SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2015/1814 – Determinazzjoni tal-bażi legali – Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-att – Assenza – Artikolu 192(1) TFUE – L-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE – Miżuri ta’ ‘effett sinjifikattiv’ tal-għażla ta’ Stat Membru bejn diversi sorsi ta’ enerġija u fuq l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 15 TUE – Kompetenzi tal-Kunsill Ewropew – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Analiżi tal-impatt”

Fil-Kawża C‑5/16,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl- 4 ta’ Jannar 2016,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u K. Rudzińska, bħala aġenti, assistiti minn I. Tatarewicz, ekspert,

rikorrenti,

vs

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Tamás u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u A. Sikora, kif ukoll minn K. Pleśniak, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Wolff kif ukoll minn J. Nymann-Lindegren u C. Thorning, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, bħala aġent,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis u M.-A. Sampol Pucurull, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas, G. de Bergues, J. Traband u T. Deleuil kif ukoll minn S. Ghiandoni, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn L. Swedenborg, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u A. C. Becker, kif ukoll minn E. White u K. Mifsud-Bonnici, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzjali li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2015, L 264, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2003/87

2

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar Artikolu 192(1) TFUE).

3

Id-Direttiva 2003/87/KE stabbilixxiet skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra ġewwa l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ETS”).

4

L-ETS ilha operattiva mill-1 ta’ Jannar 2005 madwar l-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea u tkopri madwar 45 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, it-tielet perijodu ta’ skambju pendenti bħalissa, huwa mifrux fuq 8 snin, mill-2013 sal-2020 (iktar ’il quddiem it-“tielet perijodu ta’ skambju”).

5

Il-premessi 5 u 22 tad-Direttiva 2003/87 jistabbilixxu:

“(5)

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ftiehmu li jwettqu konġuntement dawn l-impenji li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE [tal-Kunsill, tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwr it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24)].. Din id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.

[…]

(22)

Din id-Direttiva hija kompatibbli mal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzonjiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u l-Protokoll ta’ Kyoto. Għandha tiġi rivista fid-dawl ta’ l-iżviluppi f’dan il-kuntest u tqis l-esperjenza fl-implimentazzjoni tagħha u l-progress miksub fil-monitoraġġ ta’ l-emissjoni tal-gasijiet tas-serra.”

6

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-materja tas-suġġett”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.

Din id-Direttiva se tipprovdi wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex tikkontribwixxi għal-livelli tat-tnaqqis kunsidrati meħtieġa xjentifikament biex jimpedixxu bidla perikoluża fil-klima.

Din id-Direttiva tistipula wkoll dispożizzjonijiet għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ impenn tat-tnaqqis iktar riġidu tal-UE li jeċċedi 20 %, li għandu jiġi applikat mal-approvazzjoni mill-Komunità ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jwassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet li jaqbeż dak meħtieġ fl-Artikolu 9, kif rifless fl-impenn ta’ 30 % kif ġie approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007.”

7

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos f’mod lineari min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012. Il-kwantità għandha tonqos b’fattur lineari ta’ 1,74 % meta mqabbel mal-medja tal-kwanitità totali annwali tal-kwoti maħruġa mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni għall-perjodu mill-2008 sal-2012.

[…]”

8

L-Artikolu 29 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Jekk, fuq il-bażi tar-rapporti regolari dwar is-suq tal-karbonju msemmi fl-Artikolu 10(5), il-Kummissjoni jkollha prova li s-suq tal-karbonju mhux qed jiffunzjona sewwa, hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposti li jkollhom l-objettiv li tiżdied it-trasparenza tas-suq tal-karbonju u miżuri biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu.”

Id-Direttiva 2009/29

9

Il-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 2009/29 jistabbilixxu:

“(3)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 daħal f’impenn sod għat-tnaqqis kumplessiv sal-2020 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Komunità b’talanqas 20 % taħt il-livelli tal-1990, u bi 30 % sakemm il-pajjiżi żviluppati l-oħra jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis tal-emissjonijiet paragunabbli u sakemm dawk l-aktar ekonomikament avvanzati fost il-pajjiżi li qegħdin fi żvilupp jikkontribwixxu b’mod xieraq abbażi tar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Sa l-2050, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għandhom jonqsu b’talanqas 50 % taħt il-livelli tagħhom tal-1990. Is-setturi kollha tal-ekonomija għandhom jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inklużi n-navigazzjoni marittima u l-avjazzjoni. […]

(4)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta’ Bali dwar il-Bidla fil-Klima (COP 13 u COP/MOP 3) [(ĠU 2009, C 68 E, p. 13)], il-Parlament Ewropew fakkar il-pożizzjoni tiegħu li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom jieħdu impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 30 % sal-2020 u b’ 60 sa 80 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990; kif tantiċipa riżultat pożittiv għan-negozjati COP 15 li se jsiru f’Copenħagen fl-2009, l-Unjoni Ewropea għandha tibda tħejji miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet aktar iebsa għall-2020 u wara, u għandha tipprova tiżgura li, wara l-2012, l-iskema Komunitarja tippermetti, jekk ikun meħtieġ, limiti aktar stretti tal-emissjonijiet, bħala parti mill-kontribut tal-Unjoni għal ftehim internazzjonali futur dwar il-bidla fil-klima […]

(5)

Biex jgħin fil-ksib ta’ dawn l-għanijiet fit-tul, huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan prevedibbli abbażi ta’ liema emissjonijiet ta’ istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja għandhom jitnaqqsu. Sabiex il-Komunità tkun tista’ twettaq l-impenn tagħha għal tnaqqis ta’ għallinqas 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra taħt il-livelli tal-1990 b’mod effiċjenti fl-ispiża, sal-2020 il-kwoti tal-emissjonijiet allokati fir-rigward ta’ dawk l-istallazzjonijiet għandu jkun 21 % taħt il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom tal-2005.”

Ir-Regolament (UE) Nru 176/2014

10

Skont il-premessa 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 tal-25 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b’mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-volumi ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati fl-2013-2020 (ĠU 2014, L 56, p. 11).

“Għandhom jitqiesu l-bidliet eċċezzjonali fil-fatturi prinċipali li jiddeterminaw il-bilanċ bejn id-domanda għall-kwoti u l-provvista tagħhom, b’mod partikolari perjodu ieħor ta’ staġnar ekonomiku, kif ukoll elementi temporanji relatati direttament mat-tranżizzjoni għall-fażi 3, inkluża żieda fil-volum mhux użat ta’ kwoti validi għat-tieni perjodu ta’ negozjar għall-konformità fil-perjodu msemmi, volumi dejjem jiżdiedu ta’ tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet u tal-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif jew skont id-dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Konġunta għal ċediment minn operaturi koperti mill-iskema, il-monetizzazzjoni tal-kwoti mir-riżerva tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq (New Entrants Reserve) għat-tielet perjodu ta’ negozjar b’appoġġ għall-proġetti ta’ wiri tal-qbid u s-sekwestru tal-karbonju u tat-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli (“NER300”) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE [tat- 3 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO 2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87 (ĠU 2010, L 290, p. 39)] u r-rilaxx ta’ kwoti mhux meħtieġa fir-riżervi tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq għat-tieni perjodu ta’ negozjar. Għalkemm dawn il-fatturi kollha huma soġġetti għal livelli differenti ta’ inċertezza, huwa importanti li l-korrezzjonijiet xierqa fil-volumi annwali li għandhom jiġu rkantati fl-2014-2020 ikunu stabbiliti fi żmien xieraq.”

11

L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 [tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Novembru 2010, dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87 (ĠU 2010, L 302, p. 1)], huwa emendat kif ġej:

Wara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

‘Mill-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati f’sena partikolari, stabbilit skont l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fl-2014-2016, għandha titnaqqas il-kwantità ta’ kwoti għas-sena rispettiva stipulata fit-tieni kolonna tat-tabella fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

[…]’”

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fit-23 u fl-24 ta’ Ottubru 2014,

12

Fit-23 u fl-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar il-qafas fil-qasam tal-klima u l-enerġija għall-orizzont 2030 (EUCO 169/14) (iktar ’il quddiem il-“Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-2014”).

13

Il-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet jistabbilixxi:

“Il-Kunsill Ewropew approva mira vinkolanti tal-UE ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990. Għal dan il-għan:

[…]

[ETS]

2.3

Sistema riformata għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) li tiffunzjona sew bi strument għall-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni ser tkun l-istrument ewlieni [tal-Unjoni] biex tintlaħaq din il-mira; il-fattur annwali biex jitnaqqas il-limitu massimu ta’ emissjonijiet massimi permessi ser jinbidel minn 1.74 % għal 2.2 % mill-2021 ’il quddiem;

[…]”

Id-deċiżjoni kkontestata

14

Fis-6 ta’ Ottubru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq (iktar ’il quddiem l-“MSR”).

15

Il-premessi 1, 4, 5 u 8 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxu:

“(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxiet [ETS] sabiex tippromwovi tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti.

(2)

Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew [tal-2014] [ETS] riformata u li tiffunzjona sew, bi strument li jistabbilizza s-suq ser tkun l-istrument ewlieni Ewropew biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

[…]

Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012 identifika l-ħtieġa għal miżuri sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-qafas ta’ politika dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 tindika li tali żbilanċi huma mistennija li jkomplu, u mhux ser jiġu indirizzati b’mod suffiċjenti billi l-perkors lineari jiġi adattat għal mira aktar stretta f’dak il-qafas. Bidla fil-fattur lineari tibdel biss gradwalment il-kwantità ta’ kwoti fl-Unjoni kollha (il-limitu massimu ETS […]). Għaldaqstant, is-surplus ukoll jonqos gradwalment biss, b’tali mod li s-suq ikollu jkompli jopera għal aktar minn deċennju b’surplus ta’ madwar 2 biljun kwota jew aktar, u b’hekk ma jħallix li l-ETS […] twassal is-sinjal meħtieġ dwar l-investiment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’mod kosteffettiv u tkun mutur ta’ innovazzjoni b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju biex b’hekk jingħata kontribut għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

(5)

Sabiex tiġi indirizzata dik il-problema u biex l-ETS […] tkun aktar reżistenti fir-rigward tal-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda, sabiex l-ETS […] tiffunzjona f’suq ordinat, [MSR] […] għandha tiġi stabbilita fl-2018 u għandha tkun operattiva mill-2019. [L-MSR] se ttejjeb ukoll is-sinerġija ma’ politiki oħra tal-klima u l-enerġija. Sabiex jinżamm grad massimu ta’ prevedibbiltà, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari għat-tqegħid tal-kwoti [fl-MSR] u għall-ħruġ tagħhom minnha. […]

[…]

(8)

L-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata ta’ 300 miljun kwota fl-2019 u 600 miljun kwota fl-2020, kif determinat fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 [tal-Kummissjoni,] tikkomprometti l-għan [tal-MSR] biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Għalhekk, dawk id-900 miljun kwota ma għandhomx jiġu rkantati fl-2019 u fl-2020, iżda minflok għandhom jitqiegħdu [fl-MSR].”

16

L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Riżerva tal-istabbiltà tas-suq”, jipprovdi:

“1.   Għandha tiġi stabbilita [MSR] fl-2018 u t-tqegħid ta’ kwoti [fl-MSR] għandu jibda jopera mill-1 ta’ Jannar 2019.

2.   Il-kwantità ta’ 900 miljun kwota mnaqqsa mill-volumi tal-irkant matul il-perjodu 2014-2016, kif determinat fir-Regolament (UE) Nru 176/2014 bis-saħħa tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, ma għandhomx jiġu miżjuda mal-volumi li għandhom jiġu rkantati fl-2019 u fl-2020, iżda minflok għandhom jitqiegħdu [fl-MSR].

3.   Kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva [2003/87] u kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(19) u (20) ta’ dik id-Direttiva għandhom jitqiegħdu [fl-MSR] fl-2020. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Direttiva [2003/87] fir-rigward ta’ dawk il-kwoti mhux allokati u, jekk ikun xieraq, għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena, sal-15 ta’ Mejju tas-sena sussegwenti. […]

5.   Kull sena, numru ta’ kwoti ugwali għal 12 % tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, għandu jitnaqqas mill-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandhom jitqiegħdu [fl-MSR] matul perjodu ta’ 12-il xahar li jibda fl-1 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, sakemm in-numru ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu [fl-MSR] ma jkunx anqas minn 100 miljun. Fl-ewwel sena ta’ operazzjoni [tal-MSR], it-tqegħid għandu jsir ukoll bejn l-1 ta’ Jannar u l-1 ta’ Settembru ta’ dik is-sena ta’ 8 %, (li jirrappreżenta 1 % għal kull xahar kalendarju), tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti.

Mingħajr preġudizzju għall-ammont totali ta’ kwoti li għandu jitnaqqas skont dan il-paragrafu, sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-kwoti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandhomx jitqiesu meta jiġi ddeterminat is-sehem tal-Istati Membri bħala parti minn dak l-ammont totali.

6.   Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk in-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota [mill-MSR] u jiżdiedu mal-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota [fl-MSR], il-kwoti kollha [fl-MSR] għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

7.   Fi kwalunkwe sena, jekk il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu ma jkunx applikabbli u l-miżuri jiġu adottati skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota [mill-MSR] u jiżdiedu mal-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota [fl-MSR], il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

17

F’Novembru 2012, il-Kummissjoni stabbilixxiet rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titolu “Is-sitwazzjoni attwali tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012” (COM(2012) 652 finali) (iktar ’il quddiem ir- “rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012”), u sabet li, fil-bidu tat-tielet perijodu ta’ skambji, l-ETS huwa kkaratterizzat minn żbilanċ strutturali dejjem jikber bejn l-offerta u t-talba tal-kwoti, li jirriżulta f’eċċess li jista’ jilħaq madwar 2 biljun kwota.

18

Biex tindirizza dan l-iżbilanċ, il-Kummissjoni ppreżentat, fit-22 ta’ Jannar 2014, proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87 (COM(2014) 20 finali) (iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-Kummissjoni tal-2014”).

19

Fil-analiżi tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE [SWD(2014) 017 finali] (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”), il-Kummissjoni ddikjarat li dan l-eċċess strutturali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-ETS, li kien akkumula b’ritmu mgħaġġel mill-2008 sal-2012, jista’ jdgħajjef il-kapaċità tal-imsemmija sistema biex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tagħha b’mod kosteffikaċi, sakemm ma jittiħdux miżuri leġiżlattivi.

20

Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 kienet diskussa mill-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu f’sensiela ta’ laqgħat li saru mill-aħħar tax-xahar ta’ Jannar 2014 sax-xahar ta’ Mejju 2015. In-negozjati mal-Parlament Ewropew wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fis-6 ta’ Ottubru 2015.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u;

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22

Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu u

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2016, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Fl-istess ġurnata, ir-Renju tal-Isvezja tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 192(1) TFUE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE

L-argumenti tal-partijiet

24

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 192(1) TFUE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE, sa fejn din ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, filwaqt li tikkostitwixxi miżura li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tagħha fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu, skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali.

25

Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jsostni li jirriżulta mill-kliem tal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE li l-għażla ta’ din id-dispożizzjoni bħala bażi legali għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-effetti konkreti, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżuri ambjentali previsti fl-att leġiżlattiv inkwistjoni, u mhux mill-għanijiet imfittxija mill-adozzjoni tagħha.

26

Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2)TFUE jsemmi “miżuri li jaffettwaw b’mod sinifikanti [sinjifikattiv] l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ l-enerġija”, u mhux il-miżuri li għandhom l-għan li jħallu effett sostanzjali fuq din l-għażla. Għaldaqstant, hija ssostni li, kieku kellu jiġi aċċettat li l-għażla ta’ din id-dispożizzjoni bħala bażi legali tista’ ma tkunx ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-effetti konkreti ta’ miżura, il-proċedura speċjali prevista mill-imsemmija dispożizzjoni titbattal mis-sustanza tagħha u s-sempliċi fatt li l-awtur ta’ abbozz ta’ att, jiddikjara li dan tal-aħħar ma għandux l-għan li jaffettwa l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija huwa biżżejjed sabiex jevita l-ħtieġa li tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva speċjali.

27

Dan l-Istat Membru jsostni li din l-analiżi ma hijiex kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għażla ta’ bażi legali. B’mod partikolari, jirriżulta mis-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑42/97, EU:C:1999:81, punt 63) kif ukoll tal-12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑281/01, EU:C:2002:761, punti 4041), li l-effetti ta’ att leġiżlattiv jiffurmaw parti mill-elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

28

It-tieni nett, l-Istat Membru rikorrent isostni li, fid-dawl tal-kuntest ġenerali tal-enerġija globali eżistenti fil-Polonja, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla tas-sorsi ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu.

29

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li hija tiddependi mill-karburanti fossili f’livell partikolarment għoli, b’tali mod li iktar minn 83 % tal-elettriku li jiġi prodott ġej minn faħam u linjite. L-introduzzjoni tal-MSR ser iwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet li inevitabbilment iwassal għal modifika tas-settur tal-enerġija ta’ dak l-Istat Membru. F’dan il-każ, l-użu ta’ gass naturali jiżdied, biex jintlaħaq, fl-2035, is-700 % tal-livell ta’ użu attwali. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas tal-MSR, is-settur tal-enerġija Pollakk jibqa’ prinċipalment misjuq minn linjite u faħam. Barra minn hekk, l-użu tal-gass naturali jaqbeż fil-wiesa’ l-livell nazzjonali attwali tal-estrazzjoni ta’ din il-materja prima, iwassal għal żieda fil-volum ta’ importazzjonijiet u, għaldaqstant, jaffettwa s-sigurtà tar-Repubblika tal-Polonja fil-qasam tal-provvista tal-enerġija.

30

Skont dan l-Istat Membru, l-introduzzjoni tal-MSR twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-kwoti tal-emissjonijiet li ser twassal ukoll għal bidla tal-kompetittività tat-tipi differenti ta’ impjanti u l-istruttura tal-produzzjoni tal-elettriku fil-livell nazzjonali, kif ukoll tnaqqis fil-kompetittività tas-settur tal-enerġija u tal-ekonomija Pollakka.

31

Sabiex jintwera l-impatt tad-deċiżjoni kkontestata fuq it-taħlita tal-enerġija tagħha stess, ir-Repubblika tal-Polonja pproduċiet fl-anness tar-replika tagħha dokument intitolat “Analiżi tal-influwenza tal-mekkaniżmu tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq [skont id-Deċiżjoni 2015/1814] dwar il-formazzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Polonja”, stabbilit mill-Krajowy Ośrodek Bilansowania i Zarządzania Emisjami (iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ bbilanċjar ta’ ġestjoni tal-emissjonijiet, il-Polonja).

32

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, fi kwalunkwe każ, jirriżulta direttament mill-analiżi tal-impatt li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 li l-ġlieda kontra l-iżbilanċ bejn l-offerta u t-talba fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet huwa skop ta’ natura strumentali tad-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża, fir-realtà, li l-prezz tal-kwoti jkun stabbilit għal livell xieraq. Dan il-prezz għandu, sussegwentement, jorjenta mill-ġdid lill-Istati Membri lejn l-enerġiji rinnovabbli jew lejn fjuwils b’livell baxx ta’ karbonju u, b’hekk, iwassal għal bidla fl-istruttura tal-provvista tal-enerġija tagħhom, permezz tad-diversifikazzjoni tagħha u t-tnaqqis tas-sehem tal-enerġija prodotta mill-karburanti fossili.

33

Minn dan jirriżulta li l-korrezzjoni tal-iżbilanċ eżistenti fis-suq, permezz ta’ żieda tal-prezz tal-kwoti, għandha tippermetti li jintlaħaq l-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonsisti f’li tiżviluppa t-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri, fatt li jikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata abbażi tal-ewwel subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 192(2) TFUE.

34

B’risposta għall-argument tal-Kunsill li skontha l-aġġustament tal-prezzijiet ma timponix fuq l-operaturi li jadottaw pożizzjoni determinata, peress li tħallilhom l-għażla jew li jixtru kwoti jew li jnaqqsu l-emissjonijiet, jew ukoll li jgħaddu l-ispejjeż lill-klijenti tagħhom, ir-Repubblika tal-Polonja tirrispondi li, f’suq tal-enerġija bl-ingrossa li jiffunzjona b’mod korrett, l-operatur ikollu possibbiltajiet limitati li jgħaddi l-ispejjeż għall-klijent. Dan it-trasferiment ikun possibbli fi żmien qasir, iżda fuq medda itwal ta’ żmien, l-operatur li juża l-faħam għandu jkun f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra, li jużaw, pereżempju, gass naturali, billi jiksbu spejjeż aktar baxxi tal-produzzjoni, jew jirrinunzja l-użu tal-faħam għall-benefiċċju ta’ sorsi oħra ta’ enerġija, biex jikkontrolla ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni tal-enerġija.

35

Finalment, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argumenti tal-istituzzjonijiet konvenuti dwar l-importanza li qed tonqos tal-parti rriżervata għall-istallazzjonijiet ta’ kombustjoni fl-Istati kollha kkonċernati mill-ETS, minħabba t-tkabbir kostanti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87. Id-data tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) turi li l-parti tal-emissjonijiet tal-kombustjoni ma saritx taf tibdil sinjifikattiv matul l-ewwel snin tat-tielet perijodu ta’ skambji u li l-livell tagħha, fil-Polonja, huwa nettament iktar mill-medja kkonstatata f’dawn l-Istati kollha.

36

Il-Kunsill u l-Parlament, sostnuti mill-partijiet intervenjenti, jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan il-motiv, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif ifakkru ġustament il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il‑Kunsill, (C‑36/98, EU:C:2001:64), in-natura tal-eċċezzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 192(2) TFUE, fl-okkażjoni tal-interpretazzjoni tagħha tal-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż tal-Artikolu 130 S(2) tat-Trattat KE, li jikkorrispondi mal-ewwel subparagrafu (b), it-tieni inċiż tal-Artikolu 192(2) TFUE.

38

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom huma inklużi l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑36/98, EU:C:2001:64, punti 5859, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għalkemm fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑36/98, EU:C:2001:64), kienet ikkonċernata l-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu (b) tal-Artikolu 192(2) TFUE, l-istess raġunament għandu jiġi segwit fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE. B’hekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-għażla tal-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE bħala bażi legali, ma tistax tibbaża ruħha fuq elementi differenti minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill -Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti fil-ġurisprudenza tagħha.

40

Il-fatt li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza, il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż tal-Artikolu 130 S(2) tat-Trattat KE kien fih il-kelma “dwar”, u mhux it-terminu “li jaffettwaw”, ma jikkontestax il-konklużjonijiet li għandhom jissiltu għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża. Fil-fatt, mir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza jirriżulta li din fehmet dawn iż-żewġ termini bħala li għandhom tifsira sostanzjalment ekwivalenti, kif juri l-punt 52 tal-istess sentenza, li fih huwa ppreċiżat li l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż tal-Artikolu 130 S(2) tat-Trattat KE jipprevedi miżuri li jaffettwaw it-territorju u l-art tal-Istati Membri kif ukoll ir-riżorsi tal-ilma tagħhom bħala tali.

41

Peress li nafu dwar l-effetti reali u konkreti ta’ miżura leġiżlattiva, huwa neċessarju li jiġu analizzati dawn l-effetti wara d-dħul fis-seħħ tagħha, l-għażla tal-leġiżlatur għandha tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet dwar l-impatt probabbli ta’ din il-miżura, li, min-natura tagħhom, huma ta’ natura spekulattiva u ma jikkostitwixxu ebda elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

42

Hemm lok, konsegwentement, li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-effett fuq il-politika tal-enerġija ta’ Stat Membru ta’ att tal-Unjoni ma jikkostitwixxix element li għandu jiġi evalwat barra l-għan jew il-kontenut ta’ dak l-att, jew bħala deroga minnhom.

43

Barra minn hekk, kif il-Kunsill irrileva, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 192(2) TFUE għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 191 TFUE, li huwa intiż sabiex jagħti lill-Unjoni rwol fil-konservazzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż billi jiġu kkontrattati u eżegwiti impenji internazzjonali għal dan il-għan.

44

Il-miżuri meħuda għal dan il-għan li neċessarjament għandhom effetti fuq is-settur tal-enerġija tal-Istati Membri, interpretazzjoni wiesgħa tal-ewwel subparagrafu, punt (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE jista’ jkollha l-effett li jiġi ttrasformat f’regola r-rikors għal proċedura leġiżlattiva speċjali li għandu n-natura ta’ eċċezzjoni prevista mit-Trattat FUE.

45

Issa, din il-konklużjoni ma hijiex konċiljabbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li d-dispożizzjonijiet li għandhom in-natura ta’ eċċezzjoni għal prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Minn dan jirriżulta li l-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE, ma jistax jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att tal-Unjoni ħlief jekk jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tiegħu li r-riżultat tal-ewwel imfittex minn dan l-att huwa li jaffettwa b’mod sinjifikanti l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija ta’ dan tal-aħħar.

47

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-proċedura speċjali prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiġi evitata mill-awtur ta’ abbozz ta’ att li jiddikjara li l-għan imfittex minn dan tal-aħħar ma jfissirx li jaffettwa l-għażla ta’ Stat Membru bejn sorsi differenti ta’ enerġija, għandu jitfakkar li mhux l-objettiv biss iżda wkoll il-kontenut tal-att adottat jikkostitwixxu element essenzjali għall-finijiet tal-istħarriġ tal-fondatezza tal-bażi legali ta’ dan l-att.

48

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-għażla tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tagħha.

49

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-att ikkontestat huwa, ċertament, intrinsikament marbut mad-Direttiva 2003/87. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 55). Għaldaqstant, kif issostni korrettament ir-Repubblika tal-Polonja, l-analiżi tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata għandha ssir b’mod indipendenti minn dik il-bażi legali tad-Direttiva 2003/87.

50

F’dak li jikkonċerna l-għan tad-deċiżjoni kkontestata, jaqbel li jitfakkar ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha.

51

Kif l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 issemmi, fil-bidu tat-tielet perijodu ta’ skambji, l-ETS kienet ikkaratterizzata minn żbilanċ qawwi bejn l-offerta u t-talba tal-kwoti kif tfakkar fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza.

52

Dan l-iżbilanċ huwa l-aktar dovut għad-diskrepanza bejn l-offerta tal-kwoti tal-emissjonijiet li għandhom jiġu rkantati, li hija ffissata b’mod riġidu, u t-talba għall-kwoti, li tkun flessibbli u li fuqha jinfluwenzaw iċ-ċikli ekonomiċi, il-prezzijiet tal-karburanti fossili kif ukoll fatturi oħra. Għalhekk, jekk tnaqqis fit-talba ġeneralment tmur flimkien ma’ tnaqqis fl-offerta fis-suq tal-karbonju tal-UE, dan ma jgħoddx għall-offerta tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati, minħabba l-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

53

Kif enfasizzat f’din il-proposta kif ukoll fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ eċċess kbir setgħet tikkontesta l-effett ta’ inċentiv li t-twaqqif ta’ sistema ETS operattiv kien intenzjonat li jipprovdi u jdgħajjef b’mod sinjifikanti l-kapaċità ta’ din is-sistema li tilħaq il-miri tagħha fil-fażijiet futuri.

54

Għalhekk, il-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li huwa “[s] abiex tiġi indirizzata dik il-problema u biex l-EU ETS tkun aktar reżistenti fir-rigward tal-iżbilanċi bejn il-provvista [l-offerta] u d-domanda [t-talba], sabiex l-EU ETS tiffunzjona f’suq ordinat, [l-MSR] għandha tiġi stabbilita fl-2018 u għandha tkun operattiva mill-2019”.

55

Il-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni tindika wkoll li l-għan tal-MSR huwa li “jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista [offerta] u d-domanda [talba]”.

56

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa għaldaqstant biss b’reazzjoni għal “żbilanċ strutturali”, identifikat sa mis-sena 2012, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata.

57

Fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, għandu jitfakkar li l-MSR għandha tkun imfassla bħala mekkaniżmu kwantitattiv li fuq il-bażi tiegħu l-volumi ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati għandhom jiġu aġġustati awtomatikament, fis-servizz ta’ għadd ta’ kriterji, kif iddettaljat fl-Artikolu 1 ta’ din l-istess deċiżjoni.

58

Kif jirriżulta minn dan l-Artikolu 1, l-MSR tista’ taġixxi, jew billi timblokka d-dħul fis-suq tal-kwoti, jiġifieri, meta jkun hemm nuqqas ta’ offerta, billi tiġi lliberata parti mill-kwoti li kienu ġew miżmuma f’din ir-riżerva. L-MSR għandha bħala effett li tistabbilizza l-offerta tal-kwoti fis-suq, mingħajr żieda ta’ kwoti addizzjonali u mingħajr ma jiġu rtirati definittivament.

59

Skont l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tnehdija tat-trasferimenti lejn l-MSR titwettaq skont ċifri dwar il-livell annwali fl-offerta ta’ kwoti fis-suq, ippubblikati mill-Kummissjoni.

60

B’hekk jirriżulta kemm mill-għan kif ukoll mill-kontenut ta’ din id-deċiżjoni li l-MSR kienet maħsuba bħala għodda li għandha, bħala l-ewwel pass, tindirizza l-iżbilanċi attwali u biex l-ETS tkun aktar reżistenti għal xi avveniment fuq skala kbira fil-futur li jista’ jfixkel b’mod serju l-bilanċ bejn l-offerta u t-talba tal-kwoti.

61

Dan huwa, essenzjalment, intervent f’waqtu tal-leġiżlatur biex jikkoreġi nuqqas strutturali tal-ETS, li jista’ jimpedixxi din is-sistema milli tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ inċentiv ta’ investiment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi u tkun mutur ta’ innovazzjoni b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

62

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma jirriżultax mill-analiżi tal-għan u tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata li l-ewwel riżultat imfittex minn din id-deċiżjoni hija li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu, b’tali mod li l-għażla tal-Artikolu 192(1) TFUE bħala l-bażi legali tiegħu huwa żbaljat fid-dawl tal-bażi legali pprovduta fl-ewwel subparagrafu (c) tal-Artikolu 192(2) TFUE.

63

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata huwa, fir-realtà, li tinbidel it-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri permezz ta’ żieda tal-prezz tal-kwoti, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 2003/87, l-ETS ġiet imfassla bħala strument kwantitattiv li fih kwantità stabbilita minn qabel ta’ kwoti tal-emissjonijiet għandha tinħareġ sabiex jinkiseb l-għan ambjentali mixtieq, li, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, huwa li “tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika”. Għandu jiġi nnotat ukoll li din is-sistema ma tintervjenix direttament biex tiffissa prezz tal-kwoti, fejn dan tal-aħħar huwa esklużivament iddeterminat mill-forzi tas-suq, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-iskarsezza tal-kwoti, flimkien mal-flessibbiltà offruta l-possibbiltà ta’ skambji. Is-sinjal tal-prezz kif stabbilit fil-livell tal-Unjoni huwa mistenni li jinfluwenza d-deċiżjonijiet operattivi u strateġiċi tal-investituri.

64

Issa, għandu jiġi osservat, kif għamlu l-istituzzjonijiet konvenuti, li, minn naħa, il-prezz tal-kwoti stabbilit mis-suq ma għandu l-ebda piż fuq il-funzjonament tal-MSR, li tibqa’, mid-definizzjoni tagħha, newtrali fuq dan il-punt.

65

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-modalitajiet li jirregolaw dik is-sistema u, b’mod partikolari, tal-fatt li l-MSR tista’ jew timblukka d-dħul ta’ kwoti fis-suq jew tirrilaxxa parti, l-impatt probabbli tagħha ser ikun li jistabbilizza l-prezz tal-emissjonijiet pjuttost milli jagħmel li dan jiżdied.

66

Madankollu, minħabba l-fatt li l-kwantità totali tal-kwoti disponibbli fl-ETS jonqos b’fattur ta’ tnaqqis lineari annwali, huwa inerenti għal-loġika ta’ dan tal-aħħar li l-prezz tal-kwoti jiżdied gradwalment maż-żmien.

67

Għalhekk, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkoreġi nuqqas strutturali tal-ETS, din tgħin biex din is-sistema tagħti sinjal tal-prezz tal-karbonju fuq skala tal-Unjoni, li jippermetti lil din tal-aħħar li tilħaq il-miri tagħha ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, u ser iwassal loġikament għal żieda fil-prezz tal-kwoti fil-futur.

68

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-effetti huma biss konsegwenza indiretta tar-rabta stretta li teżisti bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-Direttiva 2003/87.

69

Għaldaqstant, hekk l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li MSR hija mfassla biss bħala suppliment jew korrezzjoni tal-ETS, huwa ġustament li l-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 192(1) TFUE.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu analizzati l-effetti allegati tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-taħlita tal-enerġija tar-Repubblika tal-Polonja.

71

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-kompetenzi tal-Kunsill Ewropew kif stipulat fl-Artikolu 15 TUE u fuq ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali

L-argumenti tal-partijiet

72

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u 24 ta’ Ottubru 2014 stabbilixxew is-sena 2021 bħala d-data għall-implimentazzjoni tal-MSR.

73

Issa, bit-tressiq ta’ sentejn ta’ din id-data, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, l-istituzzjonijiet konvenuti kienu interferixxew fil-prerogattivi tal-Kunsill Ewropew u kkontestaw il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar sabiex tiddefinixxi l-orjentazzjonijiet politiċi dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif iggarantit fl-Artikolu 15 TUE.

74

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tibdil fid-data tal-implimentazzjoni tal-MSR jikser ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali peress li d-deċiżjoni kkontestata fiha element essenzjali iżda li jmur kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew.

75

Il-konvenuti u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

It-tieni motiv tar-rikors jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-kompetenzi tal-Kunsill Ewropew, kif stipulati fl-Artikolu 15 TUE, u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

77

Fil-kuntest tal-ewwel parti, l-Istat Membru rikjedenti huwa bbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni litterali tal-punt 2.3 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-2014, li jgħid li dan tal-aħħar kien iffissa s-sena 2021 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tal-MSR.

78

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-imsemmi punt 2.3 jistipula, fil-verżjoni Franċiża tiegħu, dan li ġej: “un [SEQE] efficace et réformé, doté d’un instrument visant à stabiliser le marché, conformément à la proposition de la Commission, constituera le principal instrument de [l’Union] pour atteindre cet objectif; le facteur annuel de réduction du plafond d’émissions maximales autorisées sera modifié, passant de 1,74 % à 2,2 % à partir de [l’année] 2021” (fil-verżjoni Maltija: “(ETS) li tiffunzjona sew bi strument għall-istabbiltà tas-suq f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni ser tkun l-istrument ewlieni [tal-Unjoni] biex tintlaħaq din il-mira; il-fattur annwali biex jitnaqqas il-limitu massimu ta’ emissjonijiet massimi permessi ser jinbidel minn 1.74 % għal 2.2 % [mis-sena] 2021 ’il quddiem”.

79

Mit-test stess ta’ dan il-punt 2.3 jirriżulta li r-riferiment espliċitu għas-sena 2021 ma jirreferix għad-data tal-implimentazzjoni tal-ETS, imma għad-data li fih għandu jinbidel il-fattur annwali ta’ tnaqqis.

80

Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll permezz ta’ analiżi ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra, li fihom bis-sinjal ta’ punteġġatura użat biex jissepara ż-żewġ sentenzi ta’ dan il-punt u mhux punt u virgola, bħal fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, iżda punt.

81

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jagħmlu l-istituzzjonijiet konvenuti, li l-Kunsill Ewropew ma għandux, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2014, espliċitament stabbilixxa data ta’ dħul fis-seħħ tal-MSR.

82

Ir-Repubblika tal-Polonja tibbaża wkoll l-argument minħabba li l-Kunsill Ewropew kien indika li l-ETS għandha tkun akkumpanjata minn strument li jistabbilizza s-suq “skont il-proposta tal-Kummissjoni”, li, fid-data meta l-Kunsill Ewropew hekk espressa ruħu, ippreveda li l-MSR, tidħol fis-seħħ matul is-sena 2021.

83

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1) TUE jiddefinixxi l-missjoni tal-Kunsill Ewropew bħala li hija dik li tagħti “l-Unjoni [l]-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u għandu jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha”. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li “[h] uwa m’għandux jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi”.

84

Is-setgħa leġiżlattiva rriżervata lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-Artikolu 14(1) TUE u fl-Artikolu 16(1) TUE, li titniżżel fil-prinċipju ta’ għoti ta’ setgħat stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE u, b’mod iktar wiesa’, fil-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, timplika, min-naħa l-oħra, li huma esklużivament dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv (ara, fir-rigward tas-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha rrikonoxxuta lill-Kummissjoni, sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, is-Slovakkja u l-Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 146).

85

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li tinterpreta r-referenza għall-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 bħala ordni tal-Kunsill Ewropew li l-MSR tiġi stabbilita biss mis-sena 2021 twassal, minn naħa, li jiġi kkunsidrat ir-rwol tal-Parlament u tal-Kunsill bħala li huwa limitat għar-reġistrazzjoni ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u, min-naħa l-oħra, jirrikonoxxu lil dan tal-aħħar is-setgħa li jintervjeni direttament fil-qasam leġiżlattiv, bi ksur tal-prinċipju ta’ għoti ta’ setgħat stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

86

Barra minn hekk, l-allegat effett tan-natura “politika” tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlament u tal-Kunsill ma jistax jikkostitwixxi motiv ta’ annullament, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, is-Slovakkja u l-Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 145).

87

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

89

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 85 ta’ din is-sentenza, l-interpretazzjoni li jagħti l-Istat Membru rikorrenti jkollha l-konsegwenza li tippreġudika l-kompetenzi leġiżlattivi tal-Parlament u tal-Kunsill, favur ir-rispett tar-rieda politika espressa mill-Kunsill Ewropew.

90

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 13(2) TUE, tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-limiti tas-setgħat mogħtija fit-Trattati lil kull istituzzjoni. L-obbligu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma huwiex ta’ natura li jbiddel l-imsemmija setgħat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑73/14, EU:C:2015:663, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’konsegwenza, din il-kooperazzjoni ma tistax taffettwa, għall-benefiċċju ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, l-eżerċizzju minn istituzzjoni oħra tal-kompetenzi tagħha.

91

Minn dan isegwi li t-tieni motiv tar-rikors għandu, kollu kemm hu, jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

92

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li d-data li fiha l-MSR twaqqfet ġie ffissat bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

93

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax validament jimmodifika l-prinċipji tal-funzjonament tal-ETS, inkluż l-għadd ta’ kwoti disponibbli fis-suq matul ċertu perijodu ta’ skambju, mingħajr ma jfixkel l-prevedibbiltà ta’ din is-sistema.

94

Fil-fatt, skont l-Istat Membru rikorrenti, l-iffissar, mid-Direttiva 2003/87, ta’ perijodi ta’ skambju ma jimmirax biss għal effett amministrattiv imma jippermetti fuq kollox lill-impriżi li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom preċiżament skont il-kwantità ta’ kwoti disponibbli għall-perijodu kkonċernat.

95

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, abbażi ta’ impenji meħuda preċedentement mill-Unjoni, partikolarment tar-Regolament Nru 176/2014 kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni tal-2014, operatur prudenti u informat, fl-ebda każ, ma seta’ jipprevedi li n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli fis-suq ikun drastikament limitat matul l-aħħar snin tal-perijodu ta’ skambji attwali.

96

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li r-Regolament Nru 176/2014 kien jipprevedi li 900 miljun kwota ta’ emissjoni, irtirati mill-bejgħ matul is-snin 2014 u 2015, ikunux irkantati matul is-snin 2019 u 2020.

97

Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-regolament fl-istess waqt tal-pubblikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2014, li stabbilixxiet id-dħul fis-seħħ tal-MSR fl-2021, kienet ħolqot aspettattivi tal-atturi fis-suq fondatati li s-soluzzjonijiet previsti minn dan ir-regolament ikunu sussegwentement issodisfatti.

98

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li l-atturi tas-suq stennew leġittimament li l-kwoti rtirati temporanjament jerġgħu jitqiegħdu mill-ġdid fis-suq matul is-snin 2019 u 2020 u li fuqhom huma bbażati l-previżjonijiet tagħhom ta’ attività fuq il-fiduċja li huma kellhom f’din l-introduzzjoni mill-ġdid.

99

L-istituzzjonijiet konvenuti u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Sabiex tingħata deċiżjoni fuq it-tielet motiv, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju taċ-ċertezza legali, li għandu bħala korollarju tiegħu l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jirrikjedi, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom effetti negattivi fuq l-individwi u fuq l-impriżi (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet, C‑322/16, EU:C:2017:985, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101

Issa, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata, adottata fis-6 ta’ Ottubru 2015, tipprevedi li l-MSR għandha tiġi stabbilita matul is-sena 2018 sabiex tkun operattiva biss mill-1 ta’ Jannar 2019.

102

Sussegwentement, l-imsemmija deċiżjoni tiddeskrivi b’mod ċar u preċiż il-funzjonament tal-MSR, billi tagħti dettalji, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ allokazzjoni tal-kwoti fl-MSR u l-irtirar tagħhom minn din tal-aħħar.

103

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li, matul l-ewwel sena ta’ operat tal-MSR, 8 % min-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni huma mqiegħda f’din ir-riżerva bejn l-1 ta’ Jannar u l-1 ta’ Settembru tas-sena kkonċernata. Sussegwentement, din tal-aħħar għandha tagħmel l-aġġustamenti għall-volumi annwali ta’ kwoti li jitqiegħdu tal-irkant.

104

Bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 1, b’effett mis-sena 2019, numru ta’ kwoti ugwali għal 12 % tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għandu jitnaqqas mill-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87 u għandu jitqiegħed fir-riżerva matul perijodu ta’ 12-il xahar li jibda fl-1 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, sakemm in-numru ta’ kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva ma jkunx inqas minn 100 miljun. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 1 jipprevedi li, jekk, fi kwalunkwe sena partikolari, in-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva u jiżdiedu mal-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87.

105

In-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun ippubblikat mill-Kummissjoni, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata.

106

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jinkariga lill-Kummissjoni bis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-MSR u tal-effetti eventwali tagħha fuq il-kompetittività kif ukoll li terġa’ teżamina b’mod regolari l-funzjonament tagħha.

107

Fl-aħħar nett, huwa previst li jitnaqqsu 900 miljun tal-kwoti għall-irkant matul is-snin 2014 sa 2016, skont ir-Regolament Nru 176/2014, ma jiġux miżjuda ma’ dawk li għandhom jiġu rkantati matul is-snin 2019 u 2020 iżda ser jitpoġġew fl-imsemmija riżerva, sabiex ma jiġix kompromess l-għan ta’ din tal-aħħar.

108

Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi, konsegwentement, skema legali oġġettiva u trasparenti li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu mgħarrfa b’mod ċar u tipprevedi perijodu tranżitorju ta’ tul suffiċjenti biex jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jadattaw għas-sistema l-ġdida introdotta.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-Repubblika tal-Polonja ma rnexxilhiex tidentifika xi ksur, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

110

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tkun ħolqitlu aspettattivi ġġustifikati. Fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, jikkostitwixxu assigurazzjoni li kapaċi toħloq tali tamiet, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, kull informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, EU:C:2013:169, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Min-naħa l-oħra, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, EU:C:2013:169, punt 26).

112

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba l-azzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-imsemmi leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57).

113

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ebda assigurazzjoni ma ġiet mogħtija lill-operaturi ekonomiċi parteċipanti tal-ETS, li ġġustifikat li dawn tal-aħħar ikollhom aspettattivi leġittimi fil-fatt li n-numru ta’ kwoti ma tkunx modifikata matul il-perijodi ta’ skambji.

114

L-ewwel nett, kif osservaw l-istituzzjonijiet konvenuti, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 jipprevedu espliċitament li jistgħu jeħtieġu li jiġu adattati r-regoli dwar l-ETS.

115

Il-premessa 22 ta’ din id-direttiva tipprevedi, b’mod partikolari, li din tal-aħħar “[g]ħandha tiġi rivista fid-dawl ta’ l-iżviluppi f’dan il-kuntest u tqis l-esperjenza fl-implimentazzjoni tagħha”.

116

Skont il-klawżola ta’ reviżjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, “[i]l-Kummissjoni għandha tirrivedi l-fattur lineari u, fejn hu xieraq, tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-2020, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni sal-2025”.

117

L-Artikolu 29 ta’ din l-istess direttiva jsemmi espliċitament l-ipoteżi ta’ funzjonament ħażin tas-suq li jiġi kkonstatat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rapport li jiġi ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill u li jista’ jinkludi, jekk ikun il-każ, proposti għal titjib.

118

Issa, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tillimita s-setgħa ta’ intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni matul il-perijodi ta’ skambji.

119

Sussegwentement, id-diversi emendi għad-Direttiva 2003/87 juru li, ripetutament, atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mir-Repubblika tal-Polonja, emendaw id-disponibbiltà ta’ kwoti matul perijodu ta’ skambji.

120

Pereżempju, il-punt 9 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/29 li jemenda l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, jibda t-tnaqqis lineari annwali tal-kwoti “min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012”.

121

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1359/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-17 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien tal-irkant tal-kwoti ta’ emissjoni tal-gassijiet serra (ĠU 2013, L 343, p. 1), li emenda l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87, jipprovdi li, “[m]eta valutazzjoni tas-setturi industrijali individwali turi li ma jkunux mistennija impatti sinjifikanti fuq setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinjifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju, il-Kummissjoni tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, tadatta l-iskeda għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 13(1) li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 biex tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq.”

122

Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 176/2014 ippreveda, fl-Artikolu 1 tiegħu, tnaqqis, għall-perijodu 2014–2016, tal-volum ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati għal kull sena partikolari.

123

Għaldaqstant, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma ngħatat l-ebda garanzija, la fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87 jew fl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29, li emendatha, li l-funzjonament tal-ETS kif deskritt oriġinarjament għandu jew jibqa’ l-istess jew li jista’ jiġi emendat biss fl-aħħar ta’ kull perijodu ta’ skambju ta’ kwoti.

124

Din il-konklużjoni tapplika wkoll minħabba l-karatteristiċi proprji tal-ETS.

125

Qabel kollox, kif tfakkar fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, l-ETS hija sistema kumplessa, li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni l-possibbiltà li jirrikorri għal approċċ fi stadji u li jimxi skont l-esperjenza miksuba, meta jkun imsejjaħ li jistruttura mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57).

126

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamlu istituzzjonijiet konvenuti, li l-ETS bħala strument ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima hija strument permanenti, mhux limitata fiż-żmien, li tipproduċi l-effetti tagħha lil hinn mill-perijodi ta’ skambji u fl-intier tagħhom.

127

Il-perijodi ta’ skambji, adottati sabiex jallinjaw l-ETS dwar l-iskadenzi previsti fl-istrumenti internazzjonali rilevanti, ma jistgħux jipprekludu lil-leġiżlatur milli jintervjeni fuq dak l-istrument bħala tali, jekk jirriżulta li dan tal-aħħar ma għadux f’pożizzjoni li jintlaħqu l-objettivi li għalihom ġie stabbilit.

128

Għaldaqstant, interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87, li tgħid li l-leġiżlatur jista’ jadatta r-regoli tal-ETS biss fit-tmiem ta’ perijodu ta’ skambji mhux biss ma ssib ebda bażi fl-imsemmija direttiva stess, iżda hija wkoll kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ETS.

129

Fl-aħħar nett, b’risposta għall-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja u miġbura fil-punti 94 sa 96 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 tikkostitwixxi att preparatorju li, b’definizzjoni, ma tistax titqies bħala definittiva. Tali att ma setax inissel aspettattivi fondati, peress li, fid-dawl tan-natura nnifisha tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni, proposta inizjali, ipotetikament, hija soġġetta għal tibdil matul dan il-proċess. Għalhekk, din il-proposta ma tistax tipprovdi assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 110 ta’ din is-sentenza.

130

Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja relatati mal-impenji tal-Unjoni skont ir-Regolament Nru 176/2014, għandu jiġi enfasizzat li dan tal-aħħar kien ġie adottat fil-kuntest tas-setgħa ta’ implimentazzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam ikkonċernat u li ma setax jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi garanzija li l-ebda intervent leġiżlattiv ma jirrendi l-kontenut tiegħu obsolet.

131

Barra minn hekk, kemm il-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 kif ukoll ir-Regolament Nru 176/2014 juru b’mod ċar li l-istituzzjonijiet relevanti qed jinkwetaw dwar l-iżbilanċ endemiku li jikkaratterizza ETS u kienu jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa.

132

F’dan ir-rigward, il-premessa 3 tar-Regolament Nru 176/2014 tiddikjara, b’mod partikolari, li “[g]ħandhom jitqiesu l-bidliet eċċezzjonali fil-fatturi prinċipali li jiddeterminaw il-bilanċ bejn id-domanda [it-talba] għall-kwoti u l-provvista [l-offerta] tagħhom”.

133

Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 għandha tkun akkumpanjata minn evalwazzjoni tal-impatt li tiddeskrivi l-iżbilanċ strutturali milħuqa mill-ETS u ssemmi l-ħtieġa ta’ miżuri regolatorji. Diversi għażliet ta’ intervent huma studjati, li wħud minnhom għandhom jindikaw data tad-dħul fis-servizz tal-MSR qabel is-sena 2021.

134

Barra minn hekk, funzjonament ħażin serju tal-ETS fil-kapaċità tagħha li toħloq sinjal tal-prezz kien magħruf mill-pubbliku, l-iktar tard, wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-istat tas-suq tal-karbonju fl-2012. Ir-rapport kien fih żewġ tipi ta’ miżuri sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati, jiġifieri, minn naħa, ir-reviżjoni taż-żmien tal-irkantijiet bħala miżura għal perijodu qasir, u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ miżuri strutturali, li jinġabru f’sitt għażliet, fosthom li tirtira, fuq bażi permanenti, ċerta kwantità ta’ kwoti matul it-tielet perijodu ta’ skambji tal-ETS.

135

Issa, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li operatur ekonomiku prudenti u informat ma setax jistenna li l-qafas leġiżlattiv inkwistjoni ma jinbidilx u li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jieħdu l-ebda miżura sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ strutturali li jikkaratterizza l-ETS qabel is-sena 2020.

136

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

L-argumenti tal-partijiet

137

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-miżuri previsti minnha ma jissodisfawx il-kriterju ta’ neċessità u jimponu lill-entitajiet li jipparteċipaw fl-ETS spejjeż għolja b’mod sproporzjonat.

138

L-istabbiliment ta’ MSR ma tkunx miżura indispensabbli biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 20 % sal-orizzont 2020, f’konformità mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni.

139

L-Istat Membru rikjedenti jindika li l-livell ta’ tnaqqis previst taħt l-ETS ġie stabbilit billi jiddetermina l-għadd totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet awtorizzat għall-perijodu 2013–2020. Konsegwentement, l-irtirar mis-suq ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati għal dak il-perijodu ser tobbliga lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jintlaħaq objettiv ogħla ta’ tnaqqis meta mqabbel ma’ dawk li huma attwalment irrapportati fil-livell internazzjonali fil-kuntest tat-tieni perijodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

140

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax il-kriterju ta’ neċessità.

141

Id-Deċiżjoni kkontestata hija wkoll sproporzjonata, sa fejn hija timponi fuq l-impriżi piżijiet li ma humiex indispensabbli biex jintlaħaq il-livell ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 20 % stabbilit mill-Unjoni, f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħha.

142

Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata ma ġewx eżaminati debitament.

143

Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jsostni li l-analiżi tal-impatt li akkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni tal-2014 kienet insuffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-Istati Membri kif ukoll fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet. L-imsemmi Stat Membru jsostni li din l-analiżi tippreżenta ħafna nuqqasijiet dwar kwistjonijiet fundamentali, bħalma huma l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-suq tax-xogħol, il-kompetittività tal-intrapriżi u l-istandards ta’ għajxien tas-soċjetà.

144

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-evalwazzjonijiet imwettqa matul in-negozjati ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma ġewx żvelati u lanqas ma kienu s-suġġett ta’ konsultazzjoni pubblika.

145

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi jemendaw sostanzjalment il-proposta tal-Kummissjoni tal-2014, mingħajr ma wettqu analiżi xierqa u sħiħa tal-effetti tal-bidliet ippjanati, l-istituzzjonijiet konvenuti kisru l-obbligu tagħhom li janalizzaw debitament dawn l-effetti.

146

L-istituzzjonijiet konvenuti u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumentazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja mressqa insostenn tar-raba’ u tal-ħames motivi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147

Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-fatt li għandha bħala riżultat il-kisba ta’ miri tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ogħla minn dawk li jirriżultaw kemm mill-impenji internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni kif ukoll mid-Direttiva 2003/87.

148

Permezz tal-ħames motiv tagħha, dan l-Istat Membru jikkritika, min-naħa waħda, lill-Kummissjoni li għamlet analiżi tal-impatt suġġettiva u mhux kompluta u, min-naħa l-oħra, lill-Parlament u lill-Kunsill li, min-naħa tagħhom, ma analizzawx il-konsegwenzi tal-miżuri li kienu ser jadottaw, li kienu differenti mill-proposti li l-impatt tagħhom kien ġie analizzat mill-Kummissjoni. Huwa jikkritika, barra minn hekk, lill-Parlament u lill-Kunsill li ma wettqux konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa matul il-proċedura leġiżlattiva.

149

Dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

150

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, f’kuntest tekniku kumpless u ta’ natura evoluttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li jadotta, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur li lilu t-trattat ta dan il-kompitu (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 28).

151

Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, tapplika mhux esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 121, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical,C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 33).

152

Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-atti inkwistjoni, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 122, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C-343/09, EU:C:2010:419, punt 34).

153

Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u mhux ekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jkunu bbażati l-miżuri kkontestati ta’ dan l-att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 123).

154

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rapport dwar l-istat tas-suq tal-karbonju fl-2012 ikkostitwixxa l-ewwel bażi biex nifhmu l-problema marbuta mal-eċċess ta’ kwoti fil-kuntest tal-ETS u eżamina r-risposti regolatorji possibbli. Din l-analiżi ġiet segwita, fix-xahar ta’ Jannar 2014, mill-analiżi tal-impatt li akkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni tal-2014.

155

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, jirriżulta minn din l-analiżi li l-Kummissjoni eżaminat fid-dettall, fil-punt 6 tagħha, għażliet differenti biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ li jikkaratterizza l-ETS kif ukoll subgħażliet magħmula minn varjanti tal-imsemmija għażliet.

156

Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward b’mod partikolari tal-għażla li tipprevedi l-ħolqien tal-MSR, il-Kummissjoni evalwat ukoll, fil-punt 7.1.3 tal-analiżi tal-impatt, diversi suppożizzjonijiet li jipprevedu dati tad-dħul fis-servizz differenti ta’ din ir-riżerva, filwaqt li l-eżami tal-kriterji li jirrigwardaw id-definizzjoni tal-valuri ta’ limitu għat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-kwoti jew it-tqegħid f’din ir-riżerva kien is-suġġett tal-punti 6.2.3.2 u 7.1 ta’ din l-analiżi.

157

Barra minn hekk, jirriżulta wkoll minn din l-analiżi li l-Kummissjoni eżaminat fid-dettall sensiela ta’ aspetti ekonomiċi u soċjali relatati fl-għażliet differenti previsti.

158

B’hekk, il-punt 7.2.3 tal-istess analiżi tal-impatt jinkludi konklużjonijiet dwar l-effett tal-MSR fuq l-iżvilupp tal-prezz tal-kwoti. Il-punti 7.3 u 7.4 ta’ din l-analiżi jesponu l-kunsiderazzjonijiet dwar kwistjonijiet tal-irkant u tal-kompetittività. Il-punt 7.4.2 ta’ din l-analiżi jiffoka partikolarment fuq l-effetti indiretti potenzjali fuq il-prezz tal-elettriku, filwaqt li l-punt 7.5 tagħha jirrigwarda l-effetti soċjali u l-effetti fuq is-suq tax-xogħol. Fl-aħħar nett, il-punt 7.6 tal-istess analiżi tevalwa l-effetti fuq l-ambjent.

159

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li analiżi tal-impatt la torbot lill-Parlament u lanqas lill-Kunsill (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 57).

160

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur ħa wkoll inkunsiderazzjoni konstatazzjonijiet oħra li saru disponibbli matul in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

161

B’mod partikolari, biex jiġu ċċarati d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill u l-Parlament, il-Kummissjoni organizzat, fil-25 ta’ Ġunju 2014, laqgħa għall-esperti ddedikata għall-impatt tal-miżuri previsti fis-suq u l-funzjonament tal-MSR. Dibattitu dwar din ir-riżerva, bl-involviment tal-operaturi tas-suq u l-esperti nazzjonali, seħħ fit-8 ta’ Settembru 2014. Fl-aħħar nett, fil-5 ta’ Novembru tal-istess sena, il-Parlament organizza laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-MSR, miftuħ għall-pubbliku u li fil-kuntest tiegħu huwa kellu wkoll analiżi addizzjonali dwar id-data tad-dħul fis-servizz ta’ din ir-riżerva.

162

Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, matul il-laqgħat tal-Kunsill, diversi delegazzjonijiet ressqu evalwazzjoni tal-effetti ta’ għażliet differenti, waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma “Ambjent”. Għalhekk, id-diskussjonijiet dwar din il-proposta ta’ deċiżjoni huma mħaddma mill-bażi fattwali li fuqu d-delegati kollha tal-Istati Membri bbażaw biex jiddefinixxu l-pożizzjoni tagħhom matul dawn il-laqgħat.

163

Minn dak li ntqal jirriżulta li, matul il-proċedura leġiżlattiva, il-Parlament u l-Kunsill ħadu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika disponibbli sabiex jeżerċitaw effettivament is-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

164

Kif enfasizzaw l-istituzzjonijiet konvenuti, ċertu numru ta’ laqgħat u workshops organizzati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-MSR kienu pubbliċi jew, għall-inqas, il-kontenut ta’ dawn il-laqgħat u l-workshops ġie ppubblikat. Barra minn hekk, konsultazzjonijiet pubbliċi seħħew ukoll fit-tħejjija tal-proposta għal deċiżjoni mill-Kummissjoni.

165

Fi kwalunkwe każ, kif isostnu ġustament il-Kunsill u l-Parlament, għandu jiġi ppreċiżat li n-natura mhux pubblika għal ċerti konsulti ma jistax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-leġiżlatur ma huwiex obbligat jinjora l-fatti li jidhru f’dokumenti mhux pubbliċi jew imsemmija waqt laqgħat mhux pubbliċi.

166

Minbarra dan, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma tistax issir kritika kontra l-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, li dawn ma ħadux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni hekk imsejħa partikolari tar-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tas-suq tal-karbonju.

167

Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlatur mhuwiex marbut li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru fejn l-att tal-Unjoni għandu impatt fl-Istati Membri kollha u jeħtieġ li bilanċ bejn l-interessi differenti involuti, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dan l-att, jiġi żgurat. Għaldaqstant, ir-riċerka li jintlaħaq tali ekwilibriju, fid-dawl mhux tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, ma jistax jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 39).

168

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur kellu elementi suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 152 u 153 ta’ din is-sentenza, biex iwettaq l-għażliet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata.

169

Għal dak li jikkonċerna b’mod partikolari r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu adattati sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-kundizzjonijiet, kif ġie kkonstatat fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, għandha madankollu tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni meta huwa jkollu jintervjeni f’qasam li jinvolvi għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, fl-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-ġudizzju tal-leġiżlatur tal-Unjoni bil-ġudizzju tagħha. Hija lanqas ma tista’ tiċċensura l-għażla normattiva tiegħu ħlief jekk din tkun tidher li hija manifestament żbaljata jew jekk l-iżvantaġġi li jirriżultaw għal ċerti atturi ekonomiċi ma jkunux jibbilanċjaw mal-benefiċċji li din ikollha wkoll (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171

Issa, kif tfakkar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel motiv tar-rikors, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li jiġi żgurat il-funzjonament sħiħ tal-ETS u sabiex tittejjeb il-kapaċità tad-Direttiva 2003/87 biex tippermetti t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn din tal-aħħar mid-data tad-dħul fis-servizz tal-MSR u mingħajr limitu ta’ żmien.

172

Fid-dawl ta’ dan l-għan u fid-dawl tad-data li kellhom l-istituzzjonijiet ikkonċernati fid-data meta jkunu saru, il-kontenut tal-att adottat ma jistax jiġi kkontestat b’mod validu.

173

Fil-fatt, ir-rapport tal-istat tas-suq tal-karbonju fl-2012 kien enfasizza l-iżbilanċ strutturali li jaffettwa l-ETS li wera l-bżonn ta’ intervent leġiżlattiv għall-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonament tajjeb tagħha. Sabiex jintemm dan l-iżbilanċ, huwa essenzjali li jitnaqqas l-għadd ta’ kwoti. Madankollu, kif indikat fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, bidla fil-fattur lineari naqqas fil-bilanċ favorevoli biss gradwalment, b’tali mod li s-suq tal-karbonju kellu jkompli jopera għal aktar minn deċennju b’surplus ta’ madwar 2 biljun kwota.

174

Il-ħolqien ta’ MSR, fejn il-kwoti żejda għandhom jitqiegħdu b’mod temporanju, kienet tikkostitwixxi, konsegwentement, soluzzjoni xierqa biex jitnaqqas l-għadd ta’ kwoti, mingħajr ma jneħħi dawk il-kwoti. Din is-soluzzjoni ppermettiet ukoll, minn naħa, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li fiha l-bilanċ tas-sistema huwa mhedded mhux iktar minn eċċess ta’ kwoti, iżda minn defiċit ta’ kwoti, u sakemm ikun ġie stabbilit li r-riżerva teżonera għalhekk fis-suq il-kwoti li jitpoġġew provviżjonalment fiha, u, min-naħa l-oħra, li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ETS għal avvenimenti kbar li jistgħu jfixklu b’mod serju l-bilanċ bejn l-offerta u t-talba tal-kwoti.

175

Il-mekkaniżmu previst mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta għaldaqstant adattat għall-kisba tal-għan li titnaqqas il-volatilità tas-suq tal-kwoti, mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq.

176

B’hekk, l-għażla normativa magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma tidhirx manifestament żbaljata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 170 ta’ din is-sentenza.

177

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja ma wrietx li l-inkonvenjenzi li jinħolqu minħabba din l-għażla huma sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji li din ikollha wkoll, minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ rabta diretta bejn tal-MSR u d-determinazzjoni tal-prezz tal-kwoti u, min-naħa l-oħra, minħabba li l-istabbilizzazzjoni tal-prezz tal-kwoti taqa’ manifestament taħt l-għan tad-deċiżjoni kkontestata.

178

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jiġu miċħuda wkoll ir-raba’ u l-ħames aggravji bħala infondati u konsegwentement, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

179

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kunsill.

180

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni, bħala partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.