KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-28 ta’ Novembru 2017 ( 1 )
Kawża C‑579/16 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
FIH Holding A/S,
FIH Erhvervsbank A/S
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Settur bankarju— Għajnuna mogħtija lill-bank Daniż FIH fil-forma ta’ trasferiment tal-assi żvalutati tiegħu lil sussidjarja ġdida u tax-xiri sussegwenti tagħhom mill-korp Daniż inkarigat li jiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja — Definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat — Kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq — Applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq f’sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju diġà rċieva għajnuna mill-Istat”
Introduzzjoni
1. |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑386/14 ( 2 ), li fiha l-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/884/UE dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju tad-Danimarka lil FIH. ( 3 ) |
2. |
Essenzjalment il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi għażlet qafas analitiku żbaljat sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, billi ma applikatx il-kriterju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq, varjant tal-kriterju tal-“operatur privat f’ekonomija tas-suq” (iktar ’il quddiem “OES”). ( 4 ) |
3. |
Il-mistoqsija prinċipali magħmula f’dan l-appell hija s-segwenti: il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-espożizzjoni finanzjarja tal-Istat Membru, bħala kreditur, meta dik l-espożizzjoni tirriżulta mill-għajnuna tal-Istat mogħtija preċedentement lill-impriża inkwistjoni? |
4. |
Billi din il-kwistjoni tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju OES għal serje ta’ miżuri ta’ għajnuna konsekuttivi, din hija ta’ rilevanza partikolari għall-evalwazzjoni tal-għajnuna pubblika mogħtija sabiex tiġi indirizzata kriżi finanzjarja li qed tevolvi. Fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat problemi simili, ( 5 ) iżda l-kawża odjerna turi l-bżonn li l-ġurisprudenza eżistenti tiġi kkonsolidata u ċċarata. |
5. |
L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża odjerna tista’ tkun ukoll importanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (2014/59/UE), li hija relatata mal-funzjonament tal-unjoni bankarja. ( 6 ) |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
6. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
7. |
FIH Erhvervsbank A/S (iktar ’il quddiem “FIH”) huwa bank Daniż li huwa proprjetà sħiħa ta’ FIH Holding A/S (iktar ’il quddiem “FIH Holding”). |
8. |
Fl-2009, bħal banek oħra, FIH ibbenefikat minn ċerti miżuri adottati mir-Renju tad-Danimarka sabiex tistabbilizza s-settur bankarju tagħha (iktar ’il quddiem “il-miżuri tal-2009”). |
9. |
F’Ġunju u Lulju 2009, FIH irċeviet kontribuzzjoni ta’ kapital ibridu tal-kategorija 1 ta’ 1.9 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 225 miljun) u ngħatat garanzija tal-Istat li tammonta għal DKK 50 biljun (madwar EUR 6.31 biljun). Iż-żewġ miżuri ġew adottati fil-kuntest ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat li kienu ġew approvati mill-Kummissjoni. |
10. |
FIH użat il-garanzija kollha sabiex toħroġ bonds iggarantiti mill-Istat, għal total ta’ DKK 41.7 biljun (madwar EUR 5.56 biljun) li kellhom jimmaturaw fl-2012 u fl-2013. Bejn l-2009 u l-2011, l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Moody’s naqqset il-grad ta’ FIH, minn A2 għal B1, bi prospetti negattivi. |
11. |
Fl-2012 il-Gvern Daniż ippreveda l-adozzjoni tat-tieni pakkett ta’ miżuri fir-rigward ta’ FIH, u nnotifikahom lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“miżuri tal-2012”). |
12. |
Fi ftit kliem, dawk il-miżuri kienu jipprevedu t-trasferiment tal-assi l-iktar problematiċi ta’ FIH lil NewCo, sussidjarja ġdida reċenti ta’ FIH Holding, li kellha tingħata fondi mill-korp Daniż inkarigat li jiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja (iktar ’il quddiem il-“FSC”). Sussegwentement, il-FSC kellha tixtri azzjonijiet ta’ NewCo u din tal-aħħar tiġi llikwidata, filwaqt li FIH Holding kellha tagħti lil-FSC garanzija illimitata kontra t-telf. |
13. |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-2012 ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat lil NewCo u lill-Grupp FIH, iżda approvathom temporanjament, filwaqt li fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali. Matul l-investigazzjoni, il-Gvern Daniż issottometta pjan ta’ ristrutturar u ppropona impenji intiżi li jindirizzaw it-tħassib espress mill-Kummissjoni. |
14. |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri favur FIH u FIH Holding ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ma ssodisfawx il-kriterju OES, billi r-Renju tad-Danimarka ma aġixxiex b’mod paragunabbli għal operatur privat f’ekonomija tas-suq. Il-ftehim tax-xiri ta’ azzjonijiet fir-rigward ta’ NewCo kellu aktarx jiġġenera telf għal FSC u l-proposta remunerazzjoni ta’ fondi azzjonarji fuq l-investiment kienet insuffiċjenti. |
15. |
Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Żvalutati u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, ( 7 ) u ddikjarathom kompatibbli, suġġett għall-osservanza tal-pjan ta’ ristrutturar u tal-impenji elenkati fl-Anness tad-deċiżjoni. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
16. |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2014, FIH u FIH Holding talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
17. |
Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ressqu tliet motivi insostenn tal-annullament. L-ewwel motiv jikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma applikatx b’mod korrett il-kriterju OES. ( 8 ) |
18. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni kkontestata. |
19. |
Wara li fakkret il-prinċipji legali applikabbli (punti 50 sa 60 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali osservat li l-mistoqsija quddiemha kienet jekk il-Kummissjoni kinitx applikat il-kriterju xieraq sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna. Ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ telf finanzjarju li jirriżulta mid-djun diġà eżistenti ta’ FIH fil-konfront tal-Gvern Daniż. Il-Kummissjoni sostniet li dawk id-djun diġà eżistenti ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni billi kienu l-konsegwenza tal-miżuri tal-2009 li fihom innifishom kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (punt 61 tas-sentenza appellata). |
20. |
Il-Qorti Ġenerali osservat li operatur ekonomiku f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża odjerna, fejn diġà jkun ta kontribuzzjoni ta’ kapital u garanzija lill-kumpannija kkonċernata, huwa simili għal kreditur privat li jfittex li jimminimizza t-telf tiegħu iktar milli investitur privat li jfittex li jimmassimizza l-profitti. Jista’ jkun razzjonali għal operatur ekonomiku, li jkun investa kapital f’kumpannija li jkun taha wkoll garanzija, li jadotta miżuri li sostanzjalment inaqqsu r-riskju ta’ telf tal-kapital tiegħu u li tiġi attivata l-garanzija. Bl-istess mod jista’ jkun ekonomikament razzjonali għar-Renju tad-Danimarka li japprova miżuri bħal trasferiment ta’ assi żvalutati, inkwantu dawn għandhom spiża limitata u jinvolvu riskju ridott u li, mingħajr dawn il-miżuri, ikun ferm possibbli li jkollu jġorr it-telf f’ammont ikbar mill-ispiża (punti 64 sa 66 tas-sentenza appellata). |
21. |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma eżaminatx l-ispiża li kienet tirriżulta li kieku l-Gvern Daniż ma adottax il-miżuri tal-2012 u, f’dak ir-rigward, applikat kriterju legali żbaljat, jiġifieri, il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, minflok ma eżaminat il-miżuri fid-dawl tal-prinċipju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq. L-aġir tar-Renju tad-Danimarka, meta dan adotta l-miżuri inkwistjoni fl-2012, ma setax jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur li jixtieq jimmassimizza l-profitt tiegħu, iżda ma’ dak ta’ kreditur li jixtieq jimminimizza t-telf (punti 68 u 69 tas-sentenza appellata). |
22. |
B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni (punti 72 sa 81 tas-sentenza appellata) u laqgħet l-ewwel motiv. |
It-talbiet tal-partijiet
23. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż. |
24. |
FIH u FIH Holding jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Analiżi
25. |
Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq aggravju wieħed, jiġifieri, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sabet li l-Kummissjoni kellha tapplika l-kriterju tal-kreditur privat u li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispiża li kienet tirriżulta għall-Gvern Daniż li kieku ma adottax il-miżuri tal-2012. |
26. |
Il-Kummissjoni tikkontendi li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-ispiża inkwistjoni hija l-konsegwenza diretta ta’ għajnuna mill-Istat preċedenti, u abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – b’mod partikolari, is-sentenzi Gröditzer Stahlwerke u Land Burgenland – il-Kummissjoni ma tistax tieħu din l-ispiża inkunsiderazzjoni meta tapplika l-kriterju OES. |
27. |
FIH u FIH Holding jikkontendu li, bl-adozzjoni tal-miżuri tal-2012, ir-Renju tad-Danimarka aġixxa kif kien jaġixxi kreditur privat prudenti u razzjonali, u li effiċjentement ipproteġa l-interessi ekonomiċi tiegħu bħala kreditur. Josservaw li qabel l-adozzjoni tal-miżuri tal-2012, ir-Renju tad-Danimarka affaċċja riskju sinjifikattiv li jsofri telf nett ta’ DKK 3.8 biljun fuq bonds garantiti mill-Istat ta’ DKK 42 biljun u, għaldaqstant, riskju totali nett ta’ telf ta’ mill-inqas DKK 5.7 biljun f’każ ta’ waqfien tal-pagamenti minn FIH. Il-miżuri tal-2012 niżżlu b’mod sinjifikattiv l-espożizzjoni tar-riskju ta’ FSC, kemm f’termini tal-grad kif ukoll tal-ammont f’riskju. |
28. |
Skont FIH u FIH Holding, ikun inkonsistenti mal-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, jekk ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat jipprevjenu skedar mill-ġdid razzjonali tal-espożizzjoni ta’ Stat Membru biss għaliex ir-riskju li jiffaċċjah jirriżulta minn għajnuna mill-Istat preċedenti approvata mill-Kummissjoni. Riżultat bħal dan ikun imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ newtralità previst fl-Artikolu 345 TFUE, billi kredituri pubbliċi ma jkollhomx l-istess possibbiltajiet bħal kredituri privati sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom. Insostenn tal-argument tagħhom, FIH u FIH Holding jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ING, li fuqha tistrieħ ukoll is-sentenza appellata. |
Ir-raġuni wara l-kriterju OES
29. |
Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tesplora r-raġuni wara l-kriterju OES. |
30. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex miżura tiġi kkategorizzata bħala għajnuna mill-Istat kif imfissra fit-Trattati għandha tkun sodisfatta kull waħda mill-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi elenkati fl-Artikolu 107(1) TFUE. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew għall-inqas permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, huwa għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u r-raba’ nett, huwa għandu jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. ( 9 ) |
31. |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tirreferi għall-miżuri li, irrispettivament mill-forma tagħhom, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament ċerti impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. ( 10 ) |
32. |
Il-kunċett ta’ għajnuna jiġbor taħtu diversi forom ta’ appoġġ, inklużi dawk li joħorġu mit-tranżazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi li joperaw fis-suq, jekk fil-kors ta’ dawk it-tranżazzjonijiet l-impriża benefiċjarja tirċievi vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. ( 11 ) |
33. |
Sabiex tiddetermina jekk tranżazzjoni partikolari tagħtix vantaġġ ekonomiku bħal dan, il-Kummissjoni żviluppat il-kriterju OES ( 12 ). Dan il-kriterju japplika f’diversi forom, skont jekk l-Istat jaġixxix bħala investitur, kreditur, bejjiegħ, garanti, xerrej jew persuna li ssellef. Jekk kundizzjonijiet simili setgħu jinkisbu fil-kors ta’ xi tranżazzjoni privata fis-suq paragunabbli, il-miżura ma tagħtix vantaġġ selettiv lill-impriża u għalhekk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
34. |
Dan il-kriterju huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ impriżi pubbliċi u privati, jew tal-prinċipju usa’ ta’ newtralità fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jirregola s-sistema ta’ proprjetà (Artikolu 345 TFUE). Meta awtoritajiet pubbliċi jaġixxu fis-suq f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, l-azzjonijiet tagħhom ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. ( 13 ) |
35. |
Il-kriterju OES huwa applikabbli meta l-intervent tal-Istat huwa ta’ natura ekonomika, u mhux meta l-Istat jaġixxi bħala awtorità pubblika. Fejn applikabbli, dan il-kriterju huwa fost il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk tali għajnuna teżistix ( 14 ). |
Il-limiti għal-kriterju OES f’każ ta’ għotja preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat
Is-sentenzi Gröditzer Stahlwerke u Land Burgenland
36. |
F’żewġ każijiet li jikkonċernaw il-privatizzazzjoni ta’ impriżi pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni tal-kriterju OES fir-rigward ta’ tranżazzjoni li hija marbuta ma’ għajnuna mill-Istat preċedenti mogħtija lill-istess impriża. |
37. |
Fil-kawża Gröditzer Stahlwerke – dwar il-privatizzazzjoni ta’ impriża pubblika f’diffikultà – il-Gvern Ġermaniż argumenta li l-prezz tal-bejgħ negattiv kien ġustifikat abbażi tal-kriterju OES, peress li l-ispiża kienet tkun ogħla jekk l-impriża tiġi likwidata milli jekk din tiġi pprivatizzata bi prezz negattiv. L-ispiża potenzjali għolja tal-likwidazzjoni kienet dovuta għall-fatt li fil-passat l-impriża kienet irċeviet garanziji u self mill-Istat. |
38. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala azzjonist u bħala awtorità pubblika ( 15 ). L-obbligi marbut ma self garantit mill-Istat joħorġu mill-għotja tal-għajnuna, b’hekk, mill-Istat fil-vesti ta’ awtorità pubblika, u ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ispiża normali ta’ likwidazzjoni. ( 16 ) F’dak li jirrigwarda s-self tal-azzjonisti, fid-dawl tad-diffikultajiet tal-impriża u l-kundizzjonijiet marbutin mas-self, dan kien jikkostitwixxi għajnuna u, b’konsegwenza, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ispiża tal-likwidazzjoni ( 17 ). |
39. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza Land Burgenland. Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-privatizzazzjoni ta’ bank li bbenefika mill-“Ausfallhaftung” – garanzija statutorja, li kienet tinvolvi l-obbligu fuq l-Istat sabiex jintervjeni fl-eventwalità ta’ insolvenza. B’konsegwenza, l-Istat ikollu jaġixxi bħala garanti għall-bank, anki wara l-privatizzazzjoni tiegħu, fir-rigward tal-passiv li jkun daħal għalih qabel id-data tal-privatizzazzjoni. L-awtoritajiet Awstrijaċi argumentaw li, f’kuntest ta’ riskju li jiġu attivati l-garanziji tal-Istat għat-telf tal-bank anki wara l-privatizzazzjoni tiegħu, kienu intitolati li jiżguraw li x-xerrej jippreżenta evidenza suffiċjenti ta’ serjetà u affidabbiltà ta’ kreditu. Skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, din il-kunsiderazzjoni kienet tiġġustifika l-aċċettazzjoni ta’ prezz tal-privatizzazzjoni konsiderevolment iktar baxx, jekk dak il-prezz ikun assoċjat ma’ riskju iżgħar għall-iskattar tal-obbligu tal-garanzija skont l-Ausfallhaftung ( 18 ). |
40. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, għall-finijiet tal-kriterju OES, għandu biss jittieħed kont tal-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni tal-Istat bħala azzjonist, u mhux bħala awtorità pubblika ( 19 ). Il-mod kif jingħata l-vantaġġ u li permezz tiegħu jintervjeni l-Istat huma irrilevanti – kemm-il darba l-Istat Membru jintervjeni fil-kapaċità tiegħu bħala azzjonist ( 20 ). |
41. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat jekk l-Ausfallhaftung kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni meta implementat il-kriterju tal-bejjiegħ privat, u kienet sabet li l-bejjiegħ privat ma kienx jidħol għal garanzija bħal dik. L-Ausfallhaftung kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u kienet għalhekk mogħtija mill-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika ( 21 ). |
42. |
B’konsegwenza, billi l-Ausfallhaftung innifisha ma ġietx invokata f’kundizzjonijiet normali tas-suq, ir-riskji finanzjarji assoċjati magħha ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġġustifikaw prezz tal-privatizzazzjoni iktar baxx skont il-kriterju OES ( 22 ). |
43. |
Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Gröditzer Stahlwerke u Land Burgenland nisslu ċertu kritika fil-letteratura akkademika. Kien ġie rrimarkat li approċċ li jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż finanzjarju li jirriżulta minn għajnuna mill-Istat legali jillimita l-poter tal-Istat li jimminimizza r-riskju finanzjarju għall-baġit tiegħu u sabiex jevita iktar spejjeż li jiġu inkorsi mit-taxxi tal-poplu ( 23 ). Argumenti simili ġew invokati minn FIH u FIH Holding f’dan l-appell. |
Is-sentenza ING
44. |
Kwistjoni relatata kienet diskussa fil-kawża ING, fil-kuntest tal-miżura tal-Istat li tikkonsisti fl-emenda tat-termini ta’ rimbors tal-għajnuna mogħtija lil bank f’diffikultà. |
45. |
Il-miżura inkwistjoni kienet tikkonsisti f’kontribuzzjoni ta’ kapital bi skambju għal titoli, suġġett għal rimbors. Skont it-termini ta’ rimbors inizjali, it-titoli kellhom, fuq inizjattiva ta’ ING Groep NV (iktar ’il quddiem “ING”), jew jinxtraw mill-ġdid bil-prezz ta’ EUR 15 kull titolu (bi primjum ta’ rimbors, kif paragunat mal-prezz tal-ħruġ ta’ EUR 10), jew, wara tliet snin, jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet ordinarji, suġġett għall-pagament ta’ interessi akkumulati. |
46. |
Sussegwentement, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab lill-Kummissjoni tapprova l-emenda għat-termini ta’ rimbors, li kellu jippermetti li ING tixtri mill-ġdid sa 50 % tat-titoli bil-prezz tal-ħruġ (EUR 10), kif ukoll li l-interessi akkumulati u l-multa għal rimbors antiċipat ikunu limitati għal ċertu ammont. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-termini emendati kellhom jirriżultaw f’vantaġġ addizzjonali għal ING, u għalhekk, kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u rrifjutat li tevalwa jekk l-emenda kinitx tissodisfa l-kriterju OES. ( 24 ) |
47. |
Fil-kuntest ta’ azzjoni għal annullament imressqa minn ING, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet interpretat ħażin il-kunċett ta’ għajnuna billi ma evalwatx jekk, bl-aċċettazzjoni tal-emenda għat-termini ta’ rimbors, l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi aġixxiex bħala investitur privat, inter alia peress li l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi seta’ jiġi rimborsat kmieni u peress li meta kien hemm l-emenda huwa kiseb iktar ċertezza li jiġi rimborsat b’manjiera sodisfaċenti ( 25 ). B’konsegwenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
48. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ikkonkludiet li l-Kummissjoni kienet żbaljata li ma evalwatx ir-razzjonalità ekonomika tal-emenda għat-termini ta’ rimbors fid-dawl tal-kriterju OES. Il-fatt li l-kontribuzzjoni kapitali preċedenti fiha nnifisha kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kienet irrilevanti ( 26 ). |
49. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza relatata mal-kriterju OES ma setgħetx tiġi kompromessa sempliċement għaliex il-kawża kienet tikkonċerna l-applikabbiltà tal-kriterju għal emenda tal-kundizzjonijiet għax-xiri mill-ġdid ta’ titoli miksuba inkambju għall-għajnuna mill-Istat. Investitur privat ipotetiku jista’ wkoll jaqbel li jerġa’ jinnegozja l-kundizzjonijiet tax-xiri mill-ġdid ta’ titoli. Il-Kummissjoni żbaljat meta ma eżaminatx jekk investitur privat kienx jaċċetta l-emenda bħala ekonomikament razzjonali, b’mod partikolari sabiex iżid il-prospetti li jikseb ir-rimbors ( 27 ). |
50. |
Fil-frattemp, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid l-emenda għat-termini ta’ rimbors fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, u sabet li l-miżura ma kinitx tissodisfa l-kriterju, billi t-termini ta’ rimbors inizjali kienu finanzjarjament iktar favorevoli għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 28 ). |
Delimitazzjoni tal-ġurisprudenza
51. |
Is-sentenzi Land Burgenland u ING it-tnejn li huma jikkonċernaw miżuri adottati bħala konsegwenza ta’ tranżazzjoni preċedenti tal-Istat mal-benefiċjarju, iżda jwasslu għal eżiti differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju OES. Fil-kawża Land Burgenland, il-kriterju OES ma setax jiġi applikat sabiex jevalwa l-prezz iktar baxx tal-privatizzazzjoni, fid-dawl tar-riskju finanzjarju li jirriżulta minn għajnuna tal-Istat preċedenti. Fil-kawża ING, il-kriterju OES seta’ jiġġustifika l-emenda għat-termini ta’ rimbors ta’ għajnuna preċedentement mogħtija, b’mod partikolari, fid-dawl tad-data antiċipata tax-xiri mill-ġdid u tal-prospett miżjud ta’ rimbors sodisfaċenti tal-kontribuzzjoni tal-kapital. |
52. |
Billi ż-żewġ sentenzi jikkonċernaw sitwazzjonijiet relatati mill-qrib, huwa importanti li l-applikazzjoni tagħhom tiġi ddelimitata. |
53. |
Fl-appell odjern, il-Kummissjoni tinterpreta s-sentenzi fil-kawżi Gröditzer Stahlwerke u Land Burgenland fis-sens li l-ispejjeż emerġenti minn miżura preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kriterju OES, peress li dawk l-ispejjeż jirrigwardaw l-obbligi tal-Istat Membru bħala awtorità pubblika. |
54. |
Fil-fehma tiegħi, il-prinċipju li jirriżulta minn dik il-ġurisprudenza huwa kemxejn idjaq. Dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju finanzjarju li jirriżulta minn miżura preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat, meta l-prospett ta’ tnaqqis ta’ dak ir-riskju jikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-miżura tal-Istat sussegwenti. |
55. |
B’hekk, fil-kawża Gröditzer Stahlwerke il-Gvern Germaniż argumenta li l-prezz tal-bejgħ negattiv kien ġustifikat bl-imminimizzar tar-riskju li jirriżulta minn garanziji u self preċedenti. Fil-kawża Land Burgenland, l-awtoritajiet Awstrijaċi argumentaw li l-prezz iktar baxx tal-privatizzazzjoni ħa inkunsiderazzjoni r-riskju mnaqqas għall-attivazzjoni tal-garanzija tal-Istat. |
56. |
Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawk l-għanijiet – bħala ekonomikament razzjonali – kien jirriżulta f’argument fallaċi. Meta ta għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru aġixxa bħala awtorità pubblika, mhux bħala operatur tas-suq. Meta sussegwentement l-Istat jieħu miżuri sabiex jimminimizza r-riskju finanzjarju li jirriżulta mill-azzjonijiet tiegħu meħuda barra mill-qafas kompetittiv, dawk il-miżuri ma jistgħux jiġu evalwati b’mod xieraq fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq kompetittiv. |
57. |
Interpretazzjoni differenti tista’ taffettwa l-effettività tal-Artikolu 107 TFUE. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni hu li jiġi evitat li l-kummerċ bejn Stati Membri ikun affettwat minn vantaġġi mogħtija minn awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom differenti, jikkawżaw distorsjoni jew jheddu li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti prodotti. ( 29 ) F’sitwazzjoni fejn l-Istat ikun legalment ta għajnuna, ir-riskju ta’ telf li jirriżulta minn dik il-miżura ta’ għajnuna ma jistax jiġġustifika li għajnuna pubbliku addizzjonali tiġi kklassifikata newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Inkella, il-benefiċjarju tal-għajnuna jkun trattat b’mod iktar favorevoli minn impriżi oħra, li ma rċevewx għajnuna mill-Istat. |
58. |
Mhux biss talli dan ikun jillimita l-għan tal-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, li jirrappreżenta prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ importanza konsiderevoli għall-funzjonament tas-suq intern, iżda talli jkun imur ukoll kontra r-raġuni wara dik il-projbizzjoni, li hija li jintlaħaq livell ugwali fir-rigward ta’ kompetizzjoni għall-impriżi kollha li joperaw fis-suq intern ( 30 ). |
59. |
Nixtieq inżid li għandha ssir distinzjoni bejn il-prinċipju li jirriżulta mis-sentenza Land Burgenland u sitwazzjonijiet oħra fejn l-Istat isib ruħu f’pożizzjoni ta’ kreditur vis-à-vis operaturi fis-suq. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li l-kriterju tal-kreditur privat f’ekonomija tas-suq japplika fir-rigward tad-djun fiskali u ta’ sigurtà soċjali ( 31 ). |
60. |
Il-fatt li dejn partikolari jirriżulta mill-azzjonijiet tal-Istat bħala awtorità pubblika li tiġbor it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, fih innifsu, ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-kriterju OES għal miżuri sussegwenti intiżi għall-irkupru ta’ dak id-dejn. Meta kreditur pubbliku jagħmel arranġament ma’ debitur l-azzjonijiet tiegħu għandhom jiġu evalwati fil-konfront ta’ dawk ta’ kreditur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, billi l-Istat jagħmel tentattiv biex jikseb riżultat ekonomikament profittabbli billi jimmassimizza ċ-ċansijiet tiegħu li jirkupra d-dejn, irrispettivament mill-oriġini tiegħu – pubbliku jew privat. Dan ix-xenarju ma jimplikax li telf potenzjali li jirriżulta minn miżuri ta’ għajnuna mill-Istat preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. |
61. |
Min-naħa l-oħra meta, bħall fil-kawża Land Burgenland, l-Istat jikkunsidra li jagħti iktar sostenn sabiex inaqqas l-espożizzjoni finanzjarja tiegħu li tirriżulta minn miżura preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat, l-oriġini ta’ din l-espożizzjoni finali hija rilevanti. Azzjonijiet tal-Istat intiżi li jsolvu din l-espożizzjoni finanzjarja ma jistgħux jiġu pparagunati mal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, sa fejn l-Istat ikun aċċetta dak ir-riskju finanzjarju billi aġixxa barra l-qafas kompetittiv. |
62. |
Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi rikonċiljata mas-sentenza ING? Fl-opinjoni tiegħi, it-tweġiba tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ dik is-sentenza. |
63. |
Il-mistoqsija magħmula fil-kawża ING kienet sa ċertu punt simili għal dik magħmula fil-kawża Land Burgenland: jekk l-Istat jistax jitqies bħala operatur tas-suq razzjonali, meta jaċċetta l-emenda tat-termini ta’ tranżazzjoni preċedenti, li kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, konxju li mingħajr l-emenda l-ispiża finanzjarja tat-tranżazzjoni tista’ tkun ogħla. Madankollu, b’kuntrast mas-sitwazzjoni fil-kawża Land Burgenland, l-emenda għat-termini ma kinitx esklużivament ġustifikata bir-riskju li jiġi inkors iktar telf finanzjarju minħabba għajnuna mill-Istat preċedentement mogħtija. Kien hemm ġustifikazzjoni, potenzjalment ekonomiċi, oħra tal-emenda għall-kontribuzzjoni kapitali temporanja inkwistjoni: f’ċerti ċirkustanzi, investitur jista’ jaċċetta dħul iktar baxx fuq il-kapital investit, jekk il-kapital jiġi rrimborsat qabel. Għalhekk, fil-kawża ING mill-inqas kien hemm il-possibbiltà teoretika li t-termini emendati setgħu kienu finanzjarjament iktar favorevoli għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
64. |
Jekk, min-naħa l-oħra, is-sentenza fil-kawża ING kellha tiġi interpretata, kif fil-fatt proposta minn FIH u FIH Holding, li tfisser li emenda għal espożizzjoni li diġà kienet teżisti minn għajnuna mill-Istat tista’ tkun ġustifikata taħt il-kriterju OES sa fejn din tnaqqas l-espożizzjoni tal-Istat, fl-opinjoni tiegħi, is-sentenzi fil-kawżi Land Burgenland u ING ikunu irrikonċiljabbli. |
65. |
Fil-qosor, meta attentat sabiex titnaqqas l-espożizzjoni finanzjarja li tirriżulta minn għajnuna mill-Istat preċedenti tikkostitwixxi l-unika ġustifikazzjoni għal iktar azzjoni mill-Istat, ma hemmx lok għal-kriterju OES. Jista’ jkun hemm lok għal dak il-kriterju, meta l-miżura ma hijiex esklużivament diretta sabiex tnaqqas it-telf, iżda tista’, b’mod ġenerali, potenzjalment tikkostitwixxi attentat sabiex jintlaħaq riżultat ekonomikament ġustifikat. |
66. |
Naħseb li din l-interpretazzjoni hija sostnuta bir-raġunar tas-sentenza fil-kawża Land Burgenland. L-awtoritajiet Awstrijaċi qalu li, permezz tal-Ausfallhaftung, il-provinċja ta’ Burgenland kienet ukoll qed tfittex li tagħmel profitt, jew, minn tal-inqas, li kienet qed tipprova tagħmel dan b’żieda mal-għanijiet l-oħra tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ċaħditx għalkollox dak l-argument bħala invalidu, iżda minflok osservat li kienu l-awtoritajiet Awstrijaċi li kellhom jipprovaw li huma tassew aġixxew b’dak il-mod ( 32 ). Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien diffiċli li wieħed jara kif l-Ausfallhaftung setgħet titqies bħala miżura sabiex jinkiseb profitt. |
67. |
Min-naħa l-oħra, fil-kawża ING, it-termini ta’ rimbors għall-kapital investit temporanjament ikkostitwixxa element kruċjali fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mill-perspettiva tal-Istat bħala investitur. Għalhekk, anki l-emendar ta’ dawk it-termini kellu jiġi analizzat fil-konfront ta’ dik il-dimensjoni. Il-fatt li t-tranżazzjoni inizjali nstabet li ma kinitx f’kundizzjonijiet tas-suq, fih innifsu ma eskludiex il-possibbiltà li t-termini emendati jiġu analizzati mill-perspettiva tas-suq. |
68. |
Konformi ma’ din l-interpretazzjoni, is-sentenza f’ING tirrikjedi l-applikazzjoni tal-kriterju OES, iżda ma timplikax li, fil-kors ta’ dik l-applikazzjoni, huwa ammissibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-espożizzjoni tal-Istat li tirriżulta minn miżura ta’ għajnuna mill-Istat preċedenti ( 33 ). B’hekk, is-sentenza ING ma tikkontradixxix ir-raġunament tas-sentenza Land Burgenland. |
Applikazzjoni għal dan il-każ
69. |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħi, is-sentenzi Land Burgenland u ING it-tnejn li huma jikkonċernaw serje ta’ miżuri konsekuttivi ta’ għajnuna, iżda fir-rigward ta’ żewġ xenarji differenti. |
70. |
Fil-kawża Land Burgenland, l-unika ġustifikazzjoni għall-prezz ta’ privatizzazzjoni iktar baxx tirreferi għall-imminimizzar tar-riskju li jirriżulta minn intervent tal-Istat preċedenti, u għalhekk ma kienx hemm lok għall-applikazzjoni għal-kriterju OES. Fil-kawża ING, anki jekk l-emenda għat-termini ta’ rimbors setgħet tgħin sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-Istat kien espost għalih minħabba għajnuna mill-Istat preċedenti, l-emenda seta’ wkoll ikollha għanijiet ekonomiċi oħra u għalhekk – sa dak l-aħħar punt – kellha tiġi evalwata skont il-kriterju OES. |
71. |
Il-partikolarità tal-kawża odjerna ġejja mill-fatt li tikkonċerna pakkett ta’ miżuri li potenzjalment jistgħu jintrabtu maż-żewġ xenarji. |
72. |
Minn naħa, fil-kuntest tal-miżuri tal-2012, ir-Renju tad-Danimarka investa fl-FIH, u billi dan l-investiment seta’ potenzjalment ikun konformi ma’ kundizzjonijiet normali tas-suq, dan kellu jiġi evalwat skont il-kriterju OES. Mid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, jidher li l-Kummissjoni kienet tassew eżaminat dawk il-miżuri taħt il-kriterju tal-investitur privat, fil-konfront tad-dħul mistenni fuq l-investiment ta’ investitur privat ipotetiku. Dan il-kriterju ġie applikat – fl-opinjoni tiegħi, b’mod konformi mas-sentenza ING – minkejja l-fatt li l-miżuri tal-2012 ġew b’żieda mal-għajnuna ta’ salvataġġ mogħtija qabel. |
73. |
It-tieni nett, FIH u FIH Holding jargumentaw li, irrispettivament minn dik il-ġustifikazzjoni ekonomika, il-miżuri tal-2012 setgħu wkoll jiġu ġġustifikati bil-ħtieġa li titnaqqas l-espożizzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-garanzija tal-Istat mogħtija preċedentement. Fil-fehma tiegħi, din it-tieni ġustifikazzjoni ma setgħetx twassal għall-applikazzjoni tal-kriterju OES – f’dak il-każ, il-kriterju ta’ kreditur privat – minħabba l-prinċipju mogħti fis-sentenza Land Burgenland. |
74. |
Fil-punti 61 sa 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv, li qajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kellhiex tapplika l-kriterju ta’ kreditur privat, sabiex teżamina jekk il-miżuri tal-2012 setgħux razzjonalment jiġu ġġustifikati fid-dawl tar-riskju ta’ telf finanzjarju li jirriżultaw mill-miżuri tal-2009. |
75. |
Il-Qorti Ġenerali qalet li operatur ekonomiku razzjonali kien jieħu inkunsiderazzjoni l-espożizzjoni tiegħu li tirriżulta minn kontribuzzjoni ta’ kapital u garanzija mogħtija lil kumpannija f’diffikultà finanzjarja sussegwenti u jkun ippreveda l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tipprevjeni r-riskju milli jimmaterjalizza (punt 63 tas-sentenza appellata). Skont il-Qorti Ġenerali, operatur ekonomiku li jkollu ishma f’kumpannija li fir-rigward tagħha huwa jkun ukoll ta garanzija, jista’ raġonevolment jadotta miżuri li jimplikaw ċerti spejjeż meta dawn jippermettu li jnaqqsu kunsiderevolment, jew saħansitra li jeliminaw, ir-riskju ta’ telf tal-kapital tiegħu u tal-attivazzjoni tal-garanzija (punt 65 tas-sentenza appellata) u, għalhekk, jista’ jkun ekonomikament raġonevoli għall-Gvern Daniż li jaqbel mal-miżuri tal-2012, bħat-trasferiment ta’ assi żvalutati, sakemm jinvolvu spejjeż limitati u jimplikaw riskji mnaqqsa u li, fl-assenza tagħhom, ikun wisq probabbli li huwa jkollu jġarrab telf ta’ ammont ikbar mill-imsemmija spejjeż (punt 66 tas-sentenza appellata). |
76. |
Essenzjalment ir-raġunament f’dawk il-punti huwa ekonomikament sod, għajr għal aspett wieħed. Ir-raġunament ekonomiku, kif deskritt, huwa għalkollox immirat sabiex jindirizza r-riskju li jirriżulta minn miżura preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat, li ġie adottat għall-ilħuq ta’ għanijiet mhux ekonomiċi, ma ġiex adottat taħt kundizzjonijiet tas-suq, u – skont is-sentenza Land Burgenland – ma setax jikkostitwixxi l-premessa għall-applikazzjoni tal-kriterju OES fir-rigward ta’ intervent sussegwenti mill-Istat. Il-garanzija tal-Istat inkwistjoni ma ġietx konkluża taħt kundizzjonijiet normali tas-suq u r-riskju assoċjat ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala riskju ekonomiku, sabiex jiġġustifika intervent pubbliku sussegwenti ( 34 ). Fi kliem ieħor, bil-kontra ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata, ma kienx hemm lok għal kriterju tal-kreditur privat, billi l-unika ġustifikazzjoni li setgħet tiġi invokata taħt dan il-kriterju kienet tkun il-ħtieġa li titnaqqas l-espożizzjoni finanzjarja li tirriżulta minn għajnuna mill-Istat preċedenti, u tali ġustifikazzjoni hija inammissibbli abbażi tas-sentenza Land Burgenland. |
77. |
Barra minn hekk, m’iniex konvint bl-interpretazzjoni tas-sentenza Land Burgenland, kif spjegata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 79 sa 82 tas-sentenza appellata. |
78. |
Il-Qorti Ġenerali tosserva b’mod korrett li, abbażi ta’ dik is-sentenza, fl-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu kont ta’ garanzija preċedenti tal-Istat, billi bl-għotja ta’ dik il-garanzija l-Istat kien għażel għanijiet mhux ekonomiċi u aġixxa bħala awtorità pubblika ( 35 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali tkompli tosserva – fil-fehma tiegħi b’mod żbaljat – li s-sentenza Land Burgenland kienet biss tikkonċerna l-applikazzjoni speċifika tal-kriterju tal-bejjiegħ privat u l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala parti minn dak il-kriterju (punti 79 u 80 tas-sentenza appellata). |
79. |
Din l-inkonsistenza hija evidenti fil-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tislet il-konsegwenzi rilevanti tas-sentenza Land Burgenland meta tapplika l-kriterju legali korrett (il-kriterju tal-kreditur privat) għall-miżuri tal-2012 (punt 81 tas-sentenza appellata). Madankollu, jekk il-Kummissjoni ssegwi s-sentenza Land Burgenland, l-espożizzjoni li tirriżulta minn miżura preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Billi, fil-każ odjern, it-tnaqqis ta’ din l-espożizzjoni finanzjarja tikkostitwixxi l-unika ġustifikazzjoni għall-invokazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, fi kwalunkwe każ dan il-kriterju jkun inapplikabbli. |
80. |
B’mod iktar ġenerali, ma naqbilx mal-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali – li hija wkoll rilevata minn FIH u FIH Holding fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom – li l-interpretazzjoni tal-portata tal-kriterju OES adottat mill-Qorti Ġenerali hija neċessarja, billi jkun illoġiku li Stat Membru jkollu jġarrab telf finanzjarju konsiderevoli fil-baġit tiegħu sabiex jirrispetta r-regoli tal-għajnuna mill-Istat (punt 67 tas-sentenza appellata). Din l-osservazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li r-raġunament, li jikkonsisti fl-imminimizzar tar-riskju ta’ telf finanzjarju fil-baġit tal-Istat, ma jistax ikun inkorporat b’mod ieħor fil-qafas tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. |
81. |
Fil-fehma tiegħi din il-premessa ma tidhirx korretta. Kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-Istat mas-suq intern, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjonalità tal-intervent tal-Istat, b’mod partikolari, fir-rigward tat-telf potenzjali li jiġi sostnut mill-baġit, li kieku l-miżuri ma ġewx adottati. Il-kwistjoni hija dibattibbli fil-kawża odjerna, billi fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni approvat il-miżuri tal-2012. |
82. |
Għall-istess raġuni, m’iniex konvint bl-argument imressaq minn FIH u FIH Holding li jinvoka l-prinċipju ta’ newtralità (Artikolu 345 TFUE) ( 36 ). Il-prinċipju mogħti fis-sentenza Land Burgenland ma joħloqx riskju ta’ diskriminazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, iżda biss jiddelimita l-iskop tal-kriterju OES fir-rigward tal-konsegwenzi tal-azzjonijiet tal-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika. |
83. |
Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, ir-raġunament wara l-azzjonijiet tal-Istat fir-rigward tat-telf potenzjali għall-baġit tiegħu li jirriżulta minn għajnuna mill-Istat preċedenti għandu jiġi eżaminat fil-qafas ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (meta tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura) – u ma għandux iwassal sabiex il-miżura titpoġġa barra minn dak il-qafas (li tiġi kklassifikata bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat). |
84. |
Fl-aħħar nett, jekk tali miżuri ta’ sostenn finanzjarju – intiżi li jimminimizzaw it-telf li jirriżulta minn għajnuna mill-Istat preċedenti – jistgħu jaħarbu mill-konfini tad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u għalhekk mill-qafas ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, dan iwassal għal konsegwenzi usa’ mhux intenzjonati. |
85. |
L-ewwel nett, dan ikun ifisser li, ladarba l-Istat ikun ta garanzija, sostenn ulterjuri jista’ jitkompla lil hinn mill-qafas ta’ għajnuna mill-Istat kif definit fit-Trattati, bil-kundizzjoni li l-impriża benefiċjarja hija f’diffikultà u li hemm riskju li tiġi attivata l-garanzija. |
86. |
It-tieni nett, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, interpretazzjoni bħal din mhux biss talli tneħħi ċerti miżuri ta’ sostenn finanzjarju mill-portata tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, iżda talli taffettwa wkoll il-portata tal-qafas tal-irkupru u ta’ riżoluzzjoni previst fid-Direttiva 2014/59, li tikkonċerna l-funzjonament tal-unjoni bankarja. L-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri hija inter alia bbażata fuq il-kriterju li jirreferi għad-domanda jekk huwiex meħtieġ “sostenn finanzjarju pubbliku straordinarju” (Artikolu 32(4)(d)), li min-naħa tiegħu jirreferi għall-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (Artikolu 2(28)). |
87. |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet applikat kriterju legali żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata, u li kellha teżamina l-miżuri tal-2012 fid-dawl tal-prinċipju ta’ kreditur privat f’ekonomija tas-suq sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-espożizzjoni finanzjarja li tirriżulta minn miżuri preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat. |
88. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, fl-opinjoni tiegħi s-sentenza appellata għandha tiġi annullata u – b’mod partikolari, peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx it-tieni motiv imressaq fl-ewwel istanza – il-każ għandu jintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Konklużjoni
89. |
Fid-dawl tas-suespost, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-ispejjeż riżervati. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, FIH Holding u FIH Erhvervsbank vs Il‑Kummissjoni (T‑386/14, EU:T:2016:474).
( 3 ) Deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar għajnuna mill-Istat SA.34445 (12/C) implimentata mid-Danimarka għat-trasferiment tal-assi relatati mal-proprjetà minn FIH għall-FSC (ĠU 2014, L 357, p. 89).
( 4 ) Il-frażijiet “operatur privat f’ekonomija tas-suq” u “operatur privat” huma użati alternattivament. Il-Qorti tal-Ġustizzja normalment tirreferi għal-kriterju tal-“investitur privat”, tal-“kreditur privat” jew tal-“bejjiegħ privat”.
( 5 ) Sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑334/99, EU:C:2003:55, iktar ’il quddiem is-sentenza “Gröditzer Stahlwerke”); tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, iktar ’il quddiem is-sentenza “Land Burgenland”); u tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, iktar ’il quddiem is-sentenza “ING”).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, (ĠU 2014 L 173, p. 190).
( 7 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU 2009 C 72, p. 1) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU 2011 C 356, p. 7).
( 8 ) Iż-żewġ motivi l-oħra, li ma humiex rilevanti għal dan l-appell, kienu jkkonċernaw żbalji fil-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna mill-Istat u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
( 9 ) Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 74 u 75).
( 10 ) Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40).
( 11 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 60).
( 12 ) Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (234/84, EU:C:1986:302, punt 14), u tal-24 ta’ Settembru 1987, Acciaierie e Ferriere di Porto Nogaro vs Il‑Kummissjoni (340/85, EU:C:1987:384, punt 13). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjonijiet ta’ awtoritajiet Pubbliċi fil-kapital tal-kumpaniji (KE Bull. 9/1984).
( 13 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 20).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 79 u 103).
( 15 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 22).
( 16 ) Is-sentenza Gröditzer Stahlwerke, punt 138.
( 17 ) Is-sentenza Gröditzer Stahlwerke, punt 140, u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑334/99, EU:C:2002:41, punt 64). Fl-ispiża totali tal-likwidazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet inkludiet serje ta’ spejjeż tal-azzjonista li fil-fatt kienu spejjeż li l-Istat kellu jġorr fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika.
( 18 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il‑Kummissjoni (T‑268/08 u T‑281/08, EU:T:2012:90, punt 152).
( 19 ) Sentenza Land Burgenland, punt 52.
( 20 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 91 u 92), u Land Burgenland, punt 53.
( 21 ) Sentenza Land Burgenland, punt 54 sa 56.
( 22 ) Sentenza Land Burgenland, punt 50.
( 23 ) Ara Arnold, C., f’Sacker, F., Montag, F. (eds.), European State Aid Law: A Commentary, C.H. Beck, Munich, 2016, p. 112.
( 24 ) Sentenza ING, punti 4 u 12.
( 25 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 125).
( 26 ) Sentenza ING, punt 37.
( 27 ) ING, punti 34 sa 36.
( 28 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Mejju 2012, C(2012) 3150 finali — Għajnuna mill-Istat SA.28855 (N 373/2009) (ex C 10/2009 u ex N 528/2009) — Il‑Pajjiżi l-Baxxi — ING — għajnuna għar-ristrutturazzjoni.
( 29 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 58).
( 30 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2012:535, punt 55).
( 31 ) Sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C‑256/97, EU:C:1999:332); u tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑276/02, EU:C:2004:521) u tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32).
( 32 ) Sentenza Land Burgenland, punt 57.
( 33 ) B’hekk, silta mis-sentenza li tirreferi għal “prospetti li jikseb ir-rimbors” ta’ injezzjoni ta’ kapital (ara s-sentenza ING, punt 36) donnha tikkunsidra l-ħtieġa li tevalwa jekk investitur privat raġjonevoli jistax jiddeċiedi li jassumi investiment paragunabbli, kif emendat, fid-dawl tal-prospetti li jikseb ir-rimbors.
( 34 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Land Burgenland, punti 49 u 50.
( 35 ) Sentenza Land Burgenland, punti 54 sa 56.
( 36 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.