KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C-684/16

Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV

vs

Tetsuji Shimizu

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali tax-Xogħol, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7(2) – Kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Telf tad-dritt għal dan il-kumpens meta l-ħaddiem ma jitlobx li jibbenefika mil-leave annwali mħallas tiegħu – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali – Invokabbiltà diretta tal-Artikolu 31(2) tal-Karta fil-kuntest ta’ kawża bejn ċittadini privati – Obbligu li titħalla mhux applikata leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ).

2.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Shimizu u l-persuna li kienet timpjegah, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV (iktar ’il quddiem “Max Planck”), dwar ir-rifjut tagħha li tħallas lil T. Shimizu kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

3.

Din il-kawża, l-istess bħall-kawża Kreuziger li fiha wkoll qiegħed nippreżenta konklużjonijiet (C‑619/16 EU:C:2018:339), tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiċċara l-kundizzjonijiet li taħthom ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu tkun intemmet jista’ jitlob il-ħlas ta’ dan il-kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jagħti dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta ħaddiem ma jkunx jista’ jieħu l-leave annwali mħallas kollu li huwa kellu dritt għalih matul dik ir-relazzjoni.

5.

Sejjer nispjega wkoll għaliex, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija topponi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien impjegat, mingħajr ma qabel ikun ġie vverifikat jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed mill-persuna li tħaddmu f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

6.

Imbagħad, sejjer nindika li, meta qorti nazzjonali tiġi indirizzata b’kontestazzjoni dwar id-dritt ta’ ħaddiem għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, hija għandha tivverifika jekk min iħaddem jipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lil dan il-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni. Jekk min iħaddem juri li huwa wettaq id-diliġenza neċessarja u li, minkejja l-miżuri li huwa ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament u b’mod infurmat milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

7.

Fl-aħħar nett, sejjer niċċara li, meta jiġri li, fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ ċittadini privati, leġiżlazzjoni nazzjonali tostakola li ħaddiem jirċievi kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, li għalih huwa jkollu dritt bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-qorti nazzjonali adita hija obbligata li tivverifika jekk huwiex possibbli li tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni u, jekk jidhrilha li dan mhux il-każ, tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni legali riżultanti għall-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 31(2) tal-Karta kif ukoll li tiggarantixxi effett sħiħ lil dan l-artikolu billi jekk meħtieġ tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

8.

Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2003/88:

“It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.”

9.

Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

10.

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

11.

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 4 ).

B.   Id-dritt Ġermaniż

12.

L-Artikolu 7 tal-Bundesurlaubsgesetz (il-Liġi Federali dwar il-leave) ( 5 ), tat-8 ta’ Jannar 1963, fil-verżjoni tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2002 ( 6 ), jipprevedi kif ġej taħt it-titolu “Iffissar, irrimandar u kumpens tal-leave”:

“1.   Fl-istabbiliment taż-żmien tal-leave, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-ħaddiema fir-rigward tal-leave, sakemm din il-kunsiderazzjoni ma tmurx kontra l-interessi primarji tal-impriża jew ix-xewqat ta’ ħaddiema oħra li minħabba raġunijiet soċjali jistħoqqu li jingħataw prijorità. Il-leave għandu jingħata meta jitolbu l-ħaddiem wara miżura ta’ kura preventiva jew ta’ riaġġustament.

2.   Il-leave għandu jingħata f’perijodu uniku, ħlief għal raġunijiet imperattivi relatati mal-impriża jew għal raġunijiet relatati mal-persuna tal-ħaddiem li jagħmlu neċessarju tqassim tal-leave. Jekk, minħabba dawn ir-raġunijiet, il-leave ma jkunx jista’ jingħata f’perijodu wieħed u jekk barra minn hekk il-ħaddiem għandu dritt għal leave ta’ tnax-il jum tax-xogħol, waħda mit-taqsimiet tal-leave għandha tinkludi tal-inqas tnax-il jum tax-xogħol konsekuttivi.

3.   Il-leave għandu jingħata u jittieħed matul is-sena kalendarja kurrenti. Trasferiment tal-leave għas-sena kalendarja sussegwenti huwa permess biss jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi marbutin mal-impriża jew mal-ħaddiem innifsu. […]

4.   Jekk, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-leave ma jistax jingħata totalment jew parzjalment, ikun hemm lok li jingħata kumpens.”

13.

It-Tarifvertrag für den öffentlichen Dienst (il-Ftehim kollettiv applikabbli għas-servizz pubbliku) jinkludi l-Artikolu 26, intitolat “Leave ta’ mistrieħ”, li, fis-subartikolu 1 tiegħu, jipprovdi:

“[…] Il-leave tal-mistrieħ għandu jingħata matul is-sena kalendarja kurrenti; huwa jista’ jitqassam. […]”

II. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14.

T. Shimizu kien impjegat ma’ Max-Planck, skont diversi kuntratt għal żmien determinat, mill-1 ta’ Awwissu 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet kienet irregolata bid-dispożizzjonijiet tal-BUrlG u tal-Ftehim Kollettiv applikabbli għas-servizz pubbliku.

15.

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2013, Max-Planck stiednet lil T. Shimizu sabiex jieħu l-leave tiegħu qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, madankollu mingħajr ma imponietlu ex ufficio ġranet tal-leave ffissati minnha unilateralment. T. Shimizu ħa jumejn leave, rispettivament fil-15 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2013.

16.

Wara li, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2013, talab inutilment mingħand Max-Planck il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 11 979.26 ekwivalenti għal 51 jum ta’ leave annwali mhux meħud dovut għas-snin 2012 u 2013, T. Shimizu ippreżenta rikors fejn talab li Max-Planck tiġi ordnata tħallas din is-somma.

17.

Wara li dan ir-rikors intlaqa’ kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, Max-Planck adixxiet lill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali Industrijali, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, b’rikors għal reviżjoni.

18.

Din il-qorti tispjega li d-drittijiet għal-leave annwali mħallas ta’ T. Shimizu relattivi għas-snin 2012 u 2013 kienu estinti, b’applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tal-BUrlG. Fil-fatt, il-persuna interessata ma kinitx ħadet dan il-leave matul is-snin li fihom dan kien ingħata, u la kien hemm raġunijiet imperattivi relatati mal-impriża jew mal-persuna tal-ħaddiem, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3) tal-BUrlG, li setgħu, f’dan il-każ, jiġġustifikaw dan in-nuqqas ta’ teħid tal-leave, u lanqas il-persuna li tħaddem ma kienet, b’xi mod, fixklet lill-persuna interessat milli tieħdu. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 7 tal-BUrlG lanqas ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li min iħaddem huwa obbligat li jiffissa unilateralment id-data tal-leave ta’ mistrieħ u jobbliga lill-ħaddiem li jieħdu. Għalhekk, minħabba l-estinzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas ta’ T. Shimizu, dawn id-drittijiet ma jistgħux iktar jiġu ttrasformati fi dritt għall-ħlas ta’ kumpens taħt l-Artikolu 7(4) tal-BUrlG.

19.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi stabbilit kjarament jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha l-effetti deskritti fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet hijiex konformi jew le mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta, filwaqt li min-naħa tagħha, id-duttrina hija maqsuma f’dan ir-rigward.

20.

Barra minn hekk, din il-qorti tesponi li Max-Planck hija organu mingħajr skop ta’ lukru tad-dritt privat li għalkemm iffinanzjata fil-maġġor parti minn fondi pubbliċi, madankollu ma tgawdix minn poteri eżorbitanti meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet applikabbli bejn il-persuni privati, u għalhekk għandha titqies bħala persuna privata skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ). Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppreċiżatx jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jew l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx effett orizzontali.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88], jew l-Artikolu 31(2) tal-[Karta], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 7 tal-Bundesurlaubsgesetz (Liġi Federali dwar il-leave), li tipprevedi, inkwantu modalità ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave tal-mistrieħ, li l-ħaddiem għandu japplika għal-leave billi jindika l-preferenzi tiegħu fir-rigward tad-dati li huwa jixtieq jieħu għal dan il-leave, sabiex ma jitlifx id-dritt għal leave tiegħu fit-tmiem il-perijodu ta’ referenza mingħajr ebda kumpens, u li għalhekk ma tobbligax il-persuna li timpjega li tispeċifika unilateralment u b’mod vinkolanti għall-ħaddiem id-dati tal-leave matul il-perijodu ta’ referenza?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

L-istess japplika meta ż-żewġ partijiet fir-relazzjoni ta’ xogħol kienu persuni privati?”

III. L-analiżi tiegħi

22.

Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien impjegat.

23.

Min-naħa tagħha, it-tieni domanda preliminari tittratta l-problema tal-invokabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati sabiex tiġi skartata l-applikazzjoni ta’ din l-leġiżlazzjoni, fl-ipoteżi li din għandha titqies bħala kuntrarja għal dan id-dritt.

24.

Sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li d-direttiva ma tippermettix li ssir deroga minnha, kull ħaddiem għandu dritt għal leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]an id-dritt għal-leave imħallas għandu jitqies bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari li ma jistax jiġi derogat u li l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament imsemmija fid-Direttiva 2003/88” ( 8 ).

25.

Barra minn hekk, mill-kliem tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, “għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom jastjenu ruħhom milli jissuġġettaw […] għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess tal-imsemmi dritt [ħlief jekk din] tirriżulta direttament minn din id-direttiva” ( 9 ).

26.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mitluba diversi drabi sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li ma jkunx f’qagħda li jeżerċita, qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, id-dritt tiegħu għal dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, kemm jekk minħabba mard ( 10 ) kif ukoll minħabba r-rifjut ta’ min iħaddem li jħallsu tal-leave tiegħu ( 11 ).

27.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-regola li “d-Direttiva 2003/88 ma tippermettix li l-Istati Membri jeskludu l-kostituzzjoni jew il-ħolqien tad-dritt għal-leave annwali mħallas u lanqas li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li ġie prekluż milli jeżerċità dan id-dritt jiġi estint mal-iskadenza tas-sena tal-leave u/jew ta’ perijodu ta’ rrimandar stabbilit mid-dritt nazzjonali” ( 12 ).

28.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “ħaddiem li ma kienx f’pożizzjoni, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, li jeżerċità d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol għandu dritt għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens abbażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. L-ammont ta’ dan il-pagament għandu jiġi kkalkolat b’tali mod li l-imsemmi ħaddiem jitqiegħed f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik li huwa kien ikun fiha li kieku huwa eżerċità l-imsemmi dritt matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu” ( 13 ).

29.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola stabbilita bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll bl-Artikolu 31(2) tal-Karta, hija għaldaqstant dik li “dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jiġix estint mal-iskadenza tas-sena tal-leave u/jew ta’ perijodu ta’ rrimandar stabbilit mid-dritt nazzjonali, meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu dritt għal-leave annwali mħallas” ( 14 ).

30.

L-idea li ssostni din ir-regola hija dik li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jipprevedu modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, inkluż saħansitra t-telf ta’ dan id-dritt fi tmiem ta’ sena tal-leave jew perijodu ta’ rrimandar, madankollu dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem li d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas effettivament kellu l-possibbiltà li jeżerċita d-dritt li tagħtih din id-direttiva ( 15 ).

31.

Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, jidher li jirriżulta li d-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jiġi kkunsidrat li jiġi estint fi tmiem is-sena tal-leave meta l-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċitah matul dan il-perijodu. Din l-estinzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas li ma tintalabx it-tgawdija tiegħu mill-ħaddiem twassal għat-telf tad-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

32.

Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif hekk interpretata, jidhirli li hija kuntrarja għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 billi hija tiddeduċi awtomatikament mill-assenza ta’ talba mill-ħaddiem li jieħu l-leave tiegħu matul is-sena tal-leave t-telf tiegħu fi tmiem dan il-perijodu, mingħajr verifika minn qabel tal-kwistjoni jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, konformement ma’ dak rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.

Madankollu, fid-dawl tal-għan li d-Direttiva 2003/88 tagħti lid-dritt għal-leave annwali mħallas, jiġifieri dak li jiżgura lill-ħaddiem il-benefiċċju ta’ mistrieħ effettiv, fix-xewqa tal-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tiegħu, għandu jkun min iħaddem li jieħu l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lill-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas u, f’każ ta’ kontestazzjoni, li jipprova li huwa ħa dawn il-miżuri.

34.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2003/88 “tistabbilixxi […] r-regola li ħaddiem normalment għandu jkun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bil-għan li jiġu mħarsa b’mod effettiv is-sigurtà tiegħu u saħħtu” ( 16 ). L-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huwa li “jippermetti li l-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji” ( 17 ).

35.

Min iħaddem għandu jeżerċita responsabbiltà partikolari sabiex il-ħaddiema li jaqgħu taħtu jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas.

36.

Kif anki ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu” ( 18 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħjufija, tali ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il‑ħaddiem” ( 19 ). Għalhekk, “kull prattika jew ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li potenzjalment ikollha l-effett li tiskoraġġixxi t-teħid tal-leave annwali minn ħaddiem, hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas” ( 20 ).

37.

Fid-dawl tal-iżbilanċ inerenti għar-relazzjoni ta’ xogħol, għandu jkun min iħaddem li jadotta l-miżuri adegwati sabiex jippermetti lill-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali mħallas. Barra minn hekk, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-eżistenza ta’ obbligu impost fuq min iħaddem dwar it-teħid effettiv tal-leave tagħhom mill-ħaddiema billi indikat li “l-persuna li timpjega li ma tqiegħedx ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċità d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għandha tassumi l-konsegwenzi ta’ dan” ( 21 ).

38.

L-eżistenza ta’ dan l-obbligu hija kkorroborata mid-Direttiva 89/391, li tibqa’ applikabbli, kif jindikaw il-premessa 3 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2003/88 ( 22 ). Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi li “[m]in iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[f]i ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema”.

39.

Għaldaqstant għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu li d-Direttiva 89/391 timponi fuq min iħaddem sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

40.

Barra minn hekk, ninnota li waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettiet li, skont il-prinċipju ta’ premura, min iħaddem huwa obbligat, b’mod ġenerali, li jiżgura l-benesseri tal-ħaddiema u li, bħala parti minn dan id-dmir ta’ premura, hemm ukoll il-ħtieġa li jqiegħed lill-ħaddiema f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

41.

Dan l-obbligu għandu jissarraf, fil-qasam ta’ organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, fl-adozzjoni minn min iħaddem ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni konkreti adegwati sabiex jippermetti lill-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali mħallas kif ukoll b’informazzjoni preċiża u fi żmien xieraq sabiex dawn il-ħaddiema effettivament jieħdu l-leave tagħhom, sabiex ma jkunx hemm riskju li dan jintilef fi tmiem is-sena tal-leave jew il-perijodu ta’ rrimandar awtorizzat. Min iħaddem għandu wkoll jinforma lill-ħaddiema li jekk dawn ma jieħdux il-leave matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, meta huma effettivament ikollhom il-possibbiltà, mhux ser ikunu jirrivendikaw id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, l-obbligu impost fuq min iħaddem ma jestendix sabiex “[j]obbliga lil min iħaddem jimponi obbligu fuq il-ħaddiema tiegħu li jeżerċitaw effettivament il-perijodi ta’ mistrieħ li huma intitolati għalihom” ( 23 ). B’din ir-riżerva, l-obbligu impost fuq min iħaddem għandu jissarraf, fil-fehma tiegħi, f’sistema probatorja li bis-saħħa tagħha, f’każ ta’ kontestazzjoni, għandu jkun min iħaddem li juri li huwa ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lill-ħaddiem il-possibbiltà li effettivament jeżerċita dan id-dritt.

42.

Fid-dawl tal-obbligu impost fuq min iħaddem li effettivament jagħti lill-ħaddiema l-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li jkollha bħala effett li titfa’ fuq il-ħaddiema biss ir-responsabbiltà li jeżerċitaw dan id-dritt, mingħajr verifika minn qabel tal-kwistjoni jekk min iħaddem ikunx osserva dan l-obbligu, tkun kuntrarja għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, li kieku jiġi ammess li leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali jistgħu jipprevedu l-estinzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali mħallas, mingħajr ma l-ħaddiem effettivament kellu l-possibbiltà li jeżerċita dan id-dritt, dan ikun jippreġudika s-sustanza tad-dritt soċjali mogħti direttament bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 lil kull ħaddiem ( 24 ). Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċ-ċirkustanza li ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul is-sena tal-leave ma tistax ipso facto twassal għat-telfien ta’ dan id-dritt fi tmiem dan il-perijodu u, korrispondentement, it-telf tad-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiċħad kull rilevanza tal-kwistjoni jekk ħaddiem ikunx ippreżenta jew le talbiet għal-leave annwali mħallas ( 25 ).

43.

Konsegwentement, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tfittex, fid-dawl tal-għan mogħti mid-Direttiva 2003/88 lid-dritt għal-leave annwali mħallas, jekk min iħaddem ipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lill-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas billi għal dan l-għan eżerċita d-diliġenza rikjesta minnu. La darba min iħaddem juri li huwa eżerċita d-diliġenza neċessarja u li, minkejja l-miżuri li huwa jkun ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. Fil-fatt, hemmhekk il-ħaddiem ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu. Huwa jkun irrinunzja b’mod infurmat, billi kien jaf l-effetti legali li seta’ jiġi kkonfrontat bihom fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

44.

Huwa minnu li ċerti kunsiderazzjonijiet fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jagħtu l-impressjoni li hija tinterpreta l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li jagħti direttament u awtomatikament lill-ħaddiema kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol. Hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ dan il-kumpens, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, “meta r-relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata u [meta għaldaqstant] t-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas ma [jkunx] iktar possibbli, […] l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal […] kumpens [u dan kollu sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, tiġi eskluża kull tgawdija minn dan tal-aħħar tal-leave imħallas, anki f’forma pekunjarja]” ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, “[s]abiex jiġi żgurat ir-rispett għal dan id-dritt fundamentali tal-ħaddiem stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, [hija] ma tistax tagħti interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, b’detriment għad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha” ( 27 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg itterminat u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni tterminat” ( 28 ).

45.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma marbuta strettament mal-kuntest fattwali li fihom twettqu, jiġifieri sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiem kien ġie mfixkel milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas minħabba mard jew mewt.

46.

Barra minn hekk, u f’kull każ, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jkun irrinunzja volontarjament u b’mod infurmat milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu jista’ jirrivendika d-dritt għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, meta l-persuna li tħaddmu tressaq il-prova li hija kienet effettivament qegħdet lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu matul ir-relazzjoni ta’ xogħol.

47.

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 favur ħlas awtomatiku lill-ħaddiem ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr eżami tal-imġiba rispettiva ta’ min iħaddem u ta’ dan il-ħaddiem, tkun tmur kontra kemm il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif enfasizzat u mfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha. Madankollu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kliem tiegħu kif ukoll tal-għan li huwa jfittex ( 29 ).

48.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, jirriżulta li l-ħlas ta’ kumpens finanzjarju li għandu l-għan li jissostitwixxi l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas huwa possibbli biss f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. Għaldaqstant it-teħid effettiv tal-leave jikkostitwixxi r-regola, u l-kumpens l-eċċezzjoni. Barra minn hekk, anki f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jesprimix l-idea ta’ benefiċċju awtomatiku ta’ dan il-kumpens fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, imma biss l-idea ta’ possibbiltà.

49.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, infakkar li dan huwa “li jippermetti li l-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji” ( 30 ). Barra minn hekk, għandha mill-ġdid tissemma r-regola li l-ħaddiem għandu normalment jgawdi minn mistrieħ effettiv.

50.

Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li dan jagħti direttament u awtomatikament lill-ħaddiem kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud f’każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tkun tippreġudika dan l-għan u r-rekwiżit ta’ mistrieħ effettiv tal-ħaddiem, li jimplika li t-tgawdija tad-dritt għal-leave annwali mħallas għandha bħala regola tittieħed in natura.

51.

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tista’ tinkoraġġixxi lill-ħaddiema li jafu, pereżempju għax huma qegħdin f’taħriġ jew ingaġġati b’kuntratt għal żmien fiss, li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tista’ tiġi tterminata fil-futur qarib li ma jieħdux il-leave sabiex jawmentaw ir-remunerazzjoni tagħhom billi, fi tmiem din ir-relazzjoni, jitħallsu kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud. Imma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jeħtieġ li tiġi evitata interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li “[t]oħloq inċentiv, inkompatibbli ma’ l-iskop ta’ din id-Direttiva, li dak li jkun jirrinunzja għal-leave ta’ mistrieħ jew li jagħmel b’mod li l-ħaddiema jirrinunzjaw għal dan” ( 31 ). Għaldaqstant għandu jiġi osservat l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li jiġi żgurat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jkunx jista’ jintuża bħala għodda li tippermetti li jiġu akkumulati l-ġranet ta’ leave annwali mħallas bl-għan ta’ ħlas tagħhom fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol ( 32 ).

52.

Inżid li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem ma taqax biss fl-interess individwali tiegħu, imma wkoll ta’ dak tal-persuna li tħaddmu kif ukoll tal-interess ġenerali ( 33 ).

53.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għandha, għalhekk, titqiegħed fil-perspettiva korretta l-parti mis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke ( 34 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi l-ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dak relatat mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg itterminat u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ttermina” ( 35 ). Sabiex tkun konformi mal-għan doppju tad-dritt għal-leave annwali mħallas, jiġifieri li jippermetti lill-ħaddiem, minn naħa, li jistrieħ u, min-naħa l-oħra, li jipprovdi għal perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji, kif ukoll mad-dispożizzjoni li l-ħaddiem għandu normalment igawdi minn mistrieħ effettiv, it-tieni kundizzjoni imposta bl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri dik li “l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta [r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu] ntemmet” ( 36 ), għandha neċessarjament tiftiehem li tfisser il-ħaddiem “li ma setax jagħmel użu mi[...l-]leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu” ( 37 ). Huwa biss jekk l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, u t-tieni kundizzjoni, hekk mifhuma, huma sodisfatti li l-ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol ġiet itterminata għandu dritt, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud.

54.

Interpretat f’dan is-sens, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li jiġi żgurat ekwilibriju xieraq bejn il-kumpens finanzjarju neċessarju ta’ dritt għal-leave annwali mħallas li ma jkunx ġie effettivament gawdut matul ir-relazzjoni ta’ xogħol u l-osservanza tal-għan ta’ dan id-dritt li jirrikjedi bħala regola ġenerali, it-teħid effettiv tal-leave.

55.

Fil-qosor, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-teżi li l-ħlas tal-kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol għandu jiddependi fuq żewġ kundizzjonijiet, minn naħa, li l-ħaddiem ikun personalment talab il-benefiċċju tal-leave kontenzjuż lill-persuna li tħaddmu u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħaddiem jipprova li kien fl-impossibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għal raġunijiet li mhumiex tort tiegħu.

56.

Nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ssegwi raġunament ieħor li jistrieħ fuq id-dispożizzjoni li t-teħid effettiv tal-leave għandu jkun ipprivileġġat u fuq ir-rwol li min iħaddem għandu jwettaq f’dan ir-rigward. F’din il-perspettiva, huwa eskluż li titqiegħed fuq il-ħaddiema biss ir-responsabbiltà li jiżguraw li jieħdu effettivament il-leave tagħhom bir-riskju li jitilfu dan il-benefiċċju. Fil-fatt, din is-soluzzjoni tinjora r-realtà tar-relazzjonijiet tax-xogħol li tissarraf fi żbilanċ bejn min iħaddem u l-ħaddiem, billi dan tal-aħħar jista’, b’diversi modi, jiġi nkoraġġit sabiex jaħdem iktar, b’mod partikolari meta huwa jittama f’tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Sabiex jittaffa dan ir-riskju kif ukoll it-tendenza tal-ħaddiema sabiex jibdlu l-ġranet tal-leave tagħhom f’żieda fil-paga, jeħtieġ li jiġi impost fuq min iħaddem l-obbligu li jieħu l-miżuri adegwati sabiex jippermetti lill-ħaddiem li effettivament juża d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas. Jekk min iħaddem jipprova li huwa qiegħed lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, dan il-ħaddiem ma jistax imbagħad jirrivendika, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

57.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta ħaddiem ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas kollu li għalih kellu d-dritt matul din ir-relazzjoni.

58.

Din l-istess dispożizzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem, minn naħa, ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien fl-attività u, min-naħa l-oħra, ma jurix li kien qiegħed fl-impossibbiltà li jieħu dan il-leave għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, mingħajr ma qabel tiġi vverifikata l-kwistjoni jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed f’pożizzjoni mill-persuna li tħaddmu li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

59.

Meta qorti nazzjonali tiġi adita b’kontestazzjoni dwar id-dritt ta’ ħaddiem għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, hija għandha tivverifika jekk min iħaddem jipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lil dan il-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni. Jekk min iħaddem juri li huwa eżerċita d-diliġenza neċessarja u li, minkejja il-miżuri li huwa ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament u b’mod infurmat milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

60.

F’dan il-każ, anki jekk l-evalwazzjoni finali fuq dan il-punt għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, niddubita kemm jista’ jitqies li Max-Planck eżerċitat id-diliġenza neċessarja sabiex tqiegħed lil T. Shimizu f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih kellu dritt. Fil-fatt, l-unika miżura li tidher fil-fajl tikkonsisti fl-istedina li saret minn Max-Planck lil T. Shimizu fit-23 ta’ Ottubru 2013 li jieħu l-leave tiegħu, meta fl-istess żmien huwa sar jaf li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu ma kienx ser jiġġedded. Fid-dawl taż-żmien qasir li jifred id-data li fiha ttieħdet din l-miżura mid-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt għal żmien determinat ta’ T. Shimizu, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2013, din il-miżura tidher tardiva, li, fil-fehma tiegħi, jipprekludi milli tiġi kkunsidrata bħala miżura adegwata sabiex tippermetti lil dan il-ħaddiem li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

61.

Barra minn hekk, inqis li, matul il-perijodu preċedenti t-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat, ħaddiem ma huwiex f’pożizzjoni li jgawdi effettivament mid-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas. Fil-fatt, billi r-realtà tas-suq tax-xogħol hija dik li hi, matul dan il-perijodu, ċertament li dan il-ħaddiem ser ikun iktar ippreokkupat biex ifittex impjieg ġdid mill jistrieħ u sabiex u jipprevedi perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji. Barra minn hekk, matul il-perijodu preċedenti għat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal perijodu determinat, il-ħaddiem jista’ leġittimament ikollu għal qalbu li jispiċċa sew il-proġetti li huwa kien imexxi matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, u dan jista’ jinkoraġġixxih sabiex jirrinunzja milli jieħu l-leave tiegħu ( 38 ).

62.

Niġi biex nittratta t-tieni domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju, li tqajjem il-problema dwar l-invokabbiltà tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li Max-Planck hija organu mingħajr skop ta’ lukru tad-dritt privat, li għalkemm hija ffinanzjata primarjament minn fondi pubbliċi, madankollu ma tgawdix minn poteri eżorbitanti meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-relazzjonijiet bejn persuni privati. Għaldaqstant it-tilwima li biha hija adita għandha, fil-fehma tagħha, tiġi kkunsidrata bħala tilwima bejn persuni privati. Din il-premessa ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-proċedura preliminari.

63.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-assenza ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi, b’din id-domanda, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati sabiex tiġi skartata l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jiġi stabbilit li hija kuntrarja għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88.

64.

Kont eżaminajt din il-problema fid-dettall, kif ukoll il-portata tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi impost fuq il-qrati nazzjonali, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Bauer u Broßonn (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:337), li nagħmel riferiment għalihom Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li fformulajt f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li billi jiggarantixxi lill-ħaddiem id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem ma kienx tqiegħed f’sitwazzjoni li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jista’ jiġi invokat direttament minn dak il-ħaddiem fil-kuntest ta’ kawża kontra l-persuna li tħaddmu sabiex titwarrab l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola li dan il-kumpens jitħallas.

65.

Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li meta jiġri li, fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ persuni privati, leġiżlazzjoni nazzjonali tostakola li ħaddiem jirċievi kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, li għalih għandu dritt bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-qorti nazzjonali adita hija obbligata tivverifika jekk huwiex possibbli li hija tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni u, jekk jidhrilha li dan mhuwiex il-każ, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni legali li titnissel favur il-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 31(2) tal-Karta kif ukoll li tiggarantixxi effett sħiħ lil dan l-artikolu billi jekk meħtieġ tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

IV. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali Industrijali, il-Ġermanja) kif ġej:

1)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta ħaddiem ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas kollu li kien intitolat għalih matul din ir-relazzjoni.

2)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ħaddiem jitlef id-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol meta dan il-ħaddiem ma jkunx talab li jibbenefika minn dan il-leave meta huwa kien impjegat mingħajr ma qabel jiġi verifikat jekk dan il-ħaddiem kienx effettivament tqiegħed mill-persuna li tħaddmu f’pożizzjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas.

3)

Meta qorti nazzjonali hija adita b’kontestazzjoni dwar id-dritt ta’ ħaddiem għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, hija għandha tivverifika jekk min iħaddem jipprovax li ħa l-miżuri adegwati sabiex jiżgura lil dan il-ħaddiem il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul din ir-relazzjoni. Jekk min iħaddem juri li huwa eżerċita d-diliġenza neċessarja u li, minkejja l-miżuri li huwa ħa, il-ħaddiem irrinunzja deliberatament u b’mod infurmat milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas għalkemm huwa kellu l-possibbiltà matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, dan il-ħaddiem ma jistax jitlob, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol.

4)

Meta jiġri li, fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ persuni privati, leġiżlazzjoni nazzjonali tostakola li ħaddiem jirċievi kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, li għalih huwa kellu dritt bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, il-qorti nazzjonali adita hija obbligata tivverifika jekk huwiex possibbli li hija tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni u, jekk jidhrilha li dan mhuwiex il-każ, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni legali riżultanti favur il-partijiet fil-kawża mill-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll li tiggarantixxi effett sħiħ lil dan l-artikolu billi jekk meħtieġ tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 1, p. 349.

( 5 ) BGBl. 1963, p. 2.

( 6 ) BGBl. 2002 I, p. 1529 (iktar ’il quddiem il-“BUrlG”).

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18).

( 11 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 56), korsiv miżjud minni.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et. (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 43), tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 26), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 30).

( 16 ) Is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU (C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 44). Fi kliem ieħor, kif innota l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ministerul Justiţiei et (C‑12/17, EU:C:2018:195), “perijodu ta’ xogħol effettiv għandu jagħti dritt għal perijodu ta’ mistrieħ daqstant ieħor effettiv”.

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ibid., punt 81.

( 20 ) Is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 63).

( 22 ) Fuq ir-rabta bejn id-Direttiva 2003/88 u t-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-linja tal-għan imfittex mid-Direttiva 89/391, id-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi, kif jindika l-Artikolu 1(1) tagħha, “ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol”.

( 23 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 43).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 23).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Lock (C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 15).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 32). Ara, ukoll, għal raġunament ibbażat fuq id-dispożizzjoni li l-ħaddiem għandu normalment ikun jista’ jgawdi minn mistrieħ effettiv, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et (C‑131/04 et C‑257/04, EU:C:2006:177).

( 32 ) Ara, f’dan l-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża King (C‑214/16, EU:C:2017:439, punt 97).

( 33 ) Ara, ukoll, fuq din l-idea, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawżi magħquda Robinson-Steele et (C‑131/04 et C‑257/04, EU:C:2005:650, punt 79).

( 34 ) C‑118/13, EU:C:2014:1755.

( 35 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 23).

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), korsiv miżjud minni.

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 28), korsiv miżjud minni.

( 38 ) Kif indikat waqt is-seduta, wara l-istedina li saritlu minn Max-Planck sabiex jieħu l-leave tiegħu, billi fl-istess żmien sar jaf li l-kuntratt tiegħu ma kienx ser jiġġedded, M. Shimizu ried iwassal fit-tmiem tagħhom dawn il-proġetti, u għalhekk iddeċieda li ma jieħux il-leave annwali mħallas tiegħu li kien intitolat għalih.