KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fis‑17 ta’ Mejju 2018 ( 1 )
Kawża C‑585/16
Serin Alheto
vs
Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Regoli dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Direttivi 2004/83 u 2011/95 – Persuna li tibbenefika mill-protezzjoni u l-assistenza tal-UNRWA – Proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Direttivi 2005/85 u 2013/32 – Ammissibbiltà tal-applikazzjoni – L‑ewwel pajjiż ta’ ażil – Dritt għal rimedju effettiv”
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet tittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ( 2 ) u tal-Artikolu 33(2)(b), tal-Artikolu 34, tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35, u tal-Artikolu 46(3), tad-Direttiva 2013/32 ( 3 ). Din it-talba ġiet imressqa mill-Administrativen sad Sofia-Grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn S. Alheto, persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana, kontra miżura amministrattiva li permezz tagħha l-awtoritajiet Bulgari ċaħdu l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali
1. Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati
2. |
L-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, kif konkluża f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 u mdaħħla fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) ( 4 ) jipprovdi: “Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal persuni li attwalment igawdu minn protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti oħra minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Assistenza tar-Refuġjati [United Nations High Commissioner for Refugees, iktar ’il quddiem l-“UNHCR”]. Meta din il-protezzjoni jew assistenza tieqaf għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament, konformement mar-riżoluzzjonijiet relatati adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet kollha li jirriżultaw minn din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
2. L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib
3. |
L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the Near East; iktar ’il quddiem l-“UNRWA”) ġiet stabbilita, wara l-kunflitt tal‑1948 bejn l-Għarab u l-Iżraeljani, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 302(IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949. Din għandha l-għan li tipprovdi, lir-refuġjati Palestinjani li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, salvataġġ, assistenza sanitarja, servizzi soċjali u ta’ mikrofinanza, edukazzjoni, u assistenza f’każ ta’ emerġenza, anki f’perijodi ta’ kunflitt armat, kif ukoll li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-kampijiet fejn jintlaqgħu dawn ir-refuġjati ( 5 ). Bħalissa hemm madwar 5 miljun refuġjat Palestinjan irreġistrat mal-UNRWA. Din l-aġenzija topera fis-Sirja, fl-Istrixxa ta’ Gaża, fil-Libanu, fil-Ġordan u fix-Xatt tal-Punent (inkluża Ġerusalemm tal-Lvant). Fl-assenza ta’ soluzzjoni tal-kwistjoni tar-refuġjati Palestinjani, il-mandat tal-UNRWA ġie ta’ spiss imġedded fejn l-iktar wieħed reċenti huwa sat‑30 ta’ Ġunju 2020 ( 6 ). |
4. |
L-UNRWA tikkostitwixxi wieħed mill-organi tan-Nazzjonijiet Uniti, minbarra l-UNHCR, imsemmija fl-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ( 7 ). |
B. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2011/95
5. |
L-ewwel sentenza, tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Esklużjoni”, jipprevedi li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat għandha tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat jekk “hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Artikolu 1(D)] tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-[UNHCR]”. It-tieni sentenza tal-istess Artikolu 12(1)(a) tistabbilixxi: “Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva”. |
2. Id-Direttiva 2013/32
6. |
Abbażi tal-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri ma humiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95, f’każ fejn applikazzjoni tiġi kkunsidrata inammissibbli taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Skont l-Artikolu 33(2)(b) ta’ din id-direttiva l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli b’mod partikolari jekk “pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35” tal-istess direttiva. L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li “[p]ajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk: (a) huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew (b) huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement”. |
7. |
Konformement mal-Artikolu 46(1)(a)(i) tad-Direttiva 2013/32 “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra […] deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni […] li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “[s]abiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”. |
C. Id-dritt nazzjonali
8. |
Fil-Bulgarija l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa rregolat miż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”). Id-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ġew ittrasposti fid-dritt Bulgaru permezz tal-emendi introdotti fiż-ZUB bis-saħħa ta’ żewġ liġijiet li daħlu fis-seħħ fis‑16 ta’ Ottubru u fit‑28 ta’ Diċembru 2015 rispettivament ( 8 ). Iż-ZUB tipprevedi żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, dik marbuta mar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat (l-Artikolu 8 taż-ZUB) u dik li tirriżulta mir-rikonoxximent tal-istatus umanitarju (l-Artikolu 9 taż-ZUB), li tikkorrispondi għall-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva 2011/95. |
9. |
Skont l-Artikolu 6 taż-ZUB, fil-verżjoni fis-seħħ bħalissa, il-kompetenzi previsti minn din il-liġi huma eżerċitati mid-Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, iktar ’il quddiem id-“DAB”). Din tal-aħħar tivverifika l-fatti kollha taċ-ċirkustanzi rilevanti għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
10. |
L-Artikolu 12(1) taż-ZUB, fil-verżjoni fis-seħħ bħalissa, jipprovdi: “L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija: […]
|
11. |
It-test tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB fis-seħħ qabel il-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/95, introdotta fiż-ZUB fl‑2007 bil-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 ( 10 ) kien jipprovdi: “L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija: […]
|
12. |
Il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 13(2) taż-ZUB, kif inhuma fil-verżjoni fis-seħħ bħalissa, jipprevedu li l-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ma għandhiex tinfetaħ jew għandha tingħalaq jekk il-persuna barranija “tgawdi minn status ta’ refuġjat mogħti minn Stat terz jew li tgawdi minn protezzjoni effettiva oħra li tinkludi l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement u li tkun għadha tgawdi minnu, bil-kundizzjoni li tiġi ammessa mill-ġdid f’dan l-Istat” jiġifieri jekk il-persuna barranija “tkun ġejja minn Stat terz sigur, bil-kundizzjoni li tkun tista’ terġa’ tiġi ammessa f’dan l-Istat”. |
13. |
L-Artikolu 13(2)(2), tal-verżjoni fis-seħħ qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32, kien jipprevedi: “(2) Il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus umanitarju ma għandhiex tinfetaħ jew għandha tiġi sospiża meta [l-applikant] ikollu: […]
|
14. |
Fil-verżjoni fis-seħħ qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32, il-punt 13 tal-Artikolu 13 taż-ZUB kien jipprevedi li l-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus umanitarju għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata f’każ li ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 8(1) u (9), jew mill-Artikolu 9(1), (6) u (8) taż-ZUB u jekk il-persuna barranija tkun ġejja “minn pajjiż ta’ oriġini sigura jew minn pajjiż terz sigur li jinsab fil-lista komuni minima adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew fil-listi nazzjonali adottati mill-Kunsill tal-Ministri”. L-Artikolu 13(3) taż-ZUB kien jispeċifika, li s-sempliċi ċirkustanza li l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini sigur jew minn pajjiż terz sigur ma kinitx tikkostitwixxi, waħedha, raġuni sabiex l-applikazzjoni tiġi ddikjarata bħala manifestament infondata. |
15. |
Abbażi tal-Artikolu 75(2) taż-ZUB, fil-verżjoni fis-seħħ bħalissa, “waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġu evalwati l-fatti, id-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti kollha rilevanti għas-sitwazzjoni personali tal-applikant […]” ( 11 ). |
16. |
L-administrativnoprotsesualen Kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, iktar ’il quddiem l-“APK”), bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tiegħu, japplika, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni ta’ liġi kuntrarja, għall-proċeduri amministrattivi quddiem l-awtoritajiet Bulgari kollha. L-Artikolu 168(1) tal-APK jiddefinixxi s-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-każ ta’ rikors kontra att amministrattiv quddiem il-qorti tal-ewwel istanza fit-termini li ġejjin: “Il-qorti ma tillimitax ruħha għall-eżami tal-motivi indikati mir-rikorrent, iżda hija marbuta tistħarreġ, abbażi tal-provi prodotti mill-partijiet, il-legalità tal-att amministrattiv ikkontestat fir-rigward tal-motivi kollha previsti mill-Artikolu 146” tal-istess kodiċi. |
17. |
Abbażi tal-Artikolu 172(2) tal-APK “il-qorti tista’ tiddikjara n-nullità tal-att amministrattiv ikkontestat, tannullah totalment jew parzjalment, timmodifikah jew tiċħad ir-rikors”. L-Artikolu 173(1) tal-APK, jispeċifika li “jekk il-kwistjoni ma tkunx suġġetta għall-evalwazzjoni tal-awtorità amministrattiva, wara li tkun ġiet iddikjarata n-nullità tal-att ikkontestat jew wara li jkun ġie annullat, il-qorti għandha tiddeċiedi fuq il-mertu”. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jistabbilixxi li “ħlief għall-każijiet previsti fil-paragrafu 1, jekk l-att ikun null minħabba inkompetenza jew jekk in-natura tiegħu ma tippermettix li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu, il-qorti għandha tirrinvija l-kawża quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti flimkien ma’ istruzzjonijiet obbligatorji fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-liġi”. |
II. Il-fatti, il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. |
Serin Auad Alheto, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija persuna mingħajr Stat, ta’ oriġini Palestinjana, li twieldet fid‑29 ta’ Novembru 1972 fil-Belt ta’ Gaża, fil-Palestina. Hija għandha passaport maħruġ mill-awtorità Palestinjana fl‑1 ta’ April 2014 u huwa validu sal‑31 ta’ Marzu 2019. |
19. |
S. Alheto daħlet fil-Bulgarija fl‑10 ta’ Awwissu 2014 b’viża għal vjaġġ turistiku organizzat, maħruġa fis‑7 ta’ Awwissu 2014 mill-konsolat tar-Repubblika tal-Bulgarija f’Amman (il-Ġordan) u valida sal‑1 ta’ Settembru 2014. Fl‑24 ta’ Awwissu 2014, it-terminu taż-żmien ta’ din il-viża ġie estiż sas‑17 ta’ Novembru 2014 mill-awtoritajiet Bulgari. Fil‑25 ta’ Novembru 2014, S. Alheto ressqet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem id-DAB. F’intervista personali li nżammet fit‑2 ta’ Diċembru 2014, S. Alheto ddikjarat li telqet illegalment mill-Istrixxa ta’ Gaża minn ġo mina taħt l-art fil‑15 ta’ Lulju 2014, fejn l-ewwel waslet l-Eġittu, fejn kellha toqgħod għal jumejn, u sussegwentement waslet fil-Ġordan, fejn kellha toqgħod għal 23 jum qabel ma telqet, bl-ajrupan, lejn il-Bulgarija. Matul din l-intervista, S. Alheto ddikjarat li hija ta’ fidi Nisranija. S. Alheto ġiet intervistata darbtejn oħra fl‑24 ta’ Frar u fil‑5 ta’ Marzu 2015. Abbażi ta’ dak li ddikjarat, S. Alheto kienet imġiegħla titlaq mill-Istrixxa ta’ Gaża minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni f’dan it-territorju u minħabba l-kunflitti li kellha mal-Hamas, l-organizzazzjoni li tikkontrolla l-Istrixxa ta’ Gaża, minħabba l-attività soċjali tagħha rigward it-tixrid ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, matul l-intervista tal‑5 ta’ Marzu 2015, S. Alheto ddikjarat li tinsab fil-pussess ta’ dokument maħruġ mill-UNRWA. Dan id-dokument ġie ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju u jiċċertifika r-reġistrazzjoni ta’ S. Alheto ma’ dan l-organu bħala refuġjata Palestinjana ( 12 ). |
20. |
Fit‑12 ta’ Mejju 2015, il-Viċi Direttur tad-DAB ċaħad l-applikazzjoni ta’ S. Alheto wara li eżaminaha fuq il-mertu, sabiex b’hekk ċaħdilha wkoll l-istatus ta’ refuġjata skont l-Artikolu 8 taż-ZUB, kif ukoll l-istatus umanitarju skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-DAB”). Skont il-Viċi Direttur tad-DAB id-dikjarazzjonijiet li saru minn S. Alheto ma jippermettux il-konstatazzjoni ta’ riskju ta’ persekuzzjoni, għandhom xi inkoerenzi, b’mod partikolari fir-rigward tar-reliġjon tagħha, u huma biss parzjalment plawżibbli. Għall-kuntrarju ta’ dak li joħroġ minn dawn id-dikjarazzjonijiet, ma jidhirx li S. Alheto ġiet imġiegħla titlaq mill-Istrixxa ta’ Gaża, fejn is-sitwazzjoni setgħet kienet stabbli, iżda kienet ippjanat it-tluq tagħha qabel ix-xahar ta’ Ġunju jew ta’ Lulju 2014, peress li l-passaport tagħha nħareġ fl‑1 ta’ April 2014. |
21. |
S. Alheto kkontestat id-deċiżjoni tad-DAB quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija). Fir-rikors, S. Alheto ssostni li din id-deċiżjoni tikser l-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB u l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/83, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94). Il-konklużjoni tal-Viċi Direttur tad-DAB li skontu s-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta’ Gaża hija stabbli, tibbaża ruħha biss fuq rapport tad‑9 ta’ April 2015 mid-Direttorat għall-“Affarijiet Ewropej, l-Affarijiet Internazzjonali u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati” tad-DAB, u għalhekk din il-konklużjoni ma tippermettix li tiġi evalwata b’mod korrett is-sitwazzjoni f’dan it-territorju għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. |
22. |
Skont l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), peress li S. Alheto hija persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-UNRWA, id-DAB imissha qieset li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali tressqet mhux skont kif inhu previst mill-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, iżda skont it-Taqsima D tal-istess artikolu u, konsegwentement, teżaminaha fid-dawl tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB u mhux abbażi tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din il-liġi. Din il-qorti tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li ma tiġix eżaminata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn persuna mingħajr Stat li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S. Alheto fid-dawl tal-liġi li tittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95 u, f’każ ta’ risposta fin-negattiv, jekk taqax fuq l-istess qorti r-responsabbiltà, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li twettaq dan l-eżami jew jekk għandhiex tillimita ruħha għall-annullament tad-deċiżjoni tad-DAB u terġa’ tibgħat il-fajl lil din tal-aħħar sabiex tipproċedi b’dan l-eżami. L-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) tistaqsi wkoll dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-qorti tal-ewwel istanza fuq id-deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali konformement mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li din il-qorti teżamina l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva anki fejn tali eżami ma jkunx twettaq mill-awtorità kompetenti, jiġifieri li jiġi evalwat għall-ewwel darba jekk l-applikant jistax jintbagħat lura lejn il-pajjiż fejn kellu r-residenza abitwali qabel ma ppreżenta din l-applikazzjoni. |
23. |
Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2016, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
24. |
Mill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali dwar il-protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut tiegħu ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni ( 13 ). Barra minn hekk, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li, billi ispira ruħu mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li s-sistema ta’ ażil Ewropew li din id-direttiva tikkontribwixxi li tistabbilixxi tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 14 ). |
25. |
Għalhekk, id-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tagħha, b’mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-trattati rilevanti l-oħra msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, b’rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 15 ). Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji interpretattivi li jeħtieġ li jiġu eżaminati d-domandi magħmula fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
26. |
Dawn id-domandi ser jiġu ttrattati f’din l-ordni. Ser nibda billi qabel kollox neżamina l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari, fejn l-ewwel tnejn jittrattaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a), tad-Direttiva 2011/95, waqt li t-tielet domanda tirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali biex twettaq għall-ewwel darba, matul il-proċedura ġudizzjarja, eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement ser nittratta l-ħames domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 33 u 35 tad-Direttiva 2013/32. Finalment, ser neżamina flimkien ir-raba’ u s-sitt domandi preliminari, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32. |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
27. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tistax teżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-UNRWA ’l barra mill-qafas ġuridiku stabbilit mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jistabbilixxi klawżola ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jew għal dawk il-persuni mingħajr Stat li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. |
28. |
L-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève japplika għal grupp speċifiku ta’ persuni li, għalkemm ikollhom il-karatteristiċi sabiex jiġu rrikonoxxuti bħala refuġjati skont l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni, jiġu esklużi, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(D), milli jibbenefikaw minnha peress li jkunu qegħdin jirċievu protezzjoni jew assistenza minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra minbarra l-UNHCR. |
29. |
Il-Palestinjani meqjusa bħala refuġjati b’riżultat tal-kunflitti bejn l-Għarab u l-Iżraeljani tal‑1948 u tal‑1967, li jibbenefikaw mill-protezzjoni u mill-assistenza tal-UNRWA, u li ma humiex inklużi fil-każijiet partikolari previsti mill-Artikolu 1(C)(E) u (F), tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D), ta’ din il-konvenzjoni ( 16 ) u, konsegwentement, f’dak tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ( 17 ). Bħalissa dan huwa l-uniku grupp ta’ refuġjati kopert minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
30. |
Filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprevedi klawżola ta’ esklużjoni mill-benefiċċji tagħha, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu fih klawżola ta’ inklużjoni li tapplika għar-refuġjati li, għal xi raġuni, ma jibbenefikawx mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-aġenzija jew tal-organu tan-Nazzjonijiet Uniti msemmi fl-ewwel subparagrafu u li s-sitwazzjoni tagħhom ma ġietx deċiża definittivament f’konformità mar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ( 18 ). Dawn il-persuni għandhom ipso facto jiġu intitolati għall-benefiċċji tal-Konvenzjoni ta’ Genève. |
31. |
B’mod parallel, it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 fiha klawżola ta’ inklużjoni fformulata b’termini li huma bejn wieħed u ieħor identiċi għal dawk użati fl-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, għandhom, fejn jirriżultaw il-kundizzjonijiet previsti mill-klawżola ta’ inklużjoni msemmija fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, “ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva” ( 19 ). |
32. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tiddeċiedi dwar il-portata u dwar il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni u ta’ inklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(a), tad-Direttiva 2004/83, li għandhom l-istess kontenut bħal dawk li jidhru fid-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 2011/95. |
33. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-klawżoli, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li hija biss persuna li “effettivament [użat]” il-protezzjoni jew l-assistenza ta’ aġenzija jew organu tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-UNHCR li tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 ( 20 ) (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol, C‑31/09,EU:C:2010:351, punt 51) u, min-naħa l-oħra, li din l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat ma tintemmx minħabba s-sempliċi assenza jew it-tluq volontarju tal-applikant miż-żona ta’ operat ta’ din l-aġenzija jew ta’ dan l-organu (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 49 sa 52). |
34. |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ inklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-waqfien “għal xi raġuni” mill-protezzjoni jew mill-assistenza pprovduta minn aġenzija jew organu tan-Nazzjonijiet Uniti ieħor minbarra l-HCR skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 huwa ddeterminat mhux biss mit-tneħħija nnifisha tal-organu jew tal-aġenzija li tagħti l-protezzjoni jew l-assistenza, iżda wkoll mill-impossibbiltà, għal dan l-organu jew aġenzija, li twettaq il-missjoni tagħha ( 21 ). Il-waqfien ta’ din il-protezzjoni jew assistenza jirrigwarda wkoll, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ta’ persuna li, wara li tkun irrikorriet effettivament għal din il-protezzjoni jew għal din l-assistenza, ma tkomplix tibbenefika minnha għal raġuni indipendenti mill-kontroll u mir-rieda tagħha ( 22 ). |
35. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-effetti tal-klawżola ta’ inklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil stabbilixxew li, fir-rigward tal-applikant, hija ssodisfatta l-kundizzjoni relatata mal-waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-aġenzija jew tal-organu tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, il-fatt li jista’ ipso facto“jiġ[i] ntitolat[…] għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva”, skont kif inhu previst mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tal-istess direttiva, jimplika r-rikonoxximent, minn dan l-Istat Membru, tal-kwalità ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2004/83 u l-għoti ipso jure tal-istatus ta’ refuġjat lill-applikant, madankollu sa fejn dan tal-aħħar ma jaqax taħt l-Artikolu 12(1)(b) jew (2) u (3) tal-istess direttiva ( 23 ). |
36. |
B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826), li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 jirrigwarda kategorija speċifika ta’ persuni li, minħabba s-sitwazzjoni li tikkaratterizzahom, jibbenefikaw minn trattament speċifiku, li l-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Genève iddeċidew deliberatament, fl‑1951, li jagħtuhom ( 24 ). Il-persuni li jaqgħu taħt din il-kategorija huma diġà rrikonoxxuti bħala refuġjati mill-komunità internazzjonali u jibbenefikaw, bħala tali, minn programm ta’ protezzjoni separat fdat lill-organi tan-Nazzjonijiet Uniti. |
37. |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, l-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, minbarra li jikkonferma l-istatus partikolari mogħti lil dawn il-persuni, ifittex li jiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni tagħhom, f’każ li din il-protezzjoni li jibbenefikaw minnha bis-saħħa tal-organi tan-Nazzjonijiet Uniti tieqaf ( 25 ). Dan l-artikolu jfittex, fl-istess waqt, li jevita sovrappożizzjoni tal-kompetenzi bejn l-organi msemmija u l-UNHCR ( 26 ). |
38. |
Issa, huwa ċar li sabiex tingħata garanzija li l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jintlaħqu u li l-istatus mogħti mill-komunità internazzjonali lill-kategorija ta’ persuni prevista minn dan l-artikolu jiġi rrispettat, filwaqt li jingħata lil dawn il-persuni t-trattament speċifiku li huwa previst għalihom mill-Konvenzjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għal applikant għall-ażil li jagħmel parti minn din il-kategorija ma tistax titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jipproċedu għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. |
39. |
Is-sitwazzjoni tal-Palestinjani li jirċievu l-assistenza mill-UNRWA li jressqu applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ kwalunkwe applikant għall-ażil ieħor li jrid jipproduċi l-prova ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni sabiex l-istatus tiegħu ta’ “refuġjat” jiġi rrikonoxxut lilu skont l-Artikolu 2(D) tad-Direttiva 2011/95 ( 27 ). Għalhekk, l-eżami ta’ tali applikazzjoni ma jistax jitwettaq, almenu inizjalment, skont din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, iżda għandu jitwettaq fid-dawl tal-kriterji ddefiniti mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
40. |
Il-klawżoli ta’ esklużjoni u ta’ inklużjoni ddikjarati f’dan l-artikolu għandhom barra minn hekk ikunu suġġetti għal interpretazzjoni unitarja u l-applikabbiltà tagħhom għal applikant għall-ażil trid tiġi evalwata f’kuntest ta’ eżami wieħed, li għandu jitwettaq fi stadji suċċessivi ( 28 ). Ladarba jiġi aċċertat li l-persuna inkwistjoni taqa’ taħt il-kategorija ta’ refuġjati Palestinjani li għalihom is-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u għalhekk id-Direttiva 2011/95, ma tapplikax, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(D) tal-istess konvenzjoni, jeħtieġ li jiġi vverifikat, b’kunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna kkonċernata, jekk madankollu din hijiex inkluża f’din is-sistema bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 1(D), u konsegwentement, f’dik tad-Direttiva 2011/95, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din tal-aħħar, minħabba l-fatt li sadanittant il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA twaqfitilha. |
41. |
B’mod speċifiku, skont kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351), l-awtorità nazzjonali kompetenti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn refuġjat Palestinjan trid, qabel kollox, tivverifika jekk l-applikant kienx ibbenefika mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA. F’każ fejn dan ma jkunx jista jiġi ddeterminat, l-applikant ma jistax jitqies li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva u l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 2(c) ( 29 ) u sussegwentament tal-Artikolu 2(f), tal-istess direttiva ( 30 ). |
42. |
Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-applikant jirriżulta li jibbenefika mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA, hija responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali kompetenti biex twettaq eżami individwali tal-elementi kollha rilevanti, sabiex tivverifika jekk it-tluq tal-persuna kkonċernata miż-żona fejn topera l-UNRWA huwiex iġġustifikat minn raġunijiet li jaħarbu mill-kontroll tagħha u li huma indipendenti mir-rieda tagħha, li jġiegħluha tħalli din iż-żona, fejn b’hekk ma tkunx tista’ tibbenefika mill-assistenza mogħtija mill-istess aġenzija ( 31 ). Dan iseħħ fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ssib ruħha fi stat personali ta’ nuqqas serju ta’ sigurtà u jkun impossibbli għall-UNRWA li tiżguralha, fiż-żona fejn topera, kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni li ġiet inkarigata lilha ( 32 ). |
43. |
Filwaqt li dan l-eżami huwa, f’ċerti aspetti, simili għal dak li għandu jitwettaq meta tiġi evalwata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, li bħala tali jkun ibbażat, almenu parzjalment, fuq l-analiżi tal-istess fatti u ċirkustanzi (b’mod partikolari, is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant, is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tat-territoriju ta’ residenza abitwali tiegħu, id-dikjarazzjonijiet li ħalla u d-dokumentazzjoni rilevanti pprovduta) ( 33 ), l-għan, minflok, huwa differenti. |
44. |
L-eżami mitlub mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, ifittex li jistabbilixxi jekk l-assistenza jew il-protezzjoni mogħtija mill-UNRWA lill-applikant għall-ażil twaqqfitx, u dan jista’ jiġri, bħalma deher, jekk din l-aġenzija ma tkunx tista’ iktar, għal raġunijiet oġġettivi jew marbuta mas-sitwazzjoni individwali tal-applikant, tiżguralu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni li biha ġiet inkarigata jew jekk l-applikant, minħabba ostakoli prattiċi, legali, jew inerenti mal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà fiż-żona fejn topera l-UNRWA, ma jkunx jista’ jirritorna fiha ( 34 ). |
45. |
F’dan il-kuntest, sabiex l-istatus ta’ refuġjat tal-applikant għall-ażil jiġi rrikonoxxut, dan ma għandux juri l-biża’ ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 ‐ anki jekk il-prova ta’ tali biża’ terġa’ tinkludih b’mod sħiħ fil-klawżola ta’ inklużjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a), ta’ din id-direttiva ‐ iżda jkun, pereżempju, biżżejjed għalih li jipproduċi prova tal-waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza offruta mill-UNRWA, jew saħansitra tal-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ vjolenza jew ta’ nuqqas ta’ sigurtà li jirrendu din il-protezzjoni jew l-assistenza ineffettiva jew ineżistenti, anki jekk dawn is-sitwazzjonijiet, meta jiġu invokati minn applikant li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ikunu jistgħu jiġġustifikaw l-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja iktar milli dak ta’ refuġjat. |
46. |
Minn dak li ntqal sa issa joħroġ li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, imressqa minn S. Alheto, applikant għall-ażil ta’ oriġini Palestinjana, kellu jitwettaq mid-DAB abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Peress li r-reġistrazzjoni ta’ refuġjat Palestinjan fis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-UNRWA tikkostitwixxi indiċi li jiddetermina jekk dan ir-refuġjat jibbenefikax jew kienx jibbenefika mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA ( 35 ), S. Alheto, li pproduċiet il-prova ta’ tali reġistrazzjoni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u għalhekk tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Għalhekk id-DAB kellha, abbażi ta’ eżami individwali u fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, tevalwa jekk S. Alheto kinitx taqa’ taħt il-klawżola ta’ inklużjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. Għal dan il-għan, din l-aġenzija kellha tivverifika jekk it-tluq ta’ S. Alheto mill-Istrixxa ta’ Gaża kienx iġġustifikat minn raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha, li ġegħluha titlaq minn dan it-territorju fejn b’hekk ma setgħetx tkompli tibbenefika mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA ( 36 ). Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, skont il-verifika tal-assenza ta’ raġunijiet oħra ta’ esklużjoni, id-DAB kellha tagħti lil S. Alheto l-istatus ta’ refuġjat. |
47. |
Qabel ma nikkonkludi, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fil-verifika ta’ jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA twaqqfitx skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva2011/95, l-awtorità nazzjonali kompetenti mill-eżami tal-applikazzjoni ta’ applikant Palestinjan għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-unika sitwazzjoni eżistenti fit-territorju ġewwa ż-żona fejn topera l-UNRWA fejn dan l-applikant kellu r-residenza abitwali tiegħu qabel ma ressaq l-applikazzjoni għall-ażil – fil-każ ta’ S. Alheto, l-Istrixxa ta’ Gaża – anki jekk dan tal-aħħar, qabel ma laħaq it-territorju ta’ Stat Membru, għadda minn inħawi oħra madwar din iż-żona ( 37 ). |
48. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jien tal-fehma li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-UNRWA, li r-residenza abitwali tagħha, qabel ma daħlet fl-Unjoni, kienet tinsab fiż-żona fejn jopera dan l-organu, trid tiġi eżaminata abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. |
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
49. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandux effett dirett u jekk jistax jiġi applikat għall-kawża minkejja li ma ġiex invokat minn S. Alheto. |
50. |
L-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) tinnota li l-verżjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB, kif emendata mil-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 ( 38 ), ma hijiex applikabbli ratione temporis għas-sitwazzjoni ta’ S. Alheto ( 39 ), filwaqt li l-verżjoni ta’ qabel l-emenda tirrikonoxxi parzjalment l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, sa fejn ma jinkludix il-klawżola ta’ inklużjoni prevista mit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni ( 40 ). |
51. |
Minħabba l-inapplikabbiltà ratione temporis għall-kawża prinċipali tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 fid-dritt Bulgaru ma iniex ser nieqaf niddiskuti l-emendi li din il-liġi għamlet għall-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB, u lanqas ma jien ser nesprimi l-opinjoni tiegħi dwar il-konformità ta’ dan l-artikolu, fil-verżjoni applikabbli bħalissa, mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, anki jekk xi partijiet mid-deċiżjoni tar-rinviju u l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni. |
52. |
Fir-rigward tal-verżjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/95, għalkemm huwa minnu li ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tqajjem dubju dwar il-mod ta’ kif il-qorti tar-rinviju interpretat id-dritt nazzjonali tagħha, ma naħbix il-fatt li għandi ċerti dubji dwar l-impossibbiltà li tgħid li għandha l-Administrativen sad Sofia-Grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) li twettaq interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li hija konformi mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. Fil-fatt, minkejja li l-klawżola ta’ inklużjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83, ma kinitx ġiet riprodotta espliċitament, madankollu l-istess dispożizzjoni kienet tindika b’mod ċar li l-klawżola ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat kienet tkun valida biss sakemm ma tkunx waqfet il-protezzjoni jew l-assistenza tal-organu jew tal-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-waqfien ta’ din il-protezzjoni jew l-assistenza setgħetx biss twassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni bl-effetti ċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826). F’dan ir-rigward infakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jistgħu, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan li dan tal-aħħar ifittex li jilħaq ( 41 ). |
53. |
Għalhekk, biex nirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, sa fejn din tistabbilixxi, f’termini inekwivokabbli, id-dritt tar-refuġjati Palestinjani li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni u li ma jistgħux joqogħdu iktar fuq il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA sabiex ikollhom aċċess għall-benefiċċji tad-direttiva, għandha kontenut inkundizzjonali u preċiż biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati ( 42 ). |
54. |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tistax tiġi applikata mill-qorti tar-rinviju minkejja li ma ġietx invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li “d-dritt irrikonoxxut lill-parti kkonċernata sabiex tinvoka, taħt ċerti kundizzjonijiet, quddiem qorti nazzjonali, direttiva fir-rigward tagħha skada ż-żmien ta’ implimentazzjoni, ma jeskludix il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija direttiva, anki jekk il-parti ma tkunx invokatha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u biex tipproċedi għall-applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjonijiet attwali u inkundizzjonati ta’ din id-direttiva, filwaqt li ma tapplikax id-dritt nazzjonali kunfliġġenti. |
55. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-Grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tinkludi dispożizzjoni preċiża u inkundizzjonata biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-persuni kkonċernati quddiem il-qrati nazzjonali. Iċ-ċirkustanza fejn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħnija b’effett dirett ma tkunx ġiet invokata fil-kawża mill-parti kkonċernata ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tipproċedi għall-applikazzjoni diretta tagħha meta tqis li dan ikun neċessarju. |
D. Fuq it-tielet domanda preliminari
56. |
Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżultax li, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn persuna mingħajr Stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-UNRWA, il-qorti tal-ewwel istanza tistax tipproċedi għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95 anki jekk dan l-eżami ma jkunx ġie mwettaq qabel mill-amministrazzjoni kompetenti. |
57. |
Qabel kollox jeħtieġ li wieħed jistaqsi dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2013/32 għall-kawża prinċipali. |
58. |
Konformement mal-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva, it-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex idaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-artikoli tal-istess direttiva mniżżla f’din id-dispożizzjoni, li magħhom hemm l-Artikolu 46, kien jiskadi fl‑20 ta’ Lulju 2015. Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 “[l]-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) [ta’ din id-direttiva] fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati […] wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”. Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tal-istess direttiva “[l]-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 […] għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva [2005/85]”. |
59. |
Anki jekk il-koordinazzjoni bejn l-ewwel u t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 ma tidhirx daqshekk ċara ( 43 ), il-frażi “jew f’data aktar kmieni” li tidher fl-ewwel sentenza, li t-tqegħid tagħha fit-test tad-direttiva kien mitlub mill-Kunsill ( 44 ), jidher li trid tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jipprevedu, fl-att ta’ traspożizzjoni tad-direttiva, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jridu jikkonformaw lilhom infushom mal-artikoli elenkati fl-Artikolu 51(1) tagħha, kellhom japplikaw ukoll għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa qabel id-data stabbilita minn dan l-aħħar artikolu. Fil-każ fejn din il-possibbiltà ma ġietx eżerċitata, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 kien jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85 jibqgħu japplikaw. |
60. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ippreveda sistema tranżitorja speċifika, intiża li tikkoordina l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-ġdida (id-Direttiva 2013/32) u dawk tad-direttiva mħassra (id-Direttiva 2005/85). Abbażi ta’ din is-sistema, sakemm mhux previst mod differenti mil-leġiżlatur nazzjonali, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa qabel l-20 ta’ Lulju 2015 għandhom jiġu eżaminati abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85. |
61. |
Bi tweġiba għal talba għal kjarifika skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-Artikolu 37 tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32, li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Diċembru 2015, jindika li l-proċeduri li bdew qabel din id-data ġew deċiżi abbażi tad-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ qabel. Jirriżulta li, anki jekk b’mod impliċitu, il-leġiżlatur Bulgaru ddeċieda li ma jirrikorrix għall-possibbiltà tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, li jipprevedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva wkoll għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ qabel l-20 ta’ Lulju 2015. |
62. |
Peress li S. Alheto ressqet l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali fil‑25 ta’ Novembru 2014, din l-applikazzjoni, li tressqet kemm qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 fid-dritt Bulgaru, kif ukoll qabel id-data prevista mill-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva, kellha, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali (l-Artikolu 37 tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32) iktar milli tad-dritt tal-Unjoni (it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32), tiġi eżaminata abbażi tad-dispożizzjonijiet li ttrasponew id-Direttiva 2005/85 fid-dritt Bulgaru ( 45 ). |
63. |
Għalhekk, id-Direttiva 2013/32 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għaliha għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju, li skontha matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, il-qrati tal-Istati Membri kemm jista’ jkun ma għandhomx jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’tali mod li jkun hemm riskju li tiġi kompromessa serjament, wara li jintemm it-terminu ta’ traspożizzjoni, il-kisba tar-riżultat imfittex minn din id-direttiva ( 46 ), hija, fil-fehma tiegħi, inapplikabbli għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, minkejja li, kif innotat l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija), il-leġiżlatur Bulgaru ma pprevediex dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jittrasponi l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet li diġà kienu jeżistu qabel it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandhom jiġu kkunsidrati li “jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni” ( 47 ) tagħha, din id-direttiva, minkejja li daħlet fis-seħħ qabel ma S. Alheto ressqet l-applikazzjoni tagħha għall-ażil, tistabbilixxi b’mod espliċitu li, sakemm mhux previst mod ieħor mid-dritt nazzjonali, din l-applikazzjoni, peress li tressqet qabel l-20 ta’ Lulju 2015, għandha tiġi eżaminata abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85. |
64. |
Minħabba r-raġunijiet li ġew diskussi hawn fuq, it-tielet domanda preliminari għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi ddikjarata inammissibbli ( 48 ). Għalhekk il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin qegħdin isiru sempliċement b’mod sussidjarju. |
65. |
Nosserva li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, u d-definizzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq il-miżuri amministrattivi fir-rigward tal-ażil li dan l-artikolu jintroduċi, ħoloq ċertu interess min-naħa tal-qrati nazzjonali, kif jikkonferma l-fatt li kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tqajmu wkoll f’ħames rinviji għal deċiżjoni preliminari oħra li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ). Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, li kien limitat li jiddikjara l-obbligu li jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv, filwaqt li ħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-portata ta’ dan id-dritt ( 50 ), l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi bidla fil-perspettiva, li barra minn hekk tirrifletti l-livell differenti ta’ armonizzazzjoni bejn iż-żewġ atti. |
66. |
Mit-terminoloġija użata f’dan l-artikolu joħroġ b’mod ċar li, fl-istabbilizzazzjoni tal-istandard li miegħu, skont il-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw lilhom infushom sabiex josservaw l-obbligu, kif stipulat fil-paragrafu 1, li rimedju effettiv jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, bħala parametru ta’ riferiment, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (il-Qorti EDB) fir-rigward tal-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u tal-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni ( 51 ). |
67. |
Abbażi tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, rimedju jkun effettiv jekk jinkludi “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”, u “fejn applikabbli”, “eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali [tal-applikant] taħt id-Direttiva 2011/95”. |
68. |
Il-ħtieġa ta’ “eżami sħiħ”, li ma huwiex limitat fir-rigward tar-regoli tad-dritt applikabbli iżda jestendi għall-aċċertament u l-evalwazzjoni tal-fatti, ilha li ġiet stabbilita mill-Qorti EDB. Skont il-Qorti EDB, l-importanza tal-Artikolu 3 KEDB u l-irreparabbiltà tad-dannu li jista’ jiġi kkawżat fil-każ ta’ ksur tiegħu, jeħtieġu, sabiex rimedju jkun jista’ jitqies bħala effettiv, “stħarriġ bir-reqqa” ( 52 ) u “eżami indipendenti”, “rigoruż” ( 53 ) u sħiħ ( 54 ) tal-motivi li qegħdin jagħmlu riferiment għar-riskju tat-trattamenti pprojbiti minn dan l-artikolu. Dan l-eżami “jrid jippermetti li jelimina kwalunkwe dubju, leġittimu kemm hu leġittimu, fir-rigward tan-natura infondata tal-applikazzjoni għal protezzjoni, irrispettivament mill-portata tal-kompetenzi tal-awtorità inkarigata mill-istħarriġ” ( 55 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-ħtieġa ta’ tali eżami sħiħ timplika li l-istħarriġ tal-qorti jmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-iżnaturament tal-fatti jew tal-provi u tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. |
69. |
L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi wkoll li l-eżami sħiħ tal-fatti u tal-liġi tar-raġunijiet għal rimedju għandu jitwettaq “ex nunc”, jiġifieri mhux abbażi taċ-ċirkustanzi li fihom l-awtorità li adottat id-deċiżjoni kkontestata kellha jew suppost kellha għarfien tagħhom fil-mument ta’ din l-adozzjoni iżda ta’ dawk li kienu jeżistu fil-mument meta l-qorti tiddeċiedi ( 56 ). Dan jimplika li, minn naħa, hemm il-possibbiltà għall-applikant li jirrikorri għal elementi ġodda li ma ġewx imressqa quddiem l-awtorità li eżaminat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 57 ), u min-naħa l-oħra, hemm is-setgħa, għall-qorti li teżamina r-rimedju, li tipproċedi ex officio għall-ġbir ta’ elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-applikant. |
70. |
Fir-rigward tal-eżami tal-“ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant”, inkluż ukoll fl-istandard stabbilit mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, dan jimplika l-possibbiltà li min-naħa tal-qorti tiġi deċiża, fejn tikkunsidra li għandha fil-pussess tagħha d-data kollha neċessarja għal dan il-għan (“fejn applikabbli”), il-kwistjoni sottostanti ta’ kull deċiżjoni mniżżla fl-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk l-applikant għandux id-dritt li jingħatalu l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja. |
71. |
F’dan ir-rigward huwa importanti li jitfakkar li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat huwa “att dikjaratorju” ( 58 ) u mhux kostituttiv u li, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63) ( 59 ), dan jimplika li l-Istati Membri – u għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil – huma marbuta jagħtu dan l-istatus lil persuna li tissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni u “ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward”. Għalhekk, fl-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dawn l-awtoritajiet għandhom jipproċedu għal klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li ma timplika l-eżerċizzju ta’ ebda diskrezzjonalità amministrattiva. Fejn il-qorti tqis li din il-klassifikazzjoni tkun żbaljata, għandha tkun tista’ tipproċedi hija stess, konformement mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, fejn l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha jippermettulha tagħmel dan, għall-eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, mingħajr ma tkun marbuta tibgħat lura l-fajl lill-amministrazzjoni. Jekk, abbażi ta’ dan l-eżami, din tasal għall-konklużjoni li l-applikant jissodisfa l-kriterji sabiex jiġi kkunsidrat bħala refuġjat jew sabiex jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, din il-qorti, fejn ma tkunx kompetenti, abbażi tad-dritt nazzjonali, li tadotta l-miżura li tagħti l-protezzjoni internazzjonali, u għalhekk ma tkunx tista’ tbiddel id-deċiżjoni kkontestata, xorta għandu jkollha s-setgħa li tifformula indikazzjonijiet vinkolanti dwar il-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali tal-applikant, li magħhom l-awtorità li tkun responsabbli mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun meħtieġa li tikkonforma lilha nnifisha. |
72. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, insostni li, fejn l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ikun applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tkun meħtieġa, sa fejn ikun possibbli, tinterpreta r-regoli tal-APK fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ S. Alheto, hija jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha fid-dawl tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u, fejn tali interpretazzjoni ma tkunx possibbli, ma tapplikax dawk, minn fost dawn ir-regoli, li ma jippermettulhiex li tipproċedi għall-imsemmi eżami. |
73. |
Madankollu, ma nemminx li l-istess riżultat jista’ jintlaħaq abbażi tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, minħabba r-raġunijiet indikati fil-punt 65 iktar ’il fuq. |
E. Fuq il-ħames domanda preliminari
74. |
Permezz tal-ħames domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-assistenza pprovduta mill-UNRWA fiż-żona fejn topera tistax titqies bħala forma ta’ “protezzjoni suffiċjenti” skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija magħmula bl-għan li jiġi evalwat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-Ġordan jistax jitqies bħala “l-ewwel pajjiż ta’ asil” ta’ S. Alheto. Skont il-qorti tar-rinviju, li kieku kien possibbli li jiġi konkluż f’dan is-sens, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn din tal-aħħar tkun tista’ titqies bħala inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32. |
75. |
Qabel ma nirrispondi din id-domanda, għandu jitfakkar li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, jirriproduċi t-test tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85 li ppreċediet id-Direttiva 2013/32. Peress li, fid-dawl ta’ dak li ġie speċifikat fil-punti 58 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma applikabbli biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru adottati skont id-Direttiva 2005/85, għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ S. Alheto, il-ħames domanda preliminari għandha, wara riformulazzjoni, titqies li tittratta l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tal-istess direttiva. |
76. |
L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 – bħall-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 li hemm fis-seħħ bħalissa – kien jipprevedi li l-Istati Membri ma kinux meħtieġa jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil fuq il-mertu fil-każ li din l-applikazzjoni kellha titqies bħala inammissibbli abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 2. Fost dawn ir-raġunijiet kien jirriżulta, fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, iċ-ċirkustanza meta pajjiż terz ikun meqjus bħala “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” għall-applikant skont l-Artikolu 26 tal-istess direttiva 2005/85. Dan l-artikolu kien jipprovdi, fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu, żewġ sitwazzjonijiet differenti fejn pajjiż terz seta’ jiġi kkunsidrat bħala “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” tal-applikant. L-ewwel waħda kienet tirrigwarda l-każ fejn l-applikant seta’ ġie “rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat” u xorta seta’ jibqa’ jibbenefika minn din il-protezzjoni. It-tieni sitwazzjoni kienet tirrigwarda l-każ fejn l-applikant kien igawdi “diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju tan-non-refoulement”. |
77. |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 60 ) jirriżulta li l-verżjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 13(2) taż-ZUB applikabbli għall-applikazzjoni ta’ S. Alheto ma kinitx tipprevedi t-tieni sitwazzjoni prevista mill-punt (b), tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85. Fl-att ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, skont kif affermat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Bulgaru ddeċieda li jillimita l-possibbiltà li tiġi ddikjarata inammissibbli applikazzjoni għall-ażil skont l-Artikolu 25(2)(b) tal-istess direttiva għall-uniku każ fejn l-applikant ikun jirriżulta li jgawdi mill-istatus ta’ refuġjat f’pajjiż terz sigur. Huwa biss fil-mument ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 li dan il-leġiżlatur, skont kif ġie dedott mid-digriet tar-rinviju, introduċa wkoll fil-punt 2 tal-Artikolu 13(2) taż-ZUB ir-raġuni għall-inammissibbiltà tal-applikazzjoni inkwistjoni fejn l-applikant, f’pajjiż terz, ikun jibbenefika minn, “protezzjoni effettiva komprensiva tal-prinċipju ta’ non-refoulement”. Madankollu, din il-verżjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 13(2) taż-ZUB ma hijiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali. |
78. |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri setgħu “jintroduċu jew iżommu fis-seħħ standards aktar favorevoli għal proċeduri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, sa fejn dawk l-istandards [setgħu jkunu] kompatibbli [mal-istess] Direttiva”. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/95 jirriżulta li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà, mhux l-obbligu, li jipprevedu fil-proċeduri nazzjonali rispettivi tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil, ir-raġunijiet tal-inammissabbiltà msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, filwaqt li mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva huwa dedott li l-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola fejn l-applikazzjonijiet għall-ażil kollha jridu jiġu eżaminati fuq il-mertu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ( 61 ). |
79. |
Għalhekk, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur Bulgaru seta’ b’mod leġittimu jiddeċiedi, kif għamel, li ma jittrasponix ir-raġunijiet kollha ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-ażil previsti mill-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85, u b’mod partikolari, dak li jirriżulta mill-kunsiderazzjoni magħquda tal-Artikolu 25(2)(b) u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva ( 62 ). |
80. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li, abbażi tad-dritt Bulgaru applikabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ S. Alheto, din l-applikazzjoni fl-ebda każ ma setgħet tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni prevista mill-kunsiderazzjoni magħquda tal-Artikolu 25(2)(b) u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85, sa fejn il-ħames domanda preliminari tittratta, kif ġiet irriformulata, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija għandha natura ipotetika u għalhekk hija inammissibbli ( 63 ). |
81. |
Għalhekk b’mod sempliċement sussidjarju ser nipproċedi, b’dan li ġej, għal eżami konċiż ta’ din id-domanda preliminari. |
82. |
Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85 għandu jinqara fid-dawl tal-imsemmija premessa 22 ta’ din id-direttiva, li skontha l-Istati Membri jistgħu jiġu eżentati mill-eżami fuq il-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-każ fejn wieħed jista’ “raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor […] jipprovdi protezzjoni suffiċjenti”, b’mod partikolari “fejn pajjiż ta’ ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew diversament protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż”. |
83. |
Issa, minn din il-premessa jirriżulta b’mod ċar li hija biss protezzjoni li tingħata mill-pajjiż maħsub li jiġi kkwalifikat bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil tal-applikant li tista’ tkun sinjifikattiva sabiex tiġi applikata r-raġuni tal-inammissibbiltà msemmija fil-kunsiderazzjoni flimkien tal-Artikolu 25(2)(b) u tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85. U ma jistax ikun mod ieħor, peress li l-protezzjoni kontra r-refoulement, li tagħmel parti mill-kontenut tal-protezzjoni li jirreferi għaliha l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85, tista’ tiġi ggarantita biss mill-pajjiż li fih l-applikant ikun ser jirritorna, bil-kundizzjoni li jiġi ammess mill-ġdid, meta l-applikazzjoni tiegħu tiġi ikkunsidrata inammissibbli abbażi tar-raġuni prevista mill-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tal-istess direttiva. Għalkemm organu bħall-UNRWA jista’ jagħti assistenza jew servizzi essenzjali li huma parzjalment simili għal dawk mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istat fil-kuntest ta’ sistema ta’ protezzjoni internazzjonali jew umanitarja, madankollu dan ma jistax joffri lill-individwi li jaqgħu fil-qasam tal-azzjoni l-garanzija li, jekk jitilqu għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħhom, mit-territorju fejn tinsab ir-residenza abitwali tagħhom sabiex isibu refuġju f’pajjiż ieħor li jinsab fiż-żona fejn jopera l-istess organu, huma ma humiex ser jintbagħtu lura minn dan il-pajjiż lejn it-territorju minn fejn ikunu telqu. |
84. |
Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85 jista’ jiġi dedott li hija biss protezzjoni li tirriżulta mill-għoti lill-applikant, min-naħa tal-pajjiż meqjus bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil, ta’ status partikolari li għalkemm ma għandux l-istess kontenut tal-istatus ta’ refuġjat li huwa ddefinit mill-istrumenti internazzjonali rilevanti, jipproteġih b’mod effettiv ( 64 ), b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra r-refoulement ( 65 ), li tista’ tikkostitwixxi “protezzjoni suffiċjenti” skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26, ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, bħalma l-unika possibbiltà għall-applikant biex jitlob u jikseb ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat ma hijiex biżżejjed sabiex il-pajjiż inkwistjoni jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil skont il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, is-sempliċi previżjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni li l-applikant jista’ jkollu aċċess għaliha li kieku jkun ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż ma sservix sabiex ikun jista’ jiġi applikat il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni u sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata inammissibbli l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 25(2)(b) tad-Direttiva 2005/85. |
85. |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li S. Alheto, li għaddiet mill-Ġordan fejn irrisjediet hemm għal 23 jum qabel ma bdiet il-vjaġġ tagħha lejn il-Bulgarija, tibbenefika f’dan il-pajjiż minn status speċifiku li jippermettilha, b’mod partikolari, li tkun protetta minn refoulement possibbli lejn l-Istrixxa ta’ Gaża ( 66 ). Is-sempliċi appartenenza ta’ S. Alheto lil grupp ta’ persuni (refuġjati Palestinjani rreġistrati mal-UNRWA) li jgawdu minn status internazzjonali partikolari, irrikonoxxut mill-Ġordan ( 67 ) ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi applikat l-Artikolu 25(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, peress li l-kundizzjonijiet li għalihom din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiddikjaraw bħala inammissibbli applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu vverifikati b’riferiment għas-sitwazzjoni individwali tal-applikant. |
86. |
Bl-istess mod, fid-digriet tar-rinviju, ma hemm l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit li, ladarba S. Alheto tirritorna lejn il-Ġordan, ikollha aċċess għall-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA f’dan il-pajjiż. |
87. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-Linji Gwida ta’ Diċembru 2017 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għar-refuġjati Palestinjani ( 68 ), l-UNHCR speċifikat, li “ebda Stat ma jista’ jassumi, b’mod sigur, li refuġjat Palestinjan ikun jista’ jibbenefika minn aċċess għall-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA f’żona fejn topera [din l-aġenzija] u li fiha qatt ma kien residenti jew inkella kien preċedentament residenti fiha” ( 69 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-UNHCR l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni tkun timponi, “ostakoli irraġonevoli u insuperabbli għall-applikant” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tkun tinjora r-realtà tar-relazzjonijiet internazzjonali, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ sovranità tal-Istati. Fi kliem ieħor, iċ-ċirkustanza li applikant għall-ażil irreġistrat mal-UNRWA jkun ibbenefika mill-protezzjoni jew l-assistenza ta’ din l-aġenzija fit-territorju fejn kellu r-residenza abitwali qabel ma daħal fl-Unjoni ma tipprovdi l-ebda garanzija li jista’ jkompli jibbenefika minn din il-protezzjoni jew l-assistenza f’pajjiż differenti ġewwa ż-żona fejn topera l-UNRWA, li magħha ma għandu l-ebda rabta preċedenti. Fil-każ ta’ S. Alheto, id-digriet tar-rinviju ma jsemmi l-ebda rabta, la familjari u lanqas ta’ xi tip ieħor, mal-Ġordan. |
88. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma jeżistux garanziji biżżejjed sabiex S. Alheto jkollha aċċess għall-assistenza tal-UNRWA fil-Ġordan, li kieku kellha tiġi ammessa mill-ġdid f’dan l-Istat, u lanqas li tkun tista’ tibbenefika, f’dan l-Istat, minn “protezzjoni suffiċjenti” skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85. |
89. |
Nikkonkludi billi nenfasizza li, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Genève la tipprevedi u lanqas teskludi b’mod espliċitu l-użu ta’ miżuri li jirrikonoxxu l-“protezzjoni xi mkien ieħor” (permezz tal-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil jew “pajjiż terz sigur”), dawn il-miżuri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli ma’ din il-konvenzjoni biss fil-limiti li jiggarantixxu l-applikazzjoni, għall-persuni li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 1 tal-istess konvenzjoni, tad-drittijiet stabbiliti minnha. Huwa għalhekk neċessarju li, fejn ikollhom l-intenzjoni li jirrikorru għall-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil” skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85, u issa tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, l-awtoritajiet tal-Istat Membru kompetenti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jridu jaċċertaw lilhom infushom dwar l-effettività tal-protezzjoni mogħtija lill-applikant minn dan il-pajjiż, b’mod partikolari jekk, bħal fil-każ tal-Ġordan, l-imsemmi pajjiż diġà jilqa’ fih ammont sostanzjali ta’ refuġjati ( 70 ). |
F. Fuq ir-raba’ u s-sitt domanda preliminari
90. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, jippermettix li l-qorti li quddiemha tressaq ir-rikors kontra deċiżjoni li tiċħad fuq il-mertu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tiddeċiedi għall-ewwel darba: i) dwar l-ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni abbażi tar-raġunijiet previsti mill-Artikolu 33(2)(a) sa (c) tad-Direttiva 2013/32, anki jekk l-intervista prevista mill-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32 ma tkunx seħħet; ii) dwar ir-refoulement tal-applikant lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza abitwali. |
91. |
Din id-domanda preliminari hija, fil-fehma tiegħi, inammissibbli fl-istruttura tagħha minħabba r-raġunijiet indikati fil-punti 57 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-parti taħt il-punt (i) ta’ din id-domanda preliminari hija wkoll inammissibbli minħabba r-raġunijiet mogħtija fil-punti 76 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 71 ). |
92. |
Fir-rigward tal-parti taħt il-punt (ii), ser nillimita ruħi, b’mod sussidjarju, li nosserva li l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji li għalihom ikun espost l-applikant jekk jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew il-pajjiż fejn kellu r-residenza abitwali qabel ma ressaq din l-applikazzjoni, bil-għan li jiġi vverifikat jekk il-kriterji għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti, u li l-prinċipju ta’ non-refoulement huwa osservat. Għalhekk, fejn jirriżulta li l-awtorità kompetenti evalwat b’mod korrett ir-riskji msemmija fil-kuntest ta’ eżami mwettaq fir-rigward tal-prinċipji fundamentali u tal-garanziji msemmija fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32, is-sempliċi fatt li din l-awtorità ma ħaditx, fid-deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali, pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk l-applikant jistax jiġi immedjatament imkeċċi mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza abitwali, ma jikkostitwixxix nuqqas li jista’ jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-kuntest tas-setgħat li huma kkonferiti konformement mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-qorti li quddiemha ġie ppreżentat ir-rikors kontra din id-deċiżjoni tista’, jekk tqis li huwa xieraq, tiddeċiedi għall-ewwel darba fuq din il-kwistjoni. Huwa ċar li, fi kwalunkwe każ, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, is-sitwazzjoni tal-applikant trid tittieħed inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni kompetenti fil-mument li fih jiġi deċiż li huwa għandu jitkeċċa u qabel ma sseħħ din it-tkeċċija. |
93. |
Permezz tas-sitt domanda preliminari l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja liema huma s-setgħat mogħtija mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 lill-qorti li quddiemha ġie ppreżentat ir-rikors kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali u, b’mod partikolari, jekk din il-qorti jkollhiex tillimita ruħha għal stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jew jekk tistax tiddeċiedi dwar il-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali tal-applikant anki jekk, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha, tali protezzjoni tista’ tingħata biss permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva. |
94. |
Anki din id-domanda preliminari hija inammissibbli għar-raġunijiet indikati fil-punti 57 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fuq il-mertu, nirreferi għall-osservazzjonijiet li saru b’mod sussidjarju fil-punti 74 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
IV. Konklużjoni
95. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara bħala inammissibbli t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) u tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari kif ġej: “Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn persuna mingħajr Stat, ta’ oriġini Palestinjana, irreġistrata mal-UNRWA, li r-residenza abitwali tagħha, qabel ma daħlet fl-Unjoni, kienet tinsab fiż-żona fejn jopera dan l-organu, għandha tiġi eżaminata abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tinkludi dispożizzjoni preċiża u inkundizzjonata biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-persuni kkonċernati quddiem il-qrati nazzjonali. Iċ-ċirkustanza li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħnija b’effett dirett ma tkunx ġiet invokata fil-kawża mill-parti kkonċernata ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tipproċedi għall-applikazzjoni diretta tagħha fejn tqis li din tkun neċessarja.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 3 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 4 ) Il-Konvenzjoni ta’ Genève ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-istatus ta’ refuġjat, li ġie adottat fil‑31 ta’ Jannar 1967 u mdaħħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.
( 5 ) Ara s-sit internet tal-UNRWA fuq l-indirizz https://www.unrwa.org/who-we-are. Madankollu, l-UNRWA la għandha u lanqas tiġġestixxi kampijiet għar-refuġjati u għalhekk dawn ir-refuġjati jaqgħu biss taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet ospitanti, https://www.unrwa.org/palestine-refugees.
( 6 ) Ara https://www.unrwa.org/who-we-are/frequently-asked-questions. Fir-rigward tar-rwol tal-UNRWA, ara, l-iktar reċenti, ir-Riżoluzzjoni 72/82 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas‑7 ta’ Diċembru 2017.
( 7 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 44).
( 8 ) Din tirrigwarda, rispettivament, id-dispożizzjonijiet kumplimentari li jemendaw u jikkompletaw iż-ZUB, ippubblikati fid-DV Nru 80 tal‑2015 u d-dispożizzjonijiet kumplimentari li jemendaw u jikkompletaw iż-ZUB, ippubblikati fid-DV Nru 101 tal‑2015.
( 9 ) Il-verżjoni fis-seħħ bħalissa tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB li jirriproduċi kważi b’mod letterali l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, hija differenti minn dan tal-aħħar mill-mod ta’ kif tuża l-formulazzjoni negattiva “ma tkunx waqfet” minflok dik pożittiva “tieqaf”.
( 10 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96). Il-liġi li ttrasponiet fid-dritt Bulgaru din id-direttiva ġiet ippubblikata fid-DV Nru 52 tal‑2007.
( 11 ) L-Artikolu 75(2) taż-ZUB fil-verżjoni preċedenti għat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, kienet tinkludi dispożizzjonijiet sostanzjalment identiċi għal dawk imsemmija hawn fuq.
( 12 ) F’parti oħra mid-digriet tar-rinviju, hemm miktub li S. Alheto qiegħda ssostni li ppreżentat id-dokument tal-UNRWA fl-intervista mad-DAB, iżda din l-awtorità rrifjutat li tinkludih fil-fajl.
( 13 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 28). Ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 42).
( 14 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 30).
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 29). Ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 43).
( 16 ) Ara, Note on UNHCR’s Interpretation of Article 1D of the 1951 Convention relating to the Status of Refugees and Article 12(1)(a) of the EU Qualification Directive in the context of Palestinian refugees seeking international protection, ta’ Mejju 2013, aċċessibbli fuq is-sit internet http://www.refworld.org/docid/518cb8c84.html. F’dan id-dokument (p. 2 u 3), huwa speċifikat li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jaqgħu żewġ gruppi ta’ refuġjati Palestinjani u d-dixxendenti tagħhom: 1) il-Palestinjani li ġew irrikonoxxuti bħala “refuġjati Palestinjani” skont ir-Riżoluzzjoni 194(III) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑11 ta’ Diċembru 1948 u tar-riżoluzzjonijiet sussegwenti ta’ din l-assemblea li skonthom, b’riżultat tal-kunflitt tal-Għarab u l-Iżraeljani tal‑1948, ġew spostati mill-Mandat Brittaniku tal-Palestina, dak li mbagħad sar l-Istat ta’ Iżrael, mingħajr ma setgħu jirritornaw u 2) il-Palestinjani li ma jidħlux fil-kategorija preċedenti iżda li ġew spostati skont ir-Riżoluzzjoni 2252 (ES-V) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑4 ta’ Lulju 1967 u tar-riżoluzzjonijiet sussegwenti rilevanti, u li, b’riżultat tal-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeljani tal‑1967 ġew spostati mit-territorji Palestinjani li ġew okkupati mill-Iżrael fil-bidu tal‑1967 mingħajr ma setgħu jirritornaw. Ara wkoll UNHCR, Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees, Diċembru 2017, aċċessibbli fuq is-sit internet http://www.refworld.org/publisher,UNHCR,THEMGUIDE,,5a1836804,0.html, punt 8.
( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punti 47 u 48).
( 18 ) Dawn huma r-Riżoluzzjoni 194 (III) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal‑11 ta’ Diċembru 1948 u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti. L-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti tivverifika perjodikament l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda fil-konfront tar-refuġjati Palestinjani u, fejn xieraq, tadattahom għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fit-territorji kkonċernati. L-aħħar waħda, kronoloġikament, hija r-Riżoluzzjoni Nru 72/80 tas‑7 ta’ Diċembru 2017 dwar l-Assistenza għar-Refuġjati Palestinjani, fejn l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-punt 1, “[b]’dispjaċir tinnota li għadu ma kien hemm la r-ripatrijazzjoni u lanqas ikkumpensar, previsti fil-punt 11 tar-Riżoluzzjoni Nru 194 (III) tagħha, u li, minħabba f’dan, is-sitwazzjoni tar-refuġjati Palestinjani għadha suġġett ta’ tħassib serju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
( 19 ) Tajjeb li wieħed jinnota li, anki jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, lejn l-aħħar tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-“benefiċċji” ta’ din id-direttiva, il-klawżola ta’ inklużjoni, bħall-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-istess dispożizzjoni tirrigwarda biss l-“istatus ta’ refuġjat”, ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 67).
( 20 ) L-UNHCR ma taqbilx ma’ din l-interpretazzjoni, għax tqis li hija bbażata fuq interpretazzjoni eċċessivament formalistika u restrittiva tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Skont dan l-organu, mhux biss min effettivament jibbenefika mill-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, iżda kull persuna li, għalkemm qatt ma tkun ibbenefikat minnhom, hija intitolata għal din il-protezzjoni jew assistenza peress li tidħol fil-mandat tal-UNRWA; ara, f’dan ir-rigward, Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees tal-UNHCR, iċċitati iktar ’il fuq, punti 12 u 13 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.
( 21 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 56).
( 22 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 65 u punt 1 tad-dispożittiv).
( 23 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 81 u punt 2 tad-dispożittiv).
( 24 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 80).
( 25 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 62).
( 26 ) Ara UNHCR Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees, iċċitati iktar ’il fuq, punti 6 u 7.
( 27 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 79)
( 28 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, UNHCR, Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees, iċċitati iktar ’il fuq, punt 11.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punto 54).
( 30 ) Konformement ma’ dak li hemm previst mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32.
( 31 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 61 u 64).
( 32 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 63, ara wkoll il-punt 65 u l-punt 1 tad-dispożittiv).
( 33 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826, punt 64), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/83 (li issa sar l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95) huwa applikabbli b’analoġija għall-eżami individwali li għandu jitwettaq skont it-tieni sentenza tal-Artikolu (12)(1)(a) ta’ din id-direttiva.
( 34 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, UNHCR, Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees, iċċitati iktar ’il fuq, punt 22.
( 35 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punt 52). Ara wkoll, UNRWA, Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees tal-UNHCR, iċċitati iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll il-Verżjoni Kkonsolidata tal-Istruzzjonijiet għall-Eliġibbiltà u r-Reġistrazzjoni (Consolidated Eligibility and Registration Instructions), tal‑1 ta’ Jannar 2009, Taqsima II.A.1, p. 3, disponibbli fuq is-sit internet http://www.refworld.org/docid/520cc3634.html CERI 2009. Ir-reġistrazzjoni mal-UNRWA madankollu ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex il-persuna inkwistjoni titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Bolbol (C‑31/09, EU:C:2010:351, punti 46 u 52).
( 36 ) Fuq dan ir-rigward, ser infakkar biss li S. Alheto telqet mill-Istrixxa ta’ Gaża fil‑15 ta’ Lulju 2014, jiġifieri ftit jiem wara l-bidu tal-operazzjoni Iżrealjana “Marġni ta’ Protezzjoni” (tat‑8 ta’ Lulju 2014), li minnha rriżultaw 51 jum ta’ gwerra li, skont id-data tan-Nazzjonijiet Uniti, ikkawżat il-mewt ta’ eluf ta’ persuni ċivili; ara r-riżoluzzjoni li ġiet adottata matul il-kunflitt mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fit‑23 ta’ Lulju 2014.
( 37 ) F’dan ir-rigward, ara, għall-kuntrarju, il-punt 77 tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et (C‑364/11, EU:C:2012:826). Ara, UNHCR, Guidelines on International protection n. 13, Applicability of article 1D of the 1951 Convention relating to the status of refugees to Palestinian refugees, iċċitati iktar ’il fuq, punt 22(k). F’dan ir-rigward, irreferi wkoll għall-osservazzjonijiet magħmula fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95, effettivament ma kienx jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni peress li sostanzjalment huwa identiku għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/83 (fil-fatt ma jidhirx ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2011/95 li fihom l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw att ta’ traspożizzjoni), madankollu l-leġiżlatur Bulgaru evidentement kellu l-intenzjoni li japprofitta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 sabiex jikkoreġi l-formulazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB li kien ittraspona b’mod żbaljat l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/83.
( 39 ) Id-deċiżjoni tad-DAB li ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minn S. Alheto ngħatat fit‑12 ta’ Mejju 2015, filwaqt li l-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/95 daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Ottubru 2015 u, abbażi tad-dritt Bulgaru, ma hijiex applikabbli retroattivament.
( 40 ) L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 kellu l-istess kontenut tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttva 2011/95.
( 41 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 34). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 42 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, H. (C‑174/16, EU:C:2017:637, punt 69).
( 43 ) Iż-żewġ dispożizzjonijiet jidhru, fil-fatt, li qegħdin jikkontradixxu lil xulxin sa fejn l-ewwel waħda tawtorizza applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mressqa qabel l‑20 ta’ Lulju 2015, filwaqt li t-tieni tistabbilixxi li dawn l-applikazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/85.
( 44 ) Ara, il-Pożizzjoni (UE) Nru 7/2013 tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, C 179 E, p. 27).
( 45 ) Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt Bulgaru, il-qorti tar-rinviju taqbel ma’ din il-konklużjoni fejn enfasizzat kif applikazzjoni retroattiva tal-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 għall-applikazzjoni ta’ S. Alheto kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni Bulgara.
( 46 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 122 u 123) u tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 37). Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment ukoll għat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:691, punti 32 sa 35).
( 47 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 37).
( 48 ) Ara, madankollu, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet id-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milan, l-Italja) mingħajr ma eżaminat minn qabel il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2013/32 għall-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ Sacko (imressqa qabel l‑20 ta’ Lulju 2015, iżda miċħuda wara din id-data).
( 49 ) Dawn jinkludu żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari oħra li ġejjin mill-Adlministrativen Sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) (Kawżi C‑652/16 u C‑56/17), rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq mill-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjuti suċċessivi tal-protezzjoni internazzjonali li kull darba ġew annullati b’rikors mill-applikant, fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex irrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (C‑113/17), rinviju preliminari Ungeriż (C‑556/17) u rinviju preliminari mressaq mill-Kunsill tal-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi (motivi ġodda għall-ażil) (C‑586/17).
( 50 ) It-tieni sentenza tal-premessa 27 tad-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi li “[l]-effikaċja tar-rimedju, ukoll fir-rigward ta’ l-eżami tal-fatti relevanti, tiddependi fuq is-sistema amministrattiva u ġudizzjarja ta’ kull Stat Membru fit-totalità tagħha”.
( 51 ) Kif ġie nnotat, l-Artikolu 3 KEDB jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, waqt li l-Artikolu 13 jipprovdi d-dritt għal rimedju effettiv f’każ ta’ ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-konvenzjoni.
( 52 ) Ara, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ April 2005, Chamaiev et vs Il‑Ġeorġja u Ir-Russja (ECLI:CE:ECHR:2005:0412JUD003637802, punt 448).
( 53 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Lulju 2000, Jabari vs It‑Turkija (ECLI:CE:ECHR:2000:0711JUD004003598, punt 50), u tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il‑Belġju (ECLI:CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 293 u 388).
( 54 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ottubru 2012, Singh et vs Il‑Belġju (ECLI:CE:ECHR:2012:1002JUD003321011, punt 103). Ara wkoll is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 56) u tal‑31 ta’ Jannar 2013, HID u BA (C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 75).
( 55 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ottubru 2012, Singh et vs Il‑Belġju (ECLI:CE:ECHR:2012:1002JUD003321011, punt 103). Fl-istess direzzjoni, fis-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 56), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “r-raġunijiet li wasslu lill-awtorità kompetenti tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil bħala infondata, [għandhom ikunu] jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami fil-fond mill-qorti nazzjonali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
( 56 ) F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ottubru 2012, Singh et vs Il‑Belġju (ECLI:CE:ECHR:2012:1002JUD003321011, punt 91).
( 57 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S vs Il‑Belġju (ECLI:CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 389).
( 58 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2011/95. Loġikament anki l-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jkollu l-istess natura.
( 59 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat lilha nnifisha, f’dan il-każ, fuq il-premessa 14 tad-Direttiva 2004/83, li, b’terminoloġija simili, kienet tafferma li “[l]-għarfien ta’ stat ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju”.
( 60 ) Punt 49 ta’ din id-deċiżjoni.
( 61 ) L-istess jista’ jingħad dwar l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 (ara l-premessa 43 ta’ din id-direttiva, li l-kontenut tagħha huwa l-istess bħall-premessa 22 tad-Direttiva 2005/85). Għall-kuntrarju, qiegħed ninnota, li l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM/2016/467 finali) tipprevedi, fl-Artikolu 36(1)(a) tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri sabiex jipproċedu għall-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tar-raġuni li tistrieħ fuq il-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż tal-asil”, iddefinit mill-Artikolu 44 ta’ din il-proposta.
( 62 ) Madankollu, minn studju komparattiv imwettaq mill-UNHCR jirriżulta li mhux il-Bulgarija biss ma ttrasponietx il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85, iżda, fil-prattika, almenu sal‑2010, dan il-pajjiż ma kienx japplika l-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ażil”, u li ċ-ċirkustanza sabiex wieħed jibbenefika, f’pajjiż terz, mill-istatus ta’ refuġjat tqieset pjuttost bħala raġuni sabiex l-applikazzjoni għall-ażil tiġi miċħuda fuq il-mertu iktar milli raġuni sabiex tiġi ddikjarata inammissibbli, ara, UNHCR, Improving asylum procedures: comparative analysis and reccomendations for law and practice, detailed research on key asylum procedures, Marzu 2010, p. 285, aċċessibbli fuq http://www.unhcr.org/4c7b71039.pdf.
( 63 ) Ara inter alia, id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Fondul Proprietatea (C‑556/15 u C‑22/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:494, punti 20 u 21).
( 64 ) Skont kif inhu rrakkomandat mill-UNHCR, l-Istati Membri li japplikaw il-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, għandhom jinterpretaw il-kunċett ta’ “protezzjoni suffiċjenti” skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2005/85, u issa tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, fis-sens ta’ protezzjoni “effettiva u disponibbli b’mod konkret”, ara, UNHCR, Improving asylum procedures: comparative analysis and reccomendations for law and practice, detailed research on key asylum procedures tal-UNHCR, Marzu 2010, p. 282 u 291, aċċessibbli fuq http://www.unhcr.org/4c7b71039.pdf; ara wkoll, UNHCR, Summary Conclusions on the Concept of “Effective Protection” in the Context of Secondary Movements of Refugees and Asylum-Seekers Directive, (Lisbon Expert Roundtable, 9 u 10 ta’ Diċembru 2002), Frar 2003, aċċessibbli fuq http://www.unhcr.org/protection/globalconsult/3e5f323d7/lisbon-expert-roundtable-summary-conclusions-concept-effective-protection.html.
( 65 ) Infakkar li t-trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn Stat li fih ser jirriskja r-refoulement lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu jinkludi possibbiltà ta’ refoulement indirett bi ksur tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Għalhekk l-ewwel pajjiż ta’ ażil għandu joffri garanziji effettivi fir-rigward tal-osservanza effettiva ta’ dan il-prinċipju fil-konfront tal-applikant. Fuq dan ir-rigward, qiegħed ninnota li l-Ġordan, għalkemm jilqa’ fih numru sostanzjali ta’ refuġjati Palestinjani, ma huwiex wieħed mill-pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Genève.
( 66 ) F’dan ir-rigward, nosserva li diversi każijiet ta’ refoulement ta’ refuġjati Palestinjani, b’mod partikolari dawk li ġejjin mis-Sirja ġew irreġistrati mal-Human Rights Watch fil-Ġordan, ara f’dan ir-rigward, Global Dentention Project (GDP), Immigration Detention in Jordan, Marzu 2015, aċċessibbli fuq is-sit internet: http://www.refworld.org/docid/556738404.html, p. 11. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ non-refoulement min-naħa tal-Ġordan ara wkoll Human Rights Watch, World Report, 2018, p. 307.
( 67 ) Il-Ġordan ħareġ passaport temporanju lil dawk il-Palestinjani li telqu mill-Istrixxa ta’ Gaża fl-1967, li huwa forma ta’ permess li jiċċertifika r-residenza fit-territorju Ġordaniż. Dwar il-funzjonament tal-passaport temporanju ara l-istudju ta’ A. Tiltnes u H. Zhang, Progress, challenges, diversity, Insights into the socio-economic conditions of Palestinian refugees in Jordan, aċċessibbli fuq is-sit internet https://www.unrwa.org/sites/default/files/insights_into_the_socio-economic_conditions_of_palestinian_refugees_in_jordan.pdf, p. 32. Dan l-istudju jenfasizza l-kundizzjoni ta’ faqar partikolari u r-restrizzjonijiet għall-aċċess għas-servizzi soċjali, edukattivi u sanitarji tal-Palestinjani li ġejjin mill-Istrixxa ta’ Gaża u li huma neqsin miċ-ċittadinanza Ġordaniża anki jekk huma detenturi tal-imsemmi passaport; ara, b’mod speċjali, p. 258 et seq. Ir-reġistrazzjoni mal-UNRWA ma tidhirx li għandha impatt sinjifikattiv fuq l-aċċessibbiltà ta’ dawn il-persuni għal dawn is-servizzi essenzjali; ara, fir-rigward tal-kopertura sanitarja, b’mod speċjali p. 99 et seq.
( 68 ) Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet
( 69 ) Ara l-punt IV(k) tal-paragrafu 22 ta’ dawn il-linji gwida.
( 70 ) Il-Ġordan jilqa’ fih madwar żewġ miljun Palestinjan bejn refuġjati u spostati. Fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni, ara l-istudju ta’ A. Tiltnes u H. Zhang, Progress, challenges, diversity, Insights into the socio-economic conditions of Palestinian refugees in Jordan, iċċitat iktar ’il fuq.
( 71 ) Minkejja r-riferiment li sar fl-istruttura tad-digriet tar-rinviju għall-kunċett ta’ pajjiż terz sigur skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32, mill-formulazzjoni tar-raba’ domanda preliminari ma jirriżultax li l-Administrativen sad Sofia-Grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija) kellha l-intenzjoni li tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-raġuni tal-inammissibbiltà mniżżla fl-Artikolu 33(2)(c) tad-Direttiva 2013/32.