal-fruntiera, fl-assenza ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntiera interna rilevanti skont l-Artikoli [23] et seq [tar-Regolament Nru 562/2006]?

2)

L-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 […], jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru inkwistjoni s-setgħa li jwaqqfu fil-qasir lil kwalunkwe persuna fuq ferrovija jew fil-bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ dan l-Istat Membru, għall-prevenzjoni jew għall-waqfien ta’ dħul illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u jagħmlulha mistoqsijiet u jitolbu lil din il-persuna tipproduċi għall-iskopijiet ta’ ċċekkjar id-dokumenti ta’ identità jew id-dokumenti għall-qsim tal-fruntiera li qed iġġorr magħha u li jispezzjonaw l-oġġetti li hija qed iġġorr, jekk, abbażi ta’ fatti magħrufa jew abbażi tal-esperjenza tal-pulizija fil-fruntieri, jista’ jiġi preżunt li tali ferroviji jew bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija jintużaw għal dħul illegali u li tali dħul isir minn Stat li huwa parti mill-[KIFS], fl-assenza ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntiera interna rilevanti skont l-Artikoli 23 et seq [tar-Regolament Nru 562/2006]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

24

Il-Gvern Ġermaniż jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari billi matul is-seduta sostna li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv lid-domandi magħmula u jekk, għaldaqstant, il-kontroll inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien imur kontra l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, tali risposta ma tkoprix il-legalità tal-azzjoni tal-pulizija Ġermaniża. Konsegwentement, skont dan il-gvern, id-domandi magħmula huma irrilevanti.

25

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-qorti tar-rinviju tindika fid-deċiżjoni preliminari tagħha li hija teħtieġ risposta għad-domandi magħmula sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk għandhiex tissanzjona lill-akkużat talli rreżista lil uffiċjal tal-infurzar tal-liġi, taħt id-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 113(1) tal-kodiċi kriminali. Din il-qorti titlaq minn interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid, li f’każijiet fejn il-kontroll tal-identità inkwistjoni seħħew mingħajr bażi legali, minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mill-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi huma kkunsidrati kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, l-akkużat ma setax jiġi ssanzjonat peress li rreżista lil uffiċjal tal-infurzar tal-liġi taħt l-Artikolu 113(1) tal-kodiċi kriminali.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tagħhom ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Regie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46; tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 63, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27).

27

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li tqis bħala stabbiliti, minkejja d-dubji li ntwerew f’dan ir-rigward mill-Gvern Ġermaniż, iċ-ċirkustanzi fattwali u legali hekk kif deskritti mill-qorti tar-rinviju. Issa, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 tkun ta’ natura tali li tippermetti lill-qorti tar-rinviju ssolvi l-kawża prinċipali.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat is-setgħa li jikkontrollaw l-identità ta’ kull persuna, f’żona ta’ 30 kilometru mill-fruntiera terrestri ta’ dan l-Istat Membru ma’ Stati oħra li huma parti mill-KIFS, bil-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul jew ir-residenza illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew bil-għan li tipprevjeni ċerti reati diretti kontra s-sigurtà tal-fruntiera jew l-implementazzjoni tal-protezzjoni tal-fruntiera jew imwettqa b’rabta mal-qsim tal-fruntiera, indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata u tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, mingħajr ma kien hemm għaldaqstant introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntiera interna kkonċernata, skont l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament Nru 562/2006.

30

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 67(2) TFUE, li jaqa’ taħt it-Titolu V tat-Trattat FUE dwar l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura l-assenza ta’ kontrolli ta’ persuni fuq fruntieri interni. L-Artikolu 77(1)(a) TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika intiża li tiżgura l-assenza ta’ kull kontroll ta’ persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, meta huma jaqsmu dawn il-fruntieri (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 48).

31

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 562/2006, it-tneħħija ta’ kontrolli fuq fruntieri interni tagħmel parti mill-għan tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 26 TFUE, intiż li jistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni fejn ikun żgurat il-moviment liberu tal-persuni (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 49).

32

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jiddisponi li l-fruntieri interni jistgħu jinqasmu f’kull post mingħajr ma jsiru kontrolli fil-fruntieri fuq il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom. Skont l-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, “verifiki fuq il-fruntiera” tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 67, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 51).

33

L-Artikolu 72 TFUE jipprevedi li t-Titolu V tat-Trattat FUE ma jippreġudikax ir-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà interna (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 52).

34

L-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 jiddisponi li t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma tippreġudikax l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru skont id-dritt nazzjonali, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma għandux effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri, u li dan japplika wkoll għaż-żoni tal-fruntiera (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 69, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 53).

35

Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija ma jistax, b’mod partikolari, jitqies li huwa ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-verifiki fil-fruntieri meta l-miżuri tal-pulizija ma jkollhomx l-għan tal-kontroll tal-fruntiera, meta jkunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza tas-servizzi tal-pulizija dwar theddid eventwali għas-sigurtà pubblika u jkunu intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità transkonfinali, meta jkunu fformulati u implementati b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi tal-persuni li jsiru fil-fruntieri esterni u, meta jsiru abbażi ta’ verifiki li jsiru improvviżament (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 70, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 54).

36

Barra minn hekk, il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi obbligu ta’ detenzjoni u ta’ żamma ta’ karti u ta’ dokumenti fid-dritt nazzjonali tiegħu ma hijiex, skont l-Artikolu 21(c) tar-Regolament Nru 562/2006, effettwata mit-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, għandha tiġi żgurata bl-implementazzjoni u bl-osservanza ta’ qafas regolamentari li jiggarantixxi li l-eżerċizzju prattiku tas-setgħa li jitwettqu kontrolli ta’ identità ma jkunx jista’ jkollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 68).

38

B’mod partikolari, fil-preżenza ta’ indizji tal-eżistenza ta’ effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri, il-konformità ta’ dawn il-kontrolli mal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 għandha tiġi żgurata mill-preċiżjonijiet u mil-limitazzjonijiet inklużi fil-kuntest tal-eżerċizzju prattiku tal-poteri tal-pulizija li jgawdu minnhom l-Istati Membri, li għandu jkun ta’ natura li jevita tali effett ekwivalenti (ara, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti setgħa lill-awtoritajiet tal-pulizija sabiex jagħmlu kontrolli ta’ identità, setgħa li hija, minn naħa, limitata għaż-żona tal-fruntiera tal-Istat Membru ma’ Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, indipendenti mill-aġir tal-persuna kkontrollata u miċ-ċirkustanzi partikolari li joħolqu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku, għandha b’mod partikolari tidderieġi s-setgħa diskrezzjonali li għandhom dawn l-awtoritajiet fl-applikazzjoni fil-prattika tal-imsemmija setgħa (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 74).

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, iktar ma jeżistu indizji tal-eżistenza tal-possibbiltà ta’ effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, li jidher mill-għan imħaddan mill-kontrolli mwettqa f’żona tal-fruntiera, tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn il-kontrolli u tal-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-bażi tal-imsemmija kontrolli u dik ta’ kontrolli mwettqa fil-kumplament tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iktar għandhom ikunu stretti u jkunu strettament osservati l-preċiżjonijiet u l-limitazzjonijiet li jikkundizzjonaw l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-poteri ta’ pulizija tagħhom f’żona tal-fruntiera, sabiex ma jiġix ippreġudikat it-twettiq tal-għan tat-tneħħija ta’ kontrolli fuq fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE, fl-Artikolu 26(2) TFUE u fl-Artikolu 67(1) TFUE u previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 75).

41

Fl-aħħar nett, il-kuntest meħtieġ għandu jkun suffiċjentement preċiż u fid-dettall sabiex kemm in-neċessità tal-kontrolli kif ukoll il-miżuri ta’ kontrolli konkretament awtorizzati jkunu jistgħu huma stess ikunu suġġetti għal kontrolli (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 76).

42

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ kontrolli bħal dawk previsti fil-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG, li jikkostitwixxu d-dispożizzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kontrolli jseħħu mhux “fil-fruntieri” jew mal-qsim tal-fruntiera, iżda fit-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kontroll inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ fl-istazzjon tad-Deutsche Bahn, ta’ Kehl, li tinsab madwar 500 metru mill-fruntiera interna bejn il-Ġermanja u Franza.

43

Dawn il-kontrolli għalhekk jikkostitwixxu verifiki fit-territorju ta’ Stat Membru, imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 68, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 56).

44

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprevedi l-kontrolli fl-Artikolu 23(1) sa (3) tal-BPolG, mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-għanijiet imfittxija mill-kontrolli previsti f’din id-dispożizzjoni huma differenti fir-rigward ta’ ċerti punti essenzjali mill-verifiki fil-fruntieri fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-kliem “verifiki fuq il-fruntiera” ifissru l-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu.

46

Madankollu, il-kontrolli ta’ identità u ta’ karti previst fil-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG ma humiex biss maħsuba sabiex jipprevjenu jew iwaqqfu dħul illegali fit-territorju tal-Ġermanja, iżda wkoll biex jipprevjenu r-reati msemmija fil-punti (1) sa (4) tal-Artikolu 12(1) tal-BPolG. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-dispożizzjoni b’mod partikolari tapplika għar-reati diretti kontra s-sigurtà tal-fruntiera kif ukoll dawk li allegatament huma imwettqa mill-qsim tal-fruntiera u li huma kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar passaport, tal-liġi dwar ir-residenza jew tal-liġi dwar l-ażil.

47

Il-fatt li l-kontrolli bbażati fuq il-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG huma intiżi għall-prevenzjoni jew għall-waqfien ta’ dħul illegali fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew għall-prevenzjoni ta’ ċerti atti kriminali diretti kontra s-sigurtà tal-fruntiera jew l-eżekuzzjoni tal-missjoni tal-pulizija federali, meta l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru°562/2006 ma jħaddanx espliċitament dan l-għan, ma jimplikax l-eżistenza ta’ għan ta’ kontroll fil-fruntieri kuntrarjament għal dan l-Artikolu 21(a)(i) (ara, b’analoġija, sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 64).

48

Minn naħa, l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 la jipprovdi lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-miżuri ta’ pulizija sabiex ma jitqisux li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri, u lanqas lista eżawrjenti ta’ għanijiet li jistgħu jħaddnu dawn il-miżuri ta’ pulizija. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 u “b’mod partikolari” f’dan l-Artikolu 21(a)(ii) (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 65).

49

Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 79(1) u (2)(c) TFUE, li jipprevedi l-iżvilupp, mill-Unjoni, tal-politika komuni tal-immigrazzjoni intiża li tiżgura, b’mod partikolari, prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ta’ residenza illegali, u lanqas ir-Regolament Nru 562/2006, ma jeskludu l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali, anki jekk huwa ċar li dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam b’mod li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punti 3033).

50

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(a) sa (d) tar-Regolament Nru 562/2006 kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 72 TFUE jikkonfermaw li t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma ppreġudikawx ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà interna (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 66).

51

Minn dan isegwi li l-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul illegali fit-territorju federali tal-Ġermanja jew li tipprevjeni ċerti reati taħt il-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG ma jimplikax waħdu li l-kontrolli mwettqa bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri, ipprojbiti taħt l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006.

52

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ kontroll mogħtija, f’dan il-każ, mill-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG għandhiex effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn is-setgħat huwa limitat għal żona tal-fruntiera ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tali effett jiġi kkonstatat. Fil-fatt, l-ewwel sentenza ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi espliċitament għall-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, fiż-żoni tal-fruntiera wkoll (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 72, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 69).

53

Madankollu, il-kontrolli stabbiliti fil-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG, huma suġġetti, f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, għal regoli partikolari, meta mqabbla ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess Artikolu 23, element li jista’, min-naħa tiegħu, jikkostitwixxi indiċi għall-eżistenza ta’ tali effett ekwivalenti (ara, b’analoġija, sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 72).

54

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kontrolli rregolati mill-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG huma bbażati fuq l-għarfien tas-sitwazzjoni jew l-esperjenza tal-pulizija, hekk kif previst mill-Artikolu 21(a)(ii) tar-Regolament Nru 562/2006.

55

Għalhekk, jidher li dawk il-kontrolli huma permessi indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata u taċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku.

56

Barra minn hekk, ma jirriżultax mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kontrolli previsti fil-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG twettqu, konformement mal-Artikolu 21(a)(iii) tar-Regolament Nru 562/2006, b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi ta’ persuni mwettqa fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.

57

B’mod partikolari, il-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG la jinkludi preċiżjonijiet u lanqas limiti għas-setgħa hekk mogħtija minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dwar l-intensità u l-frekwenza tal-kontrolli li jistgħu jsiru fuq din il-bażi legali, li għandha l-għan li tevita li l-applikazzjoni u l-eżerċizzju prattiku ta’ din is-setgħa mill-awtoritajiet kompetenti twassal għal kontrolli li għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 (ara, b’analoġija, sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 73). Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li tista’ tiddeċiedi fuq il-fatti, li għandha tivverifika jekk dan huwiex fil-prattika il-każ.

58

Għaldaqstant, jidher li l-kontrolli mwettqa taħt dan il-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG jistgħu jitwettqu f’żona tal-fruntiera f’raġġ ta’ 30 kilometru mingħajr ma l-ebda preċiżjoni jew limitazzjoni hija prevista minn din id-dispożizzjoni.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħat mogħtija permezz tal-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG għandhom ikunu s-suġġett ta’ qafas regolatorju li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali preċiżjonijiet jew limitazzjonijiet, li huma stess huma suffiċjentement preċiżi u ddettaljati, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bl-għan li jiġu effettwati l-intensità, il-frekwenza u s-selettività tal-kontrolli, ma jistax jiġi eskluż li l-eżerċizzju prattiku tas-setgħat tal-pulizija mogħtija mid-dritt Ġermaniż iwasslu, bi ksur tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, għal kontrolli li għandhom effett ekwivalenti għal verifiki fil-fruntieri.

60

Fir-raba’ lok, il-Gvern Ġermaniż isostni f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkompletati permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali, b’mod partikolari mill-Artikolu 15 tal-BPolG li jipprevedi applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-miżuri meħuda mill-pulizija kif ukoll leġiżlazzjoni amministrattiva, imsejħa “BRAS 120”, u digriet amministrattiv. Skont dan il-gvern, dawn id-dispożizzjonijiet jikkompletaw il-qafas tal-kontrolli magħmula taħt il-BPolG u huma suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-eżerċizzju prattiku tas-setgħat tal-pulizija li jikkonsistu f’li jiġu effettwati kontrolli ta’ identità ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri.

61

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar dawn il-fatti, li għandha tiddetermina, minn naħa, jekk tali dispożizzjonijiet kienu fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedux qafas ta’ kontrolli affettwati bl-applikazzjoni tal-BPolG kif mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evitat li tali kontrolli jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li għandhom effett ekwivalenti għal verifika fil-fruntiera.

62

Fl-assenza ta’ tali qafas fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn il-kontrolli, minn naħa, iseħħu b’mod selettiv, u għalhekk mhux b’mod sistematiku li jista’ jikkaratterizza l-verifiki fil-fruntieri, u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu miżuri ta’ pulizija applikati abbażi ta’ verifiki mwettqa improvviżament, kif meħtieġ mill-Artikolu 21(a)(iii) u (iv) tar-Regolament Nru 562/2006.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat is-setgħa li jikkontrollaw l-identità ta’ kull persuna, f’żona ta’ 30 kilometru mill-fruntiera terrestri ta’ dan l-Istat Membru ma’ Stati oħra li huma parti mill-KIFS, bil-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul jew ir-residenza illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew bil-għan li tipprevjeni ċerti reati diretti kontra s-sigurtà tal-fruntiera, indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata u tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-qafas neċessarju għal din is-setgħa sabiex jiġi ggarantit li l-eżerċizzju prattiku ta’ din ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dawk tal-verifiki fil-fruntieri, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tieni domanda

64

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru li jaffettwaw, fuq ferrovija jew f’faċilità tal-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ dan l-Istat Membru, kontrolli tal-identità jew tad-dokumenti għall-qsim tal-fruntiera ta’ kull persuna, kif ukoll li jwaqqfu fil-qasir u li jagħmlu mistoqsijiet lil kull persuna għal dan il-għan, meta abbażi ta’ fatti magħrufa jew abbażi tal-esperjenza tal-pulizija fil-fruntieri, jista’ jiġi preżunt li tali ferroviji jew faċilità tal-istazzjonijiet tal-ferrovija jintużaw għal dħul illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u meta dan id-dħul isir minn Stat li huwa parti tal-KIFS, bil-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul illegali fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma kien hemm għaldaqstant introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntiera interna kkonċernata, skont l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament Nru 562/2006.

65

Din id-domanda hija magħmula fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, fir-rigward tal-ewwel domanda, li l-kontrolli previsti fil-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG huma kuntrarji għall-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006.

66

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kontrolli previsti fl-Artikolu 22(1a) tal-BPolG, li jikkostitwixxu d-dispożizzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, u, b’mod partikolari, il-kontroll inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jitwettqu mhux “fil-fruntieri” jew mal-qsim tal-fruntiera, iżda fit-territorju nazzjonali.

67

Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan tal-kontrolli previsti f’din id-dispożizzjoni huwiex l-istess bħal dak tal-kontrolli fil-fruntieri, fis-sens tar-Regolament Nru 562/2006. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li din id-dispożizzjoni hija intiża għall-prevenzjoni jew sabiex jintemm id-dħul illegali fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

68

Hekk kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul illegali fit-territorju federali tal-Ġermanja, imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jimplikax, fih innifsu, li l-kontrolli mwettqa bl-applikazzjoni tal-BPolG għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri, ipprojbiti taħt l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006. Madankollu, kuntrarjament għall-kontrolli previsti fil-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-BPolG, il-kontrolli previsti fl-Artikolu 22(1a) ta’ din il-liġi għandhom biss l-għan li jipprevjenu jew li jtemmu dħul illegali fit-territorju federali tal-Ġermanja, li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni li dawn il-kontrolli għandhom effett ekwivalenti għal dawk tal-verifiki fil-fruntieri, ipprojbiti minn dan l-Artikolu 21(a).

69

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 22(1a) tal-BPolG, għandu jiġi nnotat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda regola partikolari dwar dan il-kamp ta’ applikazzjoni fejn il-verifikazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jistgħu jseħħu u għaldaqstant ma tiddistingwixxix bejn l-eżerċizzju ta’ tali kontrolli f’żona tal-fruntiera u l-eżerċizzju tagħhom fil-bqija tat-territorju nazzjonali.

70

Fir-raba’ lok, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kontrolli previsti fl-Artikolu 22(1a) tal-BPolG huma bbażati fuq il-fatt li l-pulizija federali hija intitolata li tassumi, fuq il-bażi tal-għarfien tas-sitwazzjoni jew tal-esperjenza tal-pulizija tal-fruntieri, li l-apparat imsemmi f’din id-dispożizzjoni sejjer jintuża għal dħul illegali, li, skont l-Artikolu 21(a)(ii) tar-Regolament Nru 562/2006 huwa wkoll indikazzjoni li din id-dispożizzjoni ma għandhiex effett ekwivalenti għal verifika fil-fruntieri.

71

Fil-ħames lok, ma jirriżultax mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk, u sa liema punt l-kontrolli previsti fl-Artikolu 22(1a) tal-BPolG huma mwettqa b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi ta’ persuni mwettqa fil-fruntieri esterni tal-Unjoni.

72

Hekk kif diġà ġie mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, iktar ma huma numerużi l-indikazzjonijiet tal-eżistenza ta’ effett possibbli ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, iktar il-preċiżjonijiet u l-limitazzjonijiet li jikkundizzjonaw l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħa tagħhom ta’ pulizija f’żona tal-fruntiera għandhom ikunu rigorużi u strettament osservati. F’dan il-każ, tali indikazzjoni hija riflessa fl-għan imfittex mill-kontrolli previsti fl-Artikolu 22(1a) tal-BPolG li ma hijiex differenti minn dawk imfittxija mill-verifiki fil-fruntieri, b’mod partikolari peress li dawn il-kontrolli huma intiżi sabiex jipprevjenu jew itemmu dħul illegali fit-territorju Ġermaniż, li jirrifletti parzjalment id-definizzjoni fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, li jipprevedi li l-verifiki fil-fruntieri għandhom l-għan li jiżguraw li l-persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru.

73

Fis-sitt lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li tista’ tiddeċiedi fuq il-fatti, li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tinkludi preċiżjonijiet u limitazzjonijiet, li huma stess huma suffiċjentement preċiżi u ddettaljati, bl-għan li jiġu effettwati l-intensità, il-frekwenza jew is-selettività tal-kontrolli previsti fl-Artikolu 22(1a) tal-BPolG sabiex jiżguraw li l-eżerċizzju prattiku tas-setgħat tal-pulizija mogħtija mid-dritt Ġermaniż ma jwasslux, bi ksur tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, għal kontrolli li għandhom effett ekwivalenti għal verifiki fil-fruntieri.

74

Għalhekk, huwa biss fil-każ li tali qafas jeżisti fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li jista’ jiġi kkunsidrat li dawn il-kontrolli, minn naħa, iseħħu b’mod selettiv, u għalhekk mhux b’mod sistematiku li jista’ jikkaratterizza l-verifiki fil-fruntieri, u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu miżuri ta’ pulizija applikati abbażi ta’ verifiki mwettqa improvviżament, kif meħtieġ mill-Artikolu 21(a)(iii) u (iv) tar-Regolament Nru 562/2006.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat li jaffettwaw, fuq ferrovija jew fil-bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ dan l-Istat Membru, kontrolli tal-identità jew tad-dokumenti għall-qsim tal-fruntiera ta’ kull persuna, kif ukoll li jwaqqfu fil-qasir u li jagħmlu mistoqsijiet lil kull persuna għal dan il-għan, abbażi ta’ fatti magħrufa jew abbażi tal-esperjenza tal-pulizija fil-fruntieri, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dawn il-kontrolli jkun suġġett fid-dritt nazzjonali għal preċiżjonijiet u għal limitazzjonijiet li jiddeterminaw l-intensità, il-frekwenza u s-selettività ta’ dawn il-kontrolli, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat is-setgħa li jikkontrollaw l-identità ta’ kull persuna, f’żona ta’ 30 kilometru mill-fruntiera terrestri ta’ dan l-Istat Membru ma’ Stati oħra li huma parti mill-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il‑Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990, bil-għan ta’ prevenzjoni jew li ttemm id-dħul jew ir-residenza illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew bil-għan li tipprevjeni ċerti reati diretti kontra s-sigurtà tal-fruntiera, indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata u tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-qafas neċessarju għal din is-setgħa sabiex jiġi ggarantit li l-eżerċizzju prattiku ta’ din ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dawk tal-verifiki fil-fruntieri, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lid-dipartimenti tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat li jaffettwaw, fuq ferrovija jew fil-bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ dan l-Istat Membru, kontrolli tal-identità jew tad-dokumenti għall-qsim tal-fruntiera ta’ kull persuna, kif ukoll li jwaqqfu fil-qasir u li jagħmlu mistoqsijiet lil kull persuna għal dan il-għan, abbażi ta’ fatti magħrufa jew abbażi tal-esperjenza tal-pulizija fil-fruntieri, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dawn il-kontrolli jkun suġġett fid-dritt nazzjonali għal preċiżjonijiet u għal limitazzjonijiet li jiddeterminaw l-intensità, il-frekwenza u s-selettività ta’ dawn il-kontrolli, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.