KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-11 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C‑600/16 P

National Iranian Tanker Company

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid wara annullament ta’ deċiżjoni ta’ elenkar inizjali minn qrati tal-Unjoni fuq il-merti — Artikolu 266 TFUE — Prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni — Drittijiet fundamentali — Dritt għal rimedju effettiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 6(1) u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali”

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda mill-ġdid tintalab tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni ta’ miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill bil-għan li jġiegħlu lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran (iktar ’il quddiem l-“Iran”) tkun konformi mal-obbligi internazzjonali tagħha rigward l-attivitajiet tagħha ta’ proliferazzjoni nukleari, iżda għandha aspett ġdid. Il-miżuri restrittivi inkwistjoni jikkonċernaw deċiżjoni tal-Kunsill li jelenka mill-ġdid entità, u b’hekk jiffriża l-fondi tagħha. Din id-deċiżjoni ttieħdet ftit ta’ żmien wara li d-deċiżjoni ta’ elenkar inizjali kienet ġiet iddikjarata illegali mill-Qorti Ġenerali u, għalhekk, il-Kunsill kien marbut, skont l-Artikolu 266 TFUE “jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu” mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-aspett il-ġdid huwa dan li ġej: meta l-Kunsill iwieġeb billi jelenka mill-ġdid dik l-entità abbażi tal-istess kriterju ta’ deżinjazzjoni, u meta s-sitwazzjoni fattwali ma tkunx inbidlet fil-mertu, dan jikser, fost prinċipji oħra tal-liġi tal-Unjoni, id-dritt tal-entità għal rimedju effettiv fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ elenkar inizjali, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)?

2.

Din hija l-kwistjoni ewlenija li tqum f’dan l-appell ippreżentat minn National Iranian Tanker Company (iktar ’il quddiem in-“NITC”) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Settembru 2016, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill (T‑207/15, EU:T:2016:471, iktar ’il quddiem is-“sentenza NITC II”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ta’ ċerti miżuri li reġgħu qiegħdu lin-NITC fil-lista tal-Unjoni ta’ persuni u entitajiet li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom kellhom jiġu ffriżati fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari (iktar ’il quddiem “miżuri restrittivi kontra l-Iran”).

3.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha n-NITC tissottometti li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punti 45 sa 64 u 68 tas-sentenza NITC II, li d-deċiżjoni tal-Kunsill għal elenkar mill-ġdid ma kinitx kisret il-prinċipji ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ natura definittiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u d-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

4.

Il-qofol tal-argumenti tan-NITC huwa l-allegazzjoni tagħha li sakemm il-Kunsill ikollu s-setgħa mingħajr kontroll li jirriformula l-karatterizzazzjoni ġuridika tal-istess allegazzjonijiet fattwali biex jissodisfa kriterju ta’ deżinjazzjoni, f’ċirkustanzi li fihom il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet f’sentenza finali u vinkolanti li dawk l-allegazzjonijiet fattwali ma kinux jiġġustifikaw d-deċiżjoni ta’ elenkar inizjali, u li ma kien hemm ebda bidla fiċ-ċirkustanzi minn meta kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ elenkar inizjali sal-lum, id-dritt ta’ parti għal rimedju effettiv u reali fir-rigward ta’ dik l-ewwel sentenza jkun mingħajr tifsira. Dan huwa hekk, issostni n-NITC, minħabba li dik il-parti tkun imġiegħla terġa’ tmur il-qorti għal litigazzjoni mill-ġdid dwar dawk li essenzjalment huma l-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi, ħaġa li hija l-antiteżi tal-istat tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

5.

Il-Kunsill jikkontesta s-sottomissjonijiet tan-NITC billi jistrieħ primarjament fuq il-kawżi Kadi ( 2 ), OMPI ( 3 ) u Interporc ( 4 ) u fuq id-diskrezzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 266 TFUE fir-rigward tal-miżuri permissibbli li huwa jkun jista’ jieħu ladarba tkun inħarġet dikjarazzjoni ta’ nullità mill-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 264 TFUE.

6.

Konsegwentement, kif mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw fuq l-ewwel aggravju.

7.

Ta’ min jinnota li dan l-appell huwa l-ewwel wieħed f’sensiela ta’ kawżi li jinsabu bħalissa pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fejn rikorrent jikkontendi li l-istruttura ta’ rimedju tal-Unjoni, għall-inqas fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi, timmerita interpretazzjoni ġdida fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 5 ). Għalhekk din il-kawża toffri opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal partijiet privati fl-Unjoni Ewropea.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

8.

In-NITC hija kumpannija Iranjana speċjalizzata fit-trasport ta’ tagħbijiet ta’ żejt u gass mhux maħduma. Hija topera waħda mill-ikbar flotot fid-dinja ta’ tankers taż-żejt. It-tankers taż-żejt huma bastimenti mfassla biex iġorru żejt bil-massa.

9.

Wara bosta riżoluzzjonijiet li stabbilixxew miżuri biex iġiegħlu lill-Iran jikkonforma ruħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu b’rabta mal-proliferazzjoni nukleari, fid-9 ta’ Ġunju 2010 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1929”), li stabbilixxiet miżuri iktar stretti kontra l-Iran, “filwaqt li tgħaraf ir-rabta potenzjali bejn id-dħul li l-Iran [j]ikseb mis-settur [tiegħu] tal-enerġija u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari [tiegħu] [huwa] ta’ riskju għall-proliferazzjoni […] ( 6 )”. Fis-17 ta’ Ġunju 2010 l-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill jadotta miżuri li jimplementaw ir-Riżoluzzjoni 1929 u miżuri li tagħha, li kellhom jikkonċentraw, inter alia, fuq setturi ewlenin fl-industrija taż-żejt u l-gass ( 7 ).

10.

Fis-26 ta’ Lulju 2010 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2010/413”) ( 8 ). L-Anness II ta’ dik id-deċiżjoni jelenka l-persuni u l-entitajiet –minbarra dawk indikati fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti – li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom kellhom jiġu ffriżati ( 9 ).

11.

Fit-23 ta’ Jannar 2012 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/35/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2012/35”) ( 10 ) bil-għan li jissaħħu l-miżuri restrittivi kontra l-Iran bi tweġiba għat-tħassib serju u li kien qiegħed jikber dwar in-natura tal-programm nukleari tal-Iran ( 11 ). Il-premessa 13 ta’ dik id-deċiżjoni tgħid li miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi “għandhom jiġu applikati għal aktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari sensittivi f’ermini ta’ proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari, b’mod partikolari persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran” ( 12 ).

12.

Id-Deċiżjoni 2012/35 b’hekk żiedet il-punt li ġej fl-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, li jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi tal-persuni u tal-entitajiet li ġejjin:

“(c)

persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II” ( 13 ).

13.

Fit-23 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 267/2012”) ( 14 ). Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 (kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/35 ( 15 )), l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness IX tiegħu, identifikati bħala:

“(d)

huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni, u entitajiet assoċjati magħhom” ( 16 ).

A.   L-elenkar inizjali

14.

Fil-15 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/635/PEKS li emendat id-Deċiżjoni 2010/413 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2012/635”) ( 17 ). Il-Kunsill qies il-ħtieġa li jadotta miżuri restrittivi addizzjonali kontra l-Iran minħabba n-nuqqas tiegħu li jidħol serjament f’negozjati biex ikun indirizzat tħassib internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu ( 18 ). Il-premessa 16 ta’ dik id-deċiżjoni tgħid li “b’mod partikolari entitajiet bi sjieda Iranjana li huma involuti fis-settur taż-żejt u tal-gass” għandhom ikunu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, “minħabba li dawn jipprovdu sors ta’ dħul sostanzjali għall-Gvern Iranjan”.

15.

Għal dan l-għan, l-Artikolu 1(8)(a) tad-Deċiżjoni 2012/635 issostitwixxa l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 biex jipprovdi li “persuni jew entitajiet oħra mhux koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li huwa assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II” ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/635 elenka lin-NITC fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, li kellha l-lista ta’ persuni u entitajiet, inter alia, li kienu jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran ( 19 ).

16.

Ukoll fil-15 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 945/2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012”) ( 20 ). Meqjusa s-sitwazzjoni fl-Iran, u b’konformità mad-Deċiżjoni 2012/635, il-Kunsill qies li persuni u entitajiet addizzjonali għandhom ikunu suġġetti għal miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 ( 21 ). L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni elenka lin-NITC fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, li kellu l-lista ta’ persuni u entitajiet, inter alia, li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran ( 22 ).

17.

In-NITC kienet elenkata fid-Deċiżjoni 2012/635 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012 abbażi tal-kriterju ta’ deżinjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem l-“elenkar inizjali”) għar-raġunijiet li ġejjin:

“Effettivament ikkontrollata mill-Gvern tal-Iran. Tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran permezz tal-azzjonisti tagħha li jżommu rabtiet mal-Gvern.”

18.

Fit-16 ta’ Ottubru 2012 in-NITC kienet innotifikata mill-Kunsill bl-elenkar inizjali. Kien hemm skambju ta’ korrispondenza bejn in-NITC u l-Kunsill ( 23 ).

19.

Fil-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 1263/2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1263/2012”) ( 24 ). Ir-Regolament Nru 1263/2012, inter alia, issostitwixxa l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 b’dan li ġej: “li huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u l-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u persuni, u entitajiet assoċjati magħhom” ( 25 ). Għalhekk il-kriterju ta’ deżinjazzjoni applikat għan-NITC ma kienx effettwat.

20.

Fit-27 ta’ Diċembru 2012 in-NITC ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn talbet l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, sa fejn dawn il-miżuri kienu jikkonċernaw lin-NITC.

B.   Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża NITC I

21.

Fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill (T‑565/12, EU:T:2014:608, iktar ’il quddiem is-“sentenza NITC I”), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel talba tal-NITC li l-Kunsill kien wettaq żball ċar ta’ evalwazzjoni meta qies li l-kriterju ta’ deżinjazzjoni kien ġie ssodisfatt biex in-NITC tiddaħħal fil-lista ( 26 ).

22.

Minħabba li s-sentenza NITC I hija l-qofol ta’ din il-kawża, inqis li jkun utli niddeskrivi b’ċertu dettall x’kienet il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

23.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kunsill, magħmul fis-seduta, li l-involviment tan-NITC fis-settur taż-żejt u tal-gass tal-Iran, għalkemm in-negozju tagħha fit-trasport ta’ żejt mhux maħdum prodott fl-Iran kien prova suffiċjenti fih innifsu, li n-NITC tat appoġġ finanzjarju lill-Gvern Iranjan, minħabba li t-trasport ta’ żejt ma kienx relatat mal-allegata eżistenza ta’ rabtiet bejn l-azzjonisti tan-NITC u dak il-gvern ( 27 ).

24.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tal-Kunsill, magħmul fis-seduta, li n-NITC kienet baqgħet, wara l-privatizzazzjoni tagħha, taħt il-kontroll tan-National Iranian Oil Company (iktar ’il quddiem “NIOC”), entità proprjetà kollha kemm hi tal-Istat Iranjan, u wkoll suġġetta għal miżuri restrittivi minħabba li kienet tagħti appoġġ finanzjarju lill-Gvern Iranjan. Il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni minħabba li r-raġunijiet li għalihom in-NITC kienet iddaħħlet fil-lista ma kinux jirreferu għal appoġġ finanzjarju indirett li kien jirriżulta minn rabtiet bejn in-NITC u n-NIOC ( 28 ).

25.

Minbarra dan il-Qorti Ġenerali qalet dan li ġej: “[f]kull każ, sa fejn l-argumenti msemmija hawn fuq tal-Kunsill huma intiżi sabiex jistabbilixxu li r-rikorrenti tagħti appoġġ finanzjarju indirett lill-Gvern tal-Iran, permezz tal-attività tagħha ta’ trasport bil-baħar ta’ gass u ta’ żejt, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi l-kriterju rigward il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, u mhux dak tal-provvista ta’ appoġġ finanzjarju indirett. Bil-kontra tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill, is-sempliċi fatt li, bl-attività ta’ trasport tagħha, ir-rikorrenti hija involuta fis-settur taż-żejt u tal-gass Iranjan, li jirrappreżenta wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ dħul tal-Gvern tal-Iran, ma jistax jitqies li huwa kopert mill-kriterju legali dwar il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju lil dan il-gvern.” ( 29 )

26.

Wara dan, fir-rigward tal-istruttura ta’ proprjetà tan-NITC, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li la l-proposti ta’ elenkar ippreżentati minn tliet Stati Membri u lanqas id-dokumenti l-oħra li jinsabu fil-fajl tal-Kunsill ma identifikaw l-azzjonisti tan-NITC jew għandhom “l-iċken prova” li setgħet issostni l-argumenti li l-Kunsill straħ fuqhom ( 30 ). F’dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma setax jinvoka ċerti argumenti fattwali — inkluż li l-azzjonisti tan-NITC kienu tliet fondi Statali ta’ pensjonijiet, bi 33 % tal-kapital tan-NITC miżmum mill-Fond Statali għall-Pensjonijiet, 33 % mill-Fond tas-Sigurtà Soċjali għall-Irtirar u 33 % mill-Fond għall-Pensjonijiet u Tfaddil tan-NIOC — minħabba li dawk l-argumenti ma kinux jinsabu fil-fajl tal-Kunsill u ma kinux intwerew lin-NITC fi żmien xieraq ( 31 ).

27.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-materjal li seta’ jitqies ma kien jinkludi l-ebda prova li setgħet issostni l-motivi li l-Kunsill straħ fuqhom u, għalhekk, l-elenkar inizjali kellu jiġi annullat ( 32 ).

28.

Dwar l-effetti ratione temporis tal-annullament, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tan-NITC li dawn kellhom jidħlu fis-seħħ minnufih, minħabba li dan seta’ jgħin lin-NITC tittrasferixxi l-assi kollha tagħha jew parti minnhom barra mill-Unjoni, mingħajr ma l-Kunsill ikun jista’, jekk jidhirlu xieraq, japplika fi żmien xieraq l-Artikolu 266 TFUE biex jissewwew l-irregolaritajiet imsemmija fis-sentenza, u, konsegwentement, bi ħsara serja u irriversibbli għall-effettività ta’ kull iffriżar ta’ assi b’rabta man-NITC li l-Kunsill seta jeżegwixxi fil-ġejjieni ( 33 ).

29.

Dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE, il-Qorti Ġenerali qalet: “l-annullament permezz ta’ din is-sentenza tal-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fil-listi jirriżulta mill-fatt li l-motivi għal din l-inklużjoni ma humiex sostnuti bi provi suffiċjenti. […] Minkejja li huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, inklużjoni ġdida tar-rikorrenti ma tistax tiġi eskluża awtomatikament. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġdid, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jinkludi mill-ġdid l-isem tar-rikorrenti abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt.” ( 34 )

30.

Fuq din il-bażi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-effetti tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kellhom jinżammu sa fejn jikkonċernaw in-NITC sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell kif stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sakemm dan l-appell jiġi miċħud ( 35 ).

31.

Il-Kunsill ma appellax mis-sentenza NITC I. Għalhekk l-annullament tal-elenkar inizjali daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Settembru 2014 ( 36 ).

C.   It-tieni elenkar

32.

Madwar xahar wara, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill innotifika lin-NITC bl-intenzjoni tiegħu li jinkludiha mill-ġdid fil-lista skont il-kriterju ta’ deżinjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, b’riferiment għal persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran. Dan kien l-istess kriterju ta’ deżinjazzjoni li kien intuża għad-deċiżjoni ta’ elenkar annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza NITC I.

33.

Dan ta bidu għal skambju ta’ korrispondenza bejn n-NITC u l-Kunsill ( 37 ). B’mod partikolari, fis-27 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill bagħat lin-NITC sitt emails li kien fihom id-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fl-ittra tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2014. Dawn id-dokumenti ta’ sostenn kienu jinkludu informazzjoni dwar il-fondi ta’ pensjoni għall-azzjonist tan-NITC u dwar l-attivitajiet ta’ trasport ta’ żejt tan-NITC, li l-biċċa l-kbira minnhom ma kellhomx data uffiċjali ( 38 ), u li wieħed minnhom kien inġieb mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza NITC I ( 39 ).

34.

Permezz ta’ ittra tat-5 ta’ Frar 2015 il-Kunsill ta lin-NITC silta deklassifikata tal-proposta li telenkaha mill-ġdid (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ elenkar mill-ġdid”) ( 40 ). Taħt l-intestatura ta’ appoġġ finanzjarju lill-Gvern Iranjan permezz ta’ azzjonisti tan-NITC li huma proprjetà tal-gvern jew ikkontrollati minnu, il-proposta ta’ elenkar mill-ġdid indikat li, skont dokument uffiċjali tan-NITC tal-21 ta’ Awwissu 2006, in-NITC kienet proprjetà ta’ tliet fondi ta’ pensjonijiet — il-Fond Statali għall-Irtirar (33 %), is-Social Security Organization (33 %) u l-Oil Industry Employees Retirement and Savings Fund (34 %) — li kienet issemmiet ukoll f’links għal informazzjoni ta’ sorsi magħrufa u f’diversi dokumenti ta’ sostenn imsemmija iktar ’il fuq ( 41 ).

35.

Taħt l-intestatura ta’ għoti ta’ appoġġ loġistiku tan-NITC lill-Gvern Iranjan permezz tat-trasport ta’ prodotti taż-żejt Iranjani, il-proposta’ ta’ elenkar mill-ġdid indikat li, skont ittra tan-NITC lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, in-NITC kienet kumpannija ewlenija dinjija ta’ tbaħħir bit-tankers, li l-attivitajiet tagħha huma limitati għat-trasport ta’ żejt mhux maħdum ( 42 ). L-attivitajiet ta’ trasport tan-NITC kienu wkoll sostnuti b’riferiment għall-website tan-NIOC u b’rabta ma’ artikolu tal-2012 mill-Institute for the Study of War, li l-Kunsill kien qiegħed quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza NITC I, jiġifieri li n-NITC ittrasportat kważi nofs iż-żejt mhux maħdum prodott fl-Iran fl-2011 ( 43 ). Il-proposta ta’ elenkar mill-ġdid kienet tgħid li minħabba li ż-żejt huwa sors kunsiderevoli ta’ dħul għall-Gvern Iranjan, it-trasport min-NITC għal swieq ta’ esportazzjoni u d-distribuzzjoni minnha lil portijiet u gżejjer huma ta’ interess loġistiku ewlieni ta’ dak il-gvern u parti integrali mill-kummerċ taż-żejt ( 44 ). Barra minn hekk, skont din il-proposta ta’ elenkar mill-ġdid, rapporti tal-aħbarijiet kienu jindikaw li l-Gvern Iranjan kien jiddependi min-NITC biex jesporta ż-żejt, b’rabtiet ma’ ħames rapporti bħal dawn (tlieta bid-data ta’ qabel l-elenkar inizjali tan-NITC), kif ukoll ma’ rapport wieħed dwar l-attivitajiet ta’ trasport tan-NITC wara li kienet ingħatat is-sentenza NITC I ( 45 ).

36.

Fis-sottomissjonijiet tagħha n-NITC tikkontendi li kull informazzjoni rilevanti li l-Kunsill straħ fuqha fiż-żmien tal-elenkar mill-ġdid hija u kienet disponibbli pubblikament jew ingħatat min-NITC fi skambju ta’ ittri bejn in-NITC u l-Unjoni.

37.

Fit-12 ta’ Frar 2015 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/236 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2015/236”) ( 46 ) u r-Regolament (UE) 2015/230 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/230”) ( 47 ). Permezz ta’ dawn il-miżuri (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri kontestati”) il-Kunsill reġa’ elenka lin-NITC fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ( 48 ) u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 ( 49 ) skont il-kriterju ta’ deżinjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, b’riferiment għal persuni u entitajiet li jagħtu appoġġ lill-Gvern tal-Iran. Kif imsemmi iktar ’il fuq, dan kien l-istess kriterju ta’ deżinjazzjoni li fuqu kien ibbażat l-elenkar inizjali.

38.

In-NITC kienet elenkata mill-ġdid fid-Deċiżjoni 2015/236 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/230 (iktar ’il quddiem it-“tieni elenkar”) għar-raġunijiet li ġejjin:

“National Iranian Tanker Company tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran permezz tal-azzjonisti tagħha l-Fond Statali Iranjan għall-Irtirar, l-Organizzazzjoni Iranjana tas-Sigurtà Soċjali, u l-Fond għall-Irtirar u t-Tfaddil ta’ Ħaddiema fl-Industrija taż-Żejt, li huma entitajiet ikkontrollati mill-Istat. Barra minn hekk, NITC hija wieħed mill-ikbar operaturi ta’ trasportaturi taż-żejt mhux maħdum fid-dinja u wieħed mill-ikbar trasportaturi taż-żejt mhux maħdum Iranjan. Għaldaqstant, NITC tipprovdi appoġġ loġistiku lill-Gvern tal-Iran billi tittrasporta ż-żejt Iranjan”.

39.

Għaldaqstant l-elenkar mill-ġdid tan-NITC kien ibbażat fuq żewġ raġunijiet. L-ewwel raġuni kienet li n-NITC kienet tagħti appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran permezz tal-azzjonisti tagħha. Din kienet l-istess raġuni li kienet intużat għall-elenkar inizjali, b’lingwa ftit modifikata u bl-ismijiet tat-tliet fondi tan-NITC għall-pensjoni tal-azzjonisti miżjuda. It-tieni raġuni kienet li n-NITC tagħti appoġġ loġistiku lill-Gvern tal-Iran permezz tal-attività ekonomika tagħha billi tittrasporta żejt Iranjan. Fis-sentenza NITC I il-Qorti Ġenerali kienet sostanzjalment iddeċidiet li l-fatt biss li n-NITC tittrasporta żejt Iranjan ma kienx ifisser li kienet tagħti appoġġ finanzjarju lill-Gvern tal-Iran, iżda ma kinitx intalbet tqis dak ta’ appoġġ loġistiku ( 50 ).

40.

Fis-16 ta’ Frar 2015 in-NITC kienet innotifikata mill-Kunsill dwar it-tieni elenkar ( 51 ).

41.

Għandu jiġi nnutat li fis-16 ta’ Jannar 2016 l-elenkar mill-ġdid tan-NITC fid-Deċiżjoni 2015/236 kien ġie sospiż ( 52 ), u l-elenkar tagħha mill-ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/230 kien tħassar ( 53 ) mill-Kunsill ( 54 ). Dan seħħ fil-kuntest usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (“PAKK”) ( 55 ) bejn E3/EU+3 ( 56 ) u l-Iran, li jinkorpora soluzzjoni fit-tul żmien għall-kwistjoni nukleari Iranjana, u jinkludi t-tneħħija komprensiva ta’ sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali relatati mal-programm nukleari tal-Iran ( 57 ).

III. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza NITC II

42.

Fl-24 ta’ April 2015 in-NITC ressqet rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tal-miżuri kkontestati adottati kontriha.

43.

Barra minn hekk fl-24 ta’ April 2015 in-NITC ippreżentat rikors għal miżuri provviżorji biex tkun sospiża l-eżekuzzjoni tal-miżuri kontriha.

A.   Id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali fil-kawża NITC II

44.

Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Lulju 2015fil-kawża National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill (T‑207/15 R, EU:T:2015:535) (iktar ’il quddiem id-“digriet NITC II”), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad ir-rikors tan-NITC għal miżuri provviżorji minħabba li kkonstata li l-kundizzjonijiet relatati mal-bilanċ ta’ interessi u mal-urġenza ma kinux issodisfatti ( 58 ). Madankollu l-President qies li l-kundizzjoni dwar każ prima facie kienet issodisfatta, minħabba li l-argumenti tal-partijiet urew li kien hemm nuqqas ta’ qbil legali dwar il-portata tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fejn huwa nnota li t-tnejn li huma jissanċixxu d-dritt għal rimedju effettiv, jiġifieri, għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva “fil-prattika kif ukoll fid-dritt” ( 59 ).

45.

Minħabba li d-digriet NITC II jissemma fl-argumenti tal-partijiet f’din il-kawża, ser niddeskrivi l-motivazzjoni tal-President dwar dan il-punt.

46.

B’mod partikolari l-President tal-Qorti Ġenerali osserva li jekk il-Kunsill huwa intitolat jistrieħ fuq il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 266 TFUE biex jiġu korretti l-konstatazzjonijiet ta’ illegalità li jkunu wasslu għall-annullament ta’ miżura restrittiva billi jadotta miżura ġdida li jkollha l-istess effett prattiku bħal dik ta’ qabel, u meta s-sitwazzjoni fattwali ma tkunx inbidlet fis-sustanza, il-Kunsill ikun jista’ jżommha fis-seħħ, billi sistematikament iressaq appelli, sensiela ma taqtax ta’ miżuri restrittivi, anki jekk il-kuntest fattwali li jkun jifforma l-bażi ta’ dawk il-miżuri u l-annullament tagħhom ma jkunx inbidel fis-sustanza ( 60 ).

47.

Skont il-President tal-Qorti Ġenerali din is-sitwazzjoni qajmet il-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal rimedju effettiv kienx jeħtieġ terminu ta’ dekadenza, li kien jitlob li l-Kunsill jinkludi r-raġunijiet u l-provi kollha fl-elenkar inizjali tiegħu, u b’hekk li kien jipprekludih milli, jekk il-qrati tal-Unjoni jiċħdu dawk ir-raġunijiet u l-provi, jużahom biex jiġġustifika l-elenkar mill-ġdid tal-istess parti. Huwa nnota li din il-kawża kienet tidher li turi l-ħtieġa għal tali terminu ta’ dekadenza, minħabba li l-attività ekonomika tan-NITC li tittrasporta żejt Iranjan u l-kompożizzjoni taż-żamma ta’ azzjonijiet tan-NITC ma jidhrux li kienu nbidlu bejn id-dati tal-elenkar inizjali fl-2012 u l-elenkar mill-ġdid fl-2015. Huwa nnota wkoll li l-provi li kienu jsostnu l-elenkar mill-ġdid imsemmija mill-Kunsill fl-osservazzjonijiet tiegħu kienu ta’ qabel l-elenkar inizjali tan-NITC, ħlief għal dokument wieħed ta’ wara li ma kien fih xejn ġdid ( 61 ).

48.

Il-President tal-Qorti Ġenerali kompla jgħid li ma kienx possibbli li n-NITC issostni li s-sentenza NITC I kienet, strettament, res judicata minħabba li, bis-saħħa tad-data tal-adozzjoni tagħha, id-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid kienet relatata ma’ perijodu differenti ta’ attività ekonomika tan-NITC minn dak tal-elenkar inizjali. Madankollu, huwa osserva, dik l-attività (it-trasport ta’ żejt Iranjan) baqgħet ma nbidlitx sostanzjalment u li d-differenza fil-perijodi ta’ żmien kienet ir-riżultat tal-elenkar mill-ġdid tan-NITC, magħmul mill-Kunsill fuq bażi fattwali li wkoll ma kinitx inbidlet sostanzjalment. Għalhekk seta’ jitqies li res judicata kienet eskluża biss minħabba li l-Kunsill kien estenda b’mod artifiċjali l-miżuri restrittivi imposti fuq in-NITC billi issa ppreżenta provi li setgħu nġiebu fiż-żmien tal-elenkar inizjali. Huwa nnota li tali approċċ, anki jekk ma kienx inkompatibbli ma’ res judicata, seta’ jikkontribwixxi għal ksur tad-dritt tan-NITC għal rimedju effettiv ( 62 ).

49.

Skont il-President tal-Qorti Ġenerali jsegwi, minn naħa, li jista’ jkun meħtieġ, fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv, li tiġi applikata interpretazzjoni ristretta tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 266 TFUE. Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi argumentat li l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv ma għandhiex tkun limitata bla bżonn għal kawża għal annullament, flimkien ma’ miżuri provviżorji, minħabba li parti setgħet tressaq azzjoni għal danni. Ikun għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar din il-materja fil-kawża prinċipali ( 63 ).

B.   Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża NITC II

50.

Permezz tas-sentenza NITC II il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-NITC fl-intier tiegħu.

51.

In-NITC ressqet ħames motivi, li l-ewwel wieħed minnhom huwa l-iktar rilevanti hawnhekk li kien jallega ksur tal-prinċipji ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 64 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba għar-raġunijiet li ġejjin.

52.

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ res judicata l-Qorti Ġenerali qieset li waħda mir-raġunijiet u l-provi li fuqhom straħ il-Kunsill biex isostni l-miżuri kkontestati, kienu differenti minn dawk miġjuba quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sentenza NITC I u, b’hekk, l-elenkar mill-ġdid tan-NITC ma kienx kiser dan il-prinċipju ( 65 ).

53.

Fir-rigward ta’ appoġġ finanzjarju l-Qorti Ġenerali sabet li l-Kunsill kien straħ fuq dokumenti ġodda li ma kinux inklużi fil-fajl fiż-żmien tal-elenkar inizjali u li dwarhom il-Qorti Ġenerali ma kinitx tat deċiżjoni fis-sentenza NITC I ( 66 ). Hija qieset li, minkejja li l-Kunsill kien straħ fuq provi li kienu relatati, kważi kollha, ma’ data qabel l-elenkar inizjali, il-Kunsill ma setax jiġi kkritikat għal dan il-fatt, minħabba li xi drabi jista’ jkun diffiċli għall-Kunsill li jikseb provi biex ikunu ssostanzjati r-raġunijiet kontra parti minħabba, inter alia, li huwa jkun jiddependi mid-diliġenza tal-Istati Membri biex jipproduċi tali provi ( 67 ). Għalhekk huwa possibbli li l-Kunsill ikun jista’ jikseb il-provi meħtieġa biex jissostanzja r-raġunijiet għal elenkar wara d-data li fiha dak l-elenkar ikun ġie deċiż; għalkemm dawn iċ-ċirkustanzi ma jnaddfux id-deċiżjoni għal elenkar inizjali mill-irregolaritajiet tagħha, huma jistgħu jkunu għadhom biżżejjed biex jirrendu legali deċiżjoni sussegwenti għal elenkar mill-ġdid adottata abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk li fuqhom il-Kunsill ikun straħ fiż-żmien tal-elenkar inizjali, sakemm il-provi miksuba minnu jkunu jissostanzjaw dawk ir-raġunijiet sal-istandard legali meħtieġ ( 68 ).

54.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ appoġġ loġistiku l-Qorti Ġenerali sabet li għalkemm iċ-ċirkustanzi fattwali li jsostnu dik ir-raġuni, jiġifieri l-attivitajiet tan-NITC ta’ trasport ta’ żejt Iranjan, kienu ssemmew mill-Kunsill fis-seduta fil-kawża preċedenti insostenn tar-raġuni relatata ma’ appoġġ finanzjarju, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kienet eżaminat jekk l-involviment tan-NITC fis-settur tal-enerġija Iranjan setax jikkostitwixxi appoġġ loġistiku lill-Gvern Iranjan ( 69 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tan-NICT li l-Kunsill kien missu straħ fuq appoġġ loġistiku fl-elenkar inizjali, minħabba li raġuni waħda hija biżżejjed biex tiġġustifika li parti tiddaħħal fil-listi inkwistjoni; għalhekk, il-Kunsill huwa liberu jagħżel ir-raġuni li huwa jqis l-iktar rilevanti, u li żball li jista’ jkun hemm fl-għażla ta’ dik ir-raġuni ma jipprekludihx milli iktar tard jistrieħ fuq raġuni li huwa seta’ jistrieħ fuqha fiż-żmien tal-elenkar inizjali ( 70 ).

55.

Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għalkemm il-Kunsill ma appellax mis-sentenza NITC I u ma kienx elenka mill-ġdid lin-NITC fil-perijodu għall-preżentata ta’ appell, dan ma setax ġiegħel lin-NITC ikollha xi aspettattiva ġustifikata li ma tiġix elenkata mill-ġdid, u l-Kunsill li ma kienx obbligat jelenka mill-ġdid f’dak il-perijodu ( 71 ).

56.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-elenkar mill-ġdid tan-NICT bl-ebda mod ma xeħet dubju fuq l-effettività tar-rikors ippreżentat fil-kawża li tat lok għas-sentenza NITC I ( 72 ). Dan kien hekk għal tliet raġunijiet.

57.

L-ewwel nett, l-elenkar inizjali kien tħassar b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li n-NITC tqieset li qatt ma kienet inkluża fil-lista kkonċernata għall-perijodu qabel is-sentenza NITC I ( 73 ).

58.

It-tieni nett, ebda wieħed mill-prinċipji li fuqhom straħet in-NITC (res judicata, aspettattivi leġittimi u ċertezza legali) ma kien jipprekludi l-elenkar mill-ġdid tagħha u, sa fejn il-provi kontra n-NITC kienu biżżejjed biex jiġġustifikaw l-elenkar mill-ġdid tagħha, l-annullament tal-elenkar inizjali ma kienx jikkostitwixxi element li jista’ jixħet dubju fuq il-legalità tal-elenkar mill-ġdid ( 74 ).

59.

It-tielet nett, l-annullament tal-elenkar inizjali permezz tas-sentenza NITC I jista’ jikkostitwixxi l-bażi ta’ azzjoni għal danni ( 75 ). Il-Qorti Ġenerali saħqet li meta l-Kunsill jiddeċiedi li jelenka mill-ġdid parti wara sentenza li tkun annullat l-elenkar inizjali, il-Kunsill għandu jkun “partikolarment rigoruż” fl-eżami mill-ġdid tiegħu biex jiżgura li d-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid ma tkunx mittiefsa mill-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament u biex ma jħallix li dik il-parti tkun, għat-tieni darba, suġġetta inġustament għal miżuri restrittivi ( 76 ). Konsegwentement il-Qorti Ġenerali rraġunat li kieku kellu jinstab li l-elenkar mill-ġdid tan-NITC kien ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza NITC I, in-nuqqas tal-Kunsill li jħares “l-obbligu ta’ rigorożità” tiegħu seta jitqies fl-evalwazzjoni tal-illegalità tal-aġir tiegħu f’azzjoni sussegwenti għal danni u b’hekk il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-elenkar inizjali kien illegali fis-sentenza NITC I seta’ jiffaċilita l-għoti ta’ danni lin-NITC bħala riżultat ta’ diversi elenkar mill-ġdid sussegwenti u mhux iġġustifikati ( 77 ).

IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

60.

Permezz ta’ appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2016 in-NITC titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza NITC II u tannulla l-miżuri kkontestati sa fejn dawn japplikaw għan-NITC, u, sussidjarjament, tiddikjara li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat, huma inapplikabbli sa fejn japplikaw għan-NITC minħabba illegalità. In-NITC titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

61.

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell jew, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tħassar is-sentenza NITC II u tagħti sentenza finali hija stess, tiċħad ir-rikors għal annullament u għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà. Il-Kunsill jitlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lin-NITC għall-ispejjeż tal-appell.

62.

In-NITC u l-Kunsill ipparteċipaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li saret fl-24 ta’ Jannar 2018.

V. Fuq l-ewwel aggravju, li jallega ksur tal-prinċipji ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ natura definittiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta

A.   L-argumenti tal-partijiet

63.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha n-NITC tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha biex ikunu stabbiliti limiti fuq is-setgħat ta’ deżinjazzjoni tal-Kunsill biex dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jerġa’ jintroduċi miżuri restrittivi kontra parti billi jistrieħ fuq l-istess kriterju ta’ deżinjazzjoni u fuq l-istess allegazzjonijiet fattwali li kienu ġew miċħuda mill-qrati tal-Unjoni fuq il-mertu f’sentenza preċedenti. In-NITC tissottometti li dan huwa meħtieġ biex jiġi ggarantit id-dritt tal-parti għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Altrimenti l-Kunsill ikun f’pożizzjoni li jkun jista’ jżomm lura jew “jaħżen” punti ta’ dritt u ta’ fatt u, għalhekk, jidħol f’litigazzjoni abbużiva li ċċaħħad lil parti mid-dritt tagħha għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ sentenza li tiddikjara null l-elenkar inizjali. Il-liġi u l-prattika kif tinsab iwasslu għal “ċirku infinit” ta’ litigazzjoni, li jitlob lil dik il-parti tmur lura l-qorti b’mod indefinit. Barra minn hekk, minħabba li danni ma tantx jistgħu jinkisbu fil-wisa’, u l-fatt li l-qrati tal-Unjoni jirrifjutaw li jagħtu miżuri provviżorji fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, in-NITC tissottometti li huwa ferm iktar importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti effett lid-dritt għal rimedju effettiv f’dawn il-proċeduri.

64.

L-ewwel nett, in-NITC tisħaq dwar iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, li fihom: (1) in-NITC kisbet sentenza finali u vinkolanti mill-Qorti Ġenerali li annullat l-elenkar inizjali fuq il-mertu; (2) l-allegazzjonijiet fattwali kontra n-NITC ma nbidlux sostantivament minn dawk il-proċeduri ’l hawn, u (3) il-provi addizzjonali użati għall-elenkar mill-ġdid tan-NITC li ma kinux inġiebu għall-elenkar inizjali kienu dejjem għad-dispożizzjoni tal-Kunsill b’diliġenza raġonevoli.

65.

F’dan ir-rigward in-NITC tisħaq li l-allegazzjonijiet fattwali għall-elenkar tagħha mill-ġdid huma l-istess allegazzjonijiet fattwali li fuqhom kien straħ, mingħajr suċċess, il-Kunsill biex jiġġustifika l-elenkar inizjali, jiġifieri li n-NITC tagħti appoġġ lill-Gvern Iranjan, minħabba li, l-ewwel nett, l-azzjonisti tagħha (ċerti fondi ta’ pensjonijiet Iranjani) jingħad li huma kkontrollati minn dak il-gvern; u t-tieni nett, hija trasportatriċi ewlenija ta’ żejt Iranjan, u dan huwa għajn sostanzjali ta’ dħul għal dak il-Gvern. Il-Kunsill sempliċiment “ta tikketta ġdida” lill-istess allegazzjonijiet fattwali minn appoġġ finanzjarju għal wieħed loġistiku. Meqjus li l-kriterju ta’ deżinjazzjoni inkwistjoni jimplika lista mhux eżawrjenti ta’ tipi ta’ appoġġ li jista’ jingħata lill-Gvern Iranjan, in-NITC issostni li l-Kunsill jista’ jkompli jelenkaha mill-ġdid abbażi tal-istess allegazzjonijiet fattwali, billi kull darba juża tikketti differenti, irrispettivament minn kemm ta’ spiss jingħata raġun quddiem il-Qorti Ġenerali.

66.

Barra minn hekk, in-NITC tissottometti li l-informazzjoni materjali kollha li l-Kunsill straħ fuqha biex jerġa’ jelenkaha kienet dokumenti disponibbli pubblikament meħuda minn fuq l-internet jew li kienu ngħataw min-NITC f’korrispondenza bejn in-NITC u l-Unjoni. In-NITC issostni wkoll li, ladarba dokumenti kienu disponibbli għall-Kunsill qabel l-elenkar inizjali, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom obbligi lejn xulxin ta’ kooperazzjoni leali u, għalhekk, il-Kunsill għandu jiżgura li l-Istati Membri jkunu ġabru l-provi kollha disponibbli biex il-Kunsill ikun jista’ jesponi l-każ kollu fiż-żmien tal-elenkar inizjali.

67.

It-tieni nett, in-NITC issostni li għandu jiġi adottat is-suġġeriment fid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza NITC II li tkun applikata interpretazzjoni restrittiva tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 266 TFUE. Dan jimplika l-impożizzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza, li bih il-Kunsill ikun jeħtieġlu jinkludi r-raġunijiet u l-provi kollha fil-kuntest tal-elenkar inizjali u li jipprekludih milli jużahom biex jelenka mill-ġdid l-istess parti, li fil-fehma tan-NITC huwa l-approċċ korrett. In-NITC tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma indirizzatx dawn il-punti fis-sentenza NITC II u li tat interpretazzjoni dejqa tad-dritt għal rimedju effettiv. Fir-rigward tal-Artikolu 266 TFUE, in-NITC tikkontesta wkoll dak li qal il-Kunsill li mill-esperjenza u fid-dawl tas-sentenza NITC I, huwa wasal biex iqis li n-NITC kienet tagħti appoġġ loġistiku abbażi tal-attività ekonomika tagħha ta’ trasport ta’ żejt, billi sostniet li l-Kunsill kien diġà ġab, mingħajr suċċess, argumenti bbażati fuq tali attività b’rabta mal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sentenza NITC I.

68.

It-tielet nett, in-NITC tqis li, għalkemm il-prinċipju ta’ res judicata ma huwiex involut f’dan il-każ, id-dritt għal rimedju effettiv u l-prinċipji l-oħra kienu jistrieħu fuq it-talba li l-Kunsill “iġib il-każ tiegħu kollu” għal-litigazzjoni minnufih, fin-nuqqas ta’ xi interess pubbliku konvinċenti ( 78 ). Hija tenfasizza li dan il-limitu, għalhekk, ma huwiex assolut, u li anki jekk jista’ indebitament ikun ta’ benefiċċju għal partijiet f’ċerti każijiet, dan ma jkun xejn differenti mill-approċċ adottat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tipi oħra ta’ limiti proċedurali, bħal limiti ta’ żmien u, f’kull każ, il-konsegwenzi għal partijiet privati fl-assenza ta’ tali limitazzjonijiet ikunu partikolarment gravi f’każijiet ta’ miżuri restrittivi.

69.

Ir-raba’ nett, in-NITC hija sorpriża li l-Kunsill ma jagħmel l-ebda sforz biex jispjega jew jiġġustifika l-aġir tiegħu b’rabta mal-elenkar tagħha mill-ġdid, u tissottometti li l-użu mill-Kunsill tal-kawżi Kadi, OMPI u Interporc ma huwiex f’postu.

70.

Il-ħames nett, in-NITC tiġbed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) dwar l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB u tenfasizza li d-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jkun effettiv fil-prattika kif ukoll fid-dritt.

71.

Il-Kunsill jiċħad id-dikjarazzjoni tan-NITC li l-prinċipji ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ natura definittiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv jipprekluduh milli jadotta d-deċiżjoni għal elenkar mill-ġdid f’dan il-każ.

72.

L-ewwel nett, il-Kunsill jissottometti, abbażi tal-kawżi Kadi, OMPI u Interporc, li ma hemm l-ebda rekwiżit li l-Kunsill għandu jistrieħ fuq ir-raġunijiet u l-provi kollha possibbli fiż-żmien tal-elenkar inizjali jew li l-motivazzjoni għal deċiżjoni għal elenkar ġdid għandha tkun limitata għal fatti jew ċirkustanzi sussegwenti jew għal provi li saru disponibbli biss wara l-elenkar inizjali.

73.

It-tieni nett, il-Kunsill jistrieħ fuq l-Artikolu 266 TFUE li hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tkun konformi ma’ dak li jiddeċiedu l-qrati tal-Unjoni. Il-Kunsill jenfasizza f’dan ir-rigward li huwa l-Kunsill, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jeżamina l-fatti kollha li jistgħu jkunu rilevanti u jiddeċiedi jekk il-parti konċernata għandhiex tkun elenkata mill-ġdid. Il-Kunsill jisħaq ukoll li l-iskop tal-eżami skont l-Artikolu 266 TFUE huwa differenti minn dak li hemm f’sistemi ta’ dritt komuni u li ma huwiex possibbli li n-NITC tipprova tillimita l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 266 TFUE għall-kuntest ta’ miżuri restrittivi.

74.

It-tielet nett, il-Kunsill jikkontesta d-dikjarazzjoni ta’ NITC li huwa sempliċement reġa’ kkwalifika l-istess fatti minn appoġġ finanzjarju għal dak loġistiku, u jsostni li appoġġ loġistiku huwa raġuni kompletament distinta. Il-Kunsill jissottometti li huwa jitgħallem mill-ġurisprudenza dwar miżuri restrittivi u li, meta jħares lura, huwa seta’ jqis ir-raġuni ta’ appoġġ loġistiku fiż-żmien tal-elenkar inizjali. Madankollu, fil-fehma tiegħu, huwa kien intitolat jaħseb li l-appoġġ li n-NITC kienet tagħti kien appoġġ finanzjarju permezz tar-rabta mal-azzjonisti tagħha; li kien għaliex huwa indika dan fl-elenkar inizjali, u li huwa mhux obbligat jispeċifika kull raġuni li jista’ jkun hemm ta’ appoġġ li entità partikolari tista’ titqies li tagħti lill-Gvern Iranjan.

75.

Ir-raba’ nett, il-Kunsill isostni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi b’mod abbużiv meta jadotta deċiżjonijiet ta’ elenkar mill-ġdid, kif jidher mill-prattika tiegħu dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran. Jissottometti wkoll li seta’ jkun hemm kawża għal danni kieku l-Kunsill kellu jadotta deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid li kienet tinjora sentenza preċedenti tal-qrati tal-Unjoni.

76.

Il-ħames nett, il-Kunsill jgħid li d-digriet NITC II sempliċiment indika li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar liġi bejn il-partijiet li kien jitlob eżami fil-kawża prinċipali; fih ma ġiex deċiż li d-deċiżjoni għal elenkar mill-ġdid kienet kisret id-dritt tal-NITC għal rimedju effettiv.

B.   Analiżi

77.

Abbażi tal-analiżi li ġejja, jiena nikkonkludi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. Filwaqt li jiena tal-fehma li dan l-appell ma jistax jiġi solvut b’riferiment għall-kawżi Kadi, OMPI u Interporc, u li miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill huma limitati mid-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, inkluża ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB, ma nqisx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li d-deċiżjoni għal elenkar mill-ġdid kienet konformi mad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, jew b’xi mod ieħor wettqet żball fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni.

78.

L-analiżi tiegħi hija maqsuma fi tliet partijiet prinċipali.

79.

L-ewwel nett, ser nibda billi nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari biex ninkwadra l-kwistjonijiet legali rilevanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell.

80.

It-tieni nett, ser neżamina l-applikazzjoni tal-kawżi Kadi, OMPI u Interporc għaċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell.

81.

It-tielet nett, ser neżamina d-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, billi nqis: (a) il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 266 TFUE, (b) il-ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB, u (ċ) l-applikazzjoni tagħha għaċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell.

1. Osservazzjonijiet preliminari

82.

Mal-ewwel daqqa t’għajn il-kwistjonijiet imqajma bl-ewwel aggravju jistgħu jidhru sempliċi b’mod li jqarraq ( 79 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi hija stabbilita u, fil-fehma tiegħi, kienet applikata b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza NITC II. Lanqas ma huwa dibattibbli li n-NITC ma tħallitx ikollha aċċess għal qorti biex tikseb stħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri kontestati fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal rimedju effettiv ( 80 ). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 266 TFUE, li tgħid li hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null b’sentenza ta’ qorti tal-Unjoni li għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tkun konformi ma’ dik is-sentenza ( 81 ), tagħti lill-istituzzjoni konċernata diskrezzjoni dwar kif għandha twieġeb ( 82 ).

83.

Madankollu, minn eżami iktar mill-qrib, il-kwistjonijiet imqajma minn dan l-appell huma iktar delikati u kumplessi.

84.

Fi kliem sempliċi, dan l-appell jitlob li jitqies jekk id-diskrezzjoni mogħtija lil istituzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 266 TFUE, fir-rigward ta’ dak li tkun obbligata tagħmel biex issewwi l-ħażin identifikat f’sentenza ta’ qorti tal-Unjoni, hijiex limitata mid-dritt għal rimedju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB. Id-deċiżjoni tal-Kunsill f’dan il-każ li jelenka mill-ġdid lin-NITC wara li l-Qorti Ġenerali kienet iddikjarat l-elenkar inizjali null iġġib din il-kwistjoni taħt lenti qawwija.

85.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan l-appell essenzjalment hija dwar jekk hemmx ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tirfina l-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 266 TFUE fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, biex tkun żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal partijiet privati f’tilwimiet li jkunu jinvolvu d-deċiżjonijiet għal elenkar mill-ġdid u, tabilħaqq, forsi b’mod usa’.

86.

Dan il-każ jirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ ċerti prinċipji li n-NITC straħet fuqhom — res judicata, ċertezza legali, aspettattivi leġittimi u n-natura definittiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ sentenzi. B’mod partikolari abbażi ta’ osservazzjonijiet magħmula mir-rappreżentant tal-NITC fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis dawk l-affermazzjonijiet kollha jifformaw parti mill-argument li n-NITC kienet intitolata għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward tal-elenkar inizjali, iżda li hija ma ngħatatx. Għalhekk, huma ser jitqiesu biss sakemm ikunu rilevanti għall-argumenti tan-NITC fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta.

2.  Is-sentenzi Kadi, OMPI u Interporc fiċ-ċirkustanzi ta ’ dan l-appell

87.

Inqis li dan l-appell ma jistax jiġi solvut abbażi tal-kawżi Kadi, OMPI u Interporc għar-raġunijiet li ġejjin.

88.

L-ewwel nett, fil-kawża Kadi I ( 83 ), dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jimplementaw riżoluzzjonijiet tal-KSUN fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li, minħabba li l-Kunsill kien naqas milli jgħarraf lis-sur Kadi bir-raġunijiet għall-elenkar tiegħu, bil-provi li fuqhom dak l-elenkar kien ibbażat, jew milli jagħtih id-dritt li jinstema’, kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu għal difiża u għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv u li kien hemm restrizzjoni mhux ġustifikata fuq id-dritt fundamentali tiegħu għall-proprjetà ( 84 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat il-miżuri inkwistjoni sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lis-sur Kadi, iżda li l-effetti ta’ tali miżuri nżammu għal perijodu massimu ta’ tliet xhur biex il-Kunsill seta’ jirrimedja l-ksur ikkonstatat ( 85 ).

89.

Biex tirrimedja għal dak il-ksur il-Kummissjoni nnotifikat lis-sur Kadi b’ġabra tar-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ miżuri restrittivi previsti mill-KSNU u tagħtu l-opportunità jikkummenta dwar dawk ir-raġunijiet, u wara dan il-Kummissjoni qieset li l-elenkar tas-sur Kadi kien iġġustifikat u b’hekk żammet ismu fil-lista ta’ miżuri restrittivi minħabba r-rabta tiegħu man-netwerk ta’ Al Qaeda ( 86 ). Fi kliem ieħor, is-sur Kadi ma kienx tneħħa mil-lista bħalma kienet tneħħiet in-NITC.

90.

Wara dan, is-sur Kadi kkontesta l-miżuri restrittivi li żammew ismu fil-lista li kienu ġew annullati mill-Qorti Ġenerali ( 87 ). Fl-appell quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kadi II ( 88 ) mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mir-Renju Unit minn din il-kontestazzjoni b’suċċess quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ċaħdet l-appell, reġgħet ittrattat kwistjonijiet dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni implementati min-NU u dwar jekk il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tas-sur Kadi kienx jitlob li jkunu żvelati l-informazzjoni u l-provi li l-Kummissjoni kienet straħet fuqhom, minħabba li l-Kummissjoni kienet żammet ismu fil-lista abbażi ta’ ġabra narrattiva tar-raġunijiet mogħtija mill-KSNU ( 89 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ waħda mir-raġunijiet, għalkemm il-materjal dwar allegazzjonijiet fattwali li kienu seħħew fl-1992 seta’ kien suffiċjenti biex jiġġustifika l-elenkar inizjali tas-sur Kadi fl-2002, dak l-istess materjal, mhux issostanzjat mod ieħor, ma setax jiġġustifika li ismu jinżamm fil-lista wara l-2008 meqjus il-fatt li kien hemm perijodu twil bejn iż-żewġ miżuri ( 90 ).

91.

Konsegwentement, billi d-deċiżjoni ta’ elenkar fil-kawża Kadi I ma kienet bl-ebda mod immotivata, il-kawża Kadi II kienet tikkonċerna l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, u għall-ewwel darba, tar-raġunijiet u tal-provi li l-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni kienet straħet fuqhom biex isostni li s-sur Kadi kellu jinżamm fil-lista. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kadi II ma għamlitx eżami tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid meħuda mill-Kunsill abbażi ta’ raġunijiet u allegazzjonijiet fattwali li dwarhom il-qrati tal-Unjoni kienu ddeċidew f’rikors għal annullament preċedenti.

92.

It-tieni nett, is-sentenza OMPI II ( 91 ) ma kinitx is-suġġett ta’ appell quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja u ma hijiex vinkolanti għaliha.

93.

Dan espost, f’dik il-kawża, l-entità maħtura ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill għal elenkar mill-ġdid fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi awtonomi tal-Unjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Permezz tal-ewwel talba tagħha, ir-rikorrenti ssottomettiet li d-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid kienet kisret l-Artikolu 266 TFUE u s-sentenza preċedenti ( 92 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet annullat id-deċiżjoni ta’ elenkar inizjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni (difetti formali) u ksur tad-drittijiet tad-difiża (difetti proċedurali) ( 93 ). B’mod partikolari r-rikorrenti ssottomettiet li d-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid kienet ibbażata fuq l-istess deċiżjoni nazzjonali u fuq l-istess provi li kienu ntużaw għad-deċiżjoni preċedenti u li l-Kunsill ma kienx intitolat “jirriċikla” tali materjal biex jifforma l-bażi tad-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid minħabba l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi ( 94 ).

94.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din it-talba, billi ddeċidiet li: “[H]uwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-annullament ta’ att minħabba difetti formali jew proċedurali ma jinvolvi ebda preġudizzju għad-dritt tal-istituzzjoni li tkun l-awtur ta’ dan l-att li tadotta att ġdid billi tibbaża ruħha fuq l-istess elementi ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jifformaw il-bażi tal-att annullat, sakemm hija tirrispetta, din id-darba, ir-regoli formali u proċedurali li l-ksur tagħhom ġie ssanzjonat u sakemm l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jkunu debitament irrispettati.” ( 95 ) Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li anki kieku kellu jiġi stabbilit li d-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid kienet ibbażata fuq l-istess deċiżjoni nazzjonali u fuq l-istess provi bħad-deċiżjoni preċedenti, dan ma kien ikun ta’ ebda rilevanza għal-legalità ta’ dik id-deċiżjoni u li l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti kienu jkunu ġew protetti ( 96 ).

95.

Il-kawża OMPI II kienet, għalhekk, limitata għal sitwazzjoni li fiha d-deċiżjoni ta’ elenkar inizjali kienet ġiet annullata minħabba difetti formali u proċedurali. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-elenkar inizjali inkwistjoni f’dan l-appell, li kien annullat fuq il-mertu ( 97 ). Barra minn hekk, minħabba li l-elenkar inizjali ma kien ibbażat fuq ebda raġuni, il-kawża OMPI II kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-Qorti Ġenerali eżaminat għall-ewwel darba r-raġunijiet u l-provi msemmija fid-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid.

96.

It-tielet nett, il-kawża Interporc ( 98 ) tinsab fil-qafas ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, speċifikament tal-Kummissjoni abbażi ta’ dak li dak iż-żmien kien il-Kodiċi ta’ Kondotta tagħha ( 99 ). Kien hemm litigazzjoni minħabba li r-rikorrenti kienet talbet aċċess għal ċerti dokumenti li kienu wasslu għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw dazji fuq l-importazzjoni mingħandha ( 100 ). Wara li t-talba inizjali tar-rikorrenti kienet ġiet miċħuda, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni adotta deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tagħha ta’ konferma abbażi tal-eċċezzjoni tal-protezzjoni tal-interess pubbliku (proċeduri ġudizzjarji) ( 101 ), li kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba li l-motivazzjoni ma kinitx adegwata ( 102 ).

97.

Fl-implementazzjoni ta’ dik is-sentenza skont l-Artikolu 266 TFUE, is-Segretarju Ġenerali adotta deċiżjoni ġdida, fejn għal darba oħra ċaħad it-talba konfermattiva, iżda għal raġunijiet differenti, billi semma raġuni ġdida (l-hekk imsejħa regola tal-awtur) ( 103 ) kif ukoll il-protezzjoni tal-interess pubbliku (proċeduri ġudizzjarji) ( 104 ). Ir-rikorrenti ressqet rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni l-ġdida billi kkontendiet, inter alia, li d-deċiżjoni ma setgħetx tkun ibbażata fuq raġunijiet li ma kinux tqiesu fid-deċiżjoni inizjali ( 105 ).

98.

Fl-appell quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Interporc, dan l-argument kien ġie miċħud. Wara li qieset il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 266 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba li mill-ewwel sentenza kien isegwi li d-deċiżjoni inizjali qatt ma eżistiet u li s-Segretarju Ġenerali kien jeħtieġlu, skont l-Artikolu 266 TFUE, jieħu deċiżjoni oħra, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ddeċidiet li s-Segretarju Ġenerali kien intitolat jagħmel reviżjoni sħiħa tal-applikazzjoni għal aċċess u, għalhekk, seta’ jistrieħ, fid-deċiżjoni sussegwenti, fuq raġunijiet minbarra dawk li fuqhom huwa kien ibbaża d-deċiżjoni inizjali, b’mod partikolari r-regola tal-awtur ( 106 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-possibbiltà ta’ stħarriġ sħiħ kienet tfisser ukoll li s-Segretarju Ġenerali ma kienx mistenni, fid-deċiżjoni sussegwenti, jirrepeti r-raġunijiet kollha għal rifjut biex jadotta deċiżjoni li tkun timplementa b’mod korrett is-sentenza ta’ annullament, iżda sempliċement kellu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq dawk ir-raġunijiet li huwa jkun qies, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu, li għandhom ikunu applikabbli f’dan il-każ ( 107 ).

99.

Konsegwentement, filwaqt li seta’ jiġi argumentat li l-kawża Interporc tgħin fir-rigward tad-diskrezzjoni tal-Kunsill li jressaq raġuni ġdida (hawnhekk l-appoġġ loġistiku) biex jissostanzja l-elenkar mill-ġdid tan-NITC, jiena tal-fehma li hemm tliet raġunijiet konvinċenti biex wieħed jagħżilha minn dan l-appell.

100.

L-ewwel nett, il-kawża Interporc tinsab f’kuntest differenti, dak ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (u għadu kmieni dwar dan), fejn il-qafas legali tal-Unjoni u l-għanijiet tal-Unjoni li għandhom jinkisbu huma distinti minn dawk tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (“PESK”) fejn jinsabu miżuri restrittivi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-konsegwenzi immedjati għall-pożizzjoni legali tar-rikorrenti huma, fil-fehma tiegħi, iktar gravi b’rabta mal-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontriha. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffriżar ta’ fondi għandu effetti negattivi kunsiderevoli u jaffettwa d-drittijiet u l-libertajiet tal-parti konċernata ( 108 ).

101.

It-tieni nett, l-argumenti legali magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Interporc huma differenti minn dawk f’dan l-appell, u, b’mod partikolari, ma kienx hemm l-ebda ksur allegat tad-dritt għal rimedju effettiv fil-kawża Interporc ( 109 ). Ma jiena xejn sorpriż meta nqis li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Interporc ingħatat fis-6 ta’ Marzu 2003, kważi seba’ snin qabel l-effett vinkolanti tal-Karta (bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009), u b’hekk fi żmien meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Karta kienet għadha ma ġietx żviluppata kompletament. Dan espost, irrid ninnota li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Interporc u f’xi kawżi relatati ħolqu kritika minnhom innifishom minħabba l-hekk imsejjaħ “ċirku infinit” ta’ litigazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li, skont din il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma intitolati jistrieħu fuq raġuni waħda ta’ eċċezzjoni f’waqt partikolari, flimkien mal-fatt li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux skont l-Artikolu 263 TFUE joħorġu ordnijiet lill-istituzzjoni konċernata biex tipproduċi d-dokument mitlub ( 110 ).

102.

It-tielet nett, il-kawża Interporc ma kinitx tirrigwarda sitwazzjoni li fiha istituzzjoni tkun adottat deċiżjoni għalkollox ġdida billi tistrieħ fuq raġuni li kienet ibbażata fuq allegazzjonijiet fattwali li kienu ġew espressament miċħuda f’sentenza preċedenti ta’ annullament.

103.

Fuq din il-bażi mhux konvint li l-kawżi Kadi, OMPI u Interporc jagħtu awtorità ċara għad-deċiżjoni tal-Kunsill għal elenkar mill-ġdid fil-kuntest ta’ dan l-appell.

3. Id-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta fiċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell

104.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jgħid li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi drittijiet oħra ta’ rimedju, inkluż li kulħadd għandu d-dritt għal smigħ xieraq.

105.

L-ewwel u qabel xejn infakkar li skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-Kunsill huwa marbut bid-dispożizzjonijiet tal-Karta. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-ambitu tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB ( 111 ). Dan huwa stabbilit mhux biss mit-test tal-KEDB, imma wkoll mill-ġurisprudenza tal-QEDB, li fid-dawl tagħhom għandu jiġi interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta ( 112 ).

106.

Għaldaqstant il-Kunsill huwa marbut bl-Artikolu 47 tal-Karta meta jadotta miżuri restrittivi, bħal għal kull miżura oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-konformità tal-Kunsill mal-Artikolu 47 tal-Karta fir-rigward ta’ miżuri restrittivi għandha tkun sostnuta b’ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB. Il-prinċipji żviluppati f’dik il-ġurisprudenza ser jiġu analizzati flimkien mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 266 TFUE.

a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 266 TFUE

107.

Kif diġà ssemma, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat skont l-Artikolu 264 TFUE jkun jeħtiġilha tieħu l-miżuri neċessarji biex tkun konformi mas-sentenza li tkun annullat dak l-att. Dawn il-miżuri ma jkunux relatati mat-tneħħija ta’ dak l-att mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni minħabba li l-annullament mill-qrati tal-Unjoni minnu nnifsu jkollu dak l-effett; pjuttost ikunu jirrigwardaw partikolarment l-eradikazzjoni tal-konsegwenzi tal-att inkwistjoni li jintlaqtu mill-illegalitajiet li jkunu nstabu li jkunu twettqu ( 113 ).

108.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, biex l-istituzzjoni inkwistjoni taqdi l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE biex tkun konformi mas-sentenza ta’ annullament u timplementaha kompletament, dik l-istituzzjoni għandha tqis mhux biss id-dispożittiv ta’ dik is-sentenza imma wkoll ir-raġunijiet li jkunu wasslu għas-sentenza u jkunu jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha, sa fejn ikunu meħtieġa biex tiġi stabbilita t-tifsira eżatta ta’ dak li jkun ingħad fid-dispożittiv ( 114 ).

109.

Huwa wkoll stabbilit sewwa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għall-finijiet tal-qadi tal-obbligu tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni konċernata għandha diskrezzjoni tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa li jkollhom jittieħdu biex jingħata effett xieraq lis-sentenza ta’ annullament skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ( 115 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet, ma huwiex għall-qrati tal-Unjoni li jieħdu post l-istituzzjoni kkonċernata biex jiġu speċifikati l-miżuri li għandhom jittieħdu biex ikun hemm konformità mas-sentenzi tagħhom ( 116 ). Għaldaqstant, l-Artikolu 266 TFUE huwa wkoll interpretat bħala li ma jippermettix li l-qrati tal-Unjoni joħorġu ordnijiet jew istruzzjonijiet lill-istituzzjoni konċernata biex tirrimedja l-illegalità identifikata fis-sentenza ta’ annullament ( 117 ).

110.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 266 TFUE, hija ħaġa li tagħti lill-istituzzjoni konċernata d-diskrezzjoni dwar kif hija tagħżel li ssewwi l-illegalitajiet identifikati fis-sentenza ta’ annullament. Iżda hija verament ħaġa oħra li l-fakultà tintuża minn dik l-istituzzjoni b’mod li xxejjen is-sustanza tal-Artikolu 47 tal-Karta.

b) Ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB

111.

Filwaqt li rreferiet għad-deċiżjoni tal-QEDB fil-kawża Hornsby vs Il-Greċja ( 118 ) fis-sentenza NITC II il-Qorti Ġenerali qieset li d-dritt għal rimedju effettiv fil-qasam ta’ miżuri restrittivi jkunu “illużorju” jekk l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kellu jħalli sentenzi mogħtija minn qrati tal-Unjoni fuq l-ixkaffa bi ħsara għal parti, u, għalhekk, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha titqies bħala parti integrali minn “smigħ quddiem qorti” għall-finijiet tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 119 ). Tabilħaqq, fil-kawża Hornsby vs Il-Greċja l-QEDB iddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jinkorpora “dritt għal qorti” li tiegħu d-dritt ta’ aċċess jikkostitwixxi aspett wieħed, u li jkun inkonċepibbli li dan l-artikolu jkollu jiddeskrivi fid-dettall garanziji proċedurali mogħtija lil litiganti — proċeduri li jkunu ġusti, pubbliċi u malajr — mingħajr ma jipproteġi l-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 120 ).

112.

F’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni għal smigħ xieraq quddiem qorti, kif iggarantit bl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li dan id-dritt “għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Preambolu tal-KEDB li jiddikjara, fost affarijiet oħra, li l-istat tad-dritt huwa parti mill-wirt komuni tal-Istati Kontraenti. Wieħed mill-aspetti fundamentali tal-istat tad-dritt huwa l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jitlob, inter alia, li meta l-qrati jkunu ddeterminaw b’mod finali kwistjoni, id-deċiżjoni tagħhom m’għandux ikun hemm dubji dwarha” ( 121 ). Il-QEDB qalet ukoll: “Iċ-ċertezza legali tippreżupponi r-rispett għall-prinċipju ta’ res judicata, li huwa l-prinċipju tan-natura definittiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju jinsisti li ebda parti ma hija intitolata titlob reviżjoni ta’ sentenza finali u vinkolanti biss biex jinkiseb smigħ mill-ġdid u determinazzjoni ġdida tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 122 ).

113.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ res judicata, il-QEDB enfasizzat li “fis-sistemi legali kollha l-effetti ta’ res judicata ta’ sentenzi għandhom limitazzjonijiet ad personam u għall-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 123 ) u li “hija r-responsabbiltà tal-Istat li jorganizza s-sistema legali b’tali mod li tidentifika proċeduri relatati u fejn ikun meħtieġ li dawn jingħaqdu jew li ma tippermettix li jiġu istitwiti iktar proċeduri ġodda marbuta mal-istess kwistjoni, biex tiġi evitata r-reviżjoni ta’ sentenzi finali ttrattati bħala appell moħbi, fil-kuntest ta’ settijiet paralleli ta’ proċeduri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 124 ).

114.

Konsegwentement, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-QEDB kienet indirizzat kwistjonijiet fejn sentenza sussegwenti kienet ħassret sentenza li kienet diġà saret finali u stabbiliet qafas dwar l-applikazzjoni taċ-ċertezza legali u ta’ res judicata (natura definittiva tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji) li fih hija laħħmet id-diversi komponenti tagħha.

115.

Pereżempju, fil-kawża Kehaya et vs Il-Bulgarija ( 125 ), il-kwistjoni dwar jekk l-Istat jew ir-rikorrenti kinux is-sidien tal-istess art kienet eżaminata mill-ġdid fi proċedura sussegwenti u deċiża b’mod differenti ( 126 ). Il-QEDB qieset li “l-fatt li l-Istat jingħata ‘opportunità oħra’ biex jikseb eżami mill-ġdid ta’ tilwima li tkun diġà nqatgħet b’sentenzi finali fi proċeduri kontenzjużi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kien “żbilanċjat u ħoloq inċertezza legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 127 ). Għalhekk hija ddeċidiet li d-drittijiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB kienu ġew kompromessi minħabba li s-sentenza sussegwenti “xejnet proċess ġuridiku kollu kemm hu li kien intemm f’deċiżjoni ġudizzjarja finali […] u li, minbarra dan, kienet ġiet eżegwita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 128 ). Meta ċaħħdu minn kull effett ġuridiku s-sentenza finali fl-ewwel proċedura l-awtoritajiet Statali aġixxew bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali inerenti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 129 ).

116.

Barra minn hekk, il-kawża Esertas vs Il-Litwanja ( 130 ) kienet dwar sitwazzjoni fejn it-talbiet ma kinux identiċi iżda kienu jirrigwardaw preċiżament l-istess relazzjonijiet legali u l-istess ċirkustanzi li kienu kruċjali biex tiġi deċiża t-tilwima fejn kien biss il-perijodu li kien differenti ( 131 ). Il-QEDB iddeċidiet li “sitwazzjoni fejn il-fatti li kienu diġà ġew stabbiliti b’deċiżjoni finali f’kawża sussegwentement jinqalbu mill-qrati f’kawża ġdida bejn l-istess partijiet, tixbah dik fejn, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, deċiżjoni vinkolanti u eżegwibbli titħassar kollha kemm hi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 132 ). Konsegwentement, hija ddeċidiet li sitwazzjoni bħal din tista’ wkoll tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 133 ).

117.

Fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 13 tal-KEDB il-QEDB enfasizzat fil-ġurisprudenza tagħha li, għalkemm il-portata ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tvarja skont in-natura tal-ilment tar-rikorrent skont il-KEDB, “ir-rimedju meħtieġ mill-Artikolu 13 għandu jkun ‘effettiv’ fil-prattika kif ukoll fid-dritt, partikolarment fis-sens li l-eżerċizzju tiegħu ma għandux jiġi mfixkel mingħajr ġustifikazzjoni bl-atti jew bl-ommissjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 134 ), jew “fis-sens li jew l-allegat ksur ma jitħallhiex isir jew jitkompla, jew li jingħata rimedju adegwat għal kull ksur li jkun diġà seħħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 135 ). F’dan il-kuntest il-QEDB ikkonkludiet li “irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni finali li jkollha tiġi eżegwita tiħux l-għamla ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva, kemm il-liġi domestika kif ukoll il-[KEDB] jipprovdu li għandha tiġi eżegwita” ( 136 ). B’din il-konklużjoni l-QEDB qatgħet linja għall-kawża Hornsby vs Il-Greċja u għall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li fihom hija żviluppat din il-massima mill-hekk imsejjaħ “dritt għal qorti” li joħroġ mill-Artikolu 6(1) KEDB ( 137 ).

118.

Fuq din il-bażi nosserva li l-interpretazzjoni tal-QEDB tad-dritt għal smigħ xieraq għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB tqis il-ħtieġa li ċ-ċertezza legali tkun iggarantita billi tipprekludi sentenza sussegwenti li tagħti lil awtorità pubblika “opportunità oħra” tiftaħ kawża dwar l-istess kwistjonijiet fil-mertu bħal dawk imqajma fl-ewwel sentenza anki f’sitwazzjonijiet fejn res judicata ma tkunx strettament involuta. Barra minn hekk, meta titqies l-effettività tar-rimedju fil-prattika, kif ukoll fid-dritt, l-interpretazzjoni tal-QEDB tal-Artikolu 13 tal-KEDB tagħmel enfasi li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ sentenza u li tali sentenza għandha, biex ikollha tifsira, tinkiseb, tiġi eżegwita u tagħti rimedju suffiċjenti lir-rikorrent. Inqis li dawn il-punti jsostnu l-interpretazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-applikazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni ta’ elenkar mill-ġdid f’dan l-appell.

c) Applikazzjoni fiċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell

119.

Għalhekk jiena tal-fehma li l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl ta’ ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB dwar l-Artikoli 6(1) u 13 KEDB, għandu jiġi interpretat bħala li jillimita d-diskrezzjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, skont l-Artikolu 266 TFUE, li tadotta miżuri biex tirrimedja għal żball identifikat f’sentenza tal-qrati tal-Unjoni f’ċirkustanzi meqjusa li jagħtu lil dik l-istituzzjoni “opportunità oħra” biex teżamina mill-ġdid kwistjonijiet legali li jkunu ġew deċiżi minn qorti tal-Unjoni f’sentenza preċedenti, u b’hekk iċċaħħad lil rikorrenti mir-rimedju effettiv tagħhom fir-rigward ta’ dik is-sentenza ( 138 ). Nisħaq li rimedji skont l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom ikunu effettivi fil-prattika, kif ukoll fid-dritt.

120.

Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-Kunsill, tali approċċ ma huwiex intiż li jillimita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 266 TFUE fil-qasam ta’ miżuri restrittivi. Minflok jiżgura, b’mod iktar ġenerali, li s-sistema rimedjali stabbilita mill-Artikolu 266 TFUE tkun kompletament konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta.

121.

Barra minn hekk, approċċ bħal dan ma jistax jiġi eskluż minħabba li tkun disponibbli azzjoni għal danni biex tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 139 ). Nirrikonoxxi li azzjoni għal danni hija, bħala prinċipju, disponibbli bħala kumpens għal parti għal ħsara mġarrba b’riżultat ta’ atti u ta’ aġir illegali tal-Kunsill b’rabta mal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ elenkar mill-ġdid fil-qasam ta’ miżuri restrittivi ( 140 ). Madankollu, azzjoni għal danni jidhirli li ma tkunx tista’ tagħti rimedju għal ksur tad-dritt għal rimedju effettiv fiċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell jekk id-diskrezzjoni tal-Kunsill li jagħżel il-miżuri li huwa jqis meħtieġa biex jirrimedja dak li jkun sar ħażin titqies li tkun kompatibbli mal-Artikolu 266 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-kundizzjonijiet biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri r-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement gravi ta’ regola ta’ liġi intiża li tagħti drittijiet lil individwi ( 141 ), ma jkunux issodisfatti.

122.

Minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm ebda żball ta’ liġi fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża NITC II.

123.

Inqis li r-raġunijiet ta’ appoġġ finanzjarju u loġistiku jikkostitwixxu raġunijiet separati li l-Kunsill straħ fuqhom biex jelenka mill-ġdid lin-NITC abbażi tal-kriterju ta’ deżinjazzjoni skont l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, b’riferiment għall-għoti ta’ appoġġ lill-Gvern tal-Iran.

124.

Il-kelma “bħal” fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 (“appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju”) tindika li t-tliet tipi ta’ appoġġ speċifikati hemmhekk ma humiex eżawrjenti ( 142 ) u, għalhekk, jistgħu jkunu koperti tipi oħra ta’ appoġġ ( 143 ). Tabilħaqq, il-qrati tal-Unjoni rritenew li dan il-kriterju jirreferi għal kull appoġġ li, anki għalkemm ma jkollux rabta attwali diretta jew indiretta ma’ proliferazzjoni nukleari, madankollu jkun jista’, bħala riżultat tas-sinjifikat kwalitattiv jew kwantitattiv tiegħu, jinkuraġġixxi tali żvilupp, billi jagħti lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet ta’, inter alia, natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jsegwi attivitajiet ta’ proliferazzjoni ( 144 ).

125.

Fuq din il-bażi jiena tal-fehma li d-dritt tan-NITC għal rimedju effettiv ma nkisirx f’dan il-każ minħabba li mhux biss is-sentenza fil-kawża NITC I kienet eżegwita b’mod effettiv, iżda wkoll minħabba li r-raġuni ta’ appoġġ loġistiku ma kinitx ġiet deċiża mill-Qorti Ġenerali f’dik is-sentenza. Konsegwentement ma jidhirx mid-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kunsill kien kiseb eżami mill-ġdid ta’ dak li kien ġie deċiż fis-sentenza NITC I.

126.

Barra minn hekk, minkejja l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, riprodotta fil-punt 54 iktar’ il fuq, dwar kemm hija wiesgħa s-setgħa tal-Kunsill li jirriformula t-talba f’waħda dwar appoġġ loġistiku tant li tista’ toħloq nuqqas ta’ qbil mal-ġurisprudenza tal-QEDB dwar “opportunità oħra” għal litigazzjoni (ara l-punti 112 sa 116 iktar ’il fuq), ma sarux sottomissjonijiet dettaljati li japplikaw tali ġurisprudenza għaċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell.

127.

Ninnota wkoll li d-dokumentazzjoni miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell ma ssostanzjatx l-allegazzjoni li l-Kunsill għamel xi ħaġa biex “jaħżen” u b’hekk iżomm lura argumenti legali u fattwali fiż-żmien tal-elenkar inizjali biex jużahom għall-elenkar mill-ġdid tan-NITC.

128.

Għaldaqstant, nikkonkludi li, għalkemm dan l-appell ma jistax jiġi solvut permezz tal-kawżi Kadi, OMPI u Interporc, u li miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill huma limitati mid-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta, inkluża ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB skont l-Artikoli 6(1) u 13 tal-KEDB, ma nqisx li d-deċiżjoni għal elenkar mill-ġdid kisret id-dritt tan-NITC għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta fiċ-ċirkustanzi ta’ dan l-appell.

VI. Konklużjoni

129.

Fid-dawl tal-analiżi magħmula iktar ’il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-ewwel aggravju tan-NITC.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat Foundation vs Il-Kunsill (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461) u tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518).

( 3 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑256/07, EU:T:2008:461).

( 4 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc Im- und Export vs Il-Kummissjoni (C‑41/00 P, EU:C:2003:125).

( 5 ) Ara l-kawżi Bank Tejarat vs Il-Kunisll (C‑248/17 P, pendenti u Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsilll, C‑225/17 P, pendenti).

( 6 ) Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Riżoluzzjoni 1929 (2010), adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-6335 laqgħa tiegħu, fid-9 ta’ Ġunju 2010, premessa 17.

( 7 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, EUCO 13/10, 17 ta’ Ġunju 2010, Anness II “Dikjarazzjoni dwar l-Iran”, punt 4.

( 8 ) ĠU 2010 L 195, p. 39. Il-premessa 22 ta’ dik id-deċiżjoni tirreferi għar-Riżoluzzjoni 1929 u l-konnessjoni potenzjali bejn id-dħul tal-Iran mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tiegħu.

( 9 ) Ara d-Deċiżjoni 2010/413, Artikoli 23(2), 24(2) u 25(1).

( 10 ) ĠU 2012 L 19, p. 22. Il-premessa 8 ta’ dik id-deċiżjoni tirrepeti l-konnessjoni potenzjali bejn id-dħul tal-Iran mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tiegħu kif issottolinjat fir-Riżoluzzjoni 1929.

( 11 ) Ara d-Deċiżjoni 2012/35, premessi 5 u 6.

( 12 ) Enfasi tiegħi.

( 13 ) Deċiżjoni 2012/35, Artikolu 1(7)(a)(ii). Enfasi tiegħi. L-Artikolu 1(8) ta’ dik id-deċiżjoni ssostitwixxa l-Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni 2010/413, biex jipprovdi li meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija, inter alia, fl-Artikolu 20(1)(c), huwa għandu jemenda l-Anness II konsegwentement.

( 14 ) ĠU 2012 L 88, p. 1.

( 15 ) Ara r-Regolament Nru 267/2012, premessa 11.

( 16 ) Enfasi tiegħi. Skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissuġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija, inter alia, fl-Artikolu 23(2) ta’ dak ir-regolament, huwa għandu jemenda l-Anness IX konsegwentement.

( 17 ) ĠU 2012 L 282, p. 58.

( 18 ) Deċiżjoni 2012/635, premessa 5.

( 19 ) Deċiżjoni 2012/635, Anness, Parti B. Entitajiet, punt 31.

( 20 ) ĠU 2012 L 282, p. 16

( 21 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, premessa 2.

( 22 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 945/2012, Anness, Parti B. Entitajiet, punt 31.

( 23 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill (T-565/12, EU:T:2014:608, punti 16 sa 18).

( 24 ) ĠU 2012 L 356, p. 34.

( 25 ) Regolament Nru 1263/2012, Artikolu 1(11)(a). Enfasi tiegħi.

( 26 ) Sentenza NITC I, punt 66. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni talba tan-NITC li kienet tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni:ibid., punti 35 sa 47. Billi kienet laqgħet l-ewwel talba, hija ma eżaminatx il-bqija tat-talbiet: ibid., punt 67.

( 27 ) Sentenza NITC I, punt 58.

( 28 ) Sentenza NITC I, punt 59.

( 29 ) Sentenza NITC I, punt 60. Enfasi tiegħi.

( 30 ) Sentenza NITC I, punt 61.

( 31 ) Sentenza NITC I, punt 62 (b’riferiment għall-punti 51 u 52).

( 32 ) Sentenza NITC I, punti 64 sa 67.

( 33 ) Sentenza NITC I, punt 77.

( 34 ) Sentenza NITC I, punt 77 (ċitazzjonijiet esklużi).

( 35 ) Sentenza NITC I, punt 78.

( 36 ) Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, id-data tan-notifika tas-sentenza NITC I lill-partijiet kienet id-9 ta’ Lulju 2014. Fid-dawl tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut (xahrejn flimkien ma’ għaxart ijiem minħabba distanza), l-effetti tal-ewwel elenkar inżammu fis-seħħ fir-rigward tal-NITC sad-19 ta’ Settembru 2014.

( 37 ) Ara s-sentenza NITC II, punti 23 sa 29.

( 38 ) Bħala annessi mas-sottomizzjonijiet tan-NITC f’dan l-appell, id-dokumenti ta’ sostenn kienu magħmula minn: (1) artikolu, “Divestment of State Companies in Iran” (bla data, data tar-RELEX tal-20 ta’ Diċembru 2013); (2) artikolu “New Labor Minister ends Saeed Mortazavi appointment on the Social Security Organization‘s Board of Trustees”, Iran Daily Brief (tad-19 ta’ Awwissu 2013, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014); (3) webpage tas-Social Security Organization dwar is-sħubija tal-Bord tad-Diretturi (miftuħa fit-13 ta’ Ottubru 2014, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014); (4), test, “Social Security Law of the Islamic Republic of Iran” (bla data, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014); (5) rapport ta’ Dun & Bradstreet dwar is-Social Security Organization (bla data, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014); (6) rapport ta’ Dun & Bradstreet dwar is-Civil Servants Pension Fund (bla data, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014); (7) traduzzjoni mhux uffiċjali ta’ silta minn intervista ma’ dak li qabel kien il-President tal-NITC. is-sur Soori (bla data, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014); (8) ittra tal-NITC lir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni, il-Baronessa Ashton, “Statement of NITC in relation to this Lloyd’s List article, dated 18 January 2012 – ‘NITC to be targeted by sanctions’” (tad-19 ta’ Jannar 2012, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014) u (9) webpage tal-NIOC, li telenka l-attivitajiet tal-NITC bħala waħda mis-sussidjarji tal-NIOC (miftuħa fit-12 ta’ Frar 2014, data tar-RELEX 16 ta’ Ottubru 2014). It-terminu RELAX jiddenota l-Grupp ta’ Ħidma ta’ Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Barranin.

( 39 ) Il-Qorti Ġenerali kkwotat l-ittra msemmija fil-punt 8 tan-nota 38 meta eżaminat it-talba tan-NITC li kienet tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni: ara s-sentenza fil-kawża NITC I, punti 10 u 34.

( 40 ) Silta minn COREU CFSP/0084/14, Dok. 16211/14 LIMITE, 27 ta’ Novembru 2014, anness mas-sottomissjonijiet tal-NITC f’dan l-appell (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ elenkar mill-ġdid”).

( 41 ) Proposta ta’ elenkar mill-ġdid, punti 1 sa 6.

( 42 ) Proposta ta’ elenkar mill-ġdid, punt 7.

( 43 ) Proposta ta’ elenkar mill-ġdid, punt 8. Ara s-sentenza NITC I, punt 50.

( 44 ) Il-proposta ta’ elenkar mill-ġdid, punt 9.

( 45 ) Proposta ta’ elenkar mill-ġdid, punt 11 (li jsemmi links għal rapporti tal-aħbarijiet bid-data (fl-ordni ta’ elenkar) tal-21 ta’ Ġunju 2012, tas-17 ta’ April 2012, tal-11 ta’ Diċembru 2013, tal-15 ta’ Novembru 2012, tas-16 ta’ April 2012 (nota ta’ qiegħ il-paġna 43 u t-test li jakkumpanjaha iktar ’il fuq) u tal-11 ta’ Lulju 2014), u tal-11 ta’ Lulju 2014.

( 46 ) ĠU 2015 L 39, p. 18.

( 47 ) ĠU 2015 L 39, p. 3.

( 48 ) Deċiżjoni 2015/236, Anness, B. Entitajiet, punt 140.

( 49 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/230, Anness, B. Entitajiet, punt 140.

( 50 ) Ara l-punt 25 iktar ’il fuq.

( 51 ) Sentenza NITC II, punt 32.

( 52 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1863 tat-18 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2015 L 274, p. 174), Artikolu 1(16).

( 53 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1862 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2015 L 274, p. 161), Artikolu 1.

( 54 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/37 tas-16 ta’ Jannar 2016 dwar id-data ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1863 (ĠU 2016, L 11 I, p. 1); informazzjoni dwar id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1861 li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1862 (ĠU 2016, CI 15, p. 1).

( 55 ) Disponibbli fuq http://www.consilium.europa.eu/en/policies/sanctions/iran/jcpoa-restrictive-measures/.

( 56 ) Iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea.

( 57 ) Ara n-Nota ta’ Tagħrif dwar sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li għandhom jitneħħew skont il-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), Brussell, 16 ta’ Jannar 2016, aġġornata l-aħħar fit-3 ta’ Awwissu 2017, SN 10176/1/17 REV 1, disponibbli fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 iktar ’il fuq.

( 58 ) Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Lulju 2015, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill (T‑207/15, EU:T:2015:535 (iktar ’il quddiem id-“digriet NITC II”), punti 59, 80 u 81).

( 59 ) Digriet NITC II, punti 43 (li jikkwotaw lill-QEDB, 13 ta’ Novembru 2007, Ramadhi et vs l-Albanija, CE:ECHR:2007:1113JUD003822202R, punt 48 u 50).

( 60 ) Digriet NITC II, punti 43 u 44.

( 61 ) Digriet NITC II, punti 45 u 46.

( 62 ) Digriet NITC II, punt 47.

( 63 ) Digriet NITC II, punti 48 u 49.

( 64 ) Sentenza NITC II, punt 39.

( 65 ) Sentenza NITC II, punti 45, 46, 50 u 55.

( 66 ) Sentenza NITC II, punt 51.

( 67 ) Sentenza NITC II, punt 52.

( 68 ) Sentenza NITC II, punt 52.

( 69 ) Sentenza NITC II, punt 53.

( 70 ) Sentenza NITC II, punt 54.

( 71 ) Sentenza NITC II, punti 56 sa 60.

( 72 ) Sentenza NITC II, punt 62.

( 73 ) Sentenza NITC II, punt 63.

( 74 ) Sentenza NITC II, punt 64.

( 75 ) Sentenza NITC II, punt 65.

( 76 ) Sentenza NITC II, punt 66.

( 77 ) Sentenza NITC II, punt 67.

( 78 ) Fis-sottomissjonijiet tagħha n-NITC issib li dan huwa ispirat minn ġurisprudenza rilevanti fir-Renju Unit fil-kuntest ta’ litigazzjoni ċivili, billi tikkwota bħala eżempji Henderson vs Henderson (1843) 3 Hare 100; u Johnson vs Gore Wood [2002] 2 AC 1.

( 79 ) Nagħmel tiegħi l-kliem mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:36, punt 2).

( 80 ) Ara, pereżempju,. is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2014, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95) u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punti 44 sa 59); ara wkoll, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:2, punt 67) u tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża UBS Europe et (C‑358/16 EU:C:2017:606, punt 77).

( 81 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jgħid: “L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null jew li n-nuqqas [tagħhom li jaġixxu] jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati [għandhom ikunu marbuta li jieħdu] l-miżuri neċessarji sabiex [jikkonforma ruħhom] mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

( 82 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punti 52 u 53). Ara wkoll il-parti V.B.3(a) iktar ’il quddiem.

( 83 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi I”).

( 84 ) Is-sentenza Kadi I, punti 333 sa 371.

( 85 ) Is-sentenza Kadi I, punti 372 sa 376.

( 86 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:176, punti 19 sa 28).

( 87 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Kadi vs Il-Kummissjoni (T‑85/09, EU:T:2010:418).

( 88 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II’).

( 89 ) Ara s-sentenza Kadi II, punti 103 sa 134.

( 90 ) Is-sentenza Kadi II, punt 156.

( 91 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T-256/07, EU:T:2008:461) (iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI II”), appell irtirat permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2009, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (C‑576/08 P, EU:C:2009:335). Kien hemm it-tielet sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T‑284/08, EU:T:2008:550), appell miċħud b’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853).

( 92 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T‑228/02, EU:T:2006:384) (iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI I’), mhux appellata.

( 93 ) Is-sentenza OMPI II, punti 3, 50 u 52.

( 94 ) Is-sentenza OMPI II, punti 72 u 73.

( 95 ) Is-sentenza OMPI II, punt 75 (b’referenza għall-punt 65). L-enfasi tiegħi.

( 96 ) Is-sentenza OMPI II, punt 76 (b’referenza għall-punt 67).

( 97 ) Ta’ min jinnota, fis-sentenza NITC I, li l-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-talba dwar l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li s-sottomissjoni tal-NITC li l-azzjonisti tagħha ma kienx fadlilhom rabtiet mal-Gvern Iranjan kienet tikkonċerna l-eżami dwar jekk ir-raġunijiet miġjuba mill-Kunsill kellhomx bażi tajba u, għalhekk, kienux jikkonċernaw il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni ta’ elenkar. Din kienet xi ħaġa separata mill-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm motivazzjoni għall-elenkar li kienet tikkonċerna rekwiżit proċedurali essenzjali. Ara s-sentenza NITC I, punt 46.

( 98 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc Im- und Export vs Il-Kummissjoni (C‑41/00 P, EU:C:2003:125) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Interporc”).

( 99 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KE tat-8 ta’ Frar 1994 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU 1994 L 46, p. 58), li timplimenta l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill annessi magħha. Dik id-Deċiżjoni kienet tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE tal-5 ta’ Diċembru 2001 li temenda r-regoli ta’ proċedura tagħha (ĠU 2001 L 345, p. 94), biex tagħti effett lir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1049/2001”). Ta’ min jinnota li dak ir-regolament huwa bbażat fuq dak li llum huwa l-Artikolu 15(3) TFUE, li flimkien mal-Artikolu 42 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni bħala kwistjoni tal-liġi primarja tal-Unjoni.

( 100 ) Sentenza tas-6 ta’ Frar 1998, Interporc Im- und Export vs Il-Kummissjoni (T‑124/96, EU:T:1998:25 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Interporc I”), punti 9 sa 13).

( 101 ) Is-sentenza Interporc I, punti 14 sa 18.

( 102 ) Is-sentenza Interporc I, punti 54 sa 57. Din is-sentenza ma kinitx appellata.

( 103 ) Dak iż-żmien fis-seħħ; kienet tħassret bir-Regolament Nru 1049/2001.

( 104 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc Im- und Export vs Il-Kummissjoni (T‑92/98, EU:T:1999:308 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Interporc II’), punt 20).

( 105 ) Is-sentenza Interporc II, punt 52.

( 106 ) Is-sentenza Interporc, punt 31.

( 107 ) Is-sentenza Interporc, punt 32.

( 108 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 49) u tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 109 ) Ninnota li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal rimedju effettiv allegat speċifikament fil-kawża Kadi II u lanqas fil-kawża OMPI II. Il-kawża Kadi II kienet dwar is-salvagwardji proċedurali li jirfdu d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva: ara s-sentenza fil-kawża Kadi II, punti 97 sa 165. Fil-kawża Kadi I il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-dritt tar-rikorrenti għal rimedju effettiv kien inkiser, iżda dan kien minħabba nuqqas li huma jġu informati dwar provi kontrihom u d-drittijiet tagħhom għal difiża: ara l-kawża Kadi I, punti 349 sa 351. U għalkemm ma ssemmietx fil-kawża OMPI II, kien hemm distinzjoni bejn id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal smigħ xieraq fil-kawża OMPI I, punti 89 u 94.

( 110 ) Ara Leonor Rossi u Patricia Vinagre e Silva, Public Access to Documents in the EU (Hart 2017), p. 59 sa 62, 175 sa 177 u 197 sa 198. Ta’ min jinnota, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti, li l-qrati tal-Unjoni ċaħdu talbiet biex iqisu mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħhom li tipprekludi lill-qrati tal-Unjoni milli joħorġu ordnijiet lill-istituzzjonijiet fid-dawl ta’, inter alia, l-Artikolu 47 tal-Karta: ara pereżempju, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 145 sa 148) u tal-11 ta’ Ġunju 2015, McCullough vs Cedefop (T-496/13, EU:T:2015:374, punti 16 sa 28).

( 111 ) Artikolu 52(3) tal-Karta. Spjegazzjonijiet Relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17) (iktar ’il quddiem “Spjegazzjonijiet”), Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 47, paġni 29 u 30. Dan huwa suġġett għad-dritt tal-Unjoni li tagħti “protezzjoni iktar estensiva” skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta: Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851).

( 112 ) Spjegazzjoni dwar l-Artikolu 52, p. 33. Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:2, punti 73 u 74).

( 113 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse vs Il-Kummissjoni (T-213/01 u T‑214/01, EU:T:2006:151, punt 54).

( 114 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 115 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik (C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 76) u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punti 52 u 53); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:25, punt 70). Dan kien enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Interporc (C‑41/00 P, EU:C:2002:162, punti 65 sa 69).

( 116 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummisssjoni (C‑353/01 P, EU:C:2003:403, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 117 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni (C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 146). Din il-ġurisprudenza tikkomplementa lil dik dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE li ma jippermettulhomx joħorġu istruzzjonijiet lill-istituzzjonijiet, anki meta dawn ikunu dwar il-mod li bih għandu jkun hemm konformità mas-sentenzi tagħhom: ara, pereżempju, id-digriet tas-26 ta’ Ottubru 1995, fil-kawża Pevasa u Inpesca vs Il-Kummissjoni (C‑199/94 P u C‑200/94 P, EU:C:1995:360, punt 24).

( 118 ) QEDB, 19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il-Greċja (CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punti 40 u 41).

( 119 ) Sentenza NITC II, punt 61.

( 120 ) Hornsby vs Il-Greċja, punt 40. Ara wkoll, pereżempju, QEDB, 25 ta’ Lulju 2017, Panorama Ltd u Miličić vs Bosnia u Herzogovina (CE:ECHR:2017:0725JUD006999710, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 121 ) Ara, pereżempju, QEDB, 28 ta’ Ottubru 1999, Brumărescu vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:1999:1028JUD002834295, punt 61); 24 ta’ Lulju 2003, Ryabykh vs Ir-Russja (CE:ECHR:2003:0724JUD005285499, punt 51); 21 ta’ April 2016, Chengelyan et vs Il-Bulgarija, (CE:ECHR:2016:0421JUD004740507, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 122 ) QEDB, 6 ta’ Diċembru 2005, Popov vs Il-Moldovja (Nru 2) (CE:ECHR:2005:1206JUD001996004, punt 45); ara wkoll, pereżempju, 27 ta’ Ottubru 2016, Vardanyan u Nanushyan vs L-Armenja (CE:ECHR:2016:1027JUD000800107, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 123 ) Ara, pereżempju, QEDB, 12 ta’ Jannar 2006, Kehaya et vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2006:0112JUD004779799, punt 66; 16 ta’ Jannar 2014, Brletić vs Il-Kroazja, CE:ECHR: 2014:0116JUD004200910, punt 43.

( 124 ) QEDB, 13 ta’ Novembru 2007, Driza vs L-Albanija (CE:ECHR:2007:1113JUD003377102, punt 69).

( 125 ) QEDB, 12 ta’ Jannar 2006, Kehaya et vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2006:0112JUD004779799).

( 126 ) Kehaya et vs Il-Bulgarija, punti 59 sa 60, 62, 67 u 68.

( 127 ) Kehaya et vs Il-Bulgarija, punt 69.

( 128 ) Kehaya et vs Il-Bulgarija, punt 70.

( 129 ) Kehaya et vs Il-Bulgarija, punt 70.

( 130 ) QEDB, 31 ta’ Mejju 2012, Esertas vs Il-Litwanja (CE:ECHR:2012:0531JUD005020806).

( 131 ) Esertas vs Il-Litwanja, punti 23 u 24.

( 132 ) Esertas vs Il-Litwanja, punt 25.

( 133 ) Esertas vs Il-Litwanja, punt 25.

( 134 ) QEDB, 27 ta’ Ġunju 2000, İlhan vs It-Turkija (CE:ECHR:2000:0627JUD002227793, punt 97); ara wkoll, pereżempju, 12 ta’ Settembru 2012, Nada vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2012:0912JUD001059308, punt 207 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 135 ) QEDB, 26 ta’ Ottubru 2000, Kudła vs Il-Polonja (CE:ECHR:2000:1026JUD003021096, punti 157 u 158); ara wkoll, eż. 16 ta’ Jannar 2018, Ciocodeică vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2018:0116JUD002741309, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ta’ min jinnota li l-Artikolu 35(1) tal-KEDB, li jistabbilixxi r-regola tal-eżawriment tar-rimedji domestiċi, huwa bbażat fuq il-preżunzjoni, riflessa fl-Artikolu 13 tal-KEDB, li miegħu għandu “affinità mill-qrib”, li hemm disponibbli rimedju domestiku effettiv fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ drittijiet ta’ parti mogħtija mill-KEDB: ara is-sentenza Kudła vs Il-Polonja, punt 152. Il-QEDB tqis li rimedju li jkun jiddependi minn azzjoni diskrezzjonarja tal-awtoritajiet tal-Istat ma jistax jitqies bħala effettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 35(1) tal-KEDB: ara, pereżempju, QEDB, id-deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2004, B u L vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2004:0629DEC003653602, p. 9); 29 ta’ April 2008, Burden vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0429JUD001337805, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 136 ) QEDB, 13 ta’ Novembru 2007, Ramadhi et vs L-Albanija (CE:ECHR:2007:1113JUD003822202R, punt 49). Ara wkoll, eż. QEDB, 3 ta’ Frar 2009, Nuri vs L-Abanija (CE:ECHR:2009:0203JUD001230604, punt 8); 3 ta’ Frar 2009, Hamzaraj vs L-Albanija (Nru 1) (CE:ECHR:2009:0203JUD004526404, punt 26).

( 137 ) Ara n-nota 120 iktar ’il fuq. Ara wkoll, eż. QEDB, 31 ta’ Lulju 2012, Manushaqe Puto et vs l-Albanija (CE:ECHR:2012:0731JUD000060407, punti 72, 90 u 94) (li tikkwota lil Hornsby vs Il-Greċja, punt 40).

( 138 ) Għandu jiġi osservat li l-eżerċizzju tad-drittijiet sanċiti fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa dejjem suġġett għal limitazzjonijiet iġġustifikati kif previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Ara, pereżempju, is-sentenza Kadi II, punt 101.

( 139 ) Ara l-Artikoli 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

( 140 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il-Kunsill (T‑692/15, EU:T:2017:890) (azzjoni għal danni, miċħuda); u Bateni vs Il-Kunsill, T‑455/17, pendenti; ara wkoll, dwar dan, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni (T‑45/14, EU:T:2015:650, punt 66).

( 141 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017(Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 29 u 30).

( 142 ) Jista’ jkun utli jiġi nnotat li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 huma l-istess. Il-maġġoranza jagħmlu riferiment għall-kelma “appoġġ” fil-bidu tal-enumerazzjoni ta’ eżempji ta’ għoti ta’ appoġġ (“appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju”). Madankollu, xi verżjonijiet (ara, pereżempju, il-verżjonijiet bl-Estonjan, bil-Finlandiż u bil-Ġermaniż) immedjatament isemmu t-tliet eżempji ta’ appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju. Dan jidher li jagħti iktar piż lill-pożizzjoni li r-raġunijiet għal appoġġ finanzjarju u loġistiku huma separati u li l-Qorti Ġenerali ma kinitx iddeċidiet fuq il-mertu ta’ “appoġġ” b’mod ġenerali, iżda pjuttost fuq ir-raġuni ta’ appoġġ finanzjarju fis-sentenza fil-kawża NITC II.

( 143 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 84); id-digriet tal-4 ta’ April 2017, Sharif University of Technology vs Il-Kunsill (C‑385/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:258, punt 68).

( 144 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2016, Sharif University of Technology vs Il-Kunsill (T-52/15, EU:T:2016:254, punti 54, 59 u l-ġurisprudenza ċċitata) (appell miċħud b’digriet tal-4 ta’ April 2017, Sharif University of Technology vs Il-Kunsill (C‑385/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:258)). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 79 sa 81) u tat-8 ta’ Settembru 2016, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill (C‑459/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:646, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).