KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit‑12 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C‑561/16

Saras Energía SA et

vs

Administración del Estado

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2012/27/UE – Promozzjoni ta’ effiċjenza tal-enerġija – Skema ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija – Miżuri ta’ politika oħra – Fond nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija – Obbligu ta’ kontribuzzjoni – Distributuri tal-enerġija u/jew kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija obbligati – Motivazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Il-protezzjoni tal-klima ma sseħħx biss bit-tranżizzjoni lejn sorsi rinnovabbli ta’ provvisti ta’ enerġija, iżda wkoll billi tiġi ekonomizzata l-enerġija. Għaldaqstant, fost raġunijiet oħra, l-Unjoni Ewropea għandha l-mira li tekonomizza 20 % tal-enerġija minn issa sas-sena 2020 Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ( 2 ) għandha tipprovdi kontribut f’dan ir-rigward.

2.

L-introduzzjoni ta’ miri intiżi għall-ekonomizzar għal distributuri tal-enerġija u/jew għal kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija hija waħda mill-istrumenti ta’ ekonomizzar tal-enerġija. Fi Spanja, l-implimentazzjoni tad-direttiva wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward ta’ dan il-punt.

3.

Fil-kawża inkwistjoni, jitqajmu żewġ kwistjonijiet; l-ewwel nett, dik dwar jekk id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija tippermettix li l-kumpanniji jiġu obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet għal fond għall-ekonomizzar tal-enerġija mingħajr ma jingħataw il-possibbiltà li, minflok, jilħqu dawn il-miri ta’ ekonomizzar huma stess, u, it-tieni nett, liema kumpanniji jistgħu qabelxejn jiġu obbligati, kif ukoll il-motivazzjoni għall-għażla tal-kumpanniji obbligati.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Uħud mill-kunċetti ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(14)

‘parti obbligata’ tfisser distributur tal-enerġija jew il-kumpannija tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum li hija marbuta bl-iskema nazzjonali ta’ obbligi tal-effiċjenza tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 7;

[…]

(18)

‘miżura ta’ politika’ tfisser strument ta’ dispożizzjoni regolatorju, finanzjarju, fiskali, volontarju jew ta’ informazzjoni formalment stabbilit u implimentat fi Stat Membru biex jinħoloq qafas ta’ appoġġ, rekwiżit jew inċentiv għall-atturi tas-suq biex jipprovdu u jixtru servizzi ta’ enerġija u biex jieħdu miżuri oħrajn għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija;

[…]

(20)

‘distributur tal-enerġija’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, inkluż operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni li hija responsabbli għall-kunsinna tal-enerġija, bil-għan li titwassal lil klijenti aħħarin jew lil stazzjonijiet ta’ distribuzzjoni li jbiegħu l-enerġija lil klijenti aħħarin;

[…]

(22)

‘kumpanija tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ l-enerġija lil klijenti aħħarin;

[…]”

5.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jirregola l-iskema ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija:

“1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi skema waħda ta’ obbligi ta’ effiċjenza fl-enerġija. Dik l-iskema għandha tiżgura li d-distributuri tal-enerġija u/jew il-kumpanniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum li huma nnominati bħala partijiet obbligati skont il-paragrafu 4 li joperaw fit-territorju ta’ kull Stat Membru jiksbu mira kumulattiva ta’ effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija jew iffrankar fl-enerġija sal‑31 ta’ Diċembru 2020, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

[…]

2.   […]

3.   […]

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għall-mira skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu, għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jinnomina, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija u/jew kumpanniji li jbiegħu l-enerġija fil-livell tal-konsum li joperaw fit-territorju tiegħu u dawn jistgħu jinkludu distributuri tal-karburant għat-trasport jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum tal-karburant għat-trasport li joperaw fit-territorju tiegħu. L-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija biex jiġi ssodisfat l-obbligu għandu jinkiseb mill-partijiet obbligati fost il-klijenti aħħarin, nominati, kif xieraq, mill-Istat Membru, […].

[…]

9.   Bħala alternattiva għall-istabbiliment ta’ skema ta’ obbligi tal-effiċjenza enerġetika skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri ta’ politika oħra biex jiksbu l-iffrankar fl-enerġija fost il-klijenti aħħarin, ladarba dawk il-miżuri ta’ politika jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 10 u 11. L-ammont annwali ta’ ffrankar ġdid tal-enerġija permezz ta’ dan l-approċċ għandu jkun ekwivalenti għall-ammont ta’ ffrankar ġdid ta’ enerġija meħtieġ mill-paragrafi 1, 2 u 3. Dment li tinżamm l-ekwivalenza, l-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skemi ta’ obbligu ma’ miżuri ta’ politika alternattivi, inklużi programmi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija.

Il-miżuri ta’ politika msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jinkludu, iżda mhumiex ristretti għall-miżuri ta’ politika li ġejjin jew kombinazzjonijiet tagħhom:

(a)

taxxi fuq l-enerġija jew il-karbonju li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija;

(b)

skemi u strumenti ta’ finanzjament jew inċentivi fiskali li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ teknoloġija jew tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija;

(c)

regolamenti jew ftehimiet volontarji li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ teknoloġija jew tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija;

(d)

standards u regoli li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fl-enerġija ta’ prodotti u servizzi, inklużi bini u vetturi, għajr meta dawn ikunu obbligatorji u applikabbli fl-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni;

(e)

skemi ta’ tikkettar tal-enerġija, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jkunu obbligatorji u applikabbli fl-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni;

(f)

it-taħriġ u l-edukazzjoni, inklużi programmi konsultattivi dwar l-enerġija, li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ teknoloġija jew tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal‑5 ta’ Diċembru 2013, dwar il-miżuri ta’ politika li huma qed jippjanaw li jadottaw għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu u tal-Artikolu 20(6), skont il-qafas li jinsab fil-punt (4) tal-Anness V, filwaqt li juru kif ser jilħqu l-ammont ta’ ffrankar meħtieġ. Fil-każ ta’ miżuri ta’ politika msemmijin fit-tieni subparagrafu u fl-Artikolu 20(6), din in-notifika għandha turi kif il-kriterji fil-paragrafu 10 qed jiġu ssodisfati. Fil-każ ta’ miżuri ta’ politika minbarra dawk imsemmijin fit-tieni subparagrafu jew fl-Artikolu 20(6), l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif jinkiseb livell ekwivalenti ta’ ffrankar, monitoraġġ u verifika. Il-Kummissjoni tista’ tagħti suġġerimenti għall-modifiki fit-tliet xhur wara n-notifika.”

6.

L-istabbiliment ta’ fond għall-effiċjenza tal-enerġija huwa previst tal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija. L-iskop ta’ dan il-fond għandu jkun li jappoġġa inizjattivi nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.”

7.

L-iffinanzjar minn kumpanniji li huma obbligati jekonomizzaw huwa indirizzat tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija:

“6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-partijiet obbligati jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom stipulati fil-Artikolu 7(1) billi kull sena jikkontribwixxu għall-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija ammont ugwali għall-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-obbligi.”

8.

Fil-preżent il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew qegħdin jiddiskutu proposta mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ( 3 ).

B.   Id-dritt Spanjol

9.

L-Artikolu 69 tal-Liġi 18/2014 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar Approvazzjoni ta’ Miżuri Urġenti għall-Iżvilupp, għall-Kompetittività u għall-Effiċjenza (Ley 18/2014, de 15 de octubre, de aprobación de medidas urgentes para el crecimiento, la competitividad y la eficiencia), introduċa, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, skema nazzjonali ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija li tapplika għal impriżi kummerċjali fir-rigward tal-elettriku u l-gass u li huma assenjati “kwota ta’ ffrankar enerġetiku annwali fuq livell nazzjonali deskritta bħala obbligi ta’ ffrankar”.

10.

Bħala l-mezz prinċipali għall-issodisfar tal-obbligi ta’ ekonomizzar annwali, l-Artikolu 71(1) tal-Liġi 18/2014 jipprevedi l-ħlas ta’ kontribuzzjoni annwali għall-fond nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija, li ġie stabbilit bl-Artikolu 72 tal-Liġi 18/2014, konformement mal-Artikolu 20(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija. Huwa biss sussidjarjament li l-Artikolu 71(2) jipprevedi l-possibbiltà li l-Gvern jintroduċi mekkaniżmu għall-verifika tat-twettiq ta’ ekonomizzar tal-enerġija effettiv. Sa issa, il-Gvern għadu ma għamilx użu minn din il-possibbiltà ta’ regolamentazzjoni mogħtija lilu.

11.

Min-naħa l-oħra, permezz tad-Digriet IET/289/2015 tal‑20 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi l-Obbligi ta’ Kontribuzzjoni għall-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza tal-Enerġija tal-2015, ġew stabbiliti r-rekwiżiti għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet.

III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

12.

Saras Energía SA, kumpannija Spanjola fis-settur tal-enerġija, ressqet rikors kontra d-Digriet IET/289/2015 quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). F’dan il-kuntest, hija ssostni li d-digriet inkwistjoni jmur kontra d-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija fir-rigward ta’ żewġ aspetti; l-ewwel nett, peress li qiegħda tiġi obbligata tagħmel tajjeb għall-obbligi ta’ ekonomizzar tal-enerġija permezz ta’ kontribuzzjoni għal fond għall-effiċjenza tal-enerġija mingħajr ma tkun tista’ tagħmel dan bl-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ ekonomizzar u, it-tieni nett, peress li dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie impost biss fuq il-kumpanniji li jbigħu l-gass u l-elettriku u fuq il-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti ta’ żjut minerali u gass likwifikat, iżda mhux fuq id-distributuri tal-gass u l-elettriku u l-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti ta’ żjut minerali u gass likwifikat.

13.

Għaldaqstant, fil‑25 ta’ Ottubru 2016, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tagħmel din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, irċevuta fis‑7 ta’ Novembru 2016:

1)

Hija kompatibbli mal-Artikolu 7(1) u (9) tad-Direttiva 2012/27 leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi mekkaniżmu nazzjonali ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija li l-mod ewlieni ta’ twettiq tiegħu jikkonsisti f’kontribuzzjoni finanzjarja annwali lil fond nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija stabbilit skont l-Artikolu 20(4) tal-istess direttiva?

2)

Hija kompatibbli mal-Artikoli 7(1) u 20(6) tad-Direttiva 2012/27 leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li jitwettqu l-obbligi ta’ ffrankar tal-enerġija billi jiġi kkreditat l-iffrankar miksub bħala alternattiva għall-kontribuzzjoni finanzjarja lil fond nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, huwa kompatibbli mal-imsemmija Artikoli 7(1) u 20(6) tad-Direttiva li tkun prevista l-imsemmija possibbiltà alternattiva ta’ twettiq tal-obbligi ta’ ffrankar tal-enerġija meta l-eżistenza effettiva ta’ din l-alternattiva tiddependi mill-fatt li l-Gvern jimplementaha fid-diskrezzjoni tiegħu permezz ta’ leġiżlazzjoni?

4)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva mekkaniżmu nazzjonali li jqis li huma partijiet suġġetti għall-obbligi ta’ ffrankar tal-enerġija biss il-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija u mhux id-distributuri?

5)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, hija kompatibbli mal-imsemmija paragrafi tal-Artikolu 7 l-indikazzjoni tal-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut bħala partijiet obbligati mingħajr ma jiġu ddeterminati r-raġunijiet li wasslu sabiex id-distributuri tal-enerġija ma jiġux inklużi bħala partijiet obbligati?

14.

Fl‑24 ta’ Jannar, fil‑21 ta’ Frar u fil‑15 ta’ Marzu 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet tliet deċiżjonijiet tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li permezz tagħhom hija ddenotat lil Endesa S.A., Endesa Energia S.A. u Endesa Energía XXI,S.L.U., Viesgo Infraestructuras Energéticas S.L., Nexus Energía S.A. u Nexus Renovables S.L.U., Engie España S.L., Villar Mir Energía S.L. u Energya VM Gestión de Energía S.L.U., Estaciones de Servicio de Guipúzcoa, Acciona Green Energy Developments, SLU (ACCIONA) kif ukoll lil Fortia Energia SL bħala partijiet addizzjonali fil-kawża prinċipali.

15.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali Acciona Green Energy Developments, Endesa, Engie España, Fortia Energia, Saras Energía SA, Viesgo Infraestructuras Energéticas u Villar Mir Energía kif ukoll il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kien biss wara l-iskadenza tat-termini previsti li l-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet is-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Nexus Energía u Nexus Renovables kif ukoll ta’ Estaciones de Servicio de Guipúzcoa u dawn għalhekk ġew miċħuda bħala tardivi. Apparti Endesa, Fortia Energia u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għas-smigħ tas‑7 ta’ Marzu 2018, ipparteċipaw l-istess partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet.

IV. L-analiżi ġuridika

16.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna żewġ kwistjonijiet; minn naħa, il-kompatibbiltà ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija (Taqsima B) u, min-naħa l-oħra, l-għażla tal-kumpanniji obbligati (Taqsima C). Madankollu, qabelxejn għandha tiġi indirizzata fil-qosor l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (Taqsima A).

A.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

1. Fuq l-oġġezzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja

17.

Matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja kkontesta l-ammissibbiltà tar-raba’ u tal-ħames domanda sa fejn dawn imorru lil hinn mis-settur tal-prodotti ta’ żjut minerali. Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-kawża nazzjonali mibdija minn Saras Energía kienet tikkonċerna biss prodotti ta’ żjut minerali. Il-kumpanniji fis-setturi tal-gass, tal-gass likwifikat u tal-elettriku, li wkoll issemmew fid-domandi preliminari, allegatament kienu biss awtorizzati jintervjenu b’mod sussidjarju insostenn ta’ Saras Energía u ma setgħux jestendu s-suġġett tat-tilwima.

18.

Madankollu, ma huwiex neċessarju li partijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba r-raġunijiet ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, la d-domandi u lanqas il-motivazzjoni tagħhom ma jinkludu informazzjoni li tippermetti li ssir distinzjoni bejn id-diversi setturi. Konsegwentement, ir-raba’ domanda għandha tinftiehem fis-sens li tistaqsi jekk huwiex konformi mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija li l-obbligi ta’ ekonomizzar tal-enerġija jiġu imposti biss fuq ċerti kumpanniji tal-katina ta’ distribuzzjoni rispettiva, iżda mhux fuq kumpanniji oħra tal-istess katina ta’ distribuzzjoni. Il-ħames domanda, min-naħa tagħha, hija intiża li tikkjarifika jekk l-Istat Membru huwiex marbut jimmotiva l-għażla tal-kumpanniji obbligati.

2. Fuq ir-rilevanza tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha

19.

Dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jistgħu madankollu jkunu dovuti għall-fatt li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ma tipprojbixxix il-fatt li ċerti kumpanniji jiġu suġġetti għal kontribuzzjonijiet għal fond; anzi, għall-kuntrarju, tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiksbu ċertu ekonomizzar tal-enerġija. Konsegwentement, kumpanniji suġġetti għal obbligu ta’ kontribuzzjoni ma jistgħux jinvokaw din id-direttiva. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk l-għoti ta’ risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari huwiex irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, bil-konsegwenza li t-talba tkun inammissibbli.

20.

Madankollu, wara analiżi f’iktar dettall, in-nuqqas ta’ rilevanza tat-talba ma jistax jiġi stabbilit. Dan għaliex, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kumpanniji kkonċernati ma humiex jikkontestaw direttament l-obbligu ta’ kontribuzzjoni, iżda qegħdin jinvokaw l-invalidità tal-leġiżlazzjoni li minnha jirriżulta l-obbligu ta’ kontribuzzjoni. L-iskop ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija u bl-ebda mod ma tidher eżaġerata l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni skont id-dritt nazzjonali jekk dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-direttiva li għandha tiġi implimentata.

21.

Madankollu, jidher li huwa xieraq li nirrimarka li l-protezzjoni ġudizzjarja nazzjonali kontra implimentazzjoni insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex twassal għal implimentazzjoni inqas tajba ( 4 ). Fil-fatt, huwa konċepibbli li r-revoka ta’ leġiżlazzjoni li timplimenta direttiva b’mod parzjali biss, u għalhekk b’mod insuffiċjenti, tkun ta’ dannu għas-sitwazzjoni fir-rigward tal-għanijiet tad-direttiva. Dan għaliex implimentazzjoni insuffiċjenti tista’ tkun iktar ta’ benefiċċju għall-ksib ta’ dawn l-għanijiet milli n-nuqqas ta’ kull implimentazzjoni.

22.

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, sussegwentement ser jiġi eżaminat, abbażi tal-formulazzjoni tad-domandi preliminari, jekk dispożizzjonijiet skont il-mudell tad-dispożizzjonijiet Spanjoli kontenzjużi jimplimentawx id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, jiġifieri humiex konformi magħha, iżda mhux jekk id-direttiva tipprekludix id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

B.   Fuq l-irtirar li jiġu ssodisfatti b’mod dirett l-obbligi ta’ ekonomizzar

23.

Bl-ewwel tliet domandi, li fid-dawl tal-kawża prinċipali għandhom jitwieġbu flimkien, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tixtieq issir taf jekk ikunx jikkorrispondi mal-Artikolu 7(1) u (9) kif ukoll mal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija li ċerti kumpanniji jiġu obbligati jilħqu miri ta’ ekonomizzar tal-enerġija iżda li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw dawn l-obbligi biss permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal fond statali għall-ekonomizzar tal-enerġija. Aspett sekondarju ta’ din il-kwistjoni huwa l-għażla prevista li fil-futur il-kumpanniji obbligati jkollhom il-possibbiltà li jilħqu huma stess il-miri ta’ ekonomizzar tal-enerġija minflok iħallsu l-kontribuzzjoni, iżda din hija diskrezzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli.

24.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jimponi żewġ obbligi differenti fuq l-Istati Membri. L-ewwel nett, dawn iridu jilħqu riżultat partikolari (“obligation de résultat”), jiġifieri ċertu ekonomizzar fil-bejgħ ta’ enerġija primarja lill-utenti finali sas-sena 2020. It-tieni nett, l-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet speċifiċi li permezz tagħhom għandu jinkiseb dan ir-riżultat (“obligation de moyen”).

25.

Dawn id-domandi jirrigwardaw it-tieni obbligu tal-Istati Membri. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ssemmi diversi miżuri li bihom jistgħu jinkisbu l-miri ta’ ekonomizzar.

26.

Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jobbligaw ċerti kumpanniji tal-enerġija jilħqu l-miri ta’ ekonomizzar. F’dan ir-rigward, il-kumpanniji għandhom jitħallew fil-libertà li jaraw huma kif ser jilħqu l-miri ta’ ekonomizzar. Madankollu, mill-kuntest globali tad-direttiva, pereżempju mill-premessi 20 u 47 jew mill-Artikolu 8, jirriżulta li l-Unjoni tqis li miżuri bħall-promozzjoni ta’ awditjar tal-enerġija (għall-identifikazzjoni tal-potenzjal ta’ ekonomizzar) jew il-ħolqien ta’ suq għal servizzi ta’ enerġija (bħala alternattiva għall-bejgħ tal-enerġija) huma adattati sabiex issir kontribuzzjoni għall-ekonomizzar neċessarju.

27.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpanniji obbligati jissodisfaw l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 7(1) billi jikkontribwixxu għall-fond nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija.

28.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, bħala alternattiva għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jadottaw miżuri oħra sabiex ikun hemm ekonomizzar tal-enerġija korrispondenti min-naħa tal-utenti finali.

29.

Manifestament, l-obbligu ta’ kumpanniji tal-enerġija li jħallsu kontribuzzjonijiet għal fond għall-effiċjenza tal-enerġija, mingħajr il-possibbiltà li jilħqu l-miri ta’ ekonomizzar, ma jikkorrispondix mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija.

30.

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din il-leġiżlazzjoni tikkorrispondix mal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jew jekk tistax tikkostitwixxi miżura fis-sens tal-Artikolu 7(9).

1. Fuq l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija

31.

Skont l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-partijiet obbligati jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 7(1) billi kull sena jikkontribwixxu għall-fond nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija ammont korrispondenti għall-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu dawk l-obbligi.

32.

Din l-għażla regolamentari ma tipprevedix l-obbligu mandatorju ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, iżda sempliċement il-possibbiltà li titħallas din il-kontribuzzjoni. Barra minn hekk, din teżiġi li jkunu jeżistu obbligi skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija. Dawn l-obbligi jimmanifestaw ruħhom l-iskema ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, fejn il-kumpanniji inkwistjoni jridu jilħqu mira ta’ ekonomizzar tal-enerġija.

33.

Għalhekk, l-Artikolu 20(6) huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li, għall-inqas teoretikament, il-kumpanniji obbligati jistgħu jiksbu l-ekonomizzar meħtieġ minflok ma jħallsu l-kontribuzzjoni.

34.

Għaldaqstant, il-kumpanniji involuti fil-kawża ġustament jirrappreżentaw il-fehma li obbligu ta’ kontribuzzjoni mingħajr l-alternattiva ta’ ekonomizzar ma huwiex konformi mal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija.

2. Fuq l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija

35.

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju inkwistjoni jkun biss konformi mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jekk dan jitqies bħala miżura oħra ta’ politika fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija.

a) Inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija

36.

Kif diġà semmejt, l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jippermetti lill-Istati Membri li, bħala alternattiva għall-istabbiliment ta’ skema ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, jadottaw miżuri ta’ politika oħra li għandhom l-effett li tiġi ekonomizzata l-enerġija fost l-utenti finali.

37.

L-Artikolu 2(18) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jiddefinixxi miżuri ta’ politika bħala strument ta’ dispożizzjoni regolamentari, finanzjarju, fiskali, volontarju jew bħala strument ta’ informazzjoni formalment stabbilit u implimentat fi Stat Membru sabiex jinħoloq qafas ta’ appoġġ, rekwiżit jew inċentiv għall-operaturi ekonomniċi sabiex jipprovdu u jixtru servizzi ta’ enerġija u sabiex jieħdu miżuri oħra għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija. L-obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju huwa parti minn strument finanzjarju sabiex jinħoloq qafas ta’ appoġġ u inċentiv. Dan għaliex għandu jiġi preżunt li l-flus tal-fond għall-effiċjenza tal-enerġija ser jintużaw sabiex jinħoloq inċentiv għal miżuri għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija.

38.

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ kontribuzzjoni jaqa’ taħt il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, fejn strumenti finanzjarji li jwasslu għall-użu ta’ teknoloġiji jew tekniki effiċjenti tal-użu tal-enerġija u li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija jingħataw bħala eżempju għal miżuri ta’ politika oħra.

b) L-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ma jikkostitwixxix lex specialis

39.

Madankollu, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u diversi kumpanniji intervenjenti huma tal-fehma li l-inkompatibbiltà ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju mal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija teskludi wkoll li dan jiġi bbażat fuq l-Artikolu 7(9). Dan l-argument ikun jimplika li l-Artikolu 20(6) huwa dispożizzjoni speċjali eżawrjenti dwar kontribuzzjonijiet tal-kumpanniji obbligati.

40.

Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija juri li miżuri skont l-Artikolu 7(9) u l-Artikolu 20(6) ma jeskludux lil xulxin, iżda li dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni simultanjament. Huwa stabbilit li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk il-miżuri li ser jadottaw abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

41.

Lanqas l-għan tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ma jwassal sabiex din id-dispożizzjoni titqies bħala lex specialis fil-konfront tal-Artikolu 7(9). L-Artikolu 20 jirregola għażliet differenti għall-finanzjament ta’ miżuri għall-ekonomizzar tal-enerġija. Kif tikkonferma wkoll il-premessa 50, il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet bħala alternattiva għal miżuri għall-ekonomizzar tal-enerġija skont l-Artikolu 20(6) huwa biss wieħed mis-sorsi ta’ finanzjament possibbli fost oħrajn. B’mod partikolari, ma huwiex evidenti li s-sorsi ta’ finanzjament possibbli għandhom jiġu elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 20.

42.

Fl-aħħar mill-aħħar, tali lex specialis tkun tippreġudika l-għan tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija. Skont il-premessa 20, l-istess bħal ħafna dispożizzjonijiet oħra fl-Artikolu 7, din il-leġiżlazzjoni għandha tikkonferixxi lill-Istati Membri grad sostanzjali ta’ flessibbiltà sabiex jintlaħqu l-miri ta’ ekonomizzar vinkolanti. Dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-organizzazzjoni nazzjonali tal-atturi tas-suq, il-kuntest speċifiku tas-settur tal-enerġija u d-drawwiet tal-utenti finali. Din il-flessibbiltà diġà kienet ipprovduta fid-direttiva preċedenti ( 5 ) u għandha tkompli tissaħħaħ fil-proċedura pendenti preżentement għall-emendar tad-direttiva ( 6 ). L-għan tal-flessibbiltà jkun ippreġudikat jekk miżura speċifika, hawnhekk il-kontribuzzjoni mandatorja lil fond, tiġi eskluża min-numru ta’ miżuri ta’ politika oħra possibbli skont l-Artikolu 7(9).

43.

Għaldaqstant, l-Artikolu 20(6) ma jikkunfliġġix mal-motivazzjoni ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni abbażi tal-Artikolu 7(9).

c) Fuq il-kisba diretta ta’ ekonomizzar

44.

Madankollu, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tqajjem dubji dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija peress li l-miżuri stabbiliti bħala eżempju fit-tieni subparagrafu allegatament iwasslu direttament għal ekonomizzar. Dan allegatament ma jgħoddx għal kontribuzzjonijiet għal fond għall-effiċjenza tal-enerġija.

45.

Madankollu, b’dan il-mod it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qiegħda tinjora l-fatt li l-obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju huwa parti minn skema ta’ finanzjament skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, u li din l-iskema hija intiża għal ekonomizzar.

46.

Irrispettivament minn dan, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija hija fformulata b’tali mod li miżuri ta’ politika oħra mhux bilfors għandhom direttament iwasslu għal ekonomizzar. Fil-fatt, din tipprovdi li dawn il-miżuri għandhom sempliċement iwasslu għal “iffrankar tal-enerġija fost il-klijenti aħħarin”. Dan jinkludi wkoll ekonomizzar li jinkiseb b’mod indirett.

47.

Anki fl-applikazzjoni prattika jkun diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li ssir differenza bejn miżuri li jwasslu għal ekonomizzar b’mod dirett u miżuri li għandhom tali effetti b’mod indirett biss.

d) Fuq ir-rekwiżiti li jikkonċernaw miżuri ta’ politika oħra

48.

Madankollu, meta jinvokaw l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, l-Istati Membri ma humiex kompletament liberi. Għall-kuntrarju, il-miżuri ta’ politika oħra, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(9), għandhom ikunu ekwivalenti għal skema ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija fir-rigward tal-ekonomizzar tal-enerġija miksub, u barra minn hekk iridu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(10) u (11).

49.

Barra minn hekk, jeżistu obbligi ta’ informazzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni, għax it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(9) teżiġi li l-Istati Membri jispjegaw lill-Kummissjoni sal‑5 ta’ Diċembru 2013 kif ser jiġu osservati l-kriterji tal-Artikolu 7(10). Il-Kummissjoni mbagħad setgħet tagħti suġġerimenti għall-modifiki fit-tliet xhur wara n-notifika.

50.

Huwa minnu li l-argumentazzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) li r-Renju ta’ Spanja ma kkunsidrax jibbaża l-obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju fuq l-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija tqajjem dubju dwar kemm ir-Renju ta’ Spanja rrispetta dan l-obbligu ta’ spjegazzjoni. Madankollu, ma huwiex evidenti li l-Kummissjoni qieset li ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti. Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix informazzjoni suffiċjenti li tippermetti eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dan l-obbligu proċedurali.

51.

Fl-aħħar mill-aħħar l-istess jgħodd għall-eżami tal-kompatibbiltà sostantiva tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija. Dan jirrikjedi analiżi tal-ekwivalenza tal-ekonomizzar miksub kif ukoll tal-kriterji previsti fl-Artikolu 7(10) u (11). Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni korrispondenti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, din ma tistax tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

52.

Għaldaqstant, bla ħsara għal talba għal deċiżjoni preliminari ġdida, l-eżami tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju jibqa’ kompitu tal-qorti nazzjonali.

e) Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità

53.

Fl-aħħar nett, diversi kumpanniji intervenjenti jikkontestaw il-fatt li l-obbligu mandatorju tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni huwa sproporzjonat.

54.

Huwa minnu li fl-implimentazzjoni ta’ direttiva u partikolarment fl-isfruttar tal-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 7 ). Il-miżuri ta’ implimentazzjoni ma jistgħux jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet persegwiti leġittimament mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fejn ikun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża; barra minn hekk, l-iżvantaġġi imposti ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa ( 8 ).

55.

Madankollu, jekk ikun ġie pprovat li obbligu ta’ kontribuzzjoni mandatorju jiggarantixxi livell ta’ ekonomizzar simili għal dak tal-iskema ta’ effiċjenza tal-enerġija skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, dan ikun minn tal-inqas xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet irrikonoxxuti tad-direttiva.

56.

Fir-rigward tal-bżonn u tar-relazzjoni bejn l-iżvantaġġi u l-għanijiet, l-Istati Membri prinċipalment għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, peress li din l-evalwazzjoni tirrikjedi eżami kumpless a priori. Dan ġie rrikonoxxut impliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta fl-Artikolu 7(9) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ppermetta lill-Istati Membri jidderogaw mill-mudell ta’ regolamentazzjoni tad-direttiva.

57.

B’mod partikolari, sa fejn l-obbligu ta’ kontribuzzjoni jkun ibbażat fuq il-kriterju tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, b’mod li l-ammont tal-kontribuzzjoni jikkorrispondi mal-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu l-obbligi ta’ ekonomizzar, l-Istat Membru jkun qiegħed jaġixxi fil-qafas tal-marġni ta’ diskrezzjoni. Għaldaqstant, ma jidhirx li hemm ksur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3. Konklużjoni ad interim

58.

Bħala konklużjoni ad interim, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi skema nazzjonali ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, fejn il-kumpanniji obbligati jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom biss permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal fond nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija stabbilit skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, tista’ tikkostitwixxi miżura oħra ta’ politika fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-direttiva jekk din il-leġiżlazzjoni tiggarantixxi livell ta’ ekonomizzar ekwivalenti għal dak tal-iskema ta’ effiċjenza tal-enerġija skont l-Artikolu 7(1) tad-direttiva u jekk jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(10) u (11).

59.

Madankollu, għall-eżami tal-ewwel tliet domandi, huwa irrilevanti jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix il-possibbiltà (li għadha ma ntużatx) li l-kumpanniji obbligati jingħataw il-possibbiltà li jagħtu prova ta’ ekonomizzar bħala alternattiva għall-kontribuzzjoni.

C.   Fuq l-inkorporazzjoni ta’ distributuri tal-enerġija u/jew ta’ kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija

60.

Bir-raba’ domanda, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk huwiex konformi mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija li l-obbligi ta’ ekonomizzar tal-enerġija jiġu imposti biss fuq ċerti kumpanniji tal-katina tal-provvista rispettiva, iżda mhux fuq kumpanniji oħra tal-istess katina tal-provvista. Il-ħames domanda tistaqsi jekk din id-deċiżjoni teħtieġx motivazzjoni.

61.

Għalkemm għadni kif ikkonstatajt li l-leġiżlazzjoni Spanjola, fil-forma preżentament applikabbli, ma sservix direttament għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, iżda hija biss konformi mad-direttiva bħala miżura oħra ta’ politika fis-sens tal-Artikolu 7(9), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u (4) huma irrilevanti. Dawn id-dispożizzjonijiet pjuttost jikkostitwixxu l-punt tat-tluq għall-identifikazzjoni tal-kumpanniji li ser jiġu obbligati abbażi tal-leġiżlazzjoni Spanjola. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

1. Fuq ir-raba’ domanda – kumpanniji obbligati

62.

Ma jistax jiġi eskluż li r-raba’ domanda essenzjalment hija bbażata fuq il-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, peress li din tipprovdi li kull Stat Membru jinnomina partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija u l-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija li joperaw fit-territorju tiegħu. B’kuntrast, skont il-verżjoni Ġermaniża, Franċiża, Ingliża u Portugiża, il-partijiet obbligati għandhom jiġu nnominati minn fost id-distributuri tal-enerġija u/jew tal-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija. Barra minn hekk, fis-seduta l-Kummissjoni semmiet diversi verżjonijiet lingwistiċi li fihom tintuża biss il-kelma “jew”.

63.

Għaldaqstant, il-verżjoni Spanjola tista’ tiġi interpretata b’tali mod li l-Istati Membri jridu jobbligaw kemm lid-distributuri tal-enerġija kif ukoll lill-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija, filwaqt li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra msemmija jagħtu l-possibbiltà ta’ għażla.

64.

Madankollu, irrispettivament mill-verżjoni lingwistika, il-kuntest tal-leġiżlazzjoni juri li l-Istati Membri tassew jistgħu (u jridu) jagħżlu jekk humiex ser jobbligaw lid-distributuri tal-enerġija jew lill-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija.

65.

Anki fil-verżjoni Spanjola, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jipprevedi li l-Istati Membri jridu jagħżlu liema kumpanniji ser jobbligaw minn fost il-gruppi msemmija. Barra minn hekk, anki fil-verżjoni Spanjola, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jipprovdi li l-kumpanniji obbligati jistgħu jkunu minn fost id-distributuri tal-enerġija u/jew il-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija. Id-definizzjoni tal-parti obbligata tal-Artikolu 2(14) kif ukoll il-premessa 20 f’dan ir-rigward saħansitra ma jirrikorrux għall-kelma “u” u jużaw biss il-kelma “jew”, inkluż fil-verżjoni Spanjola.

66.

Il-premessa 20 sussegwentement tissokta tikkjarifika li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, b’mod partikolari, jiddeċiedu li ma jimponux dan l-obbligu fuq distributuri żgħar tal-enerġija, kumpanniji żgħar tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija u setturi tal-enerġija żgħar sabiex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat.

67.

Barra minn hekk, prattikament ikun diffiċli li l-obbligi rispettivi jiġu attribwiti b’mod xieraq fil-każ li jkun jeżisti l-obbligu kumulattiv għad-distributuri tal-enerġija u għall-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija li jekonomizzaw l-enerġija fost l-utenti finali.

68.

Skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(20) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, distributur tal-enerġija huwa responsabbli għat-trasport tal-enerġija sabiex din tinbiegħ lil utenti finali jew lil stazzjonijiet ta’ distribuzzjoni li jbigħu l-enerġija lil utenti finali, filwaqt li skont l-Artikolu 2(22), kumpannija tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija tbigħ l-enerġija lil utenti finali. Konsegwentement, id-distributuri tal-enerġija u l-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-enerġija jistgħu jkunu parti mill-istess katina tal-provvista jew inkella jkunu amalgamati f’kumpannija waħda. Madankollu, jekk żewġ membri tal-katina tal-provvista jkunu suġġetti għall-istess obbligu ta’ ekonomizzar, il-volum sħiħ ta’ ekonomizzar neċessarju fuq in-naħa tal-utent finali jirdoppja.

69.

Għalkemm tista’ tiġi eskluża l-possibbiltà li dan l-irdoppjar jiġi indirizzat permezz ta’ dispożizzjonijiet adattati, ikun ċertament iktar faċli li l-obbligu ta’ ekonomizzar jiġi impost biss fuq kumpannija waħda fil-katina. Tali kumpannija ġeneralement ser tgħaddi l-ispejjeż marbuta mal-obbligu lill-kumpanniji sussegwenti fil-katina, bir-riżultat li fl-aħħar mill-aħħar dawn jiġu sostnuti mill-utenti finali.

70.

Is-sitwazzjoni ma hijiex differenti fir-rigward tal-kontribuzzjoni lill-fond għall-effiċjenza tal-enerġija. Kif tosserva Endesa, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ stadju ta’ distribuzzjoni addizzjonali jkun iwassal għall-ħlas doppju tal-kontribuzzjoni.

71.

Konsegwentement, huwa konformi mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija li l-obbligi ta’ ekonomizzar tal-enerġija jiġu imposti biss fuq ċerti membri ta’ katina tal-provvista, iżda mhux ukoll fuq membri oħra tal-istess katina simultanjament.

72.

Il-kwistjoni dwar jekk l-għażla ta’ Spanja hijiex kompatibbli mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija tiddependi minn jekk hijiex ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, kif jeżiġi l-Artikolu 7(4). Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix biżżejjed informazzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina din il-kwistjoni. Għaldaqstant, din taqa’ fid-diskrezzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

2. Fuq il-ħames domanda – motivazzjoni tal-għażla

73.

Bil-ħames domanda, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tixtieq tikkonferma jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija li l-partijiet obbligati jiġu nnominati mingħajr ma tingħata motivazzjoni tar-raġunijiet li għalihom kumpanniji oħra tal-katina tal-provvista rispettiva ma ġewx inklużi.

74.

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija ma jinkludix leġiżlazzjoni espliċita dwar il-motivazzjoni tal-għażla.

75.

Madankollu, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jirriżulta mill-prinċipju tal-istat tad-dritt ( 9 ), li skont l-Artikolu 2 TUE huwa komuni għall-Istati Membri kollha u huwa wkoll prinċipju li fuqu hija bbażata l-Unjoni ( 10 ). Fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa speċifikament stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE ( 11 ) u bħala element tad-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 12 ). Madankollu, sa fejn jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għall-amministrazzjoni tajba jimplika rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

76.

Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali huwa partikolarment importanti, peress li jqiegħed id-destinatarji tagħhom fil-pożizzjoni li jiddefendu d-drittijiet tagħhom taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha jekk huwiex utli li jippreżentaw rikors kontra tagħhom. Dan l-obbligu huwa wkoll neċessarju sabiex il-qrati jkunu jistgħu jeżerċitaw l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet ( 14 ). Barra minn hekk, dan jippromwovi l-awtokontroll tal-awtorità pubblika li tkun qiegħda taġixxi u jaqdi wkoll il-funzjoni ta’ paċifikazzjoni ( 15 ).

77.

Madankollu, fil-prinċipju ma jeżistix obbligu ta’ motivazzjoni għal miżuri leġiżlattivi ta’ Stat Membru ġeneralment applikabbli ( 16 ). Anki fuq livell tal-Unjoni, fir-rigward ta’ atti intiżi għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huma intiżi li jilħqu ( 17 ).

78.

Madankollu, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija hija suġġetta għal rekwiżiti iktar estensivi. Din id-dispożizzjoni teżiġi li, għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), kull Stat Membru jinnomina partijiet obbligati skont kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

79.

L-Istat Membru għandu jiżvela dawn il-kriterji b’mod jew ieħor, pereżempju fix-xogħol preparatorju. Inkella, ma jkunx possibbli li jiġi vverifikat jekk il-kriterji applikati humiex verament oġġettivi u nondiskriminatorji kif ukoll jekk dawn ġewx applikati b’mod korrett. Sitwazzjoni bħal din tispiċċa tikkawża diffikultà żejda fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 18 ).

80.

Madankollu, skont l-argumenti ta’ diversi partijiet, l-għażla tal-partijiet obbligati mill-inqas ġiet immotivata fil-preambolu tal-Att 18/2014. Hija l-qorti nazzjonali li trid teżamina jekk teżistix tali motivazzjoni u jekk din hijiex eventwalment suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

81.

Konsegwentement, l-indikazzjoni ta’ kumpanniji speċifiċi bħala partijiet obbligati skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija teżiġi li jiġu żvelati pubblikament il-kriterji li wasslu għall-inklużjoni tagħhom u għall-esklużjoni ta’ kumpanniji oħra.

V. Konklużjoni

82.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:

1)

Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi skema nazzjonali ta’ obbligi fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, fejn il-kumpanniji obbligati jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom biss permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja annwali għal fond nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija stabbilit skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza tal-enerġija, tista’ tkun miżura ta’ politika oħra fis-sens tal-Artikolu 7(9) tad-direttiva jekk din il-leġiżlazzjoni tiggarantixxi livell ta’ ekonomizzar ekwivalenti għal dak tal-iskema ta’ effiċjenza tal-enerġija skont l-Artikolu 7(1) tad-direttiva u jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(10) u (11).

2)

Huwa konformi mal-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2012/27 li l-obbligi ta’ ekonomizzar tal-enerġija jiġu imposti biss fuq ċerti membri ta’ katina ta’ provvista partikolari iżda mhux fuq membri oħra tal-istess katina simultanjament.

3)

L-indikazzjoni ta’ kumpanniji speċifiċi bħala partijiet obbligati skont l-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 2012/27 teżiġi li jiġu żvelati pubblikament il-kriterji li wasslu għall-inklużjoni tagħhom u għall-esklużjoni ta’ kumpanniji oħra.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza tal-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1) fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/12/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 141, p. 28).

( 3 ) Proċedura leġiżlattiva 2016/0376(COD).

( 4 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punti 56 sa 58) u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 34 sa 36), it-tnejn li huma jikkonċernaw id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

( 5 ) Ara l-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU 2006, L 114, p. 64).

( 6 ) Ara l-Artikolu 7(6) u l-Artikolu 7b tal-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (COM(2016) 761 final, p. 9 et seq.) u tal-abbozz tal-Kunsill tal‑24 ta’ Jannar 2018 (Dokument tal-Kunsill 11119/1/17 REV 1, paġni 17, 19 u 20). L-ewwel rapport tal-Parlament tas‑17 ta’ Jannar 2018 (Dokument tal-Kunsill 5355/18) ma jirrakkomandax emendi li jikkompromettu din il-flessibbiltà.

( 7 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 87), tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Nijemeisland (C‑170/08, EU:C:2009:369, punt 41) u tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86).

( 8 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Nijemeisland (C‑170/08, EU:C:2009:369, punt 41).

( 9 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Reischl fil-kawża Bonu vs Il-Kunsill (89/79, EU:C:1980:37, p. 566).

( 10 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 3031). Ara, dwar il-kunċett tal-Komunità ta’ dritt jew tal-Unjoni tad-dritt, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23), tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 281 u 316), tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 90) u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60).

( 11 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare (C‑70/95, EU:C:1997:301, punt 19).

( 12 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67).

( 13 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, N (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50) u tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 39).

( 14 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:839, punt 40); ara wkoll is-sentenzi preċedenti tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 15), tal‑15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy (C‑239/05, EU:C:2007:99, punt 36) u tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53).

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat‑22 ta’ Jannar 2009, Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punti 31 sa 33).

( 16 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare (C‑70/95, EU:C:1997:301, punt 19).

( 17 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59), tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 29) kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 130).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 15).