KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-11 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C-668/16

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2007/46/KE – Responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali – Miżuri dwar il-konformità tal-vetturi mar-rekwiżiti tekniċi – Ibbilanċjar tan-nuqqas ta’ konformità mar-riskji relatati mas-sigurtà – Obbligi tal-manifattur – Sanzjonijiet – Direttiva 2006/40/KE – Limitu tal-emissjonijiet minn sistemi ta’ klimatizzazzjoni tal-arja tal-vetturi bil-mutur – Evitar tad-Direttiva”

1.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tas-sistema armonizzata ta’ approvazzjoni tal-vetturi, b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 30 u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( 2 ) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva Qafas”). Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat aġir li jwassal għal evitar tad-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE ( 3 ) (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni”).

2.

B’mod partikolari, dan ir-rikors jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll ex post tal-konformità tal-vetturi stabbilita mid-Direttiva Qafas, dwar is-sanzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-manifattur li naqas mill-obbligi tiegħu, kif ukoll dwar il-portata tal-kunċett ta’ “tip ta’ vettura”, kif previst fid-Direttiva Qafas.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.  Id-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni

3.

Fl-Artikolu 5(4) tagħha, id-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni tipprovdi: “B’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta’ vettura mgħammra b’sistema ta’ kondizzjonament ta’ l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150”.

B.   Id-Direttiva Qafas

4.

Fil-premessa 3 tagħha, id-Direttiva Qafas tistabbilixxi dan li ġej: “Il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi separati u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u speċifikati f’atti regolatorji. Dawk l-atti regolatorji għandhom primarjament ifittxu li jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza stradali, protezzjoni tas-saħħa, protezzjoni ambjentali, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra l-użu mhux awtorizzat”. Barra minn hekk, fl-ewwel parti tal-premessa 14 tagħha, id-Direttiva Qafas tiċċara li: “L-objettiv ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni dwar il-vetturi hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali”. Il-premessa 17 tal-istess direttiva hija fformulata kif ġej: “Din id-Direttiva tikkostitwixxi ġabra ta’ ħtiġijiet speċifiċi ta’ sikurezza fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (iktar ’il quddiem: id-‘Direttiva 2001/95’) […]. Għalhekk, hu importanti li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jiżguraw li, fil-każ li vettura tippreżenta riskju serju għall-konsumaturi b’riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, il-manifattur ikun ħa miżuri protettivi effettivi, inkluż il-ġbir lura tal-vetturi. […]”.

5.

L-Artikolu 3(17) jagħti definizzjoni ta’ “tip ta’ vettura” fit-termini segwenti: “vetturi ta’ kategorija partikolari li ma jvarjawx għall-inqas fl-aspetti essenzjali speċifikati fit-Taqsima B ta’ l-Anness II. Tip ta’ vettura jista’ jkollha varjanti u verżjonijiet kif definiti fit-Taqsima B ta’ l-Anness II”.

6.

L-Artikolu 4(1) jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għall-approvazzjoni jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond din id-Direttiva”, u mbagħad jispeċifika, fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament, li “[l]-Istati Membri għandhom japprovaw biss dawk il-vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva” u li “[l]-Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva”.

7.

L-Artikolu 6(6) li jirrigwarda l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-approvazzjoni KE jipprovdi: “[i]l-manifattur għandu jissottometti l-applikazzjoni lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni. Tista’ ssir biss applikazzjoni waħda fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ vettura u dan jista’ jsir fi Stat Membru wieħed biss”.

8.

L-Artikolu 12 li jirrigwarda l-miżuri dwar il-konformità tal-produzzjoni, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li: “[l]-Istat Membru li joħroġ approvazzjoni tat-tip tal-KE għandu jieħu l-miżuri meħtieġa skond l-Anness X biex jivverifika, f’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra jekk ikun meħtieġ, li saru arranġamenti adegwati biex jiġi żgurat li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond kif ikun il-każ, jikkonformaw mat-tip approvat”. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi: “Meta Stat Membru li ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jistabbilixxi li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 mhumiex applikati, jitbiegħed sostanzjalment mill-arranġamenti u l-pjanijiet ta’ kontroll miftiehma, jew ma baqgħux jiġu applikati, għalkemm il-produzzjoni ma twaqfitx, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-konformità tal-proċedura ta’ produzzjoni tiġi segwita kif suppost”.

9.

L-Artikolu 17(1) jistabbilixxi: “Approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi m’għandhiex tibqa’ valida fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

[…]

(b)

il-produzzjoni tal-vettura approvata ġiet mwaqqfa b’mod volontarju u definittiv;

[…]”.

10.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) jipprovdi: “Jekk Stat Membru jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda, għalkemm konformi mal-ħtiġijiet applikabbli jew immarkati kif suppost, jippreżentaw riskju serju għas-sikurezza stradali, jew huma ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, dak l-Istat Membru jista’, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, jiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ tali vetturi jew il-permess għall-bejgħ jew id-dħul fis-servizz fit-territorju tiegħu ta’ tali vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati”.

11.

L-Artikolu 30(1) jipprovdi: “Jekk Stat Membru li ħareġ approvazzjoni tat-tip tal-KE jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda akkumpanjati b’ċertifikat ta’ konformità jew li għandhom fuqhom marka ta’ approvazzjoni ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, inkluż, meta meħtieġ, l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip, biex jiżgura li l-vetturi, is-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati tal-produzzjoni, skond il-każ, jinġiebu f’konformità mat-tip approvat. L-awtorità ta’ l-approvazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandha tavża lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħuda”.

12.

L-Artikolu 32 jipprevedi:

“1.   Fejn manifattur li jkun ingħata approvazzjoni tat-tip tal-KE għal vettura jkun obbligat li jopera, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att regolatorju jew tad-Direttiva 2001/95/KE, ġbir lura ta’ vetturi diġà mibjugħa, reġistrati jew impoġġija fis-servizz għaliex sistema, komponent jew unità teknika separata waħda jew aktar immuntata fil-vettura, kemm jekk huma approvati skond din id-Direttiva u anke jekk le, tippreżenta riskju serju għas-sikurezza stradali, saħħa pubblika jew protezzjoni ambjentali, hu għandu jinforma minnufih lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni lill-vettura.

2.   Il-manifattur għandu jipproponi lill-awtorità ta’ l-approvazzjoni sett ta’ rimedji xierqa biex ir-riskju msemmi fil-paragrafu 1 jiġi newtralizzat. L-awtorità ta’ l-approvazzjoni għandha tikkomunika l-miżuri proposti lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.

[…]”.

13.

L-Artikolu 46 huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet stipulati jew li jirriżultaw mill-Artikolu 31, u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, Parti I u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni determinati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2009 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom malajr kemm jista’ jkun”.

C.   Id-dritt Ġermaniż

14.

L-Artikolu 7 tal-EG-Fahrzeugsgenehmigungsverordnung (Regolament KE dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi, iktar ’il quddiem: l-“EG-FGV”) tat-3 ta’ Frar 2011, kif emendat l-aħħar darba bl-Artikolu 4 tar-Regolament tad-19 ta’ Ottubru 2012 jipprovdi: “L-approvazzjoni tat-tip KE tiskadi meta rekwiżiti ġodda li jirriżultaw minn att regolatorju jsiru obbligatorji għar-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2007/46/KE, u ma huwiex possibbli li l-approvazzjoni tiġi aġġornata. Din tiskadi wkoll fil-mument tat-tmiem definittiv tal-produzzjoni tat-tip ta’ vettura approvata. Il-manifattur għandu jinnotifika t-tmiem tal-produzzjoni lill-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Uffiċċju Federali tal-Vetturi bil-Mutur, iktar ’il quddiem: il-“KBA”)”.

15.

L-Artikolu 25 tal-EG-FGV jipprevedi:

“(1)   Jekk il-KBA jikkonstata li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ma humiex konformi mat-tip approvat, dan jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa fis-sens tad-Direttivi 2007/46/KE, 2002/24/KE u 2003/37/KE applikabbli skont it-tip sabiex jiżgura l-konformità tal-produzzjoni mat-tip approvat.

(2)   Sabiex jirrimedja għal lakuni u jiżgura l-konformità tal-vetturi li diġà tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni, komponenti jew unitajiet tekniċi separati l-KBA jista’ jadotta a posteriori dispożizzjonijiet sekondarji.

(3)   Il-KBA jista’ jirtira jew jirrevoka l-approvazzjoni, totalment jew parzjalment, b’mod partikolari meta jiġi kkonstatat li

1.

vetturi li għandhom ċertifikat ta’ konformità jew komponenti jew unitajiet tekniċi separati koperti minn immarkar meħtieġ ma humiex konformi mat-tip approvat,

2.

vetturi li għandhom ċertifikat ta’ konformità jew komponenti jew unitajiet tekniċi separati jindikaw riskju kunsiderevoli għas-sigurtà fit-toroq, għas-saħħa pubblika u għall-ambjent,

3.

il-manifattur ma jkollux sistema effiċjenti għall-monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni jew ma jużahiex kif previst,

jew li

4.

id-detentur tal-approvazzjoni ma josservax l-obbligi relattivi għal tali approvazzjoni”.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenżjuza

16.

Id-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, fis-seħħ minn Lulju 2006, tipprevedi b’mod partikolari li s-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tat-tipi kollha ta’ vetturi approvati wara l-1 ta’ Jannar 2011 għandhom jużaw refriġerant b’potenzjal ta’ tisħin globali mhux ogħla minn 150. Madankollu din ma tispeċifikax tip ta’ refriġerant partikolari.

17.

F’dan il-kuntest, il-produtturi ta’ vetturi Ewropej qablu, fil-kuntest ta’ proċess ta’ standardizzazzjoni internazzjonali li seħħ fl-2009, li jużaw il-likwidu refriġerant li għandu r-referenza R1234yf (iktar ’il quddiem: ir-“refriġerant R1234yf”). Fl-2012, interruzzjoni tal-provvista ta’ dan l-aħħar likwidu refriġerant minħabba l-qerda tas-siti ta’ produzzjoni rilevanti b’konsegwenza tat-tsunami ta’ Fukushima, wassal għal problema fl-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti previsti fid-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. B’reazzjoni għal dan l-avveniment, il-Kummissjoni, wara talbiet ta’ kjarifika magħmula f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet nazzjonali, adottat komunikazzjoni li permezz tagħha informat lill-Istati Membri li ma kienet ser tibda ebda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba nuqqas ta’ konformità ta’ vetturi mad-Direttiva almenu sakemm ir-refriġerant R1234yf ma jerġax ikun disponibbli mill-ġdid, filwaqt li speċifikat, madankollu, li tali nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni fl-ebda każ ma kien ser jestendi għal wara l-31 ta’ Diċembru 2012 ( 4 ). Dan kien ifisser li wara din id-data l-manifatturi ma setgħux jibqgħu jużaw il-likwidu refriġerant li kienu qed jużaw sa dakinhar, jiġifieri dak li għandu r-riferiment R134a (iktar ’il quddiem: ir-“refriġerant R134a”), li l-potenzjal ta’ tisħin globali tiegħu kien ogħla b’mod kunsiderevoli mil-limitu stabbilit mid-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni ( 5 ).

18.

Fil-bidu ta’ Jannar 2013 il-kundizzjonijiet tal-provvista tar-refriġerant R1234yf ġew lura għan-normal.

19.

Fit-3 ta’ Marzu 2011, fit-8 ta’ Ġunju 2011 u fit-18 ta’ Ottubru 2012, il-KBA, fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità Ġermaniża kompetenti mill-awtorizzazzjoni tal-vetturi, ipproċeda bl-approvazzjoni tat-tipi ġodda ta’ vetturi 246, 176 u 117, fuq talba tal-kumpannija Daimler AG (iktar ’il quddiem: “Daimler”). Peress li kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, tali approvazzjonijiet ma setgħux jingħataw jekk it-tipi inkwistjoni ma kinux jużaw ir-refriġerant kompatibbli mar-rekwiżiti tal-istess direttiva (R1234yf).

20.

Sussegwentement, Daimler uriet dubji dwar is-sigurtà tal-użu tar-refriġerant R1234yf fit-tipi 246, 176 u 117 u għalhekk uriet l-intenzjoni li tuża, sa minn Jannar 2013, r-refriġerant R134a minflok ir-refriġerant R1234yf. Fil-ħarifa 2012 din il-kumpannija kienet imbagħad ġabret lura madwar 700 vettura ta’ dawn it-tipi u ssostitwixxiet ir-refriġerant R1234yf bir-refriġerant R134a.

21.

F’Novembru 2012, ftit qabel tmiem is-sospensjoni deċiża mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi talbu lil din tal-aħħar testendi b’sitt xhur il-perijodu ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-rekwiżiti tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, minħabba l-bżonn li terġa’ tiġi vverifikata s-sigurtà tal-uniku refriġerant disponibbli fis-suq kompatibbli ma’ din id-direttiva.

22.

Għalhekk il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha jipproduċu informazzjoni dwar l-osservanza tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom. Fit-tweġiba tagħhom għal din it-talba, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li kien hemm biss manifattur wieħed li għandu approvazzjoni Ġermaniża (Daimler) li kien jipproduċi u jbigħ vetturi mhux konformi mar-rekwiżiti relattivi għall-approvazzjoni tagħhom.

23.

Minn Jannar sa Ġunju 2013, Daimler ikkummerċjalizzat 133 713-il vettura tat-tipi 246, 176 u 117 bl-użu tar-refriġerant R134a, minkejja li dawn it-tipi kienu approvati wara l-1 ta’ Jannar 2011 u għalhekk kellhom jużaw refriġerant konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

24.

Fit-3 ta’ Jannar 2013, Daimler kienet mistiedna mill-KBA tispjega, fi żmien 15-il ġurnata, il-miżuri meħuda sabiex tistabbilixxi mill-ġdid konformità ma’ din id-direttiva. Bi tweġiba tal-15 ta’ Jannar 2013 għall-istedina inkwistjoni, Daimler ippreżentat pjan ta’ azzjoni intiż sabiex sal-15 ta’ Ġunju 2013, tinstab soluzzjoni teknika sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ sigurtà li jirriżultaw mill-użu tar-refriġerant R1234yf fil-vetturi tagħha. Fl-4 ta’ Marzu 2013, il-KBA ordna mbagħad lil Daimler tieħu l-miżuri xierqa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-produzzjoni tat-tipi 246, 176 u 117 mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Il-KBA hedded li jirtira l-approvazzjoni sa mit-30 ta’ Ġunju 2013, f’każ li Daimler ma tkunx ħadet dawn il-miżuri. Fis-26 ta’ Ġunju 2013, Daimler informat lill-KBA li kienet abbandunat definittivament il-produzzjoni tat-tipi 246, 176 u 117, peress li t-tfittxija ta’ soluzzjoni teknika li tista’ ssolvi l-problemi ta’ sigurtà fuq imsemmija ma kellhiex suċċess.

25.

Għalhekk, bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u s-26 ta’ Ġunju 2013, il-KBA stieden diversi drabi lil Daimler sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-133 713-il vettura kkumerċjalizzata. Fl-aħħar tal-2015, Daimler informat lill-KBA li kienet żviluppat is-soluzzjonijiet tekniċi neċessarji. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li sallum għadha ma ġietx stabbilita mill-ġdid il-konformità tal-imsemmija vetturi mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, u lanqas ma ġie adottat l-irtirar tal-approvazzjoni.

26.

Fis-17 ta’ Mejju 2013, il-KBA laqa’ talba ta’ Daimler intiża għall-ksib tal-estensjoni tat-tip ta’ vettura approvata 245G (vettura b’gass naturali kompress) għall-varjanti ġodda tal-Klassi B ta’ gass naturali kompress. Peress li oriġinarjament it-tip 245G kien approvat fl-2008, dan ma kienx suġġett għall-obbligu ta’ użu ta’ refriġerant kompatibbli mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. L-estensjoni tal-approvazzjoni għal dan it-tip kienet imbagħad innotifikata lill-Kummissjoni b’ittra tat-22 ta’ Mejju 2013. Suċċessivament, fit-3 ta’ Ġunju 2013, il-KBA laqa’ talba għal estensjoni oħra tal-istess tip approvat ippreżentata minn Daimler fir-rigward ta’ xi mudelli tal-Klassi B il-ġdida, tal-Klassi A u tal-Klassi CLA.

27.

Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija talbiet għal estensjoni fir-realtà kellhom bħala suġġett il-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117, li fir-rigward tagħhom Daimler kienet iddikjarat li waqfet volontarjament il-produzzjoni tagħhom. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-estensjonijiet tat-tip 245G mogħtija mill-KBA ppermettew lil Daimler tkompli tipproduċi u tikkummerċjalizza l-imsemmija tipi ta’ vetturi, mingħajr ma tkun obbligata tuża refriġerant kompatibbli mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

28.

Fl-10 ta’ Ġunju 2013 il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ittra ta’ kjarifika, u sussegwentement fis-27 ta’ Jannar 2014 ittra ta’ intimazzjoni. Din l-aħħar ittra tallega li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ppermettew li bejn Jannar u Ġunju 2013 jinbnew u jiġu kkummerċjalizzati 133 713-il vettura bi ksur tar-rekwiżiti relattivi għall-approvazzjonijiet rilevanti, kienu naqsu milli jimponu sanzjonijiet fuq il-manifattur inkwistjoni u kienu evitaw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

29.

Fis-26 ta’ Marzu 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-vetturi mar-rekwiżiti relattivi għall-approvazzjoni tagħhom, hija fakkret li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali fis-sens tad-Direttiva Qafas, u sostniet ukoll li l-ħtieġa ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma kienx jippermettilha tadotta miżuri konkreti. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali spjegat li l-provi prodotti minn Daimler kienu jippermettu li jiġi preżunt li l-użu tar-refriġerant R1234yf jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha n-nuqqas ta’ konformità tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 kellu biss effett limitat fuq l-għan tal-protezzjoni tal-klima li jrid jintlaħaq mid-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Minn naħa l-oħra fir-rigward tal-preżunt evitar tal-imsemmija direttiva, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li l-KBA kellu jilqa’ t-talbiet għall-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G minħabba l-fatt li din l-awtorità ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni ladarba jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva Qafas kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, kellu jitqies li l-validità tal-approvazzjonijiet tat-tipi 246, 176 u 117 spiċċat fil-mument fejn Daimler interrompiet il-produzzjoni tagħhom.

30.

Imbagħad, fil-25 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li fiha kkonfermat il-kontestazzjonijiet esposti fl-ittra ta’ intimazzjoni.

31.

Ir-Repubblika Federali wieġbet b’ittra tal-25 ta’ Novembru 2014, li fiha sostniet essenzjalment l-istess argumenti magħmula fit-tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

32.

Fit-22 ta’ Diċembru 2016 il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ir-risposta tagħha fil-15 ta’ Marzu 2017.;l Imbagħad il-partijiet ippreżentaw replika u kontroreplika fis-26 ta’ April 2017 u fit-12 ta’ Ġunju 2017 rispettivament.

33.

Fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż ressqu s-sottomissjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja wettqet ksur triplu tal-obbligi tagħha imposti mid-Direttiva Qafas u mid-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni billi (i) naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-vetturi 246, 176 u 117 mat-tipi approvati tagħhom (Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas), (ii) ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet (qari flimkien tal-Artikoli 46, 5 u 18 tad-Direttiva Qafas), (iii) laqgħet, fis-17 ta’ Mejju 2013, talba ta’ Daimler għall-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi 245G għal vetturi li għalihom kienet diġà ġiet attribwita approvazzjoni oħra u li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti l-ġodda tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, li skont il-Kummissjoni jikkostitwixxi evitar ta’ tali direttiva. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni.

IV. Analiżi ġuridika

A.   Fuq il-ksur tal-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas

1. L-argumenti tal-partijiet

35.

Fir-rikors, il-Kummissjoni tfakkar qabel xejn li minn qari flimkien tal-Artikolu 4(2) u tal-Anness IV tad-Direttiva Qafas, kif ukoll tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, jirriżulta li f’dan il-każ, it-tip ta’ vetturi 246, 176 u 117 setgħu jingħataw l-approvazzjoni KE biss bil-kundizzjoni li l-potenzjal ta’ tisħin globali tar-refiġerant użat fis-sistemi ta’ klimatizzazzjoni tagħhom ma jeċċedix il-150. Konsegwentement, sa mill-mument fejn il-produzzjoni ta’ vetturi li jaqgħu taħt dawn it-tipi bdiet tuża refriġerant b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla, il-vetturi l-ġodda prodotti, li l-Kummissjoni tikkalkola għal 800000 unità fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-preżentata tar-rikors ( 6 ), din ma baqgħetx konformi mat-tip approvat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KBA kellu, skont il-Kummissjoni, jiżgura li tiġi stabbilita mill-ġdid din il-konformità tal-produzzjoni u tal-vetturi l-ġodda prodotti. B’mod partikolari, din l-awtorità kellha, minn naħa, tiżgura li r-refriġerant użat fil-produzzjoni ma kellux potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150, u min-naħa l-oħra, tiżgura li l-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117, mibnija u kkummerċjalizzati bl-użu ta’ refriġerant mhux awtorizzat, jerġgħu jiġu mgħammra b’refiġerant konformi mar-rekwiżiti relattivi għat-tip approvat tagħhom. Madankollu, minkejja li kien informat b’tali nuqqas ta’ konformità, il-KBA ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex dan jiġi rrimedjat, aġir li skont il-Kummissjoni jwassal għal ksur tal-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas ( 7 ). B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li l-KBA mhux biss ma rtirax l-approvazzjoni, iżda lanqas għamel użu mill-alternattivi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, bħal pereżempju l-ġbir lura u t-tiswija tal-vetturi kkonċernati. Ċertament it-theddida ta’ rtirar effettivament espressa mill-KBA ma kinitx tikkostitwixxi miżura xierqa skont l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas.

36.

Bi tweġiba għall-argumenti tal-awtoritajiet Ġermaniżi fis-sens li l-KBA ma setax jieħu miżuri iktar effikaċi minħabba d-dubji li kien hemm dwar l-użu tar-refriġerant R1234yf fil-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117, il-Kummissjoni tosserva li d-Direttiva Qafas ma tinkludix l-elementi li jikkostitwixxi eċċezzjoni jew ġustifikazzjoni li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi armonizzati f’każ ta’ dubji dwar l-adegwatezza ta’ dawn tal-aħħar. Għall-kuntrarju, din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, obbligu inkundizzjonat li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi kollha li jirrigwardaw is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali. Hija prevista deroga waħda biss fil-każ imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas.

37.

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-ewwel nett l-allegat ksur tal-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas. Skont l-interpretazzjoni tagħha, il-verifika li timplika din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-konformità mat-tip approvat tal-vetturi nnifishom, iżda l-eżistenza ta’ miżuri astrattament xierqa sabiex jiżguraw tali konformità. Jekk jiġi preżunt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tivverifika biss l-osservanza tal-kontroll tal-kwalità tal-produzzjonijiet min-naħa ta’ Daimler, il-konvenuta stess issostni li ma hemm ebda indizju li jista’ juri li l-imsemmi kontroll ma kienx ħadem, u b’hekk tiċħad it-teżi li ksur tal-verifika tas-sistema ta’ kontroll ta’ kwalità tkun konsegwenza awtomatika tal-presenza ta’ nuqqas ta’ konformità.

38.

Bl-istess mod, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-allegazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas. Il-punt tat-tluq tar-raġunament tagħha huwa li din id-dispożizzjoni tagħti b’mod espliċitu setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għalhekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, tali awtoritajiet ma humiex immedjatament marbuta li jirtiraw l-approvazzjoni, anzi għandhom jaġixxu b’mod progressiv (“jieħdu l-miżuri meħtieġa”) u fl-aħħar biss jipproċedu għall-irtirar (“inkluż, meta meħtieġ”). Fil-qosor, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-formulazzjoni tal-Artikolu 30 teħtieġ li l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għal din ir-raġuni, ebda allegazzjoni ma tista’ ssir fil-konfront tal-KBA, li kien talab lil Daimler tissottomettilu pjan ta’ azzjoni bi proposti finalizzati għas-soluzzjoni tal-problema, u hedded li jirtira l-approvazzjoni biss jekk dan ma jseħħx fit-terminu mogħti. Imbagħad l-irtirar ma setax jiġi ordnat minħabba l-waqfien tal-produzzjoni tal-vetturi inkwistjoni min-naħa ta’ Daimler qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

39.

Bi tweġiba għall-kritika tal-Kummissjoni li l-KBA kien għall-ewwel adotta miżuri intiża għall-analiżi tar-riskji li jirriżultaw mill-użu tar-refriġerant R1234yf, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-KBA ma setax jeskludi, f’dak il-mument partikolari, l-eżistenza ta’ riskju serju għas-sigurtà fis-sens tad-Direttiva 2001/95. F’dan ir-rigward, il-konvenuta tinnota li d-Direttiva Qafas ma tirregolax dak li għandu jsir minn vetturi prodotti u kkummerċjalizzati b’nuqqas ta’ konformità sal-irtirar tal-approvazzjoni. Lanqas l-Artikolu 32 li jipprevedi l-ġbir lura tal-vetturi, ma seta’ jiġi invokat, peress li dan japplika biss għal vetturi li “[j]ippreżenta[w] riskju serju għas-sikurezza stradali, saħħa pubblika jew protezzjoni ambjentali”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ osservanza tal-konformità tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 ma kienx fil-fatt jinvolvi, skont l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, riskju ikbar għas-sigurtà fit-toroq u għas-saħħa pubblika, u kellu biss impatt marġinali u mhux miżurabbli fuq l-ambjent.

40.

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fid-dawl tal-informazzjoni li kellu, il-KBA aġixxa fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, billi wettaq ibbilanċjar bejn in-nuqqas ta’ konformità u r-riskji ta’ sigurtà b’osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-KBA kien studja s-sitwazzjoni potenzjalment perikoluża u kien wettaq il-verifiki rispettivi tiegħu li, minkejja li ma kinux ikkonfermaw l-ħtieġa li jaġixxi malajr minħabba l-presenza ta’ riskju gravi fis-sens tad-Direttiva 2001/95, kienu wrew il-periklu ta’ infjammazzjonijiet u espożizzjoni għall-fluworidu tal-idroġenu. Imbagħad, wara li Daimler informatu li kienet bdiet tuża r-refriġerant R1234yf fil-vetturi tagħha sa mill-20 ta’ Ottubru 2015, il-KBA għamel lil din il-kumpannija mistoqsijiet bil-miktub dwar il-miżuri ta’ sigurtà li setgħu jippermettu dan l-użu. Peress li kien issodisfat bit-tweġibiet li rċieva, f’Diċembru 2015 il-KBA kien staqsa jekk il-miżuri inkwistjoni setgħux ikunu applikati anki għall-133 731-il vettura diġà kkummerċjalizzata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tagħhom mal-approvazzjoni. Quddiem it-tweġibiet ta’ Daimler li kienu juru l-problemi tal-eliminazzjoni tar-refriġerant u r-riskji notevoli, fuq livell ta’ sigurtà, li jirriżultaw min-neċessità li jiġu mmodifikati komponenti sensittivi, il-KBA ddelega lil servizz tekniku sabiex iqis il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konverżjoni. Peress li dan tal-aħħar informah li evalwazzjoni ċara ma kinitx possibbli fl-assenza ta’ proċedura ta’ kontroll kumplessa, f’Lulju 2016 il-KBA talab lil Daimler informazzjoni dettaljata dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni u l-analiżi tar-riskji għall-konverżjoni, f’garaxx, tal-vetturi kkonċernati. L-evalwazzjoni teknika tal-analiżi mibgħuta minn Daimler f’Settembru 2016 għadha mhix konkluża. Il-KBA għandu l-intenzjoni li ladarba tintemm f’każ negattiv, jadotta ordni fil-konfront ta’ Daimler għall-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità.

41.

Fir-replika, il-Kummissjoni tiddikjara fl-ewwel lok li l-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas ma jimponix sempliċement l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa sabiex jiġu identifikati eventwali nuqqasijiet ta’ konformità tal-produzzjoni, iżda għandu l-għan li jħares il-konformità tal-produzzjoni u b’hekk jiżgura l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji fil-każ fejn tali nuqqasijiet jiġu effettivament identifikati. Fir-rigward tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni ssostni li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-proporzjonalità magħmula mill-konvenuta ma jiġġustifikawx li din tal-aħħar għadha ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex timponi lil Daimler tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità. B’mod iktar preċiż, il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għadha ma ordnatx l-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità, u rriflettiet biss fuq ordni, jaqbeż is-setgħa diskrezzjonali mogħtija mid-Direttiva Qafas.

42.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas ma jagħtu lill-Istati Membri ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi armonizzati fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità. Skont il-Kummissjoni, minn din il-perspettiva, l-ibbilanċjar bejn ir-riperkussjonijiet tan-nuqqas ta’ konformità fuq il-klima u l-preżunti riskji għas-sigurtà li jirriżultaw mill-użu tar-refriġerant kompatibbli mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, imur kontra l-imsemmija artikoli.

43.

Fil-kontroreplika, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-għażla dwar il-“miżuri neċessarji” meħtieġa mill-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità timplika neċessarjament ibbilanċjar taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, inkluż dawk relattivi għas-sigurtà u għas-saħħa tal-persuni. Essenzjalment, il-KBA kien eżerċita b’mod korrett is-setgħa diskrezzjonali tiegħu u aġixxa b’mod xieraq u effikaċi.

2. Evalwazzjoni

44.

L-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, xi osservazzjonijiet introduttivi qosra intiżi sabiex juru l-kuntest ġuridiku, ikkaratterizzat minn livell notevoli ta’ teknikalità, li huwa l-isfond tal-kontroversja mressqa għall-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja.

a) Osservazzjonijiet introduttivi

45.

Il-leġiżlazzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża tifforma parti mill-kuntest tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għall-istandards tekniċi u għall-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur mibdi mill-Komunità Ekonomika Ewropea fis-snin 60, bil-għan li jiġi implimentat il-moviment liberu tal-merkanzija fil-qasam tal-karozzi. Għal dan l-għan, il-leġiżlatur Ewropew adotta metodoloġija li tikkonsisti fl-inkorporazzjoni tal-istandards tekniċi kollha li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ u t-tqegħid fis-suq tal-vetturi f’Direttiva Qafas (inizjalment id-Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom ( 8 ), imbagħad issostitwita bid-Direttiva Qafas attwali), ikkompletata minn serje ta’ atti regolatorji (iktar ’il quddiem: l-“atti regolatorji”), li għalihom id-Direttiva Qafas tagħmel riferiment ( 9 ).

46.

L-osservenza tal-istandards tekniċi armonizzati hija żgurata mid-Direttiva Qafas permezz ta’ kontroll doppju. L-ewwel wieħed iseħħ qabel ma tibda l-produzzjoni (iktar ’il quddiem: il-“kontroll ex ante”), filwaqt li t-tieni wieħed iseħħ wara li din tinbeda (iktar ’il quddiem: il-“kontroll ex post”). Il-kontroll ex ante, imwettaq fuq prototip li jirrappreżenta l-vettura kkonċernata, jikkonsisti fil-verifika tal-konformità ta’ dan il-prototip mal-istandards tekniċi armonizzati ( 10 ). Jekk dan il-kontroll ikollu eżitu pożittiv, l-Istati Membri joħorġu approvazzjoni KE lit-tip ta’ vettura inkwistjoni, bl-iskop li tagħti lill-manifattur iċ-ċertezza legali li l-prodotti kollha konformi mat-tip approvat jistgħu jkunu kkummerċjalizzati b’mod leċitu. Peress li l-osservanza tal-istandards tekniċi armonizzati diġà tkun iċċertifikata permezz tal-approvazzjoni, il-kontroll ex post huwa limitat għal konformità tal-produzzjoni u tal-vetturi ġodda prodotti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura kkonċernata.

47.

L-ewwel motiv imressaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża jirrigwardaw esklużivament din l-aħħar forma ta’ kontroll. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tikkritika n-nuqqas ta’ azzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-fatt li wara li kisbet l-approvazzjoni tat-tipi 246, 176 u 117, Daimler kienet ipproduċiet vetturi mhux totalment konformi mall-istandards tekniċi armonizzati applikabbli għal dawn it-tipi, minkejja li dan kien bi ksur ta’ wieħed mill-atti regolatorji, jiġifieri d-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Skont il-Kummissjoni, quddiem dan il-ksur min-naħa ta’ Daimler, il-KBA kellu jirreaġixxi, b’konformità ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas, sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-produzzjoni tal-manifattur ikkonċernat mat-tip approvat, u, b’konformità ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 30 tal-istess direttiva, sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-vetturi diġà prodotti mat-tip approvat.

48.

Fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet, fin-noti tagħha, diversi kontestazzjonijiet fir-rigward taż-żewġ dispożizzjonijiet allegatament miksura, jidhirli li huwa opportun li t-trattazzjoni tal-mertu tal-ewwel motiv tinqasam f’żewġ partijiet.

b) Fuq in-nuqqas ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-konformità tal-produzzjoni

49.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas (“Konformità ta’ arranġamenti ta’ produzzjoni”), li l-kontenut tiegħu huwa espost b’mod iktar iddettaljat fl-Anness X tal-istess direttiva, jimponi fuq l-Istati Membri tliet obbligi.

50.

Il-paragrafu 1 jipprovdi li, fil-mument li joħroġ approvazzjoni, l-Istat Membru għandu jadotta l-“miżuri meħtieġa” sabiex jiżgura li l-manifattur applikant wettaq l-arranġamenti adegwati sabiex jiżgura li l-vetturi prodotti huma konformi mat-tip approvat. Skont l-Anness X, dawn l-arranġament jikkonsistu fl-evalwazzjoni ta’ sistemi ta’ amministrazzjoni ta’ kwalità (“valutazzjoni inizjali”), konformi mal-linji gwida dwar l-ippjanar u t-twettiq ta’ evalwazzjoni li tinsab fl-istandard armonizzat ISO 10011 tal-1991 ( 11 ), u fil-verifika tas-suġġett tal-approvazzjoni u tal-kontrolli relatati mal-prodotti (“arranġamenti ta’ konformità tal-prodott”), kif ipprovdut fil-punt 2.2 (“[l]-awtorità ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ Stat Membru, […] trid tivverifika l-eżistenza ta’ arranġamenti adegwati u pjanijiet ta’ kontroll dokumentati, li jridu jiġu miftiehma mal-manifattur għal kull approvazzjoni, sabiex f’intervalli speċifikati jiġu mwettqa dawk it-testijiet jew il-kontrolli assoċjati meħtieġa għall-verifika ta’ konformità kontinwa mat-tip approvat […]”).

51.

Il-paragrafu 2 jipprevedi li wara li tinħareġ l-approvazzjoni, l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jivverifika, ladarba tibda l-produzzjoni, jekk l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għadhomx adegwati u jekk il-vetturi għadhomx konformi mat-tip approvat.

52.

Il-paragrafu 3 jirregola l-każ fejn l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew applikati, ma jkunux jaqblu sostanzjalment ma dawk miftiehma jew ma jibqgħux jiġu applikati, u jispeċifika li f’dak il-każ l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa, inkluż l-irtirar tal-approvazzjoni, sabiex jiżgura li l-proċedura ta’ konformità tal-produzzjoni tiġi segwita kif suppost.

53.

L-argument żviluppat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-risposta jirrigwarda biss il-paragrafu 1 tal-Artikolu 12. F’dan ir-rigward, il-konvenuta ssostni li n-natura tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri minn dan il-paragrafu hija differenti minn dik deskritta fir-rikors tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx jiżguraw li ma jkunx hemm nuqqas ta’ konformità fil-vetturi prodotti, iżda għandhom biss jivverifikaw l-eżistenza ta’ arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-konformità tal-produzzjoni. Fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma tista’ ssir ebda allegazzjoni fil-konfront tagħha, f’dan il-każ, peress li ma hemm l-ebda prova li l-kontroll ta’ kwalità ta’ Daimler ma kienx ħadem. Għall-kuntrarju, il-KBA kien informat sa mill-bidu bil-preżenza tan-nuqqas ta’ konformità fil-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 minħabba l-użu tar-refriġerant R134a minflok ir-refriġerant R1234yf.

54.

Ma hemmx dubju li jekk il-paragrafu 1 tal-Artikolu 12 jinqara waħdu, dan jista’ jiġi interpretat fis-sens indikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Madankollu ma jistax jiġi injorat li, kif muri iktar ’il fuq, dan huwa biss komponent tas-sistema globali ta’ kontroll tal-konformità tal-produzzjoni stabbilita mill-Artikolu 12.

55.

Għalhekk jekk l-imsemmija dispożizzjoni tiġi eżaminata fl-intier tagħha, joħroġ b’mod ċar li dak mitlub mingħand l-Istati Membri ma huwiex sempliċement l-adozzjoni tal-miżuri xierqa sabiex jidentifikaw ( 12 ) l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni, iżda tal-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu mill-ġdid ( 13 ) il-konformità tal-istess produzzjoni.

56.

Il-prova prinċipali ta’ dan tinsab, kif osservat fil-qosor il-Kummissjoni fir-replika tagħha, fit-test tal-Artikolu 12(3). L-obbligu li jiġu adottati “miżuri meħtieġa” impost minn dan il-paragrafu fuq l-Istati Membri għandu biss bħala bażi l-verifika tal-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ konformità (“[m]eta […] jistabbilixxi li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 mhumiex applikati, jitbiegħed sostanzjalment mill-arranġamenti u l-pjanijiet ta’ kontroll miftiehma, jew ma baqgħux jiġu applikati”), peress li l-għan tiegħu huwa mingħajr dubju l-istabbiliment mill-ġdid effettiv tal-konformità tal-produzzjoni (“biex jiżgura li l-konformità tal-proċedura ta’ produzzjoni tiġi segwita kif suppost”).

57.

Fid-dawl ta’ dan, ma hemmx dubju li f’dan il-każ għandu jiġi kkunsidrat li hemm ksur tal-Artikolu 12. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ applikazzjoni min-naħa ta’ Daimler, sa mill-1 ta’ Jannar 2013, tal-arranġamenti adegwati sabiex tiżgura l-konformità tal-produzzjoni tal-vetturi tat-tipi approvati 246, 176 u 117 kellu jwassal sabiex il-KBA, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kompetenti, jadotta l-miżuri meħtieġa għall-istabbiliment mill-ġdid l-imsemmija konformità.

58.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dwar il-ksur tal-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandha tiġi milqugħa.

c) Fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-vetturi diġà prodotti

59.

L-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas (“Vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati mhux konformi mat-tip approvat”) jirregola l-każ fejn is-sistema ta’ kontroll tal-konformità tal-produzzjoni ma tkunx ħadmet b’mod adegwat, bil-konsegwenza li l-vetturi prodotti mill-manifattur jirriżultaw mhux konformi mat-tip approvat tagħhom. F’dan il-każ, l-artikolu inkwistjoni jipprevedi li l-Istat Membru li jkun ħareġ l-approvazzjoni għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mat-tip approvat, inkluż l-irtirar tal-approvazzjoni stess.

60.

Infakkar qabel xejn li l-kwistjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas f’din il-kawża, tqum b’riferiment għall-133 713-il vettura tat-tipi 246, 176 u 117 prodotti u kkummerċjalizzati minn Daimler bejn l-1 ta’ Jannar u s-26 ta’ Ġunju 2013 (jew, skont il-Kummissjoni, madwar 800000 vettura prodotta u kkummerċjalizzata bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u d-data tar-rikors) minkejja li ma kinux konformi mal-approvazzjoni tagħhom minħabba l-użu tar-refriġerant R134a minflok ir-refriġerant kompatibbli mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni (R1234yf). Ir-raġuni tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn il-vetturi tirriżulta mill-fatt li Daimler kienet konvinta, u kienet informat lill-KBA, li l-użu tar-refriġerant R1234yf kien jinvolvi riskju serju għas-sigurtà.

61.

Il-partijiet jaqblu li r-reazzjoni tal-KBA fir-rigward ta’ dan in-nuqqas, deskritta fil-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma wasslet għall-adozzjoni tal-ebda waħda mill-miżuri għall istabbiliment mill-ġdid il-konformità prevista mid-dispożizzjoni Ġermaniża li tittrasponi l-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas (Artikolu 25 tal-EG-FGV), bħall-irtirar tal-approvazzjoni, il-ġbir lura u t-tiswija tal-vetturi kkonċernati jew l-impożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet sekondarji. Għall-kuntrarju, wara t-theddida inizjali tal-irtirar tal-approvazzjoni (mat-terminu relattiv sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ konformità), il-KBA fetaħ biss djalogu ma’ Daimler sabiex jivverifika l-possibbiltà li jiżviluppa soluzzjoni teknika li tippermetti l-użu tar-refriġerant R1234yf fil-vetturi kkonċernati mingħajr riskji għas-sigurtà ( 14 ).

62.

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din ir-reazzjoni tal-KBA kienet meħtieġa sabiex jaġixxi f’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li joħroġ mill-kontenut litterali stess tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas (“miżuri meħtieġa”). Skont il-konvenuta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irtirar tal-approvazzjoni, li fi kwalunkwe każ ma huwiex impost minn din id-dispożizzjoni (“inkluż, meta meħtieġ”), kien ikun reazzjoni sproporzjonata, fid-dawl tal-karattru relattivament minimu tan-nuqqas ta’ konformità preżenti fil-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117.

63.

Sabiex jiġi stabbilit jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kinitx naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas, għandu qabel xejn jiġi eżaminat jekk skont dan l-artikolu, hija għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni, u eventwalment il-portata ta’ dan il-marġni.

64.

Issa, minkejja li r-riferimenti ġeneriku għal “miżuri meħtieġa ( 15 ) […] biex jiżgura li l-vetturi [prodotti] jinġiebu f’konformità mat-tip approvat” jimplika li d-dispożizzjoni inkwistjoni tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, naqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li tali marġni ma jippermettix li l-awtoritajiet imsemmija jagħmlu għażliet barra mill-miżuri xierqa sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-konformità ( 16 ).

65.

Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni hija sostnuta minn żewġ osservazzjonijiet prinċipali.

66.

L-ewwel waħda tirrigwarda l-kontenut litterali tal-Artikolu 30. Fil-fatt, minkejja li f’kuntesti differenti minn dak tad-direttivi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-użu tal-formulazzjoni “miżuri meħtieġa” mingħajr ebda speċifikazzjoni ulterjuri dwar il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit, li ċertament ma hijiex rari fil-formulazzjoni tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni, jippermetti li l-Istati Membri jagħżlu l-miżuri li għandhom jadottaw biss minn fost dawk li jippermettu li jintlaħaq l-imsemmi għan ( 17 ).

67.

It-tieni waħda, ta’ importanza ikbar, hija bbażata fuq il-fatt, irrilevat b’mod korrett mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, li r-rikonoxximent ta’ marġni ta’ diskrezzjoni iktar wiesa’ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, irrispettivament mill-ilħuq tal-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità mat-tip approvat, ikun ifisser li jitneħħa kull effett utli ( 18 ) mis-sistema armonizzata ta’ approvazzjoni stabbilita mill-qari flimkien tad-Direttiva Qafas u tal-atti regolatorji. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni timplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom il-fakultà, kull darba li jkollhom quddiemhom nuqqas ta’ konformità, li jevalwaw l-importanza li dawn jattribwixxu lill-osservanza tar-rekwiżit tekniku inkwistjoni fid-dawl tal-fatti u konsegwentement li jiddeċiedu jekk jaġixxux jew le sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-konformità tal-vetturi mat-tip approvat. Issa, interpretazzjoni li tħalli f’idejn tali awtoritajiet nazzjonali d-deċiżjoni dwar liema rekwiżiti tekniċi minn dawk inklużi fl-atti regolatorji għandhom ikunu osservati, ixxejjen l-effett utli tas-sistema armonizzata ta’ approvazzjoni, peress li tali effett utli jiddependi fuq l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi kollha ( 19 ) armonizzati u inklużi fl-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas.

68.

Fil-qosor, interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas, li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-forma litterali kif ukoll l-effett utli tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandha tirrikonoxxi li l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali ma jistax jinjora l-obbligu li jintlaħaq ir-riżultat stabbilit, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità tal-vetturi kkonċernati mat-tip approvat tagħhom.

69.

F’dan il-każ, minkejja li huwa minnu li l-impożizzjoni tal-irtirar tal-approvazzjoni ma kellhiex titqies obbligatorja fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni, huwa daqstant ieħor stabbilit li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas joffru varjazzjoni wiesgħa ta’ miżuri li setgħu jippermettu l-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità tal-vetturi kkonċernati mat-tipi approvati 246, 176 u 117 (pereżempju l-ġbir lura u t-tiswija tal-vetturi, l-impożizzjoni tal-użu tar-refriġerant R1234yf permezz ta’ dispożizzjoni sekondarja). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-formulazzjoni “miżuri meħtieġa” ma kinitx tobbliga lill-KBA jagħżel miżura speċifika fost dawk previsti, iżda kienet torbtu jagħżel waħda minnhom ( 20 ).

70.

L-argumenti tal-konvenuta fir-rigward tan-neċessità li l-bżonn li jintlaħaq l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità, permezz tal-konverżjoni tal-vetturi kkonċernati għar-refriġerant R1234yf, jiġi bbilanċjat mar-riskji għas-sigurtà li jirriżultaw mill-użu tal-imsemmi refriġerant fil-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117, ma jistax fil-fehma tiegħi, jikkontesta din il-konklużjoni. Fi kliem ieħor, in-nuqqas li jintlaħaq l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità lanqas ma jista’ jkun iġġustifikat mill-bżonn, invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jsiru verifiki dwar l-imsemmija riskji għas-sigurtà.

71.

F’dan ir-rigward, ninnota li r-raġunament tal-konvenuta jitlaq mill-premessa li l-kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-vetturi huma “ta’ natura oħra” meta mqabbla ma’ dawk li jipprevedu r-rekwiżiti tekniċi armonizzati kif previsti fl-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV. Dan huwa dedott, b’mod partikolari, mid-dikjarazzjoni magħmula fil-kontroreplika li l-argument tal-Kummissjoni jimplika li l-“osservanza formali illimitata” ta’ dawn ir-rekwiżiti tekniċi għandha prevalenza fuq il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

72.

Fil-fehma tiegħi, tali premessa hija żbaljata u għalhekk tinvalida irrimedjabbilment l-argument tal-konvenuta.

73.

Fil-fatt jidhirli li ma hemmx dubju li l-protezzjoni tas-sigurtà tikkoinċidi, bħala prinċipju, mas-sodisfazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-atti regolatorji. Dan joħroġ b’mod mill-iktar ċar mill-qari tal-premessa 3 tad-Direttiva Qafas, li tipprovdi li l-atti regolatorji għandhom jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq u ta’ protezzjoni tas-saħħa. Dawn ir-rekwiżiti, mhux biss talli ma humiex rekwiżiti sempliċement formali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jiġi ġġustifikata minn kwistjonijiet ulterjuri dwar is-sigurtà, iżda talli jistabbilixxu b’mod eżawrjenti l-kwistjonijiet relattivi għas-sigurtà li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li għandhom jew jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward ( 21 ).

74.

Jekk l-atti regolatorji diġà stabbilixxew il-livell ta’ siġurtà meqjus adegwat, l-Istati Membri żgur li ma jistgħux jinvokaw raġunijiet ibbażati fuq is-sigurtà sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti.

75.

Għalhekk, il-KBA ma jistax jinvoka l-bżonn li jagħmel verifiki tar-riskji għas-sigurtà marbuta mal-użu tar-refriġerant b’potenzjal ta’ tisħin globali ta’ inqas minn 150 (R1234yf) sabiex jiġġustifika li ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa ta’ Daimler, tar-rekwiżit tekniku li jimponi l-użu ta’ dan ir-refriġerant li jinsab fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Għalhekk bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-aġir adottat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas.

76.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li fir-risposta tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-użu tar-refriġerant R1234yf fil-vetturi prodotti minn Daimler seta’ joħloq sitwazzjoni ta’ riskju ta’ inkompatibbiltà mad-Direttiva 2001/95/KE.

77.

Fil-fatt nikkunsidra li d-Direttiva 2001/95 ma tapplikax f’dan il-każ. Dan jirriżulta b’mod ċar mir-riferiment magħmul fil-premessa 17 tad-Direttiva Qafas, li jipprovdi li din id-direttiva tistabbilixxi ġabra ta’ “ħtiġijiet speċifiċi ta’ sikurezza” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/95. Dan l-aħħar artikolu, li jistabbilixxi li “[m]eta l-prodotti jkunu bla ħsara għall-ħtiġiet speċifiċi tas-sigurtà imposti bil-leġislazzjoni Komunitarja, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-aspetti u r-riskji jew il-kategoriji tar-riskji mhux koperti b’dawn il-ħtiġiet ( 22 )”, jikklassifika d-Direttiva 2001/95 bħala lex generalis li tista’ tiġi applikata biss meta ma tapplikax il-lex specialis ikkostitwita mid-Direttiva Qafas flimkien mal-atti regolatorji. Madankollu, dawn l-aħħar atti jinkludu rekwiżit tekniku (jew, sabiex jintuża l-lingwaġġ tal-premessa 17, ħtieġa speċifika ta’ sigurtà) dwar l-użu tar-refriġerant, jiġifieri l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva Qafas, u għalhekk huma applikabbli minflok id-Direttiva 2001/95 ( 23 ).

78.

Finalment għandha ssir preċiżazzjoni.

79.

Kemm fil-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta, il-partijiet iddiskutew dwar x’aġir kellu jieħu l-KBA sabiex jieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib dwar is-sigurtà espress minn Daimler mingħajr ma jikser l-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas.

80.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li f’dan il-każ, il-KBA seta’ jipprevalixxi ruħu biss mill-fakultà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas.

81.

Dan l-artikolu, inkluż fil-Kapitolu XII tad-Direttiva Qafas (“Klawsoli ta’ salvagwardja”), jippermetti li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji għas-sigurtà fit-toroq, għas-saħħa pubblika u għall-ambjent minħabba nuqqasijiet fid-direttivi partikolari rilevanti jew applikazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti tekniċi previsti fihom, mingħajr madankollu ma jawtorizzahom jidderogaw unilaterali mir-rekwiżiti tekniċi msemmija.

82.

B’mod partikolari, dan jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, jiċħdu r-reġistrazzjoni tal-vetturi jew il-permess għall-bejgħ jew it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, meta (i) il-vetturi kkonċernati jkunu konformi mar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fid-direttivi partikolari, (ii) ikun hemm riskju “serju” għas-sigurtà fit-toroq, għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, u (iii) tkun segwita proċedura ta’ avviż speċjali, li tinvolvi kemm lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni.

83.

Fi kwalunkwe każ, anki li kieku r-Repubblika Federali tal-Ġermanja invokat l-applikazzjoni tiegħu (quod non), huwa evidenti li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet fuq imsemmija ma tista’ titqies issodisfatta f’dan il-każ.

84.

Għalhekk nikkunsidra li anki t-tieni parti tal-ewwel motiv tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi milqugħa.

B.   Fuq il-ksur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas

1. L-argumenti tal-partijiet

85.

Fir-rikors, il-Kummissjoni tirrileva l-ksur min-naħa ta’ Daimler tal-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas. F’dan ir-rigward hija tfakkar qabel xejn li l-Artikolu 5 jistabbilixxi li l-manifattur għandu jiżgura l-osservanza permanenti tar-rekwiżiti wara l-approvazzjoni tal-vetturi korrispondenti. Madankollu, sa minn Jannar 2013 it-tipi 246, 176 u 117 ma baqgħux jiġu mibnija b’konformità mal-approvazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-qari flimkien tal-Artikolu 18(1) u tal-Anness IX tad-Direttiva Qafas jipprevedi li l-manifattur joħroġ ċertifikat ta’ konformità għal vettura kompluta biss meta l-vettura inkwistjoni tkun “manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat”. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li manifattur ma jistax joħroġ ċertifikat ta’ konformità jekk il-konformità tal-vettura kkonċernata mat-tip approvat, kif jiddikjara ċ-ċertifikat, ma tirriżultax. Madankollu, peress li sa minn Jannar 2013 il-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 ma baqgħux konformi mat-tip approvat, id-dikjarazzjoni ta’ Daimler fiċ-ċertifikat ta’ konformità maħruġ għal vetturi ta’ dan it-tip ma kienx jikkorrispondi għar-realtà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiddetermina, fid-dritt nazzjonali tiegħu, sanzjonijiet, “effettivi, proporzjonati u dissważivi” applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva min-naħa tal-manifatturi. Peress li skont il-Kummissjoni, il-KBA ma ħa ebda miżuri ta’ sanzjoni fil-konfront ta’ Daimler, din l-ommissjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas.

86.

Fir-risposta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-ksur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas. F’dan ir-rigward, hija tiċċara li sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti biss jekk il-KBA jadotta ordni fl-aħħar tal-imsemmija evalwazzjoni teknika u jekk l-ordni ma tiġix osservata minn Daimler.

87.

Fir-replika, il-Kummissjoni tenfasizza biss f’dan ir-rigward li l-obbligu li jiġu imposti sanzjonijiet previst minn dan l-artikolu huwa applikabbli irrispettivament mill-ksur tal-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas.

2. Evalwazzjoni

88.

It-tieni ksur allegat kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrigwarda l-obbligu li tissanzjona kull ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas, u f’dan il-każ tal-Artikoli 5 u 18. Fil-qosor, tali dispożizzjonijiet jimponu rispettivament fuq il-manifattur l-obbligu li jiżgura li l-produzzjoni tal-vetturi tiegħu tkun konformi b’mod permanenti mar-rekwiżiti tekniċi li fuqhom kienet ibbażata l-approvazzjoni tagħhom u l-obbligu li joħroġ ċertifikat ta’ konformità għal kull vettura mmanifatturata skont it-tip approvat.

89.

Qabel xejn nosserva li la fir-risposta u lanqas fil-kontroreplika ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul il-proċedura bil-miktub ma hemm indikazzjoni ta’ kontestazzjoni fir-rigward tan-nuqqas min-naħa ta’ Daimler li jwettaq l-obbligi stabbiliti mill-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas, fatt li barra minn hekk donnu joħroġ b’mod univokali mill-kuntest fattwali ta’ dan il-każ. Fid-dawl ta’ dan mhux ser nitlajja iktar fuq dan il-punt u ser ngħaddi immedjatament sabiex nevalwa jekk jistax jitqies li l-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas.

90.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom sanzjonijiet li japplikaw f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas u tal-atti regolatorji. Fil-fehma tiegħi, dan l-obbligu twettaq mill-konvenuta, peress li l-Artikolu 37 tal-EV-FGC jipprevedi li l-ksur indikat fl-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas għandu jiġi ssanzjonat bħal ksur tad-dritt nazzjonali.

91.

Mhux l-istess japplika fir-rigward tat-tieni parti tad-dispożizzjoni, li tobbliga lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi. Fil-fatt mill-proċess tal-kawża jirriżulta li quddiem il-ksur tal-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas, il-KBA ma impona ebda sanzjoni fuq il-manifattur Daimler ( 24 ). Tali nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni, bla ebda dubju, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas.

92.

L-argument ta’ difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jikkonvinċinix mill-kuntrarju.

93.

Skont dan l-argument, is-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas kellhom jiġu imposti biss mill-KBA fit-tmiem tal-evalwazzjoni teknika tar-riskji marbuta mal-konverżjoni għar-refriġerant R1234yf tal-vetturi diġà prodotti u kkummerċjalizzati vvizzjati bin-nuqqas ta’ konformità, ladarba tkun ġiet adottata ordni dwar il-konverżjoni tal-imsemmija vetturi u din tal-aħħar ma tkunx ġiet osservata. Fil-fatt ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlaq mill-premessa żbaljata li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imposti fuq il-manifattur fis-sens tal-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas ma għandux jiġi ssanzjonat b’mod awtonomu, iżda biss bħala konsegwenza tal-fatt li l-miżuri intiżi għall-istabbilimenti mill-ġdid tal-konformità adottati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas ma jiġux implimentati.

94.

Għall-kuntrarju, jidhirli li ma hemmx dubju li l-obbligu previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proprozjonali u dissważivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas għandu jiġi applikat irrispettivament ( 25 ) mill-obbligu, stabbilit fl-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas, li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità mat-tip approvat.

95.

Kif korrettament osservat mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, dan huwa kkonfermat mill-fatt li fis-sistema stabbilita mid-Direttiva Qafas, l-Artikolu 46 irid jilħaq għanijiet differenti minn dawk tal-Artikoli 12 u 30. Filwaqt li dawn l-artikoli, li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi previsti fl-atti regolatorji, huma importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri prinċipalment il-protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq, tas-saħħa pubblika u tal-ambjent ( 26 ), l-Artikolu 46, li jiżgura applikazzjoni effikaċi tas-sistema ta’ approvazzjoni, irid jilħaq prinċipalment l-għan tal-istabbiliment u l-funzjonament ta’ suq intern ikkaratterizzat minn kompetizzjoni leali bejn il-manifatturi ( 27 ).

96.

Minkejja li din il-kawża turi li applikazzjoni kumulattiva tagħhom hija possibbli meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva Qafas ikollu l-effett li jwassal għal nuqqas ta’ konformità, madankollu żgur li ma jistax jiġi ddikjarat li teżisti relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-ksur tal-Artikoli 12 u 30 u dak tal-Artikolu 46, sa fejn l-obbligu ta’ sanzjoni previst minn dan tal-aħħar iqum biss f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri stabbiliti minn dawk tal-ewwel għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità.

97.

Għalhekk, il-KBA kellu jissanzjona n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li Daimler kellha skont l-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas billi jimponi sanzjonijiet effettivi, proprozjonali u dissważivi. Peress li ma wettaqx dan l-obbligu li jissanzjona, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas.

98.

Għalhekk fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tilqa’ t-tieni motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

C.   Fuq l-evitar tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni minħabba l-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G

1. L-argumenti tal-partijiet

99.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni qabel xejn, b’riferiment għall-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas, li tip approvat jista’ jiġi estiż għal vetturi oħra differenti minn dan it-tip, meta dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali li għalihom kien suġġett l-għoti tal-approvazzjoni oriġinali u jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt dak it-tip abbażi tal-kriterji previsti fl-Anness II, Parti B tad-Direttiva Qafas. Skont il-Kummissjoni, tali kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, peress li t-tip 245G, approvat fi żmien meta d-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni kienet għada mhix applikabbli, ġie estiż għal vetturi li kienu approvati (u mibnija) taħt it-tipi 246, 176 u 117 ladarba d-Direttiva kienet diġà applikabbli. Fil-fatt din ma hijiex estensjoni fis-sens tad-Direttiva, iżda sostituzzjoni ta’ approvazzjoni taħt id-dehra ta’ estensjoni, u timplika għalhekk evitar tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ssostni li din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-qari ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6(6), li jistabbilixxi li tip diġà approvat ma jistax ikun is-suġġett ta’ approvazzjonijiet ulterjuri, tal-Anness II punt 7 u tal-Annessi VII u IX. Fil-fatt dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-approvazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-funzjoni tal-estensjoni hija dik li tippermetti li tip ta’ vettura eżistenti jiġi adottat għal rekwiżiti ġodda introdotti għal vetturi ġodda minħabba innovazzjonijiet tekniċi, u mhux li r-rekwiżiti fis-seħħ jiġu adottati għal tip ta’ vetturi partikolari.

100.

Fir-risposta tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li billi aċċettat l-estensjoni tat-tip eżistenti 245G għal vetturi li diġà kienu rċevew approvazzjonijiet li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, jiġifieri l-approvazzjonijiet 246, 176 u 117, il-KBA ma riedx jevita din id-direttiva. Wara kollox, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-produzzjoni tal-imsemmija tipi twaqqfet definittivament fis-26 ta’ Ġunju 2013. Il-vetturi kkonċernati mit-talba għal estensjoni tat-tip 245G kellhom għalhekk jitqiesu li jaqgħu f’tip differenti meta mqabbla mal-vetturi approvati taħt it-tipi 246, 176 u 117.

101.

Fi kwalunkwe każ, il-konvenuta tenfasizza li d-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni ma tipprekludix l-estensjoni ta’ approvazzjoni preċedenti. Għall-kuntrarju, l-obbligu li l-vetturi kollha josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom daħal fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2017. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-estensjoni hija permessa b’mod espress mill-Artikolu 45(5) tad-Direttiva Qafas. Finalment, hija ssostni li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva Qafas ma jipprevedix projbizzjoni assoluta ta’ sostituzzjoni tal-approvazzjoni.

102.

Fir-replika tagħha l-Kummissjoni tiddikjara li l-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 mibnija wara s-26 ta’ Ġunju 2013 huma teknikament identiċi għal dawk immanifatturati qabel dik id-data. Il-fatt li sa mis-26 ta’ Ġunju 2013 dawn il-vetturi kellhom approvazzjoni differenti hija għalhekk kwistjoni ta’ natura ġuridika u mhux ta’ natura fattwali. Abbażi ta’ din il-premessa, il-Kummissjoni ssostni li l-konvenuta ma kellhiex id-dritt tilqa’ t-talba ta’ Daimler għall-estensjoni tat-tip 245G peress li din it-talba kienet tirrigwarda vetturi li kienu preċedentement diġà ġew approvati taħt it-tipi 246, 176 u 117. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, billi laqgħet it-talba ta’ Daimler hija kisret l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva Qafas.

2. Evalwazzjoni

103.

Fil-qosor, it-tielet ksur allegat kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrigwarda l-evitar tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, li skont il-Kummissjoni twettaq billi ntlaqgħet it-talba ta’ Daimler dwar l-estensjoni tat-tip 245G, approvat fis-sena 2008 u għalhekk mhux suġġett għall-obbligu ta’ użu ta’ refriġerant kompatibbli mal-imsemmija direttiva, għal vetturi li għalihom kienu diġà ngħataw approvazzjonijiet oħra (246, 176 u 117) u li permezz tagħha kienu suġġetti għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni. Il-konvenuta tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni billi ssostni li l-produzzjoni tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 kienet twaqqfet b’mod volontarju fis-26 ta’ Ġunju 2013.

104.

Qabel xejn ninnota li fis-suġġett tar-rikors, il-Kummissjoni ma indikatx, b’riferiment għal motiv inkwistjoni, liema huma d-dispożizzjonijiet speċifiċi tas-sistema armonizzata ta’ approvazzjoni allegatament miksura. Madankollu, il-qari tal-argumenti magħmula mill-Kummissjoni fin-noti tagħha jwassal sabiex jiġi rrilevat li l-bażi legali tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija l-inkompatibbiltà tal-ilqugħ tat-talba għal estensjoni ta’ Daimler ma’ (i) is-sistema ta’ kontroll ex post ipprovduta mid-Direttiva Qafas, kif ukoll ma’ (ii) l-għan li jrid jintlaħaq mill-istess direttiva. Għalhekk ser nanalizza wara xulxin dawn iż-żewġ partijiet tal-motiv inkwistjoni.

105.

Fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Kummissjoni tosserva li l-modalitajiet tal-kontroll ex post, li jinkludu verifika limitata għall-konformità tal-vettura mat-tip approvat, jeħtieġu neċessarjament li l-vetturi individwali jikkorrispondu b’mod preċiż mat-tip approvat tagħhom u li dawn tal-aħħar ikunu konformi mar-rekwiżiti tekniċi fis-seħħ fil-mument tal-approvazzjoni tagħhom. Għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet relattivi għall-approvazzjoni jipprovdu, fl-ewwel lok, li tip diġà approvat ma jistax jirċievi approvazzjoni ġdida (Artikolu 6(6) tad-Direttiva Qafas) ( 28 ). Fit-tieni lok, dawn jipprevedu l-għoti lil kull tip approvat ta’ numru ta’ identifikazzjoni, li jindika s-sitwazzjoni legali fis-seħħ fil-mument tal-approvazzjoni, li ma għandux ikun konfuż (Anness II, punt 7 u Anness VII tad-Direttiva Qafas), kif ukoll il-ħruġ ma’ kull vettura kkummerċjalizzata ta’ ċertifikat ta’ konformità li jagħti, dan ukoll, informazzjoni dwar l-imsemmija sitwazzjoni legali (Anness X tad-Direttiva Qafas). Skont il-Kummissjoni, isegwi li s-sistema ta’ kontroll ex post stabbilita mid-Direttiva Qafas, b’mod partikolari fl-Artikoli 12 u 30, tinkludi “projbizzjoni ta’ sostituzzjoni tal-approvazzjoni” impliċità, li l-KBA kiser billi laqa’ t-talba ta’ Daimler.

106.

L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li twassal sabiex din tal-aħħar tikkonkludi li l-estensjoni tat-tip 245G mitluba minn Daimler tmur kontra r-regoli fundamentali tas-sistema ta’ kontroll ex post, b’mod partikolari l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva Qafas, abbażi tal-fatt li l-vetturi kkonċernati mill-istess talba kienu s-suġġett ta’ approvazzjonijiet oħra preċedenti, ma tikkonvinċinix.

107.

Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, din hija kontradetta mill-kontenut litterali stess tal-Artikolu 6(6).

108.

Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li s-silta rilevanti ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi li talba għal approvazzjoni waħda biss tista’ tiġi ppreżentata mill-manifattur, din tippreċiża wkoll li tali projbizzjoni tirreferi għal kull “tip partikolari ta’ vettura”. Konsegwentement, il-konklużjoni tal-Kummissjoni tista’ tintlaqa’ biss jekk jintwera li l-vetturi kkonċernati mill-estensjoni tat-tip approvat 245G huma għal kollox identiċi, b’riferiment għal kriterji stabbiliti fl-Anness II, Parti B tad-Direttiva Qafas, għal dawk approvati preċedentement taħt it-tipi 246, 176 u 117. Fil-fatt, huwa biss f’dak il-każ li jista’ jiġi dedott, kif tagħmel il-Kummissjoni, li t-talba għal estensjoni ta’ Daimler tirrigwarda tip ta’ vetturi li kien diġà rċieva approvazzjoni preċedenti, u għalhekk l-ilqugħ tal-istess talba mill-KBA tmur kontra l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva Qafas.

109.

Il-kwistjoni li għadni kemm iddeskrivejt kienet is-suġġett ta’ dibattitu intens bejn il-partijiet, b’mod partikolari waqt is-seduta.

110.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li peress li din hija kwistjoni fundamentali sabiex tiġi konkluża l-fondatezza ta’ dan il-motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova li l-vetturi li għandhom numri ta’ identifikazzjoni 246, 176 u 117 jaqgħu fl-istess tip ta’ dawk suġġett tat-talba ta’ approvazzjoni tat-tip 245G, li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex din tal-aħħar tiżgura l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 29 ).

111.

Ser nuri issa għal liema raġunijiet inqis li l-Kummissjoni ma wettqitx tali oneru.

112.

Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-vetturi li jaqgħu taħt it-tipi 246, 176 u 117 huma għal kollox identiċi għal dawk li huma s-suġġett tat-talba għal estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G donnha hija bbażata fuq il-fatt li d-denominazzjonijiet kumerċjali huma assolutament identiċi għar-rispettivi mudelli. Din il-prova ma hijiex suffiċjenti. Huwa minnu li “l-aspetti essenzjali ta’ kostruzzjoni u disinn” ta’ vettura huma wieħed mit-tliet elementi essenzjali tal-kunċett ta’ “tip” għall-kategorija ta’ vetturi M1 ( 30 ) fis-sens tal-Anness II, Parti B tad-Direttiva Qafas, flimkien mal-“manifattur” u d-“denominazzjoni tat-tip tal-manifattur”. Madankollu, kif targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja abbażi ta’ diversi eżempji fil-qasam Ewropew ta’ vetturi li għandhom karatteristiċi ta’ kostruzzjoni identiċi jew kważi identiċi iżda approvati bħala tipi differenti, il-leġiżlatur Ewropew, permezz tar-regoli fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, ried jagħti lid-“denominazzjoni tat-tip tal-manifattur stabbilit”importanza determinanti ( 31 ) għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata ta’ tip. Minn dan isegwi li, anki fil-każ fejn il-vetturi approvati taħt it-tipi 246, 176 u 117 jirriżultaw totalment identiċi għal dawk suġġett tal-estensjoni tat-tip 245G, il-fatt li għal dawn, Daimler użat denominazzjonijiet tat-tip differenti għandu jitqies suffiċjenti, fid-dawl tar-regoli applikabbli dak iż-żmien, sabiex jiġi konkluż li inkwistjoni hemm tipi ta’ vetturi differenti ( 32 ).

113.

Ma hemmx dubju li l-implikazjonijiet neċessarjament dedotti minn din ir-regola jagħtu lill-manifattur diskrezzjoni ċerta. Huwa proprju għalhekk li r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 678/2011 tal-14 ta’ Lulju 2011, li jissostitwixxi l-Anness II u jemenda l-Annessi IV, IX u XI tad-Direttiva Qafas (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament Nru 678/2011”), neħħa mil-lista tal-karatteristiċi essenzjali tal-kunċett ta’ tip d-“denominazzjoni tat-tip tal-manifattur stabbilit” ( 33 ).

114.

Għalhekk għandu jitqies, bi qbil mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li r-regola applikabbli għal din il-kawża tagħti fil-fatt lill-manifattur il-fakultà li jiddeċiedi l-portata tal-kunċett ta’ tip.

115.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti li l-vetturi approvati taħt it-tipi 246, 176 u 117 huma identiċi għal dawk li huma s-suġġett tat-talba għal estensjoni tat-tip 245G u li konsegwentement, l-ilqugħ ta’ din it-talba min-naħa tal-KBA tmur kontra s-sistema ta’ kontroll ex post ipprovduta mid-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari kontra l-projbizzjoni tas-sostituzzjoni tal-approvazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(6).

116.

Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tiddikjara li l-ilqugħ tat-talba għal estensjoni tal-approvazzjoni ta’ Daimler huwa inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva Qafas, u b’mod partikolari ma’ dak li jiġi żgurat li l-vetturi l-ġodda jipprovdu livell għoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-osservanza effettiva tar-rekwiżiti imposti sabiex jintlaħaq tali livell għoli ta’ protezzjoni, jiġifieri dawk kontenuti fl-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas, tkun kompromessa jekk id-direttiva inkwistjoni tawtorizza l-estensjoni għal vetturi speċifiċi ta’ tip li għalih japplikaw rekwiżiti tekniċi li jinkludu grad ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tal-ambjent inqas għoli minn dak applikabbli għat-tip li taħtu l-imsemmija vetturi kienu jaqgħu skont approvazzjoni preċedenti.

117.

F’dan ir-rigward, nippremetti li fil-fehma tiegħi, l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ambjentali jistgħu jipprekludu l-ilqugħ tat-talbiet għal estensjoni tat-tip 245G biss meta din il-konklużjoni tkun ikkorroborata minn elementi li jirriżultaw mir-regoli tal-imsemmija direttiva jew mill-atti regolatorji relattivi. Barra minn hekk, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li, meta l-leġiżlatur Ewropew jirregola oqsma kkaratterizzati minn livell għoli ta’ teknikalità bħal dak inkwistjoni, huwa jirregola l-aspetti fundamentali permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u preċiżi.

118.

Għalhekk wieħed għandu jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-estensjoni tal-approvazzjonijiet (fid-Direttiva Qafas) jew dawk tal-implimentazzjoni tar-rekwiżit tekniku dwar l-użu ta’ refriġerant b’potenzjal ta’ tisħin globali ta’ inqas minn 150 (fid-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ilqugħ tat-talba għal estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G għal vetturi li kienu diġà s-suġġett ta’ approvazzjonijiet tat-tipi 246, 176 u 117 huwa kompatibbli mal-għanijiet ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent tad-Direttiva Qafas. Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar tistax titqies li ma tippermettix biss progress, iżda anki rigress temporanju ( 34 ) fil-kuntest tat-tfixxija tal-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet.

119.

Nikkunsidra li huwa neċessarju li għal din il-mistoqsija tingħata tweġiba pożittiva.

120.

L-ewwel nett infakkar li d-dispożizzjonijiet dwar l-estensjoni tal-approvazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas, huma inklużi fl-iktar regola ġenerali, prevista fil-Kapitolu V tal-istess direttiva, li tiġi applikata kull darba li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiddeċiedu li l-modifiki mwettqa fuq il-vetturi li jaqgħu f’tip approvat wara l-għoti tal-approvazzjoni ma jiġġustifikax l-użu ta’ approvazzjoni ġdida ( 35 ). L-imsemmija modifiki jinvolvu “estensjoni” meta, flimkien mas-sempliċi’ tibdil tal-indikazzjonijiet irreġistrati fil-pakkett ta’ informazzjoni, ikunu neċessarji spezzjonijiet jew testijiet ġodda, meta tinbidel informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni u meta jidħlu fis-seħħ rekwiżiti tekniċi ġodda armonizzati applikabbli għal vetturi approvati inkwistjoni.

121.

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 jirriżulta b’mod ċar li l-estensjoni tal-approvazzjoni hija proċedura simplifikata li d-Direttiva Qafas tawtorizza tipikament fil-każ fejn ikun neċessarju tingħata risposta għad-dħul fis-seħħ ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda applikabbli għall-vetturi kkonċernati. Għall-kuntrarju, la mill-Artikolu 14 u lanqas minn kwalunkwe regola oħra tas-sistema armonizzata ma jirriżulta li, kif sostniet diversi drabi l-Kummissjoni, l-estensjoni mitluba għandha tkun intiża biex twassal għal progress tekniku ( 36 ) fid-dawl tal-ilħuq tal-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ambjent.

122.

Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod validu li d-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mad-Direttiva Qafas tal-ilqugħ ta’ talba għal estensjoni bħal dawk ippreżentati minn Daimler lill-KBA għandha tkun ibbażata fuq il-fatt waħdu li l-vetturi kienu diġà s-suġġett ta’ approvazzjonijiet, bħal dawk li jikkorrispondu għat-tipi 246, 176 u 117, li kienu jiżguraw permezz tal-applikazzjoni tar-rekwiżit tekniku dwar l-użu ta’ refriġerant b’potenzjal baxx ta’ tisħin globali, livell ogħla ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

123.

Insostenn ukoll ta’ din il-konklużjoni, jidhirli li huwa neċessarju li jitfakkar li d-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, tadotta approċċ gradwali ( 37 ) sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz tal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra flowrinati. Minbarra li tipprojbixxi, mill-1 ta’ Jannar 2011, lill-Istati Membri milli jagħtu approvazzjonijiet ġodda lil vetturi b’refriġerant b’potenzjal ta’ tisħin globali ogħla minn 150, fil-fatt hija tipprevedi espressament li r-reġistrazzjoni ta’ vetturi b’refriġerant inkompatibbli mad-dispożizzjoni fuq imsemmija tista’ tkun irrifjutata mill-Istati Membri sa mill-1 ta’ Jannar 2017 biss ( 38 ). L-introduzzjoni tal-imsemmi perijodu tranżitorju tinvolvi għalhekk li sal-1 ta’ Jannar 2017 il-vetturi li qabel l-1 ta’ Jannar 2011 kienu jaqgħu f’tip approvat setgħu jużaw refriġerant inkompatibbli mad-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni.

124.

Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jista’ jiġi dedott li, peress li astjeniet ruħha milli titlob l-approvazzjoni tal-vetturi kkonċernati korrispondenti għat-tipi 246, 176 u 117, Daimler setgħet tikseb, abbażi tal-imsemmi perijodu tranżitorju u permezz tal-introduzzjoni ta’ talbiet suċċessivi, l-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G, b’refriġerant inkompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi fis-seħħ, sal-1 ta’ Jannar 2017. Jekk tali aġir li għandu effetti li jikkawżaw preġudizzju evidenti lill-għanijiet ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent, huwa permess mid-Direttiva dwar sistemi ta’ klimatizzazzjoni, nikkunsidra li ma hemmx dubju li l-ilqugħ tat-talba għal estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip 245G f’dan il-każ preżenti, li l-effetti tiegħu li jikkawżaw preġudizzju lill-imsemmija għanijiet, huma komparabbli jew saħansitra iżgħar, ma għandux jitqies li jmur kontra dawn l-għanijiet, kif tiddikjara l-Kummissjoni.

125.

Ma huwiex prova tal-kuntrarju l-fatt li t-talba għal estensjoni tal-approvazzjoni milqugħa mill-KBA kienet tirrigwarda tip approvat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva Qafas (29 ta’ April 2009) ( 39 ), peress li l-Artikolu 45(5) tal-istess jistabbilixxi li d-dħul fis-seħħ tagħha ma jirrendix invalidi l-approvazzjonijiet mogħtija qabel id-29 ta’ April 2009, u lanqas ma jipprekludi l-estensjoni ta’ dawn l-approvazzjonijiet ( 40 ).

126.

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward nirrileva li huma proprji ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ li wasslu sabiex il-Kummissjoni, kif ammettiet hija stess b’mod espliċitu waqt is-seduta, tipprevedi, fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2016 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi ( 41 ), li l-approvazzjonijiet ikollhom tul massimu ta’ ħames snin, mingħajr il-possibbiltà ta’ estensjoni ( 42 ). Din id-dispożizzjoni tkun effettivament tippermetti li jiġu evitati abbużi fir-regolamentazzjoni fil-qasam tal-approvazzjoni, li f’ċerti każijiet jistgħu jsiru minn manifatturi permezz ta’ diversi talbiet għal estensjoni ta’ approvazzjoni speċifika jew permezz ta’ talbiet għal estensjoni ppreżentati bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda li jinvolvu livell ogħla ta’ sigurtà jew ta’ protezzjoni tal-ambjent.

127.

Bħala konklużjoni nikkunsidra li l-ilqugħ tat-talba għal estensjoni tat-tip 245G għal vetturi li diġà kienu approvati preċedentement taħt it-tipi 246, 176 u 117 min-naħa tal-KBA lanqas ma huwa ta’ natura li jmur kontra l-għanijiet ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ambjent li trid tilħaq id-Direttiva Qafas.

128.

Għalhekk jiena konvint li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tielet motiv ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

V. Konklużjoni

129.

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva 2007/46/KE billi naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità tal-vetturi tat-tipi 246, 176 u 117 mat-tipi approvati tagħhom.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas billi naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex timplimenta sanzjonijiet għall-ksur tal-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva mwettaq minn Daimler.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni għandha tbati terz tal-ispejjeż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u terz tal-ispejjeż tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: Taljan.

( 2 ) ĠU 2007, L 263, p. 1. Preċedentement kien biss l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva Qafas li kien is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-639/11, EU:C:2014:173) u tal-20 ta’ Marzu 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Litwanja (C-61/12, EU:C:2014:172).

( 3 ) ĠU 2006, L 161, p. 15.

( 4 ) Communication de la Commission “Rupture d’approvisionnement d’un élément essentiel dans les systèmes de climatisation mobiles et son incidence sur l’application de la directive 2006/40/CE dans l’industrie automobile” C(2012)2200 final [Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Interruzzjoni tal-provvista ta’ element essenzjali fis-sistemi ta’ klimatizzazzjoni mobbli u l-effett tagħha fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE fl-industrija tal-karozzi” C(2012)2200 finali].

( 5 ) Mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-potenzjal ta’ tisħin globali ta’ tali refriġerant kien qrib it-3 000, meta mqabbel mal-limitu ta’ 150 stabbilit mid-Direttiva.

( 6 ) Dan l-istima hija bbażata fuq il-volum tal-bejgħ tat-tipi 246, 176 u 117. Id-differenza mill-istima preċedenti ta’ 133713 hija dovuta għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ vetturi prodotti u kkummerċjalizzati anki wara s-26 ta’ Ġunju 2013.

( 7 ) Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ konformità għadu attwali. Fil-fatt, il-validità tal-approvazzjoni tat-tipi 246, 176 u 117 ma spiċċatx fis-26 ta’ Ġunju 2013, peress li anki l-vetturi li Daimler kienet ipproduċiet wara dik id-data kienu jikkorrispondu għall-imsemmija tipi, minkejja li għal dawn il-vetturi kien ġie estiż it-tip 245G.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44.

( 9 ) Ara l-lista eżawrjenti inkluż fl-Anness IV tad-Direttiva Qafas.

( 10 ) Dan il-kontroll huwa pprovdut fl-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas.

( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tal-Anness X.

( 12 ) Korsiv miżjud minni.

( 13 ) Korsiv miżjud minni

( 14 ) Fil-fatt, ordni vera u proprja fir-rigward tal-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità tal-vetturi inkwistjoni ħarġet biss fit-23 ta’ Marzu 2017, jiġifieri tliet xhur wara l-preżentata tar-rikors mill-Kummissjoni. Konsegwentement, din ma hijiex rilevanti għal dawn il-proċeduri.

( 15 ) Korsiv miżjud minni.

( 16 ) Korsiv miżjud minni.

( 17 ) Korsiv miżjud minni. Ara fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (“l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew jintrema mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr ma jintuzaw proċeduri jew metodi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent […]”), sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-135/05, EU:C:2007:250, punt 37).

( 18 ) Korsiv miżjud minni.

( 19 ) Korsiv miżjud minni.

( 20 ) Korsiv miżjud minni.

( 21 ) Kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva Qafas, l-armonizzazzjoni stabbilita mid-Direttiva Qafas flimkien mal-atti regolatorji għandha natura eżawrjenti (“Għall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali.”). Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-639/11, EU:C:2014:173, punti 3435).

( 22 ) Korsiv miżjud minni.

( 23 ) Sabiex tagħti eżempju ta’ riskju għas-sigurtà li għalih japplikaw, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/95, u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “prodott fis-sigurtà” tal-Artikolu 2(1)(b), matul is-seduta l-Kummissjoni semmiet il-każ ta’ pedala tal-aċċellerant li ma taħdimx. Peress li ma hemmx rekwiżiti tekniċi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni tal-pedali tal-aċċellerant fl-atti regolatorji, għal dik is-sitwazzjoni tapplika d-Direttiva 2001/95.

( 24 ) Korsiv miżjud minni. Għal din ir-raġuni, jidhirli li huwa evidenti li ma huwiex neċessarju nfakkar, kif tagħmel il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, il-kriterji elaborati fil-ġurisprudenza sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhomx natura effettiva, proporzjonali u dissważiva.

( 25 ) Korsiv miżjud minni.

( 26 ) Ara l-għanijiet elenkati fil-premessa 3 tad-Direttiva Qafas.

( 27 ) Ara l-għan imsemmi fil-premessa 2 tad-Direttiva Qafas.

( 28 ) Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tippreżenta l-kontenut ta’ dan l-artikolu f’termini kemxejn differenti, filwaqt li ddikjarat li dan jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ebda approvazzjoni ma tkun diġà ntalbet għall-vetturi kkonċernati mill-estensjoni. Madankollu, dan l-element ma jirrendix invalidu r-raġunament segwit f’dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-490/09, EU:C:2011:34, punt 49).

( 30 ) Il-kategorija M1 hija dik li għaliha jappartjenu l-vetturi li huma s-suġġett tat-talba għal estensjoni tat-tip 245G. Skont l-Anness II, Parti A tad-Direttiva Qafas, li jiddefinixxi l-kategorija ta’ vetturi, din il-kategorija tirrigwarda l-vetturi “Vetturi mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri u li fiha mhux aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tax-xufier”.

( 31 ) Korsiv miżjud minni.

( 32 ) Korsiv miżjud minni.

( 33 ) Għandu jiġi ċċarat li l-verżjoni l-ġdida tal-Anness II ma tapplikax għal dan il-każ, fejn it-tip li huwa s-suġġett tat-talba għal estensjoni kien approvat fl-2008, peress li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 678/2011 jistabbilixxi bla ebda dubju li r-Regolament japplika biss għat-tipi ta’ vetturi approvati sa mid-29 ta’ Ottubru 2012. Fir-rigward ta’ dak diġà indikat fit-test, nippreċiża li, skont il-verżjoni tal-Anness II applikabbli għall-fatti inkwistjoni, “tip” jinkludi l-vetturi li huma identiċi almenu fir-rigward tal-manifattur, id-denominazzjoni tat-tip tal-manifattur stabbilit, l-aspetti essenzjali ta’ kostruzzjoni u disinn: chassis/pjan tal-art (differenzi ovvji u fundamentali), impjant tal-enerġija (kombustjoni interna/elettriku/ibridu). Il-verżjoni attwali, kif emendata bir-Regolament Nru 678/2011, tipprovdi min-naħa l-oħra li “tip” ta’ vetturi huwa kkostitwit minn vetturi li għandhom inkomuni l-isem tal-manifattur u d-disinn u l-assemblaġġ tal-partijiet fundamentali tal-istruttura tal-karrozzerija (f’każ ta’ struttura awtonoma).

( 34 ) Korsiv miżjud minni.

( 35 ) Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva Qafas.

( 36 ) Korsiv miżjud minni.

( 37 ) Korsiv miżjud minni.

( 38 ) Ara l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva Qafas.

( 39 ) Din id-data hija dedotta mill-qari konġunt tal-Artikolu 45(1) u tal-Anness XIX tad-Direttiva Qafas.

( 40 ) Korsiv miżjud minni.

( 41 ) COM(2016) 31 finali.

( 42 ) Ara l-Artikolu 33 tal-proposta.