KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis‑7 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C‑571/16

Nikolay Kantarev

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija))

“Direttiva 94/19 KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti – Konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ depożitu – Responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni kkawżati minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni – Rimedju ġudizzjarju”

I. Introduzzjoni

1.

Kien biss fl-okkażjoni tal-kriżi bankarja u finanzjarja, li faqqgħet madwar id-dinja fl‑2007, li numru ta’ depożituri saru jafu li d-depożiti tagħhom fi stabbilimenti ta’ kreditu li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma ggarantiti sa ammont li ma jaqbiżx il-EUR 100000. Iżda fuq livell Ewropew din l-iskema ta’ garanzija għal depożiti kienet diġà ġiet introdotta ( 2 ) fl‑1994 bid-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti ( 3 ): fid-dawl tat-twettiq tas-suq intern għal servizzi bankarji fl‑1 ta’ Jannar 1993, il-leġiżlatur Ewropew approssima l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u inter alia żgura “li jkun assigurat livell minimu ta’ armoniżazzjoni tal-protezzjoni ta’ depożiti kull meta depożiti jkunu lokalizzati fil-Komunità” ( 4 ).

2.

Fl‑1994, id-direttiva diġà kienet issegwi għan doppju, jiġifieri kemm il-protezzjoni tad-depożituri kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema bankarja, u t-tnejn huma marbuta ma’ xulxin mill-qrib. Riskju kbir għas-sistema bankarja tassew huwa li d-depożituri, kemm jekk minħabba għajdut kif ukoll jekk minħabba informazzjoni fondata, kollha jiġbdu d-depożiti tagħhom simultanjament. Infatti “[l]-ebda bank […] ma jkollu biżżejjed fondi likwidi biex jifdi d-depożiti tiegħu kollha, jew parti minnhom, għal għarrieda.” ( 5 ). Għaldaqstant, l-intenzjoni hija li jiġu evitati l-hekk imsejħa “bank runs” billi d-depożituri jikkunsidraw li d-depożiti tagħhom huma protetti b’garanzija.

3.

Fil-każ ineżami, l-ammont iggarantit mid-Direttiva 94/19 tħallas fl-ammont sħiħ tiegħu lir-rikorrent fil-kawża prinċipali mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti wara problemi ta’ likwidità ta’ bank Bulgaru. Madankollu, ir-rikorrent huwa tal-fehma li l-ħlas kien tardiv. Dan għaliex ma setax jagħmel użu mid-depożiti tiegħu għal madwar sitt xhur. Quddiem il-qorti tar-rinviju għalhekk qiegħed jinvoka ksur tad-dritt tal-Unjoni.

4.

Skont ir-rikorrent, id-Direttiva dwar l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti ġiet trasposta u applikata b’mod żbaljat fil-Bulgarija: il-konstatazzjoni li d-depożitu ma kienx disponibbli, il-kundizzjoni biex japplika l-mekkaniżmu ta’ garanzija għal depożiti, ġiet ibbażata fuq ir-revoka tal-liċenzja tal-bank, għalkemm id-direttiva tistabbilixxi terminu fiss għal din il-konstatazzjoni, indipendenti minn dan l-avveniment.

5.

Anki jekk kemm id-dritt nazzjonali inkwistjoni – li ma għadux jibbaża l-konstatazzjoni li d-depożiti ma humiex disponibbli fuq ir-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja – kif ukoll id-dritt tal-Unjoni – li ma għadux jipprevedi terminu fiss li fih irid jiġi kkonstatat li d-depożiti ma humiex disponibbli – sadanittant ġew emendati, id-domandi preliminari xorta waħda għadhom validi peress li d-dritt tal-Unjoni għadu sal-lum jitlob li d-depożituri jiġu kkumpensati b’mod effettiv fi żmien xieraq u dan ma tilef xejn mill-importanza tiegħu.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

Il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni għal dan il-każ huwa pprovdut mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u mid-Direttiva 94/19 ( 6 ).

7.

L-ewwel, ir-raba, id-disa’ premessa tad-Direttiva 94/19, kif ukoll il-premessa 24 tagħha, għandhom jissemmew fl-ewwel lok ( 7 ):

“[1]

Billi, bi qbil ma’ l-għanijiet tat-Trattat, żvilupp armonizzat ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Kommunità kollha għandu jkun imħeġġeġ permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi, waqt li tiżdied l-istabbilità tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu;

[…]

[4]

Billi l-kost għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipparteċipaw fi skema ta’ garanzija m’għandu l-ebda relazzjoni ma’ l-ispiża li tirriżulta minn ġbir massiv ta’ depożiti fil-bank mhux biss mill-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultajiet imma wkoll mill-instituzzjonijiet b’saħħithom, wara li jkun hemm telf ta’ fiduċja tad-depożitaturi fis-sodizza tas-sistema bankarja;

[…]

[8]

Billi armoniżazzjoni għandha tkun illimitata għall-elementi ewlenija ta’ skemi ta’ garanzija ta’ depożiti u, fi żmien qasir, għandha tassigura pagamenti permezz ta’ garanzija ikkalkolati fuq il-bażi ta’ livell minimu armonizzat;

[9]

Billi skemi ta’ garanzija għal depożiti għandhom jintervjenu malli d-depożiti ma jkunux disponibbli;

[…]

[24]

Billi din id-Direttiva ma tistax tirriżulta li l-Istat Membru jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu responsabbli fir-rigward ta’ depożitaturi jekk huma jkunu assiguraw li skema waħda jew aktar li tiggarantixxi depożiti jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nnifishom u tassigura kumpens jew protezzjoni tad-depożitaturi skond il-kundizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva kienu ġew introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti;”.

8.

Id-Direttiva 2009/14 li temenda d-Direttiva 94/19 tinkludi partikolarment il-premessi li ġejjin:

“(1)

Fis‑7 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill qabel li l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja kif ukoll it-tħaddim kif suppost tas-settur finanzjarju għandhom jingħataw prijorità. Huwa impenja ruħu li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex id-depożiti ta’ individwi li għandhom kontijiet ta’ tfaddil jiġu protetti […]

[…]

(3)

[…] Sabiex tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti u tintlaħaq stabbiltà akbar fis-swieq finanzjarji, il-livell minimu ta’ kopertura għandu għalhekk jiżdied għal EUR 50000. Sal‑31 ta’ Diċembru 2010, il-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandu jkun iffissat għal EUR 100000 […]

[…]

(12)

Id-depożiti jistgħu jitqiesu mhux disponibbli ladarba l-miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ riorganizzazzjoni ma jkollhomx suċċess. Dan m’għandux iżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu aktar sforzi ta’ ristrutturar matul il-perijodu ta’ rimbors.”

9.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19 jiddefinixxi l-kunċett ta’ depożitu:

“‘depożitu’ għandha tfisser xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, u xi dejn b’xhieda ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu. […]”

10.

L-Artikolu 1(3) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “depożiti mhux disponibbli” fis-sens tad-Direttiva 94/19:

“‘depożiti mhux disponibbli’ għandu jfisser depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli dwarhom, li kienu jew:

(i)

l-awtoritajiet kompetenti relevanti jkunu ddeterminaw li fl-aspett tagħhom l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li jitħallas lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li jkun jista jsir dan.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel ikunu sodisfatti li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli; jew

(ii)

awtorità ġudizzjarja li tkun tat digriet għar-raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-effett li tissospendi l-abilità ta’ depożitaturi li jagħmlu pretensjonijiet kontra tagħha, għandha sseħħ qabel ma’ d-determinazzjoni msemmija hawn fuq tkun saret”.

11.

L-Artikolu 7(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19 jirregolaw il-garanzija tas-somma koperta fil-konfront tad-depożituri:

“1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun ta’ mill-anqas EUR 50000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

1a.

Sal‑31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun iffissata għal EUR 100000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

[…]”

12.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 94/19 jirregola l-modalitajiet tal-ħlas tal-kumpens mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti:

“1.

L-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu t-talbiet debitament ivverifikati magħmulin minn depożitanti fir-rigward ta’ depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) jew li fih awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 1(3)(ii).

Dak il-limitu ta’ żmien jinkludi l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data preċiża dwar id-depożitanti u d-depożiti, li huma meħtieġa għall-verifika tat-talbiet. F’ċirkostanzi kompletament eċċezzjonali, skema ta’ garanzija għad-depożiti tista’ tagħmel applikazjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal estenzjoni tal-limitu taż-żmien. Din l-estensjoni m’għandhiex teċċedi għaxart ijiem ta’ xogħol.

[…]

3.

Il-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ma jistax ikun użat minn skema ta’ garanzija sabiex tiċħad il-benefiċċju ta’ garanzija lil xi depożitatur li ma jkunx jista’ jisħaq fiż-żmien il-pretensjoni tiegħu għal pagament permezz tal-garanzija.

[…]”

B.   Id-dritt nazzjonali

13.

Għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari minn naħa waħda huma rilevanti d-dispożizzjonijiet tad-dritt Bulgaru li jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala bażi għad-dritt li jintalab kumpens. Min-naħa l-oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li ġew adottati waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 94/19, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra dwar il-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Ċentrali Bulgaru, iktar ’il quddiem il-“BNB”).

1. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà

14.

Iż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, iktar ’il quddiem anki ż-“ZZD”) tirregola, fl-Artikolu 45 tagħha, id-dritt ġenerali għal kumpens għal dannu. Dan jipprovdi li min, minħabba nuqqas tiegħu, jikkawża dannu fil-konfront ta’ persuna oħra, huwa obbligat jagħmel tajjeb għad-danni. L-Artikolu 49 taż-ZZD jirregola r-responsabbiltà tal-klijent għal danni li jkun ikkawża l-kuntrattur waqt it-twettiq tal-kompitu. Il-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) japplika għall-invokazzjoni tar-rikors għad-danni li jirriżultaw miż-ZZD. Dan jipprevedi, inter alia, il-ħlas ta’ taxxa tal-Istat stabbilita għal 4 % tal-valur tas-suġġett tal-tilwima, iżda mill-inqas 50 Lew (BGN), u jindika li bħala ġurisdizzjoni hija dik tal-lokalità tad-domiċilju tal-konvenut jew il-post fejn seħħ il-fatt li kkawża dannu.

15.

L-Artikolu 1 taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat, iktar ’il quddiem ukoll iż-“ZODOV”) jirregola, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ impenn tar-responsabbiltà tal-Istat. Dan jipprovdi li l-Istat u l-muniċipalitajiet huma responsabbli għad-danni kkawżati, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, b’konsegwenza ta’ atti illegali u aġir illegali jew nuqqas ta’ azzjoni illegali mill-korpi jew mill-impjegati tagħhom fl-eżerċizzju tal-amministrazzjoni tagħhom. Konformement mal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8 taż-ZODOV, b’mod alternattiv għall-proċedura ġenerali skont il-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), jista’ jiġi applikat ukoll l-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) għall-invokazzjoni ta’ dan id-dritt.

16.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, l-Artikolu 204(1) tal-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) jorbot il-possibbiltà ta’ invokazzjoni tad-dritt għad-danni mal-annullament preċedenti tal-att skont il-proċedura rispettiva. Madankollu, il-qorti adita bir-rikors għad-danni tiddeċiedi hija stess dwar l-illegalità meta d-deċiżjoni amministrattiva tkun ġiet annullata jew irtirata (paragrafu 3) kif ukoll, prinċipalment, jekk ir-rikors għad-danni jkunx ibbażat fuq (sempliċi) azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi (paragrafu 4).

17.

Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jipprevedi l-ħlas ta’ taxxa li r-rata ta’ tassazzjoni tal-Istat tiffissa għal BGN 10 jew BGN 25, u l-liġi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġi ppreżentat ir-rikors fil-post tad-domiċilju tal-persuna li ġarrbet id-dannu.

2. Il-garanzija tad-depożiti

18.

Iż-Zakon za Balgarskata Narodna Banka (il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali Bulgaru) tirregola partikolarment, fl-Artikolu 16 tagħha, il-kompetenzi tal-bank ċentrali li joħroġ liċenzji tal-banek, li jirrevoka awtorizzazzjonijiet bankarji u li jieħu miżuri ta’ superviżjoni speċjali. Konformement mal-Artikolu 2(6) taż-Zakon za Balgarskata Narodna Banka (il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali Bulgaru, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Bank Ċentrali Bulgaru”), il-bank ċentrali jeżerċita l-kompetenzi tiegħu bil-għan li jippreserva l-istabbiltà tas-sistema bankarja kif ukoll li jipproteġi l-interessi tad-depożituri.

19.

Iż-Zakon za garantirane na vlogovete v bankite (il-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji) ( 8 ) tittrasponi d-Direttiva 94/19 fid-dritt Bulgaru. L-Artikolu 23 ta’ din il-liġi tipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha, li l-Fond za garantirane na vlogovete v bankite (il-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti Bankarji, iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ garanzija tad-depożiti” jew il-“FGVB”) jifdi l-obbligazzjonijiet tal-bank ikkonċernat sal-ammont iggarantit jekk il-BNB ikun irrevoka l-awtorizzazzjoni bankarja. Il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi li l-FGVB għandu jibda bir-rimbors mhux iktar tard minn 20 jum ta’ xogħol wara l-jum tar-revoka tal-awtorizzazzjoni.

20.

Iż-Zakon za kreditnite institutsii (il-Liġi dwar l-Istabbilimenti ta’ Kreditu, iktar ’il quddiem ukoll ZKI) ( 9 ) tipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(2), li l-BNB bilfors trid tirrevoka l-awtorizzazzjoni minħabba raġunijiet ta’ insolvenza, meta bank ikun ilu iktar minn sebat ijiem ta’ xogħol ma jonora l-obbligi dovuti tiegħu, jekk dan ikun relatat direttament mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan il-bank u l-BNB tqis li huwa improbabbli li l-obbligi dovuti ser jitħallsu fi żmien xieraq. Skont il-punt 2 tal-istess paragrafu, l-awtorizzazzjoni hija wkoll irrevokata bilfors jekk il-kapital proprju tal-bank ikun jindika valur negattiv. L-Artikolu 36(3) taż-ZKI jistabbilixxi li r-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja ssir fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mill-konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza. Skont il-paragrafu 7 tal-imsemmi artikolu, ir-revoka tal-liċenzja hija segwita minn likwidazzjoni mandatorja. L-Artikolu 79(8) taż-ZKI jipprevedi limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-BNB fil-każ ta’ aġir intenzjonat. L-Artikolu 115 taż-ZKI jirregola l-kundizzjonijiet sabiex il-BNB ikun jista’ jpoġġi bank taħt is-superviżjoni speċjali tiegħu. Konformement mal-Artikolu 115(3), is-superviżjoni speċjali ma tistax iddum iktar minn sitt xhur. L-Artikolu 116(2) taż-ZKI jawtorizza lill-BNB biex, f’tali każ, inaqqas ir-rati tal-interessi għad-depożiti għand il-bank ikkonċernat għal-livell medju tas-suq u jwaqqaf l-issodisfar ta’ parti jew tal-obbligi kollha tal-bank.

III. Il-proċedura fil-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Fl‑4 ta’ Marzu 2014, Nikolay Kantarev fetaħ kont bankarju ma’ Korporativna Targovska Banka (iktar ’il quddiem “KTB”). Il-ħlas tal-interessi fuq id-depożiti kellu jsir darba fis-sena skont rata tal-interessi stabbilita, jew fil-każ tat-terminazzjoni, u l-ammont iddepożitat kellu jiġi ggarantit mill-FGVB.

22.

Fl‑20 ta’ Ġunju 2014, ir-rappreżentanti ta’ KTB talbu lill-BNB biex KTB titpoġġa taħt superviżjoni speċjali. Permezz ta’ ittra bl-istess data, KTB għarrfet lill-BNB li kienet issospendiet it-tranżazzjonijiet bankarji kollha. B’deċiżjoni tal-BNB tal-istess jum, KTB tpoġġiet taħt superviżjoni speċjali skont l-Artikoli 115 u 116 taż-ZKI għall-perijodu inizjali ta’ tliet xhur minħabba r-riskju ta’ insolvenza, u l-obbligi kollha ta’ KTB ġew sospiżi. B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2014, il-BNB naqset ir-rati tal-interessi għal depożiti għand KTB għar-rata medja tas-suq għas-sistema bankarja. Dawn il-miżuri ġew estiżi fis‑16 ta’ Settembru 2014 sal‑20 ta’ Novembru 2014.

23.

Fl‑4 ta’ Novembru 2014, il-BNB, abbażi ta’ awditjar estern, ir-rapporti annwali u r-rapporti fnanzjarji u ta’ superviżjoni dwar KTB, stabbilixxiet li l-kapital proprju ta’ KTB għandu valur negattiv ta’ BGN 3745313 taħt iż-żero.

24.

B’deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2014, il-BNB irrevokat il-liċenzja ta’ KTB u obbligatha titlob li tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza filwaqt li tgħarraf il-Fond ta’ garanzija tad-depożiti. Fl-istess jum, il-kont tad-depożitu ta’ N. Kantarev ġie tterminat ex officio.

25.

Fl‑4 ta’ Diċembru 2014, wieħed mill-banek indikati mill-Fond ta’ garanzija tad-depożiti rrimborsa BGN 86 973.81 lil N. Kantarev, li BGN 84300 minnhom kienu dovuti għall-kreditu prinċipali u BGN 2 673.81 għall-interessi. Għall-perijodu mill‑5 ta’ Marzu sal‑1 ta’ Lulju 2014, ir-rata tal-interessi kienet orjentata lejn il-kundizzjonijiet kuntrattwali u għall-perijodu mill‑1 ta’ Lulju sas‑6 ta’ Novembru 2014 din kienet orjentata lejn id-deċiżjoni tal-BNB tat‑30 ta’ Ġunju 2014.

26.

B’deċiżjoni Nru 664 tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) tat‑22 ta’ April 2015, KTB ġiet iddikjarata insolventi b’effett mis‑6 ta’ Novembru 2014. Fit‑3 ta’ Lulju 2015, is-Sofiyski apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) annullat din il-parti tas-sentenza u bħala d-data tal-bidu tal-insolvenza stabbilixxiet l‑20 ta’ Ġunju 2014, peress li skontha s-sitwazzjoni ta’ kapital proprju insuffiċjenti kienet teżisti diġà f’din id-data.

27.

Fil-kawża prinċipali, N. Kantarev qiegħed jitlob, fil-konfront tal-BNB, il-ħlas ta’ kumpens li jammonta għal BGN 3 710.91 (madwar EUR 2000) minħabba l-ħlas tardiv tad-depożiti tiegħu għall-perijodu mit‑30 ta’ Ġunju sal‑4 ta’ Diċembru 2014. Dan qiegħed jallega li l-BNB kisret id-dritt tal-Unjoni, peress li ma applikatx korrettament l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, li ma ġiex traspost korrettament fid-dritt nazzjonali iżda li għandu effett dirett.

28.

F’dan il-kuntest, l-Administrativen sad - Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti għat-teħid ta’ deċiżjoni preliminari:

1)

L-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali, jippermettu d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u tal-proċedura applikabbli għar-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni skont l-awtorità pubblika li tkun wettqet il-ksur u skont in-natura tal-azzjoni/nuqqas ta’ azzjoni li jikkostitwixxu l-ksur, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji twassal sabiex ir-rikorsi jiġu eżaminati minn qrati differenti, jiġifieri minn qrati ordinarji u minn qrati amministrattivi, skont proċedura differenti, jiġifieri l-proċedura prevista fil-Grazhdanski protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura ċivili) u dik prevista fl-Administrativnoprotsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura amministrattiva), li jeħtieġu l-ħlas ta’ taxxi tal-Istat differenti, jiġifieri taxxa proporzjonali u taxxa sempliċi, u l-prova ta’ kundizzjonijiet differenti, inkluża l-eżistenza ta’ nuqqas?

2)

L-Artikolu 4(3) TUE u r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġu eżaminati skont proċedura bħal dik ibbażata fuq l-Artikolu 45 u fuq l-Artikolu 49 taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (liġi dwar l-obbligi u l-kuntratti), li teħtieġ il-ħlas ta’ taxxa tal-Istat proporzjonali u l-prova ta’ nuqqas, jew skont proċedura bħal dik ibbażata fuq l-Artikolu 1 taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (liġi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat u tal-muniċipalitajiet għad-danni kkawżati), li, minkejja li tipprevedi responsabbiltà oġġettiva u minkejja li tinkludi regoli speċifiċi li jiffaċilitaw l-aċċess għal qorti, tapplika biss għad-danni li jirriżultaw minn atti illegali annullati u minn azzjonijiet/nuqqas ta’ azzjonijiet fattwali illegali tal-amministrazzjoni u ma tkoprix il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi oħra u li jikkonsisti f’azzjonijiet/nuqqas ta’ azzjonijiet legali li ma jkunux ġew annullati skont il-proċedura prevista għal dan il-għan?

3)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw approċċ leġiżlattiv bħal dak adottat permezz tal-Artikolu 36(3) taż-Zakon za kreditnite institutsii (liġi dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu) u permezz tal-Artikolu 23(5) taż-Zakon za garantirane na vlogovete v bankite (liġi dwar il-garanzija tad-depożiti bankarji), approċċ li jfisser li r-rekwiżit li “l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li [tħallas] lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li [tkun tista’ tagħmel] dan”, huwa ekwivalenti għall-konstatazzjoni ta’ insolvabbiltà tal-istabbiliment u għar-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu, u li jfisser ukoll li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti bankarji għandha tiġi skattata hekk kif tiġi rrevokata l-awtorizzazzjoni tal-bank?

4)

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex depożitu jiġi kklassifikat bħala “mhux disponibbli”, huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat li hemm tali depożitu minħabba att espliċitu meħud mill-“awtoritajiet kompetenti” wara l-evalwazzjoni prevista fil-punt 3(i) tal-istess dispożizzjoni jew għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, minħabba lakuna legali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-evalwazzjoni u r-rieda tal-“awtorità kompetenti” jiġu dedotti, permezz ta’ interpretazzjoni, minn atti oħra meħuda minn din l-awtorità, pereżempju, f’dan il-każ, mid-Deċiżjoni Nru 73 tal‑20 ta’ Ġunju 2014 tal-Bord tad-Diretturi tal-Balgarska Narodna Banka (Bank nazzjonali Bulgaru), li permezz tagħha l-bank KTB AD tqiegħed taħt sorveljanza speċjali, jew li jiġu preżunti fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali?

5)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali – fejn, permezz tad-Deċiżjoni Nru 73 tal‑20 ta’ Ġunju 2014 tal-Bord tad-Diretturi tal-Balgarska Narodna Bank (Bank nazzjonali Bulgaru), il-pagamenti u t-tranżazzjonijiet kollha ġew sospiżi, b’tali mod li b’hekk id-depożitanti ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jagħmlu talbiet għall-irtirar tad-depożiti tagħhom u milli jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom matul il-perijodu bejn l‑20 ta’ Ġunju 2014 u s‑6 ta’ Novembru 2014 –, għandu jitqies li d-depożiti kurrenti ggarantiti kollha (li ma jeħtieġux preavviż sabiex ikunu jistgħu jiġu rtirati u li jingħataw lura immedjatament fuq talba) saru mhux disponibbli fis-sens tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 jew għandu jitqies li l-kundizzjoni li “depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu” teħtieġ li d-depożitanti kienu neċessarjament ressqu quddiem l-istabbiliment ta’ kreditu talba (ordni, stedina) għall-irtirar tad-depożitu li ma kinitx onorata?

6)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, kif ukoll il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2009, li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-“awtoritajiet kompetenti” fil-kuntest tal-evalwazzjoni prevista fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 hija, fil-każijiet kollha, limitata mit-terminu previst fit-tieni sentenza tal-[punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19] jew fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li, għall-finijiet tas-sorveljanza speċjali prevista fl-Artikolu 115 taż-Zakon za kreditnite institutsii (liġi dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu), id-depożiti jibqgħu mhux disponibbli għal perijodu itwal minn dak indikat fid-Direttiva 94/19?

7)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhom effett dirett u jikkonferixxu lid-depożitanti tal-bank li jagħmel parti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, minbarra d-dritt li jiġu kkumpensati minn din l-iskema sal-livell previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19, id-dritt li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni billi jippreżentaw, kontra l-awtorità responsabbli sabiex tikkonstata li d-depożiti ma kinux disponibbli, rikors għad-danni kkawżati mill-ħlas tardiv tal-ammont iggarantit tad-depożiti, f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni prevista fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva kienet ittieħdet wara t-terminu ta’ ħamest ijiem stabbilit mid-Direttiva 94/19 u fejn id-dewmien huwa dovut għall-effett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni li kienet intiża li tipproteġi lill-bank mill-insolvabbiltà u li kienet imposta minn din l-istess awtorità, jew, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw regola nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 79(8) taż-Zakon za kreditnite institutsii (liġi dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu), li tipprovdi li l-Balgarska Narodna Banka (Bank nazzjonali Bulgaru), il-korpi tiegħu u l-persuni mqabbda minnu għandhom iwieġbu għad-danni kkawżati b’konsegwenza tal-eżerċizzju tal-missjonijiet ta’ sorveljanza tiegħu fil-każ biss li dawn id-danni jkunu ġew ikkawżati b’mod intenzjonat?

8)

Huwa l-każ li, u f’liema ċirkustanzi, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-“awtorità kompetenti” ma ħaditx deċiżjoni konformement mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, huwa ksur “suffiċjentement serju”, li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra l-awtorità ta’ sorveljanza u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa rilevanti (a) li l-Fond za garantirane na vlogovete v bankite (Fond ta’ garanzija tad-depożiti bankarji) ma kellux biżżejjed fondi sabiex ikopri d-depożiti ggarantiti kollha?; (b) li, matul il-perijodu li matulu l-pagamenti kienu sospiżi, l-istabbiliment ta’ kreditu tqiegħed taħt sorveljanza speċjali sabiex jiġi protett mill-insolvabbiltà?; (c) li d-depożitu tar-rikorrent ġie rrimborsat wara l-konstatazzjoni, mill-Balgarska Narodna Banka (Bank nazzjonali Bulgaru), li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma kinux irnexxew?; (d) li d-depożitu tar-rikorrent ġie rrimborsat, flimkien mal-interessi applikati, inkluż għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Ġunju 2014 u s‑6 ta’ Novembru 2014?

29.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn N. Kantarev, il-BNB u l-Kummissjoni Ewropea.

IV. Evalwazzjoni

30.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett tad-depożitu mhux disponibbli kif iddefinit fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, kif ukoll il-possibbiltà tal-individwu li jressaq talbiet għad-danni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija dispożizzjoni.

31.

Bl-ewwel żewġ domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix iċ-ċirkustanza li fil-Bulgarija japplikaw żewġ proċeduri differenti, b’rekwiżiti sostantivi differenti, ħlas ta’ taxxi kif ukoll qrati differenti għall-invokazzjoni ta’ talbiet għad-danni kontra l-Istat minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

32.

It-tielet sas-sitt domanda jirrigwardaw ir-rekwiżiti meħtieġa biex ikun mogħti depożitu mhux disponibbli. Għandu jiġi ċċarat jekk in-nuqqas ta’ disponibbiltà jidħolx fis-seħħ biss malli tiġi kkonstatata l-insolvenza u malli tiġi rrevokata l-awtorizzazzjoni tal-istabbiliment ta’ kreditu, jekk hijiex meħtieġa konstatazzjoni espressa tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti, jekk id-depożitur iridx ikun talab il-ħlas lill-bank u, fl-aħħar nett, jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex intitolati għal marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-terminu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà.

33.

Is-seba’ u t-tmien domanda preliminari, fl-aħħar nett, jistaqsu jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 94/19 għandhomx effett dirett u sa fejn l-assenza ta’ deċiżjoni jew deċiżjoni tardiva dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ depożiti tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jġib miegħu responsabbiltà tal-Istat.

A.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

34.

Qabel ma nasal għal evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari, ser ngħid kelmtejn dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li l-BNB qed tikkontesta n-natura sinjifikattiva tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

35.

Fl-ewwel lok, il-BNB issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Paul ( 10 ), li l-individwu ma għandux dritt għal kumpens minħabba superviżjoni insuffiċjenti tal-bank, dment li l-kumpens tad-depożituri previst fid-Direttiva 94/19 ikun iggarantit. Din tallega li, peress li s-suġġett tat-tilwima preżenti huwa talba għad-danni minħabba n-nuqqas ta’ superviżjoni tal-bank min-naħa tal-BNB, u peress li l-ammont ta’ depożitu ggarantit kien tħallas lil N. Kantarev, fid-dawl tas-sentenza Paul id-domandi preliminari ma għadx għandhom għalfejn jingħataw risposta.

36.

Mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet domanda preliminari, madankollu, ma jistax jiġi dedott li din id-domanda saret irrilevanti u b’hekk inammissibbli. L-Artikolu 267 TFUE jawtorizza lill-qorti nazzjonali, jekk hija tqis neċessarju, tirreferi mill-ġdid domandi ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ). Is-sinjifikat tas-sentenza Paul, għalhekk, għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni fil-mertu u ma jistax jinfluwenza l-ammissibbiltà tar-rinviju.

37.

Fil-fehma tal-BNB, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli wkoll minħabba l-fatt li fil-kawża prinċipali għandu jiġi deċiż jekk N. Kantarev effettivament ġarrabx danni. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina dan u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja, u d-domandi preliminari huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

38.

Din l-oġġezzjoni wkoll ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa waħda, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma taffettwax il-valutazzjoni konkreta tad-danni mill-qorti nazzjonali bħala l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. Barra minn hekk, id-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 12 ). Il-qorti tar-rinviju wkoll issostanzjat b’mod estensiv għalfejn jidhrilha li r-risposta tad-domandi tagħha hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talba għad-danni ta’ N. Kantarev.

39.

Fl-aħħar lok, il-BNB topponi li d-domandi preliminari ma humiex rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali anki minħabba l-fatt li l-leġiżlatur Bulgaru huwa kompetenti għat-traspożizzjoni tad-direttiva fid-dritt Bulgaru u mhux hija.

40.

Madankollu, dan l-argument ukoll ma jistax jintlaqa’. Infatti, ir-rikors għad-danni li hija adita bih il-qorti tar-rinviju huwa indirizzat kontra l-BNB li, fil-fehma tar-rikorrent, bħala awtorità nazzjonali ma applikatx id-direttiva korrettament.

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B.   Evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari

42.

Nemmen li jagħmel sens li fl-ewwel lok nirrispondi dawk id-domandi li jirrigwardaw il-kontenut tal-obbligu impost mid-Direttiva 94/19, jiġifieri li tiġi kkonstatata n-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti, qabel ma nindirizza l-konsegwenzi eventwali tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.

1. It-tielet sas-sitt domanda preliminari

43.

Il-kunċett ta’ “depożiti mhux disponibbli”, li jinsab fil-qofol tat-tielet sas-sitt domanda preliminari, huwa ta’ sinjifikat ċentrali għad-Direttiva 94/19. Infatti, fil-każ li d-depożiti ma humiex disponibbli, l-Istati Membri jiggarantixxu, konformement mal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti stabbiliti mill-Istati Membri jirrimborsaw lid-depożituri, fi żmien 20 jum ta’ xogħol ( 13 ), it-talbiet tagħhom minflok l-istabbilimenti ta’ kreditu inadempjenti. Skont l-Artikolu 7(1a) tal-istess direttiva, is-somma tal-kopertura hija EUR 100000 għat-totalità tad-depożiti tal-istess depożitur.

a) Fuq ir-risposta tat-tielet u tas-sitt domanda preliminari

44.

Bit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik Bulgara dwar id-data ta’ meta seħħew il-fatti, li tipprovdi li sitwazzjoni ta’ “depożiti mhux disponibbli” teżisti biss jekk tkun ġiet stabbilita l-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u l-awtorizzazzjoni tiegħu tkun ġiet irrevokata.

45.

It-tielet domanda preliminari hija marbuta mill-qrib mas-sitt domanda preliminari, li tirrigwarda d-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti fir-rigward tat-terminu għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, jekk l-awtorità tistax tidderoga mit-terminu għall-konstatazzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 sabiex l-istabbiliment ta’ kreditu jitqiegħed taħt superviżjoni speċifika. Iż-żewġ domandi għandhom jingħataw risposta flimkien.

46.

Skont il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3)(i), depożitu dovut iżda li għadu ma tħallasx jitqies mhux disponibbli, fis-sens tad-Direttiva 94/19, jekk l-awtorità kompetenti tkun ikkonstatat li l-istabbiliment ta’ kreditu “[i]kun [j]idher li ma [j]kunx [j]ista’ għal issa […] [i]ħallas lura d-depożitu u […] ma jkoll[u] l-ebda prospett attwali li jkun jista [jagħmel] dan”. L-użu tal-kliem “[j]idher”, “għal issa” u “attwali” jindika, l-ewwel nett, li l-awtorità kompetenti għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u, it-tieni nett, li l-ħlas lura tad-depożitu ma għandux ikun diġà ġie eskluż definittivament sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà. Pjuttost, l-awtorità kompetenti għandha tieħu deċiżjoni ta’ tbassir dwar jekk jeżistix il-prospett, abbażi taċ-ċirkustanzi attwali, li d-depożiti ser jitħallsu lura fil-futur ( 14 ). Din id-deċiżjoni ta’ tbassir fl-istess waqt hija rekwiżit u kundizzjoni suffiċjenti sabiex id-depożiti ma jkunux disponibbli fis-sens tad-Direttiva 94/19.

47.

Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu jew ir-revoka tal-liċenzja bankarja ma humiex ċirkustanzi li t-test tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jirreferi għalihom. Barra minn hekk, iż-żewġ kunċetti jirrappreżentaw sitwazzjonijiet li mhux neċessarjament jikkorrispondu mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-każ konkret, ir-revoka tal-liċenzja tal-bank ma kinitx direttament ibbażata fuq evalwazzjoni ta’ jekk kienx hemm “prospett attwali [ta’ ħlas lura sussegwenti]” min-naħa ta’ KTB, iżda fuq bilanċ negattiv.

48.

F’kull każ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 tistipula, fil-konfront tal-awtorità kompetenti, limitu temporali ċar biex tieħu d-deċiżjoni ta’ tbassir tagħha. Infatti, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-awtorità kkonċernata biex tagħmel dik il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun ikkonstatat għall-ewwel darba li stabbiliment ta’ kreditu jkun naqas milli jħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli.

49.

Permezz ta’ din il-formulazzjoni joħroġ biċ-ċar li Stat Membru ma jistax idgħajjef l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tikkonstata fil-pront in-nuqqas ta’ disponibbiltà jew jestendi t-terminu previst għal dan l-obbligu, billi jibbaża din il-konstatazzjoni fuq il-kundizzjoni li tkun ġiet ikkonstatata l-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u li l-liċenzja tal-bank tiegħu tkun ġiet irrevokata. Jekk dan jispiċċa jwassal biex jgħaddi iktar żmien ( 15 ) milli hija intitolata għalih l-awtorità skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, dan ikun qiegħed jippreġudika l-formulazzjoni ċara tal-istess direttiva.

50.

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għanijiet intiżi mid-Direttiva 94/19.

51.

Infatti, id-Direttiva 94/19 isservi kemm l-istabbiltà tas-sistema bankarja kif ukoll il-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu ( 16 ). Dawn iż-żewġ għanijiet huma marbutin ma’ xulxin mill-qrib: il-protezzjoni tad-depożituri sservi l-fiduċja tagħhom fis-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema bankarja, min-naħa tagħha, tiddependi mill-fiduċja tad-depożituri. Il-protezzjoni tad-depożituri ggarantita permezz tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha toħloq biżżejjed fiduċja biex jiġi evitat ġbid massiv tad-depożiti. Infatti, irtirar f’daqqa u fuq skala kbira ta’ likwidità mhux biss jista’ jkollu konsegwenzi sinjifikattivi għal stabbiliment ta’ kreditu li diġà jkun jinsab f’diffikultà, iżda anki għal stabbiliment ta’ kreditu b’saħħtu ( 17 ).

52.

Sabiex jiġi evitat dan l-effett ta’ infezzjoni, id-depożituri għandhom iserrħu rashom li, anki fil-każ ta’ falliment x’aktarx permanenti tal-istabbilimenti ta’ kreditu tagħhom, xorta waħda ser jirċievu lura, fl-iqsar żmien possibbli u prevedibbli, id-depożiti tagħhom fl-ammont iggarantit, indipendentement mill-konstatazzjoni tal-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u mir-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu. Kwalunkwe dewmien possibbli minħabba miżuri ta’ superviżjoni wkoll ma jistax inaqqas il-fiduċja tad-depożituri f’dan ir-rimbors rapidu. Għaldaqstant, partikolarment dawk il-miżuri li jissospendu, għal perijodu twil, il-ħlas lura tad-depożiti mill-istituzzjoni finanzjarja, ma jistgħux jipposponu r-rimbors tad-depożiti permezz tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti. Infatti, fil-każ ineżami r-rekwiżiti għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti huma ssodisfatti.

53.

Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-proposta ta’ direttiva tal-Kummissjoni turi li d-definizzjoni tad-depożiti mhux disponibbli xjentement ma ġietx ikkollegata mar-riskji tal-proċeduri ta’ riabilitazzjoni u ta’ likwidazzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu ( 18 ). Il-premessa 12 tad-Direttiva 2009/14 ukoll issemmi l-possibbiltà li r-rimbors permezz tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti jista’ jsir b’mod paralleli għal miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

54.

Il-fatt li għal-leġiżlatur Ewropew kien importanti ħlas partikolarment rapidu joħroġ ukoll biċ-ċar miċ-ċirkustanza li t-termini għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà (Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19) jew għall-ħlas tal-ammont iggarantit (Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19) tnaqqsu minn 21 jum għal ħamest ijiem jew minn tliet xhur għal 20 jum bl-emenda tad-Direttiva 94/19 permezz tad-Direttiva 2009/14. Anki t-tmien u d-disa’ premessa tad-Direttiva 94/19 jenfasizzaw li jridu jintużaw l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti ladarba d-depożiti jsiru mhux disponibbli u li l-kumpens mill-garanzija tad-depożiti jrid jingħata fl-iqsar żmien possibbli.

55.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti trid issir fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta l-awtorità kompetenti tkun ikkonstatat, għall-ewwel darba, li stabbiliment ta’ kreditu naqas milli jħallas lura d-depożiti li huma dovuti u pagabbli; indipendentement mid-deċiżjoni dwar l-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u mir-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu. Miżuri ta’ superviżjoni speċjali wkoll ma jistax ikollhom effett ta’ sospensjoni fuq il-konstatazzjoni li d-depożiti ma humiex disponibbli.

b) Fuq ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari

56.

Bir-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħarrafha jekk l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti jrid jiġi kkonstatat espressament mill-awtorità kompetenti, jew jekk din il-konklużjoni tistax tiġi dedotta minn atti oħra, pereżempju, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tal-BNB li tqiegħed lil KTB taħt superviżjoni speċjali.

57.

Id-Direttiva 94/19 ma tippreskrivi l-ebda forma kif l-awtorità kompetenti għandha tikkonstata li d-depożiti ma kinux disponibbli. Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha importanza sostanzjali għall-iskemi ta’ garanzija għal depożiti introdotti minn din id-direttiva. Infatti, il-konstatazzjoni li d-depożiti ma kinux disponibbli mhux biss hija rekwiżit għall-użu tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti ( 19 ), iżda timmarka wkoll il-bidu tat-terminu għall-kumpens tad-depożituri.

58.

Tassew li skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti jridu jifdu t-talbiet korrispondenti tad-depożituri fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-data li jiġi kkonstatat li d-depożiti ma kinux disponibbli. Huwa biss fil-każ ta’ “ċirkostanzi kompletament eċċezzjonali” li l-iskema ta’ garanzija għal depożiti tista’ tiġi estiża, filwaqt li din l-estensjoni ma tistax teċċedi għaxart ijiem ta’ xogħol.

59.

Minħabba t-terminu vinkolanti li l-iskema ta’ garanzija għal depożiti trid tosserva għall-kumpens tad-depożituri, din trid tkun tista’ tiddetermina, malajr u b’mod ċar, meta dan it-terminu jibda jiddekorri. Dan ifisser li l-konstatazzjoni skont l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 trid tirreferi b’mod ċar għal din id-dispożizzjoni u trid tiġi nnotifikata immedjatament lill-iskema ta’ garanzija għal depożiti. Konstatazzjoni li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tiddeduċi, b’implikazzjoni, minn ċirkustanzi oħra, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

60.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti trid issir b’tali mod li l-iskema ta’ garanzija għal depożiti tkun tista’ tiddetermina, mingħajr ebda dubju, li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 ikun beda jiddekorri.

c) Fuq ir-risposta għall-ħames domanda preliminari

61.

Bil-ħames domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali n-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti skont l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jistax jiġi kkonstatat biss jekk id-depożitur ikun talab, mingħajr suċċess, lill-istabbiliment ta’ kreditu ( 20 ) għal ħlas.

62.

Fil-każ ineżami, din il-fehma hija rrappreżentata mill-BNB, li ssostni li r-risposta għad-domanda dwar meta huma dovuti u pagabbli d-depożiti tiddependi, skont il-formulazzjoni tad-direttiva, mill-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali rilevanti kull darba, u b’hekk mid-dritt nazzjonali. Il-BNB issostni li fil-każ konkret, kemm id-dritt nazzjonali kif ukoll il-kuntratt konkluż bejn N. Kantarev u KTB jipprovdu li qabel il-ħlas tad-depożiti għandha ssir applikazzjoni korrispondenti. Barra minn hekk, peress li jiddependi mid-dritt nazzjonali meta d-depożiti huma dovuti u pagabbli, ir-risposta għall-ħames domanda preliminari ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63.

Fl-ewwel lok, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Infatti, irrispettivament mir-riferiment għall-“kundizzjonijiet legali u kuntrattwali” applikabbli għad-depożiti, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/19 jinkludi definizzjoni awtonoma u għalhekk skont id-dritt tal-Unjoni tad-“depożiti mhux disponibbli”. Dan joħroġ ukoll biċ-ċar mill-fatt li bħala introduzzjoni l-Artikolu 1 jibda bil-kliem “[g]ħall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva”. Huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ din id-definizzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, il-portata tar-riferiment għall-“kundizzjonijiet legali u kuntrattwali” fir-rigward tal-maturità u l-ħlas tad-depożiti.

64.

F’dan ir-rigward, il-fehma tal-BNB lanqas mil-lat sostantiv ma tista’ tintlaqa’, peress li tinjora li d-definizzjoni tad-depożiti mhux disponibbli fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/19 għandha żewġ funzjonijiet: minn naħa waħda din isservi sabiex l-awtorità kompetenti jew qorti tkun tista’ tikkonstata li jeżisti każ ta’ responsabbiltà li jirrikjedi li tintuża l-iskema ta’ garanzija għal depożiti; min-naħa l-oħra, din tistabbilixxi d-depożiti li għandhom jitħallsu lid-depożituri permezz tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti abbażi tal-istess każ ta’ responsabbiltà.

65.

Dawn iż-żewġ funzjonijiet tad-definizzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 1(3), tal-Artikolu 7(1) u (1a) u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19. Fl-ewwel lok, l-Istati Membri jiggarantixxu, konformement mal-Artikolu 7(1) u (1a), id-depożiti ta’ kull depożitur fl-ammont stabbilit fid-direttiva fil-każ tan-nuqqas ta’ disponibbiltà (l-ewwel funzjoni). Imbagħad l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti jagħmlu arranġamenti, konformement mal-Artikolu 10(1), sabiex fil-każ tan-nuqqas ta’ disponibbiltà jkunu jistgħu jirrimborsaw it-talbiet tad-depożituri, fiż-żmien stipulat fid-direttiva, fir-rigward ta’ depożiti mhux disponibbli (it-tieni funzjoni).

66.

Il-fatt li d-definizzjoni tad-depożiti mhux disponibbli fl-ewwel funzjoni tagħha inizjalment isservi għall-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti jew minn qorti, li jeżisti każ ta’ responsabbiltà, huwa kkonfermat kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 1(3)(ii) tad-Direttiva 94/19 kif ukoll mis-sens u mill-iskop tad-dispożizzjoni: infatti, minn din jirriżulta li nuqqas ta’ disponibbiltà tkun mogħtija jekk depożiti dovuti u pagabbli ma jiġux irrimborsati minħabba raġunijiet marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ stabbiliment ta’ kreditu. F’dan il-mument tassew ikun jeżisti każ ta’ insolvenza, li għalih ġew stabbiliti l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti li jiggarantixxu d-depożiti fl-ammont stabbilit.

67.

B’hekk, il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli għad-depożiti huma sempliċement rilevanti, fil-kuntest tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà, sabiex jiġi ddeterminat jekk stabbiliment ta’ kreditu huwiex insolventi. Għaldaqstant, tassew li huwa biss il-każ li stabbiliment ta’ kreditu ma jħallasx lura depożiti li kienu dovuti u pagabbli konformement mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali rispettivi li jista’ jservi ta’ indikazzjoni li l-istabbiliment ta’ kreditu ma għadux solventi. Infatti, il-fatt li depożiti, li skont id-dispożizzjonijiet applikabbli la huma dovuti u lanqas pagabbli, ma jitħallsux lura, qabelxejn huwa inerenti bl-istess mod bħaċ-ċirkustanza li, fil-każ ta’ funzjonament normali ta’ bank, id-depożiti dovuti u pagabbli ma jitħallsux mingħajr ma jintalbu.

68.

Madankollu, ladarba tiġi kkonstatata n-nuqqas ta’ disponibbiltà, id-depożiti kollha ta’ depożitur li jkunu għadhom jinsabu fil-kontijiet tiegħu u li jaqgħu taħt id-definizzjoni tad-Direttiva 94/19 ( 21 ) jitqiesu bħala dovuti, li jitħallsu lura, li għadhom ma tħallsux u b’hekk mhux disponibbli, sal-ammont iggarantit minn din id-direttiva, b’tali mod li għandhom jiġu rrimborsati mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti konformement mal-Artikolu 1(3) flimkien mal-Artikolu 10(1).

69.

Għaldaqstant, jekk id-depożiti li għandhom jitħallsu mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti jkunu jikkonsistu biss minn dak l-ammont li jkun għad fadal fuq il-kont tad-depożitur fil-mument li fih tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà, f’dan l-istadju ma tkunx għadha rilevanti l-kwistjoni dwar jekk id-depożitu huwiex “dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu” konformement mal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli. B’hekk huwa probabbli li fil-mument tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ma humiex “dovut[i] u pagabbli […] mill-istituzzjoni ta’ kreditu” biss, fis-sens tad-Direttiva 94/19, depożiti trasferibbli bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, iżda anki depożitu ta’ żmien fiss li jkun ġie investit għal ċertu perijodu u li huwa disponibbli biss b’perijodu ta’ notifika ( 22 ). Madankollu, dan ma huwiex is-suġġett tad-domanda inkwistjoni u għalhekk ma għandux għalfejn jiġi ċċarat b’mod konklużiv.

70.

Fi kwalunkwe każ jirriżulta, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li fil-mument tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti d-depożitur ma jistax jiġi suġġett għal xi tip ta’ obbligu ta’ applikazzjoni, normalment applikabbli għall-ħlas lura tad-depożiti tiegħu. Id-direttiva pjuttost tqis li, f’sitwazzjoni ta’ insolvenza, id-depożituri jridu d-depożiti tagħhom lura u li għalhekk id-depożiti li jkunu għadhom jinsabu għand il-bank għandhom jitqiesu bħala “mhux imħallsa” fis-sens tad-direttiva.

71.

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-bank ikkonċernat evidentement kien fattwalment magħluq u ssospenda r-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu, ma jkunx prattiku li d-depożituri jintalbu jagħmlu applikazzjoni għall-ħlas tad-depożiti tagħhom. Huwa wkoll dubjuż kif tista’ tiġi pprovata tali applikazzjoni – li fil-każ ta’ depożiti trasferibbli dovuti f’kull waqt ħafna drabi tiġi mmaterjalizzata permezz tat-tentattiv li jinġibdu l-flus mill-magna tal-bank jew billi jsir trasferiment fuq l-internet. Għaldaqstant, anki għall-iskema ta’ garanzija għal depożiti stess ikun problematiku jekk din tkun trid taċċerta li d-depożituri applikaw għall-ħlas tad-depożiti tagħhom ( 23 ). Dan jispiċċa jġib miegħu wkoll problemi prattiċi addizzjonali: li kieku d-depożitur ipprova jiġbed EUR 500, dan xorta waħda jiġi kkumpensat bl-ammont ta’ EUR 100000 previst mid-direttiva?

72.

Fl-aħħar nett, obbligu ta’ applikazzjoni lanqas ma huwa kompatibbli mal-fatt li l-għan iddikjarat tad-Direttiva 94/19 proprju huwa li jiġu evitati l-hekk imsejħa “bank runs” u b’hekk assalt tad-depożituri fuq stabbiliment ta’ kreditu batut jew anki b’saħħtu. Ikun ta’ preġudizzju għal dan il-għan jekk jiġi mistenni mid-depożituri li l-ewwel javviċinaw lill-bank tagħhom sabiex jiġu kkumpensati mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti.

73.

L-unika applikazzjoni prevista mid-Direttiva 94/19 hija l-applikazzjoni għal kumpens, li għandha tiġi ppreżentata lill-iskema ta’ garanzija għal depożiti stess ( 24 ). U saħansitra dan l-obbligu ta’ applikazzjoni ma għadux previst mid-Direttiva 2014/49, peress li l-obbligu li wieħed jieħu azzjoni ma huwiex adattat biex titnissel fiduċja fid-depożituri li ser jiġu mħallsa lura mal-ewwel ( 25 ).

74.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li depożiti ma humiex disponibbli ma tistax tiddependi minn jekk id-depożitur iridx ikun talab lill-istabbiliment ta’ kreditu għal ħlas lura.

d) Konklużjoni intermedjarja

75.

L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti trid issir fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta l-awtorità kompetenti tkun ikkonstatat, għall-ewwel darba, li stabbiliment ta’ kreditu ma jkunx ħallas lura depożiti dovuti u pagabbli u ma jkollu l-ebda prospett fil-qrib li jkun jista’ jagħmel dan, indipendentement mid-deċiżjoni dwar l-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u mir-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja tiegħu. Miżuri ta’ superviżjoni speċjali wkoll ma jistax ikollhom effett ta’ sospensjoni fuq il-konstatazzjoni li d-depożiti ma humiex disponibbli. Din il-konstatazzjoni trid ukoll issir b’tali mod li l-iskema ta’ garanzija għal depożiti tkun tista’ tiddetermina, mingħajr ebda dubju, li t-terminu skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 tad-depożituri jkun beda jiddekorri. Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ depożitu ma tistax tiddependi minn jekk id-depożitur iridx ikun talab lill-istabbiliment ta’ kreditu il-ħlas lura.

2. Is-seba’ u t-tmien domanda preliminari

76.

Bl-aħħar żewġ domandi preliminari l-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst għall-konstatazzjoni li d-depożiti ma humiex disponibbli jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Stat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju partikolarment tistaqsi jekk dan jikkostitwixxix ksur “suffiċjentement serju” u jekk ir-responsabbiltà tal-Istat f’dan ir-rigward tistax tiġi limitata għal danni kkawżati intenzjonalment.

77.

Il-BNB tilmenta li s-sentenza Paul ( 26 ) diġà eskludiet li individwu jista’, abbażi tad-Direttiva 94/19, jinvoka r-responsabbiltà tal-Istat Membru inkwistjoni lil hinn mill-kumpens previst ( 27 ).

a) Fuq id-delimitazzjoni fir-rigward tas-sentenza Paul

78.

Din l-oġġezzjoni ma tikkonvinċinix u dan għar-raġunijiet li ġejjin. Fil-kawża Paul l-Istat Membru kkonċernat kien implimenta d-Direttiva 94/19 tardivament. Id-depożituri li sofrew danni minħabba l-proċedimenti ta’ falliment tal-bank tagħhom ma ġewx ikkumpensati permezz ta’ skema ta’ garanzija għal depożiti. Konsegwentement, l-Istat Membru ġie kkundannat, minn qorti nazzjonali, jikkumpensa lid-depożituri bl-ammont iggarantit skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19 minħabba ksur serju tad-dritt Komunitarju.

79.

Madankollu, it-telf finanzjarju tad-depożituri kien imur lil hinn mill-ammont iggarantit mid-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk trid twieġeb jekk, minbarra d-dritt ikkonferit lid-depożitur għar-rimbors tal-ammont iggarantit skont l-Artikolu 7(1), id-Direttiva 94/19 tikkonferixxix ukoll id-dritt li l-awtorità kompetenti tieħu ċerti miżuri ta’ superviżjoni skont l-Artikolu 3(2) sa (5) (pereżempju r-revoka tal-awtorizzazzjoni). F’dan il-kuntest qamet il-kwistjoni dwar jekk id-danni, li ma kinux jiġu kkawżati li kieku ttieħdet tali miżuri ta’ superviżjoni, iridux jiġu kkumpensati wkoll, apparti l-ammont iggarantit.

80.

Fil-kawża Paul, id-depożituri li sofrew danni qiesu li l-awtorità bankarja għandha ġġorr parti mill-ħtija għall-fatt li kienu ntilfu d-depożiti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li d-depożituri għandhom id-dritt li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri ta’ superviżjoni fl-interess tagħhom, u ċaħdet dritt għad-danni kkawżati minħabba superviżjoni insuffiċjenti.

81.

Il-kawża Paul quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx “tikkonċerna l-verifika ta’ jekk it-traspożizzjoni mhux korretta jew l-applikazzjoni mhux korretta tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/19” ( 28 ), jiġifieri funzjonament ħażin tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, jistgħux jiġġeneraw responsabbiltà tal-Istat. Pjuttost, kienet ikkonċernata responsabbiltà tal-Istat li għandha l-oriġini tagħha fin-nuqqas ta’ twettiq ta’ miżuri ta’ superviżjoni speċifiċi previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/19.

82.

Għall-kuntrarju, fil-każ ineżami hija kkonċernata l-kwistjoni dwar jekk it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni mhux korretti tal-mekkaniżmu ta’ kumpens jistgħux jiġġeneraw responsabbiltà tal-Istat. N. Kantarev ma huwiex iqis lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni responsabbli għat-telf tad-depożitu tiegħu, iżda għan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ kumpens previsti fid-Direttiva 94/19.

83.

L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 94/19 teskludi r-responsabbiltà tal-Istati Membri biss jekk dawn ikunu ħadu ħsieb li jistabbilixxu sistemi li jiżguraw il-pagament ta’ kumpens jew il-protezzjoni tad-depożituri kif previst mid-direttiva. N. Kantarev, madankollu, huwa tal-fehma li l-ammont iggarantit ma tħallasx lilu kif previst fl-Artikolu 1(3) tad-direttiva, iżda tardivament.

84.

Madankollu, kif diġà spjegajt, l-iskop tad-Direttiva 94/19 proprju huwa kumpens rapidu. Ir-responsabbiltà ta’ Stat minħabba t-traspożizzjoni mhux korretta jew l-applikazzjoni mhux korretta tal-Artikolu 1(3)(i), li jeżiġi l-kumpens skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, fil-prinċipju ma hijiex eskluża, la mis-sentenza Paul u lanqas mill-erbgħa u għoxrin premessa tad-direttiva.

85.

Madankollu, dan id-dritt jeżisti biss jekk ikunu jeżistu r-rekwiżiti tar-responsabbiltà tal-Istat.

b) Il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Istat

86.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-individwi għandhom dritt għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa imputabbli lill-Istat jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: li r-regola tad-dritt tal-Unjoni li nkisret għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi; li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi ( 29 ). Fil-prinċipju huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jiddeterminaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmijin humiex issodisfatti u jekk l-Istat huwiex responsabbli għall-kumpens tad-dannu ( 30 ). Konsegwentement, fil-każ ineżami l-partijiet fil-kawża prinċipali qegħdin jikkontestaw jekk humiex issodisfatti t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għal responsabbiltà tal-Istat ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

87.

Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit dritt għal kumpens favur individwi ( 31 ). Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jeskludix li r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur ta’ dan id-dritt tista’ tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali. Huwa min-naħa l-oħra jipprekludi li d-dritt nazzjonali jimponi kundizzjonijiet supplimentari f’dan ir-rigward ( 32 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, il-kumpens għad-danni ma jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni ta’ nuqqas imputabbli (intenzjonali jew b’negliġenza) min-naħa tal-korpi tal-Istat li tmur lil hinn mill-kunċett tal-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm dan il-kunċett ikopri ċerti elementi oġġettivi u suġġettivi li, fil-qafas tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, jistgħu jkunu marbuta mal-kunċett ta’ nuqqas ( 33 ).

88.

Għandu jiġi kkonstatat ukoll, qabelxejn, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, li l-effett dirett ta’ dispożizzjoni ma huwiex kundizzjoni għar-responsabbiltà ta’ Stat ( 34 ).

89.

Pjuttost, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjoni, li l-ksur tagħha qiegħed jiġi allegat, tikkonferixxix drittijiet lill-individwi.

90.

Fil-każ ineżami, l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 ma jikkonferixxix dritt lill-individwu inkwantu tali l-awtorità kompetenti tikkonstata awtomatikament li d-depożiti tiegħu ma kinux disponibbli jekk din l-indisponibbiltà effettivament tkun ilha għaddejja għal perijodu speċifiku ( 35 ). Kif diġà elaborajt iktar ’il fuq, l-awtorità kompetenti pjuttost għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna din il-konstatazzjoni, peress li qabelxejn hija kkonċernata deċiżjoni ta’ tbassir ( 36 ).

91.

Madankollu, l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jipprevedi li jekk l-awtorità kompetenti tkun tal-fehma li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, l-istabbiliment ta’ kreditu għal issa ma jkunx f’qagħda li jħallas lura d-depożiti, u ma jkollu l-ebda prospett li jkun jista’ jagħmel dan, il-konstatazzjoni korrispondenti tal-awtorità trid issir fi żmien ħamest ijiem minn meta din tkun saret taf għall-ewwel darba li stabbiliment ta’ kreditu ma ħallasx lura d-depożiti.

92.

Dan ifisser li, għalkemm din id-dispożizzjoni ma tikkonferixxix dritt lill-individwu għall-konstatazzjoni li d-depożiti tiegħu ma kinux disponibbli, din tagħtih id-dritt li, jekk l-awtorità tikkonstata n-nuqqas ta’ disponibbiltà, din il-konstatazzjoni trid issir fi żmien ħamest ijiem.

93.

Id-dispożizzjoni hija ċara u preċiża f’dak li jirrigwarda t-terminu ( 37 ).

94.

Abbażi tal-miżuri ta’ superviżjoni, li fil-każ ineżami ttieħdu mill-BNB, jista’ jiġi preżunt li din l-awtorità kienet tal-fehma li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, l-istabbiliment ta’ kreditu għal issa ma kienx f’qagħda li jħallas lura d-depożiti. Fl-istess jum li din saret jaf, mingħand KTB, li din tal-aħħar kienet issospendiet il-pagamenti, il-BNB qiegħdet lil KTB taħt superviżjoni speċifika minħabba r-riskju ta’ insolvenza. Il-fatt li f’dik id-data lanqas ma kien jeżisti prospett għal ħlas lura sussegwenti saħansitra ġie stabbilit permezz tad-deċiżjoni tal-BNB stess li jiġi sospiż l-issodisfar tal-obbligi kollha ta’ KTB.

95.

Għalkemm il-BNB kienet tal-fehma li KTB kienet f’riskju ta’ insolvenza, u l-BNB ipprevjeniet, għal żmien twil, il-ħlas lura tad-depożiti inkwistjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha stess, din naqset milli tieħu d-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 fi żmien ħamest ijiem, deċiżjoni li kienet twassal għall-kumpens tad-depożituri inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 10(1). Dan huwa ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 1(3)(i) tad-direttiva.

96.

Huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju li teżamina jekk teżistix rabta kawżali diretta bejn il-ksur u d-dannu lmentat.

97.

Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 hija ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat. Iċ-ċirkustanzi msemmijin b’mod supplimentari mill-qorti tar-rinviju fit-tmien domanda tagħha ma jibdlu xejn f’dan ir-rigward.

3. L-ewwel u t-tieni domanda preliminari

98.

Bl-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju, fl-aħħar nett, qiegħda tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix iċ-ċirkustanza li fil-Bulgarija jistgħu japplikaw żewġ proċeduri differenti, b’rekwiżiti differenti għall-invokazzjoni ta’ talbiet għad-danni kontra l-Istat minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

99.

Fil-Bulgarija, fuq naħa waħda, jittieħed inkunsiderazzjoni l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili meta tiġi applikata l-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, li tipprevedi dritt ġenerali għal danni. Min-naħa l-oħra jista’ jkun rilevanti l-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva jekk tapplika l-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat, li tirregola r-responsabbiltà tal-Istat u tal-muniċipalitajiet għad-danni kkawżati minħabba atti illegali u aġir illegali jew nuqqas ta’ azzjoni mill-istituzzjonijiet u l-impjegati tagħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom ( 38 ).

100.

Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, iż-żewġ proċeduri jiddistingwu ruħhom kif ġej: il-proċedura quddiem il-qorti amministrattiva għandha l-vantaġġ li r-responsabbiltà ma tiddependix minn nuqqas, il-miżati għall-proċedura huma iktar baxxi u bħala qorti jittieħed inkunsiderazzjoni d-domiċilju tal-parti leża. Madankollu, din il-proċedura hija applikabbli biss għad-danni li jirriżultaw minn atti illegali annullati u minn azzjonijiet jew nuqqas ta’ azzjonijiet fattwali illegali tal-amministrazzjoni. Barra minn hekk huwa kkontestat jekk tali proċedura tistax tkun indirizzata kontra l-BNB, peress li din hija awtorità statali iżda mhux awtorità amministrattiva.

101.

Skont ġurisprudenza stabbilita huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jistabbilixxi l-proċedura għal azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni sħiħa ta’ drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni ( 39 ). Dan ifisser li, għalkemm l-Istati Membri jridu jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ dannu kkawżat mill-Istat fil-qafas tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, id-determinazzjoni tal-qrati kompetenti u tal-proċedura għar-rikors għad-danni kontra l-Istat skont id-dritt tal-Unjoni taqa’ taħt il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

102.

Id-dritt tal-Unjoni b’hekk, jekk jiġu kkunsidrati diversi proċeduri, ma jiddeterminax liema waħda tapplika. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jinkludi prinċipji li għandhom jiġu osservati waqt l-għażla tal-proċedura adattata.

103.

Id-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li fid-dritt nazzjonali jiġu stabbiliti kundizzjonijiet iktar restrittivi għar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni minn dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Responsabbiltà li tiddependi minn nuqqas, kif meħtieġ mil-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, madankollu, tmur lil hinn ( 40 ) mit-tliet kundizzjonijiet previsti għar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni (regola li tikkonferixxi drittijiet lill-individwu, ksur suffiċjentement serju u rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni kkawżati) ( 41 ).

104.

Id-dritt tal-Unjoni jipprevedi wkoll li l-obbligu ta’ kumpens japplika f’kull każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa ta’ Stat Membru. Dan japplika indipendentement mill-awtorità pubblika li wettqet tali ksur u tkun xi tkun l-awtorità li għandha, bħala prinċipju u skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu ta’ dan il-kumpens ( 42 ).

105.

Minn dan jirriżulta li, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju huma l-Istati Membri fl-intier tagħhom li għandhom l-obbligu ta’ kumpens, u mhux l-awtorità tal-Istat rispettiva li hija responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li d-dritt nazzjonali jista’ jipprovdi li l-awtorità pubblika, li hija responsabbli għad-danni kkawżati, ikollha terfa’ r-responsabbiltà u li, skont il-każ, dan iwassal għal proċedura partikolari. Madankollu, dan ma jistax iwassal biex tkun imdgħajfa l-protezzjoni ġudizzjarja tal-individwu.

106.

Fil-każ ineżami d-dritt nazzjonali jipprevedi r-rikors għad-danni kontra l-Istat, iżda mhux għar-responsabbiltà tal-BNB, taħt il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Muniċipalitajiet għad-Danni Kkawżati fil-qafas tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva. Peress li ma huwiex ikkontestat li l-BNB hija awtorità pubblika fi ħdan it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina jekk ir-regola tar-responsabbiltà għall-BNB iddgħajjifx il-pożizzjoni tal-individwu, b’paragun mar-regola dwar ir-responsabbiltà tal-Istat applikabbli għal korpi statali oħra, b’tali mod li taffettwa d-dritt li tiġi stabbilita responsabbiltà ta’ Stat skont id-dritt tal-Unjoni.

107.

Fil-qafas tal-awtonomija proċedurali tiegħu l-Istat Membru, barra minn hekk, għandu josserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività: il-kundizzjonijiet sostantivi u materjali, stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tar-rikors għad-danni, għat-twettiq ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jistgħux ikunu ġestiti b’mod li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) ( 43 ).

108.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi rrilevat, fil-każ ineżami, li l-ebda waħda mir-regoli msemmijin mill-qorti tar-rinviju ma tiddistingwi, skont il-formulazzjoni tagħha, bejn jekk ir-responsabbiltà tal-Istat hijiex ibbażata fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. Lanqas mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta li sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk nazzjonali ( 44 ).

109.

Għall-kuntrarju, fil-każ ineżami, l-inċertezza dwar il-proċedura applikabbli għat-twettiq ta’ drittijiet li tiġi stabbilita responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni diġà timplika ksur tal-prinċipju ta’ effettività. Infatti, din l-inċertezza trendi r-rimedju tal-individwu għall-ksib ta’ kumpens eċċessivament diffiċli, ibda mill-identifikazzjoni tal-qorti, qorti amministrattiva jew qorti ċivili, li quddiemha jrid jippreżenta rikors.

110.

Barra minn hekk huwa dubjuż jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva Bulgaru, li jipprovdi li l-att illegali sottostanti għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni jrid ikun ġie annullat jew trid tkun ġiet ikkonstatata l-illegalità tal-azzjoni jew tan-nuqqas ta’ azzjoni li wasslu għall-ksur.

111.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li l-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża kinitx raġonevolment diliġenti sabiex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu u jekk, b’mod partikolari, hija rrikorrietx fil-ħin għar-riimedji ġuridiċi kollha li kienu disponibbli għaliha ( 45 ).

112.

Madankollu, l-obbligu li l-persuni leżi jkunu sistematikament irrikorrew għar-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom imur kontra l-prinċipju ta’ effettività ( 46 ). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk kienx raġonevoli li, qabel jiġi ppreżentat appell għall-ksib ta’ kumpens għad-danni, N. Kantarev jippreżenta appelli oħra għall-annullament tal-att tal-BNB jew għall-konstatazzjoni li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha kienu illegali ( 47 ).

113.

Fl-aħħar nett huwa dubjuż jekk iċ-ċirkustanza li fid-dritt Bulgaru t-twettiq tad-dritt li jiġi ppreżentat rikors għad-danni tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni jiddependi mill-pagament ta’ depożitu għall-ispejjeż legali fil-forma ta’ taxxa, anki jekk proporzjonali, tmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività. Il-fatt li d-dritt nazzjonali jitlob depożitu għall-ispejjeż legali, anki jekk proporzjonali, huwa normali f’ħafna Stati Membri u fih innifsu ma jiksirx il-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, il-qorti kompetenti xorta waħda trid teżamina jekk dan il-fatt jikkostitwixxix tfixkil li ma jkunx jista’ jingħeleb għall-aċċess għad-dritt ( 48 ) u jekk f’dan il-każ teżistix il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-pagament.

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix li fil-Bulgarija jistgħu japplikaw żewġ rimedji ġudizzjarji għal kawżi għad-danni tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, skont l-awtorità pubblika li tkun qiegħda taġixxi, dment li jkun identifikabbli b’mod ċar għall-individwu liema proċedura jrid juża fis-sitwazzjoni tiegħu u dment li din il-proċedura tippermetti infurzar effettiv tad-dritt għal kumpens tad-danni skont id-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-proċedura applikabbli għal kawżi għad-danni tal-Istat fil-konfront tal-BNB tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

V. Konklużjoni

115.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja illi tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad - Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija):

1)

L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti trid issir fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta l-awtorità kompetenti tkun ikkonstatat, għall-ewwel darba, li stabbiliment ta’ kreditu ma jkunx ħallas lura depożiti dovuti u pagabbli u ma jkollu l-ebda prospett fil-qrib li jkun jista’ jagħmel dan, indipendentement mid-deċiżjoni dwar l-insolvenza tal-istabbiliment ta’ kreditu u mir-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja tiegħu. Miżuri ta’ superviżjoni speċjali wkoll ma jistax ikollhom effett ta’ sospensjoni fuq il-konstatazzjoni li d-depożiti ma humiex disponibbli. Din il-konstatazzjoni trid ukoll issir b’tali mod li l-iskema ta’ garanzija għal depożiti tkun tista’ tiddetermina, mingħajr ebda dubju, li t-terminu skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 tad-depożituri jkun beda jiddekorri. Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ depożitu ma tistax tiddependi minn jekk id-depożitur iridx ikun talab lill-istabbiliment ta’ kreditu il-ħlas lura.

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 hija ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

3)

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix li fil-Bulgarija jistgħu japplikaw żewġ rimedji ġudizzjarji għal kawżi għad-danni tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, skont l-awtorità pubblika li tkun qiegħda taġixxi, dment li jkun identifikabbli b’mod ċar għall-individwu liema proċedura jrid juża fis-sitwazzjoni tiegħu u dment li din il-proċedura tippermetti infurzar effettiv tad-dritt għal kumpens tad-danni skont id-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-proċedura applikabbli għal kawżi għad-danni tal-Istat fil-konfront tal-BNB tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.

( 2 ) Madankollu, inizjalment, l-ammont iggarantit kien iktar baxx. Mill‑2009 dan gradwalment żdied minn 20000 ECU għal EUR 100000 (Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors, ĠU 2009, L 68, p. 3).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252)

( 4 ) Ara t-tieni premessa tad-Direttiva 94/19.

( 5 ) Proposta tat‑12 ta’ Lulju 2010 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti [riformulazzjoni], KUMM(2010)368 finali.

( 6 ) Kif emendata bid-Direttiva 2009/14. Sadanittant id-Direttiva 94/19 ġiet imħassra u ssostitwita b’riformulazzjoni, madankollu b’effett mill‑4 ta’ Lulju 2019 biss (ara l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti, ĠU 2014, L 173, p. 149), filwaqt li xi dispożizzjonijiet tar-riformulazzjoni kellhom jiġu trasposti diġà sat‑3 ta’ Lulju 2015 (ara l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/49). Fid-data rilevanti għall-każ ineżami kienet tapplika biss id-Direttiva 94/19 (fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2009/14).

( 7 ) L-enumerazzjoni saret mill-awtriċi.

( 8 ) Fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali.

( 9 ) Fil-verżjoni applikabbli fil-kawża prinċipali.

( 10 ) Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606).

( 11 ) Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Id-Direttiva 2014/49 tipprevedi li, fuq għażla tal-Istati Membri, dan it-terminu jista’ progressivament jitniżżel għal sebat ijiem ta’ xogħol sal‑31 ta’ Diċembru 2023 (Artikolu 8(1) u (2)).

( 14 ) B’mod iktar speċifiku, xi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jirreferu għall-futur qarib (bil-Franċiż: “pas de perspective rapprochée”; bit-Taljan: “non ha, a breve, la prospettiva”; bl-Olandiż: “op afzienbare termijn”).

( 15 ) Mill‑4 ta’ Novembru 2014, il-kompetenza tar-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja tal-istabbilimenti ta’ kreditu ġiet fdata lill-Bank Ċentrali Ewropew (Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ĠU 2013, L 287, p. 63). Il-miżuri previsti fl-Artikolu 14(5) u (6) tal-imsemmi regolament jagħtu x’jifhmu li jista’ jgħaddi żmien twil sar-revoka tal-awtorizzazzjoni bankarja.

( 16 ) Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva 94/19 kif ukoll il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2009/14.

( 17 ) Ara r-raba’ premessa tad-Direttiva 94/19.

( 18 ) Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti, COM(92) 188 finali, p. 11.

( 19 ) Ara l-punt 46 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Mid-domanda tal-qorti tar-rinviju joħroġ li l-applikazzjoni li n-neċessità tagħha qiegħda tiġi mistoqsija tirrigwarda applikazzjoni għand l-istabbiliment ta’ kreditu inkwistjoni u mhux applikazzjoni għand l-iskema ta’ garanzija għal depożiti kompetenti. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 73 iktar ’l isfel.

( 21 ) Kif speċifikat fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 94/19, huma biss dawk id-depożiti elenkati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva li jistgħu jiġu eżentati mill-garanzija. Jekk depożitu ma jkunx iggarantit, l-istabbiliment ta’ kreditu jrid jinforma lid-depożituri (ara l-Artikolu 9(1)).

( 22 ) Dan huwa ssuġġerit mill-fatt li d-Direttiva 2014/49, li għalkemm tħassar id-Direttiva 94/19 iżżomm id-definizzjoni ta’ “depożiti mhux disponibbli”, tinkludi espliċitament id-depożitu ta’ żmien fiss fid-definizzjoni ta’ depożitu. Barra minn hekk, din tipprevedi li l-interessi fuq id-depożiti li jkunu akkumulaw sad-data tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà iżda li jkunu għadhom ma ġewx ikkreditati wkoll għandhom jiġu rrimborsati mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti; ara l-Artikolu 2(1)(3) u (8) kif ukoll l-Artikolu 7(7) tad-Direttiva 2014/49 (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq).

( 23 ) Ġaladarba l-kumpens irid jingħata malajr: fi żmien 20 jum ta’ xogħol konformement mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 u saħansitra fi żmien sebat ijiem konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/49.

( 24 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) kif ukoll l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 94/19.

( 25 ) Ara l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2014/49: “L-ammont li jrid jitħallas lura għandu jkun disponibbli mingħajr ma tkun meħtieġa talba lill-SGD”.

( 26 ) Sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C‑222/02, EU:C:2004:606).

( 27 ) Ara l-punti 35 u 36 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Paul et (C‑222/02, EU:C:2003:637, punt 87).

( 29 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 20), tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 30), u tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 47).

( 30 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 62) u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 50).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 78 sa 80), tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 39), u tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 67).

( 34 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 21 u 22).

( 35 ) F’dan ir-rigward id-direttiva tiddistingwi ruħha mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-iskemi ta’ garanzija għal depożiti, fejn ma kienx meħtieġ li s-sospensjoni tal-pagamenti tiġi kkonstatata minn awtorità amministrattiva; pjuttost, l-abbozz kien jipprovdi li huwa biżżejjed li “s-sospensjoni tal-pagamenti effettivament tkun ilha għaddejja għal iktar minn għaxart ijiem konsekuttivi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (COM(92) 188 finali, p. 28)

( 36 ) Ara l-punt 46 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni li nkisret jagħmel parti mill-aspetti li, skont il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni; ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 55 u 56).

( 38 ) Ara l-argumenti dwar id-dritt nazzjonali fil-punti 14 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 50), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684, punt 58).

( 40 ) Ara l-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-punt 87 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 32), u tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 43), tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 58), tas‑26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 50).

( 44 ) Ara, fir-rigward ta’ każ simili, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punti 50 u 51).

( 45 ) Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 75); ara wkoll is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 84), tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 124), kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 60).

( 46 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 77), u tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 62).

( 47 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 64).

( 48 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 61).