KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-20 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )

Kawża C-480/16

Fidelity Funds

vs

Skatteministeriet,

fil-preżenza ta’:

NN (L) SICAV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id‑Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Dividendi mħallsa minn kumpanniji residenti fi Stat Membru lil impriżi residenti fi Stat Membru ieħor – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Preservazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali”

Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) tistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56 KE, li sar l-Artikolu 63 TFUE) u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 49 KE, li sar l-Artikolu 56 TFUE) tal-leġiżlazzjoni Daniża li tagħti lill-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) stabbiliti fid-Danimakra u li jimpenjaw ruħhom jipproċedu, effettivament jew teknikament, b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħhom, eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji Daniżi, bl-esklużjoni tal-UCITS stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2.

Din il-kwistjoni tqum fil-kuntest ta’ kawża bejn diversi UCITS, skont id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (85/611/KEE) ( 2 ), li għandhom is-sede tagħhom fir-Renju Unit Renju Unit u fil-Lussemburgu, fosthom Fidelity Funds, u l-iSkatteministeriet (il-Ministeru għat-Taxxa, id-Danimarka) dwar talbiet għal rimbors ta’ taxxi f’ras il-għajn miżmuma fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-UCITS minn kumpanniji Daniżi bejn is-sena 2000 u s-sena 2009. Dawn l-UCITS qed jitolbu dan ir-rimbors għaliex isostnu li għandhom jingħataw l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw fid-Danimarka l-UCITS residenti. Fil-fatt, il‑leġiżlazzjoni Daniża tistabbilixxi differenza fit-trattament li tmur kontra l‑moviment liberu tal-kapital u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantiti mid-dritt tal‑Unjoni.

3.

Mill-kuntest ġuridiku spjegat mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont il-lov om indkomstbeskatning af aktieselskaber m.v. (selskabsskatteloven) (il-Liġi dwar it‑Taxxa fuq il-Kumpanniji), (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-TK”), l-UCITS li huma fiskalment residenti fid‑Danimarka huma suġġetti għat-taxxa fid-Danimarka fuq id-dħul kollu tagħhom. L-UCITS u fondi oħra ta’ investiment li ma għandhomx ir‑residenza fiskali tagħhom fid-Danimarka, min-naħa tagħhom, huma suġġetti għat-taxxa biss fuq id-dividendi li jitqassmu lilhom minn kumpanniji Daniżi, peress li dan l-obbligu fiskali limitat jirrigwarda biss dħul li joriġina mid-Danimarka.

4.

Skont l-Artikolu 65(1) tal-kildeskatteloven (iktar ’il quddiem il‑“Liġi dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn”), kull deċiżjoni ta’ distribuzzjoni ta’ dividendi minn kumpannija Daniża għandha tistipula li għandha tinżamm taxxa f’ras il-għajn ta’ ċertu perċentwali tat-total imqassam, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja. Ir-rata li biha għandha tiġi applikata t-taxxa f’ras il-għajn kienet stabbilita għal 25 % fl-2000 iżda żdiedet għal 28 % bejn is-sena 2001 u s-sena 2009, u dan sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni iktar favorevoli skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja. Jekk ir-rata ta’ tassazzjoni finali tkun inqas minn dik tat-taxxa f’ras il‑għajn, l-UCITS tista’ titlob ir-rimbors tat-taxxa li tħallset żejda.

5.

Ir-regoli tal-Liġi dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn huma applikabbli wkoll għall-UCITS Daniżi, li huma għalhekk, a priori, suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni dwar it-tassazzjoni tad-dividendi. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 65(8) tal-Liġi dwar it-Taxxa f’Ras il-Għajn jirriżulta li l‑Ministru għat-Taxxa Daniż jista’ jadotta regoli li jipprevedu li d-distribuzzjonijiet ta’ dividendi lil fondi li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 C (iktar ’il quddiem il-“fondi tal-Artikolu 16 C”) tal‑lov om påligningen af indkomstskatk til staten (ligningsloven) (il-Liġi dwar il-Bażi tal‑Kontribuzzjonijiet), (iktar ’il quddiem il‑“ligningslov”) huma eżentati minn taxxa f’ras il-għajn. Waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ministerjali li tispjega l-ligningslov (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ministerjali”), il‑Ministru għat-Taxxa Daniż uża din il-fakultà sabiex jeżenta l-fondi tal‑Artikolu 16 C li huma residenti fid-Danimarka minn kull taxxa f’ras il-għajn.

6.

Skont l-Artikolu 38 tad-deċiżjoni ministerjali, kull UCITS tista’ tinħareġ ċertifikat ta’ eżenzjoni u tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, bil-kundizzjoni, minn naħa, li tkun impriża li taqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(6) tal-Liġi dwar it-TK (u għalhekk residenti fid-Danimarka), u, min-naħa l-oħra, li jkollha status ta’ fond tal‑Artikolu 16 C. UCITS li hija residenti fid-Danimarka li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 16 C tal-ligningslov ma hijiex eżentata mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi.

7.

L-Artikolu 16 C tal-ligningslov jiddefinixxi xi tfisser l-espressjoni “fondi tal-Artikolu 16 C”. B’hekk, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ sa l-1 ta’ Ġunju 2005, sabiex UCITS tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “fond tal‑Artikolu 16 C”, jeħtieġ li hija tqassam ammont minimu stipulat (iktar ’il quddiem id-“distribuzzjoni minima”). Id-distribuzzjoni minima tikkostitwixxi l‑valur taxxabbli tad-dħul tal-fond fir-rigward tad-detenturi ta’ ishma tagħha.

8.

Wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 407 tal-1 ta’ Ġunju 2005 u b’effett minn din id-data, ma baqax mitlub li UCITS għandha effettivament tipproċedi b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħha sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ “fond tal-Artikolu 16 C”. Il‑benefiċċju ta’ dan l-istatus madankollu baqa’ dejjem suġġett għall‑kundizzjoni li l-UCITS tipproċedi bl-iffissar ta’ distribuzzjoni minima, suġġetta għat-taxxa f’idejn id-detenturi ta’ ishma tagħha, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, miġbura mill-fond. Mill‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, b’riferiment għall‑espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi, jirriżulta li l-għan ta’ din l‑emenda kien li jagħmilha iktar faċli għall-UCITS barranin sabiex jibbenefikaw mill-istatus ta’ fond tal-Artikolu 16 C, sabiex dawn il-fondi ma jibqgħux jintalbu jadattaw il-politika ta’ distribuzzjoni tagħhom skont il-leġiżlazzjoni fiskali Daniża, fatt li huwa ta’ interess għall-fondi li d-detenturi ta’ ishma Daniżi tagħhom huma minoritarji ħafna. Mill-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li ċerti UCITS mhux residenti fid-Danimarka setgħu jissodisfaw ir-regoli relatati mad-distribuzzjoni minima prevista fl-Artikolu 16 C tal‑ligningslov.

9.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-imsemmija regoli huma spjegati fl‑Artikolu 16 C(2) sa (6) tal-ligningslov. Skont l-Artikolu 16 C(2), id-distribuzzjoni minima hija magħmula mis-somma tad-dħul u tal-ammonti netti riċevuti matul is-sena finanzjarja, somma li minnha jitnaqqsu t-telf u l-ispejjeż. L-Artikolu 16 C(3) tal-ligningslov jipprevedi li f’dan il-kakolu huma inklużi numru ta’ sorsi ta’ dħul elenkati f’dan l‑artikolu, b’mod partikolari l-interessi, id-dividendi tal-azzjonijiet, il‑prodotti ta’ kreditu u l-kuntratti finanzjarji kif ukoll il-qligħ kapitali fuq trasferiment ta’ azzjonijiet. Skont l-Artikolu 16 C(4) u (5) tal-ligningslov, il‑fondi tal-Artikolu 16 C jistgħu jnaqqsu t-telf fiskalment ammissibbli kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi.

10.

Fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni, Fidelity Funds u NN (L) SICAV isostnu li huma ma jistgħux, min-natura tagħhom, jissodisfaw l‑ewwel kundizzjoni li tirrigwarda r-residenza fiskali fid-Danimarka sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn. Din il‑kundizzjoni tikkostitwixxi differenza fit-trattament fiskali tal-UCITS skont l-Istat ta’ residenza tagħhom u hija kuntrarja, fl-opinjoni ta’ dawn il‑partijiet fil-kawża prinċipali, għall-Artikolu 56 KE, mingħajr ma tista’ tkun iġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fir‑rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-iffissar ta’ distribuzzjoni minima, Fidelity Funds u NN (L) SICAV jispjegaw li ma għandhom l‑ebda inċentiv sabiex jissodisfawha, peress li, minħabba l-ewwel kundizzjoni, huma ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jibbenefikaw mill‑iskema mogħtija lill-fondi tal-Artikolu 16 C. Din it-tieni kundizzjoni hija, fl-opinjoni tagħhom, fiha nnifisha kuntrarja għall‑moviment liberu tas-servizzi, iggarantit mill‑Artikolu 49 KE, peress li l‑UCITS ma humiex ikkostitwiti taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru fejn jistgħu jirrisjedu d-detenturi ta’ ishma tagħhom, iżda taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Li kieku tali rekwiżit kellu jiġi impost fuq kull UCITS mhux residenti, l‑armonizzazzjoni li wettqet id-Direttiva 85/611 kif ukoll id-dritt għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi jsiru irrilevanti.

11.

Peress li kienet tqis li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali kien jiddependi fuq l‑interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE u 56 KE, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Sistema fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mid-Direttiva [85/611] li ma humiex Daniżi huma ntaxxati f’ras il-għajn fir‑rigward ta’ dividendi minn kumpanniji Daniżi, tmur kontra l‑Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) dwar il-moviment liberu ta’ kapital jew kontra l-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE) dwar il‑liberà li jiġu pprovduti servizzi, meta impriżi ta’ investiment kollettiv ekwivalenti Daniżi jistgħu jiksbu eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, jew għaliex effettivament iwettqu distribuzzjoni minima lill-membri tagħhom bi skambju għaż-żamma tat-taxxa f’ras il-għajn, jew inkella għaliex teknikament tiġi kkalkolata distribuzzjoni minima li fir-rigward tagħha tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn inkonnessjoni mal-membri tal-impriżi?”

12.

Dwar din il-kwistjoni saru osservazzjonijiet bil-miktub minn Fidelity Funds, NN (L) SICAV, il-Gvern Daniż, Ġermaniż u dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. It-trattazzjonijiet ta’ dawn il‑partijiet instemgħu wkoll matul is-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017.

Analiżi

13.

Qabel xejn għandu jingħad li, kuntrarjament għall-impressjoni li l‑argumenti mressqa b’mod partikolari minn Fidelity Funds quddiem il‑qorti tar-rinviju setgħu taw, din tal-aħħar ma tistaqsix lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 85/611.

14.

Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 32), it-tassazzjoni tal-UCITS ma taqax fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, li ma fiha ebda dispożizzjoni dwarha. Madankollu, f’din l‑istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 85/611 kien jitlob li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fi Stat Membru għall-UCITS u li ma jaqgħux fil-qasam irregolat minn din id-direttiva kellhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni, li jfisser li l-Direttiva 85/611 ma tipprekludix l‑issuġġettar tal-UCITS li jikkummerċjalizzaw l-ishma tagħhom fi Stat Membru għal taxxa annwali, sakemm din tiġi applikata mingħajr diskriminazzjoni ( 3 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, loġikament, analizzat jekk l‑issuġġettar tal-UCITS għat-tali taxxa inkwistjoni f’dik il-kawża kienx diskriminatorju u joħloq ostakolu fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat KE ( 4 ). Huwa għalhekk, li jinftiehem perfettament, fir-rigward, kif inhuwa l-każ fil-kawża prinċipali, ta’ jekk leġiżlazzjoni li tipprevedi differenza fit-trattament fiskali bejn UCITS abbażi ta’ kriterju ġeneralment aċċettat fid-dritt fiskali internazzjonali u rrikonoxxut mill‑Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri dak tar-residenza fiskali tal-impriżi kkonċernati ( 5 ), li l-qorti tar-rinviju llimitat ruħha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mal‑moviment liberu tal-kapital u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

15.

Wara din il-kjarifika, l-analiżi tad-differenza fit-trattament fiskali magħmula mil‑leġiżlazzjoni Daniża ser tkopri erba’ punti, li minnhom huma l-aħħar tnejn biss li jeħtieġu argumenti sostanzjali. Fil-fatt, għalkemm ma hemmx dubju li hija l‑libertà ta’ moviment tal-kapital li tirriżulta li hija rilevanti f’din il‑kawża (A) u li l-leġiżlazzjoni Daniża tikkostitwixxi restrizzjoni għal din il-libertà (B), il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tal-UCITS residenti u ta’ dawk mhux residenti fid-Danimarka hijiex komparabbli (C) u l-motivi ta’ ġustifikazzjoni għal din ir-restrizzjoni (D) huma kwistjonijiet iktar diffiċli, kif intwera waqt is-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

A.   Fuq l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

16.

Kif jidher mill-kliem tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar l-għażla tal-libertà li fid-dawl tagħha l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Daniża hijiex kuntrarja għall-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) dwar il‑moviment liberu tal-kapital, jew għall-Artikolu 49 KE (li sar Artikolu 56 TFUE) dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

17.

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt waħda jew l-oħra mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 6 ).

18.

F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Daniża ma tirrigwardax il‑kundizzjonijiet għall-aċċess tal-UCITS mhux residenti għas-suq ta’ Stat Membru, f’dan il-każ ir-Renju tad-Danimarka, iżda t‑trattament fiskali tad-dħul ta’ dawn l-impriżi, li għalhekk jaffettwa b’mod dirett l-investimenti li huma jagħmlu fid-Danimarka. Din is-sempliċi konstatazzjoni tista’diġà tkun biżżejjed, fl-opinjoni tiegħi, sabiex tiġi eskluża l-applikabbiltà tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

19.

Barra minn hekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li minnha oriġinat is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C‑452/04, EU:C:2006:631, punti 2 u 45 sa 47), li kienet tirrigwarda l-projbizzjoni imposta mill-awtoritajiet Ġermaniżi fuq kumpannija Svizzera milli tagħti krediti, fuq bażi kummerċjali, lil klijenti Ġermaniżi minħabba li ma kellhiex l-awtorizzazzjoni neċessarja sabiex teżerċita tali attività, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-esklużjoni mill-benefiċċju tal‑eżenzjoni fiskali, prevista mil-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, għad-dannu tal-UCITS mhux residenti li jirċievu dividendi mħallsa minn kumpanniji Daniżi, ma għandhiex l-effett li tipprekludi l-aċċess għas-suq Daniż ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi.

20.

Huwa veru li l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni tista’ tagħmel iktar oneruża l-provvista ta’ servizzi finanzjarji tal-UCITS mhux residenti fir-rigward tal-investituri Daniżi minn dik imwettqa, bl-istess kundizzjonijiet, mill-UCITS Daniżi ( 7 ).

21.

Minkejja li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ għalhekk tkun affettwata mit-tassazzjoni li għaliha huma suġġetti l-UCITS mhux residenti bl‑esklużjoni tal-UCITS residenti, b’tali mod li din id-differenza jista’ jkollha effetti fuq is-servizzi finanzjarji offruti fid-Danimarka minn dawn tal-ewwel, din il-libertà xorta tidher sekondarja meta mqabbla mal‑moviment liberu tal-kapital u tista’, fi kwalunkwe każ, tkun marbuta miegħu ( 8 ).

22.

Għal kull fini, inżid li mid-dokumenti tal-proċess u mill‑osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta li l-ishma miżmuma minn Fidelity Funds u NN (L) SICAV fil-kumpanniji Daniżi saru bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju biss, mingħajr l‑intenzjoni li jkun hemm influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal‑impriża, b’tali mod li huwa l-moviment liberu tal-kapital biss, u mhux il-libertà ta’ stabbiliment, li jidher li huwa rilevanti ( 9 ).

23.

Konsegwentement, kif osservaw fil-qosor b’mod korrett il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, inqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, kif iggarantit mill-Artikolu 56 KE.

B.   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal‑kapital

24.

Il-miżuri pprojbiti bl-Artikolu 56(1) KE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu b’mod partikolari dawk li huma ta’ natura li jiddiswadu lill-persuni li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru ( 10 ).

25.

F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni Daniża applikabbli fil-perijodu tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id‑dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil UCITS mhux residenti kienu taxxabbli, bħala regola, bir-rata ta’ 25 % fl-2000 u żdiedu għal 28 % bejn is-sena 2001 u s-sena 2009, b’applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn, sakemm ma kinitx tapplika rata differenti skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li tali dividendi kienu eżentati meta dawn kienu mħallsa lil UCITS residenti, sakemm, fuq kollox, tali impriża kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tikkwalifika bħala fond tal-Artikolu 16 C, jiġifieri, sal-31 ta’ Mejju 2005, li effettivament tipproċedi b’distribuzzjoni minima lid-detenturi ta’ ishma tagħha, jew b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2005, li teknikament tistabbilixxi tali distribuzzjoni minima ( 11 ).

26.

Konsegwentement, biss l-UCITS residenti fid-Danimarka u li jikkwalifikaw bħala fondi tal-Artikolu 16 C kienu eżentati mit-taxxa, filwaqt li l-UCITS mhux residenti kienu esklużi b’mod sistematiku minnha, inkluż meta, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, l-UCITS mhux residenti jibbenefikaw minn tnaqqis tar-rata ta’ tassazzjoni tad-dividendi skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jew meta, li ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, huma jipproċedu effettivament jew jistabbilixxu teknikament distribuzzjoni minima għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ ishma tagħhom.

27.

Tali differenza ta’ trattament fiskali tad-dividendi bejn UCITS skont, b’mod partikolari, il-post tar-residenza tagħhom jista’ jiddiswadi, minn naħa, lill-UCITS mhux residenti milli jipproċedu b’investimenti f’kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka u, min-naħa l-oħra, lill-investituri li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru milli jakkwistaw ishma f’UCITS mhux residenti ( 12 ).

28.

Konsegwentement, kif fuq kollox jammetti l-Gvern Daniż, tali leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal‑kapital, li bħala regola hija kuntrarja għall-Artikolu 56 KE.

29.

Ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li għadha kemm ġiet esposta madankollu tista’ tkun aċċetta fid-dritt tal-Unjoni jekk, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, id-differenza fit-trattament li fuqha hija bbażata tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex komparabbli b’mod oġġettiv jew hija ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 13 ).

30.

Kif indikat preċedentement, hemm bżonn li jiġu analizzati f’iktar dettall, kemm il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-movimenti tal‑kapital li huma implikati mil-leġiżlazzjoni Daniża.

C.   Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali

31.

Għandu jitfakkar li l-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u l-kontenut ta’ dawn tal-aħħar ( 14 ).

32.

F’dak li jirrigwarda l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż jirriżulta li din hija intiża, minn naħa, sabiex tipprojbixxi sensiela ta’ tassazzjoni doppja, meta l-investiment isir permezz ta’ UCITS u, min-naħa l-oħra, sabiex tiżgura li d-dividendi mqassma minn kumpanniji Daniżi ma jaħarbux is-setgħa ta’ tassazzjoni tad-Danimarka minħabba l-eżenzjoni tagħhom fil-livell tal-UCITS residenti u jkunu effettivament darba suġġetti għal din is-setgħa ta’ tassazzjoni, fil-livell tad-detenturi ta’ ishma tal-imsemmija impriżi.

33.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan ta’ prevenzjoni ta’ sensiela ta’ tassazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta ċertament li, fir-rigward tal-miżuri previsti minn Stat Membru sabiex jipprevjeni jew inaqqas is-sensiela ta’ tassazzjoni, jew it-tassazzjoni ekonomika doppja ta’ dħul imqassam minn kumpannija residenti, il-kumpanniji, il-persuni taxxabbli jew l-azzjonisti benefiċjarji residenti ta’ dan l-Istat Membru mhux neċessarjament jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ kumpanniji, persuni taxxabbli jew azzjonisti benefiċjarji residenti fi Stat Membru ieħor ( 15 ).

34.

Madankollu, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lil kumpanniji, lil persuni taxxabbli jew lil azzjonisti residenti, iżda anki lil kumpanniji, lil persuni taxxabbli jew lil azzjonisti mhux residenti, fir‑rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is‑sitwazzjoni tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti tqarreb lejn dik tal-kumpanniji residenti ( 16 ).

35.

Fil-fatt, huwa biss l-eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal‑kompetenza fiskali tiegħu li, indipendentement minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ tassazzjoni jew ta’ tassazzjoni ekonomika doppja. F’tali każ, sabiex il-benefiċjarji mhux residenti ma jiġux ikkonfrontati b’restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita, bħala regola, mill‑Artikolu 56 KE, l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija distributriċi għandu jiżgura li, fir-rigward tal-mekkaniżmu stabbilit mid-dritt nazzjonali tiegħu għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ sensiela ta’ tassazzjoni jew ta’ tassazzjoni ekonomika doppja, il-kumpanniji, il-persuni taxxabbli jew l-azzjonisti mhux residenti jiġu ssuġġettati għal trattament ekwivalenti għal dak li minnu jibbenefikaw il-kumpanniji, il-persuni taxxabbli jew l-azzjonisti residenti ( 17 ).

36.

Fil-kawża prinċipali, peress li r-Renju tad-Danimarka għażel li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mħallsa lill-UCITS mhux residenti minn kumpanniji Daniżi, dawn l-UCITS jinsabu għaldaqstant f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-UCITS residenti f’dak li jirrigwarda r-riskju ta’ sensiela ta’ tassazzjoni tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji Daniżi.

37.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan intiż sabiex jissuġġetta l‑eżenzjoni tal-UCITS residenti għall-kundizzjoni li t-tassazzjoni ssir fil‑livell tad-detenturi ta’ ishma ta’ dawn l-impriżi, dan jista’ jwassal sabiex titqajjem il-kwistjoni dwar jekk, fl-eżami tal-komparabbiltà tas‑sitwazzjonijiet, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi ta’ ishma.

38.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ differenza fit-trattament fir-rigward tat-tassazzjoni tad-dividendi mqassma ( 18 ).

39.

Kif diġà indikajt, fil-kawża prinċipali, l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn li minnha jgawdu l-UCITS hija bbażata fuq żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, l-UCITS għandhom ikunu residenti fid-Danimarka. Min-naħa l-oħra, sal-31 ta’ Mejju 2005, dawn l-impriżi kien jeħtieġilhom jipproċedu b’distribuzzjoni minima b’tali mod li fuq tali distribuzzjoni tinżamm taxxa f’ras il-għajn lid-detenturi ta’ ishma tagħhom, filwaqt li b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2005 dan ir-rekwiżit ġie mibdul f’sempliċi kalkolazzjoni teknika tad‑distribuzzjoni minima, li fuqha d-detenturi ta’ ishma komplew jiġu intaxxati, permezz ta’ taxxa f’ras il‑għajn miġbura mill-UCITS.

40.

Din il-karatteristika doppja tidher tiddistingwi l-leġiżlazzjoni Daniża mil-leġiżlazzjoni Franċiża li minnha oriġinat is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il‑komparabbiltà oġġettiva tal-UCITS residenti u mhux residenti fi Franza, filwaqt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fiskali tad‑detenturi ta’ ishma tal-UCITS, peress li l-leġiżlazzjoni Franċiża kienet ibbażata fuq kriterju ta’ distinzjoni wieħed, jiġifieri l-post ta’ residenza ta’ dawn l-impriżi.

41.

Fid-dawl tad-differenza bejn il-qafas leġiżlattiv fiskali Franċiż u Daniż li għadha kemm ġiet murija u minkejja li l-partijiet ikkonċernati ddiskutew b’mod partikolari l-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286) għal din il-kawża, huwa pjuttost kurjuż li jiġi kkonstatat li l-ebda Gvern mit-tliet Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ma sostna l-argument li l-eżami tal‑komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet kellu jinkludi s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi ta’ ishma. Fil-fatt, filwaqt li, huwa u jirreferi għal din il-kawża l-Gvern Daniż illimita ruħu jiġġustifika din il-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali, u, b’mod iktar fil-qosor, tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni ( 19 ), il-Gvern Ġermaniż u dak Olandiż ibbażaw ir-rimarki tagħhom rispettivi dwar il-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet sempliċement fuq il-vetturi ta’ investiment li l-UCITS jikkostitwixxu.

42.

Filwaqt li jaqblu mal-argument li l-komparabbiltà għandha ssir biss fuq is-sitwazzjoni tal-UCITS, bl-esklużjoni tas-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi ta’ ishma tagħhom, kienu finalment Fidelity Funds u NN (L) SICAV kif ukoll, xi ftit inqas, il-Kummissjoni, li ppreżentaw l-iktar argumenti ddettaljati dwar il-livell li fih l-eżami tal-komparabbiltà tas‑sitwazzjonijiet kellu jsir. B’mod iktar speċifiku, skont NN (L) SICAV, il-leġiżlazzjoni Daniża stabbilixxiet kriterju ta’ distinzjoni bbażat biss fuq il-post ta’ residenza tal-UCITS li tibbenefika mid‑dividendi, u l-eżenzjoni fiskali li minnha jgawdu l-UCITS residenti ma hijiex suġġetta għat-tassazzjoni tad-dħul imqassam fi ħdan id-detenturi ta’ ishma tagħhom. Il-leġiżlazzjoni Daniża ma tistabbilixxi l-ebda rabta bejn it‑trattament fiskali tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, riċevuti mill-UCITS ordinarji (jew ta’ kapitalizzazzjoni), u s-sitwazzjoni fiskali tad‑detenturi ta’ ishma tagħhom. Fir-rigward tal-fondi tal-Artikolu 16 C, li jqassmu mill-ġdid parzjalment id-dividendi riċevuti, il-leġiżlazzjoni Daniża lanqas ma tikkunsidra s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi ta’ ishma tagħhom. It-taxxa f’ras il-għajn imposta fuq id-dividendi mqassma lil UCITS mhux residenti għalhekk ma titnaqqasx jekk dik l-impriża għandha detenturi ta’ ishma residenti fid-Danimarka u li s-sitwazzjoni fiskali tagħhom hija komparabbli ma’ dik ta’ detenturi ta’ ishma ta’ UCITS residenti fid‑Danimarka. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-UCITS residenti u mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, anki jekk it-tassazzjoni tad-detenturi tal-ishma tagħhom hija meħuda inkunsiderazzjoni fil-komparabbiltà. Finalment, Fidelity Funds iżżid li, peress li jissemmew fid-Direttiva 85/611, l-UCITS mhux residenti għandhom jiġu kkomparati mal-UCITS residenti fid-Danimarka.

43.

Minn naħa tiegħi, u għar-raġunijiet li ser nesponi fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, inklinat inqis li, tkun xi tkun il-perspettiva li minnha għandu jsir l‑eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma oġġettivament komparabbli, b’tali mod li, finalment, għandu jiġi analizzat jekk il-leġiżlazzjoni Daniża tistax tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, minħabba l-bżonn ta’ preżervazzjoni tal‑koerenza tas-sistema fiskali.

44.

Qabel xejn, ma naqbilx mal-argument imressaq minn Fidelity Funds li l-istatus ta’ UCITS irregolat mid-Direttiva 85/611 huwa biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-komparabbiltà oġġettiva tal-UCITS mhux residenti u tal-UCITS Daniżi, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali Daniża. Fil-fatt, minbarra li, kif diġà semmejt, il-fiskalità tal-UCITS ma taqax fil-qasam tad-Direttiva 85/611 ( 20 ), mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital, l-eżami tal-komparabbiltà ma jirrigwardax l-istatus ġuridiku tal-operaturi kkonċernati, iżda s-sitwazzjoni tagħhom mill‑perspettiva tal-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni ( 21 ). Fl-analiżi tal‑komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi, il-Qorti tal‑Ġustizzja barra minn hekk diġà eskludiet ir-rilevanza tal-istatus ta’ UCITS peress li dan tal-aħħar ma huwiex kopert bil-kriterju jew kriterji ta’ distinzjoni li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli ( 22 ).

45.

Sussegwentement, sabiex jiġi stabbilit f’liema livell għandha ssir il‑komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, jiġifieri jekk hux biss fil-livell tal‑UCITS, jew inkella anke fil-livell tad-detenturi tal-ishma, il-partijiet ikkonċernati ddiskutew, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ kriterji li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni nazzjonali kinux awtonomi jew inkella relatati mill-qrib.

46.

Fil-fatt, risposta ċara għal din il-mistoqsija fis-sens tal-awtonomija jew tan-natura separabbli tal-kriterju tar-residenza tal-UCITS meta mqabbel mal-kriterju relatat mar-rekwiżit ta’ distribuzzjoni minima (effettiva jew teknika) tista’ għalhekk tissuġġerixxi b’mod qawwi li finalment, il‑leġiżlazzjoni Daniża ma hijiex ’il bogħod mil‑leġiżlazzjoni Franċiża li minnha oriġinat il-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286) jew mil-leġiżlazzjoni Pollakka li minnha oriġinat il-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249). Fi kliem ieħor, sa fejn dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet huma bbażati, b’mod esklużiv jew prinċiparjament, fuq il-post ta’ residenza tal-UCITS ikkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l‑komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet kellha ssir biss fil-livell ta’ dawn l‑impriżi ( 23 ).

47.

F’dan il-każ, indipendentement mill-kritiki li tagħmel NN (L) SICAV dwar l-interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-leġiżlazzjoni Daniża li għamlet il-qorti tar-rinviju li ma jistgħux jiġu eżaminati mill‑Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE ( 24 ), ċerti elementi jitolbu, fl‑opinjoni tiegħi, li jitqies li l-kriterju tar-residenza tal-UCITS huwa mhux biss separabbli mill-kriterju tad-distribuzzjoni minima (effettiva jew teknika), iżda wkoll jieħu preċedenza fuq dan tal-aħħar. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li ż-żewġ kriterji msemmija fl‑Artikolu 38 tad‑deċiżjoni ministerjali jidhru f’żewġ leġiżlazzjonjiet nazzjonali differenti ( 25 ). Barra minn hekk, il-Gvern Daniż fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu aċċetta li t-tieni kriterju jista’, jekk ikun il-każ, jiġi applikat indipendentement mill-kriterju tar-residenza tal‑UCITS. Min-naħa l‑oħra, kif sostnew Fidelity Funds u NN (L) SICAV u kif ammetta l-Gvern Daniż, minkejja li ċerti UCITS mhux residenti jistgħu xorta jissodisfaw (u jissodisfaw fil-prattika) it-tieni kriterju, huma biss l‑UCITS Daniżi li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ residenza fid‑Danimarka.

48.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha ssir biss fir-rigward tal-kriterju prinċipali u li jieħu preċedenza użat mil‑leġiżlazzjoni Daniża, jiġifieri l-post ta’ residenza tal-UCITS, u għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat, bħas-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286) u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 6369), li hija biss is-sitwazzjoni tal-UCITS, skont jekk humiex residenti jew le fid-Danimarka, li għandha tiġi kkomparata u li, finalment, dawn il-vetturi ta’ investiment jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli f’dak li jirrigwarda t-trattament fiskali tad-dividendi li huma jirċievu minn kumpanniji Daniżi.

49.

Xorta jibqa’ l-fatt li l-loġika li fuqha hija bbażata l-leġiżlazzjoni Daniża hija li l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn hija mogħtija lill‑UCITS residenti biss jekk tkun akkumpanjata minn distribuzzjoni minima (effettiva jew teknika) lid-detenturi tal-ishma tagħhom, li mingħandhom dawn l-impriżi jiġbru taxxa, permezz tat-taxxa f’ras il-għajn. Issa, ir-Renju tad-Danimarka ma jagħtix l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn lil UCITS Daniża ħlief jekk ikun ċert li huwa jkun jista’ jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mqassma mill-ġdid minn tali UCITS lid-detenturi tal-ishma tagħha.

50.

Għalhekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li minnha oriġinaw is‑sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286) u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249), hemm rabta, stabbilita mil-leġiżlazzjoni Daniża, bejn l‑għoti tal-eżenzjoni lill-UCITS residenti u s-sitwazzjoni fiskali tad‑detenturi tal-ishma tagħhom, kif fuq kollox ammettiet il‑Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Għalhekk inqis li s-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fl-eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet.

51.

Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tad‑detenturi tal-ishma tal-UCITS ma jfissirx, fl-opinjoni tiegħi, li s-sitwazzjonijet, eżaminati fit-totalità tagħhom, ma humiex oġġettivament komparabbli, b’tali mod li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Daniża hija aċċettata. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Daniża ma tiħux is‑sitwazzjoni tad-detenturi tal-ishma tal-UCITS b’mod komplet, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament li jirriżultaw minn din il-lakuna ma jistgħux ikunu ġġustifikati minħabba differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva ( 26 ).

52.

F’dan ir-rigward, inqis li l-eżami tas-sitwazzjoni fiskali tad‑detenturi tal-ishma jista’ jsir minn tliet angoli differenti. L-ewwel nett, tista’ tiġi kkomparata s-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi tal-ishma residenti, skont jekk jinvestux f’UCITS residenti jew f’UCITS mhux residenti. It-tieni nett, il-paragun jista’ jsir fuq is-sitwazzjoni fiskali tad‑detentur ta’ ishma residenti ta’ UCITS residenti meta mqabbla ma’ dik ta’ detentur ta’ ishma mhux residenti ta’ UCITS mhux residenti. Finalment, it-tielet nett, huwa possibbli wkoll li tiġi eżaminata l‑komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tad-detenturi tal-ishma mhux residenti, skont jekk jinvestux f’UCITS mhux residenti jew residenti ( 27 ).

53.

Fir-rigward tal-ewwel każ, ma narax distinzjoni oġġettiva bejn detentur ta’ ishma Daniż u detentur ta’ ishma ieħor Daniż, skont jekk jinvestux f’UCITS residenti jew mhux residenti. Dawn iż-żewġ detenturi ta’ ishma jaqgħu fil-kompetenza fiskali tar-Renju tad-Danimarka u għandhom, bħala regola, jiġu ttrattati b’mod mhux diskriminatorju. Madankollu, filwaqt li detentur ta’ ishma Daniż li jagħmel investiment f’UCITS mhux residenti ‐ li, anke jekk tista’ tiġi kklassifikata bħala “fond tal-Artikolu 16 C”, tkun suġġetta għat-taxxa f’ras il-għajn ‐ dejjem ikun suġġett, kif jammetti l-Gvern Daniż, għal tassazzjoni fi stadji suċċessivi, id-detentur ta’ ishma Daniż li jinvesti f’UCITS residenti, ikklassifikata bħala “fond tal-Artikolu 16 C” u eżentata mit-taxxa f’ras il-għajn, jista’ jnaqqas it-taxxa f’ras il-għajn mit-taxxa fuq id-dħul jew mit-taxxa fuq il-kumpanniji li effettivament għandu jħallas.

54.

It-tieni każ, jiġifieri l-komparabbiltà tas-sitwazzjoni fiskali tad‑detentur ta’ ishma residenti ta’ UCITS residenti u s-sitwazzjoni tad-detentur ta’ ishma mhux residenti ta’ UCITS mhux residenti, ma jidhirlix li twassal għal sitwazzjoni differenti. It-tnejn li huma, mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni Daniża, jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli meta jinvestu f’UCITS li ma jerġgħux iqassmu d-dividendi li jirċievu minn kumpanniji Daniżi.

55.

Fir-rigward tad-detenturi ta’ ishma mhux residenti tal-UCITS mhux residenti ta’ distribuzzjoni u d-detenturi ta’ ishma residenti tal-fondi tal-Artikolu 16 C li jirrisjedu fid-Danimarka, nirrileva li, fis‑sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 74), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir‑rigward tal-eżami tal-komparabbiltà oġġettiva tat-trattament fiskali ta’ persuni taxxabbli residenti u mhux residenti mill-Istat Membru tas-sors tad-dividendi li jitħallsu lilhom li, “meta taxxa fuq id-dividendi titnaqqas f’ras il-għajn minn Stat Membru fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti f’dan l-Istat, il-paragun bejn it-trattament fiskali ta’ persuna taxxabbli mhux residenti u dak ta’ persuna taxxabbli residenti għandu jsir fid-dawl, minn naħa, tat-taxxa fuq id-dividendi dovuta mill-persuna taxxabbli mhux residenti u, min-naħa l-oħra, tat-taxxa fuq id-dħul jew tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-persuna taxxabbli residenti u inkluż, fil-bażi taxxabbli, id-dħul provenjenti mill-azzjonijiet li minnhom jirriżultaw id-dividendi”. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikolu 58(1)(a) KE (li sar l-Artikolu 65(1)(a) TFUE), is-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tat‑taxxa fuq id-dividendi, bħala tali, ma huwiex biżżejjed, peress li l‑analiżi għandha tinkludi fiha t-tassazzjoni kollha li tirrigwarda d-dħul tal-persuni fiżiċi jew il-profitti tal-kumpanniji provenjenti miż-żamma ta’ azzjonijiet f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ( 28 ).

56.

Meta applikat għal din il-kawża, dan il-kriterju ta’ komparabbiltà tal-oneru fiskali effettiv, li għandu jitħallas mill-persuni taxxabbli residenti u mhux residenti fl-Istat Membru tas-sors, ifisser li ma jkunx korrett li jiġi sempliċement irrilevat li d-detenturi ta’ ishma mhux residenti ta’ UCITS mhux residenti, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “fond tal-Artikolu 16 C”, huma suġġetti b’mod indirett għat-taxxa f’ras il-għajn miġbura mingħand din l-impriża filwaqt li d-detenturi ta’ ishma ta’ fond Daniż tal-Artikolu 16 C huma suġġetti direttament għat-taxxa f’ras il-għajn miżmuma minn dan tal-aħħar, bir-riżultat li dawn id-detenturi ta’ ishma ma jkunux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli. Fil-fatt, analizzata fit-totalità tagħha, it‑taxxa mħallsa mid-detentur ta’ ishma mhux residenti hija finali, filwaqt li d-detentur ta’ ishma residenti jista’ dejjem inaqqas it-taxxa f’ras il-għajn mit-taxxa fuq id-dħul jew mit-taxxa fuq il-kumpanniji li huwa għandu jħallas fid-Danimarka.

57.

Ċertament, id-detentur ta’ ishma mhux residenti jaqa’ fil‑kompetenza fiskali ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tat-tassazzjoni tad-dħul tiegħu. Madankollu, jidher li, bħala regola ġenerali, u sa fejn l‑Istat Membru ta’ residenza tad-detentur ta’ ishma japplika, sabiex jipprevjeni t-tassazzjoni doppja, il-metodu ta’ imputazzjoni, it-taxxa fuq id‑dividendi miġuba f’ras il-għajn ma tistax, jew tallinqas mhux totalment, tiġi rrimborsata jew imputata fuq it-taxxa fuq id-dħul jew fuq it‑taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru ( 29 ). Fi kwalunkwe każ, indipendentament, jekk ikun il-każ, minn ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti unilateralment minn Stat Membru sabiex jevita l-obbligi tiegħu taħt it‑Trattat KE ( 30 ).

58.

Finalment, fir-rigward tal-komparabbiltà ta’ detenturi ta’ ishma mhux residenti li jagħmlu investiment kemm f’UCITS mhux residenti, li tista’ tkun kklassifikata bħala “fond tal-Artikolu 16 C”, kif ukoll f’fond tal‑Artikolu 16 C residenti fid-Danimarka, filwaqt li l-ewwel sitwazzjoni, kif sostniet il-Kummissjoni, dejjem tkun suġġetta għall-ġbir tat-taxxa f’ras il-għajn mingħand l-UCITS mhux residenti, li, għalhekk, tkun ibbażata fuq id-dividendi mqassma, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l‑ispejjeż u t-telf eventwali, id-detentur ta’ ishma li jinvesti f’fond tal-Artikolu 16C stabbilit fid-Danimarka jkun suġġett għat-taxxa f’ras il-għajn li l-bażi tagħha tkun tirrigwarda d-distribuzzjoni minima li minnha, skont l‑Artikolu 16 C(2)(4) u (5) tal-ligningslov, it-telf u l-ispejjeż amministrattivi tal-impriża jistgħu jitnaqqsu wkoll. L-oneru fiskali globali jkun għalhekk inqas oneruż għat-tieni milli għal dawk tal-ewwel, mingħajr ma dan, fl‑opinjoni tiegħi, huwa ġġustifikat b’differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva ta’ dawn id-detenturi ta’ ishma mhux residenti kollha mill-perspettiva tal-Istat tas-sors tad-dividendi mqassma.

59.

Peress li, fl-opinjoni tiegħi, il‑leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma tistax tinżamm minħabba li tapplika għal sitwazzjonijiet oġġettivament differenti, jeħtieġ li sabiex tinżamm, din tkun iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

D.   Fuq in-natura ġġustifikata tar-restrizzjoni

60.

Skont il-Gvern Daniż u dak Olandiż, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Daniża hija ġġustifikata kemm minħabba l‑ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni (1) kif ukoll minħabba dik ta’ preservazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali (2). F’dan l-istadju għandi nindika li, għalkemm l-ewwel motiv ma jikkonvinċix, jiena inklinat naħseb li s-sistema Daniża tista’ tkun iġġustifikata bil-ħtieġa ta’ preservazzjoni tal‑koerenza tas-sistema fiskali, iżda li din hija, madankollu, sproporzjonata fir-rigward ta’ dan l-għan.

1. Fuq it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni

61.

Il-Gvern Daniż ifakkar li d-detenturi ta’ ishma barranin għandhom obbligu fiskali (f’ras il-għajn) limitat fuq id-distribuzzjonijiet minimi regolarment imħallsa mill-fondi tal-Artikolu 16 C li jirrisjedu fid‑Danimarka, filwaqt li l-prodotti korrispondenti li jitħallsu lilhom minn UCITS mhux residenti ma jaqgħux fis-setgħa ta’ tassazzjoni tad-Danimarka, anki jekk il-fondi hekk imqassma jkunu ġejjin minn investimenti tal-imsemmija UCITS f’kumpanniji Daniżi. Issa, skont dan il-Gvern, li teżenta lill-UCITS mhux residenti mit-taxxa f’ras il-għajn fuq‑id-dividendi mqassma minn kumpanniji Daniżi għandha bħala effett li d-detenturi ta’ ishma barranin jevitaw b’mod totali t-taxxa Daniża fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji Daniżi minħabba s-sempliċi fatt li l-investimenti tagħhom f’tali kumpanniji jsiru permezz ta’ UCITS mhux residenti, fatt li jikkomprometti d-dritt tad-Danimarka li teżerċita l‑kompetenza fiskali tagħha fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit‑territorju tagħha.

62.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jikkonvinċuni bl-ebda mod.

63.

Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità li jitħares it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi aċċettata, meta s-sistema inkwistjoni tkun intiża tipprevjeni aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu ( 31 ).

64.

Madankollu, minn ġurisprudenza daqstant stabbilita jirriżulta li, meta Stat Membru jkun għażel li ma jintaxxax lill-UCITS residenti benefiċjarji ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ma tistax tiġi invokata l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l‑Istati Membri bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni ta’ UCITS mhux residenti benefiċjarji ta’ dan id-dħul ( 32 ).

65.

F’dan il-każ, peress li r-Renju tad-Danimarka għażel ( 33 ) li jeżenta biss it-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi riċevuti mill-fondi tal‑Artikolu 16 C li jirrisjedu fid-Danimarka, bl-esklużjoni tal-UCITS mhux residenti, inkluż, fuq kollox, dawk li jistgħu jossidisfaw jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal distribuzzjoni previsti mill‑Artikolu 16 C tal-ligningslov, it-tassazzjoni tal-UCITS mhux residenti biss ma tistax tiġi ġġustifikata bil-għan li ma jiġix kompromess l-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru.

66.

Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq it-tqassim ibbilanċjat tas‑setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi miċħud.

2. Fuq il-ħtieġa ta’ preservazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali

67.

Il-Gvern Daniż, Ġermaniż u dak Olandiż isostnu li hemm rabta diretta, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bejn il-vantaġġ fiskali mogħti taħt forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ bit-tassazzjoni immedjata tad-detenturi ta’ ishma fuq il-profitti tal-UCITS. Din ir-rabta diretta hija miżmuma anke meta l‑ammonti mqassma mill-UCITS lid-detenturi ta’ ishma huma inqas minn dawk tad-dividendi eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn. Fil-fatt, mis‑sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, EU:C:2008:289), u tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659), jirriżulta li r-rabta diretta tista’ teżisti anke jekk il‑vantaġġ fiskali ta’ sistema ma huwiex paċut kollu kemm hu, jiġifieri anke jekk id-dividendi li bbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il‑għajn jerġgħu jitqassmu kollha mill-ġdid. Barra minn hekk, skont il‑Gvern Ġermaniż, ir-rabta diretta hija miżmuma anke meta żewġ persuni taxxabbli differenti huma kkonċernati, kif turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68.

Fidelity Funds, NN (L) SICAV u l-Kummissjoni huma ta’ opinjoni differenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li l-bażi tat-tassazzjoni applikata lid-detenturi ta’ ishma ta’ UCITS residenti ma hijiex ekwivalenti għal dik tat-tassazzjoni applikata permezz tat-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq id‑dividendi mħallsa lill-UCITS mhux residenti, u t-taxxa f’ras il-għajn ma hijiex biżżejjed sabiex tpaċi l-vantaġġi li minnhom igawdu d‑detenturi ta’ ishma tal-UCITS residenti meta mqabbla mad-detenturi ta’ ishma tal-UCITS mhux residenti. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tirrimarka li persuna jew kumpannija residenti fid-Danimarka li tipparteċipa f’UCITS mhux residenti hija intaxxata fid-Danimarka fuq id‑dħul li ġej mill-UCITS mhux residenti, indipendentament mill-fatt li l‑imsemmija impriża hija diġà suġġetta, fid-Danimarka, għat-taxxa f’ras il‑għajn fuq id-dividendi li hija tirċievi minn kumpanniji Daniżi. Din it‑tassazzjoni ekonomika doppja ma tapplikax għal persuna jew kumpannija residenti fid-Danimarka li tipparteċipa f’UCITS residenti li għandha l-istatus ta’ impriża li tqassam skont l-Artikolu 16 C tal-ligningslov. Il‑vantaġġ li jgawdu minnu l-imsemmija UCITS residenti ma huwiex paċut minn elementi oħra fil-leġiżlazzjoni Daniża.

69.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija issa ġurisprudenza stabbilta li, sabiex il-preservazzjoni tal-koerenza ta’ sistema fiskali tkun tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal libertà ta’ moviment, huwa meħtieġ li tkun stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ b’ġbir fiskali partikolari, filwaqt li n‑natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 34 ). Barra minn hekk, il-motiv ibbażat fuq il-preservazzjoni tal-koerenza fiskali jirrikjedi eżami fir-rigward ta’ sistema fiskali waħda ( 35 ).

70.

Fis-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 73), tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 52), u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 93), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eżistenza ta’ rabta diretta minħabba li l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn tad-dividendi inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma kinitx suġġetta għall-kundizzjoni li d-dividendi riċevuti milll-kumpanniji, mill-fondi ta’ investiment jew mill-UCITS ikkonċernati jerġgħu jitqassmu mill-ġdid minn dawn tal-aħħar u li t‑tassazzjoni tagħhom fi ħdan id-detenturi ta’ ishma ta’ dawn il-kumpanniji u impriżi tippermetti t-tpaċija tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il‑għajn.

71.

Kif diġà ppreċiżajt f’konklużjonijiet oħrajn ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix għaldaqstant iktar ‐ u t-tliet sentenzi msemmija iktar ’il fuq juru dan perfettament ‐ li l-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ rabta diretta tista’ tkun issodisfatta anke meta l-vantaġġ u l-ġbir fiskali partikolari intiż sabiex ipaċi l-imsemmi vantaġġ ma jirrigwardawx l-istess persuna taxxabbli.

72.

Kuntrarjament għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li minnhom joriġinaw it-tliet sentenzi ċċitati fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u kif urejt preċedentement, is-sistema Daniża tissuġġetta l-eżenzjoni tal‑UCITS residenti għall-kundizzjoni ta’ distribuzzjoni minima (effettiva jew teknika) lid-detenturi ta’ ishma tagħhom, li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, miġbura f’isimhom, mill-imsemmija impriżi. Il-vantaġġ hekk mogħti lill-UCITS residenti, taħt il-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, huwa għalhekk paċut bit-tassazzjoni tal-imsemmija dividendi, imqassma mill-ġdid minn dawn l-impriżi, fi ħdan id-detenturi ta’ ishma ta’ dawn tal-aħħar.

73.

Mingħajr ma tikkontesta b’mod fundamentali l-eżistenza ta’ tali rabta diretta, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-vantaġġ mogħti lill-fondi tal-Artikolu 16 C li jirrisjedu fid-Danimarka ma huwiex totalment jew b’mod sħiħ paċut bit-tassazzjoni fi ħdan id-detenturi ta’ ishma tagħhom, b’tali mod li l-koerenza tas-sistema fiskali hija ppreġudikata.

74.

Issa, nirrileva li l-kundizzjoni mressqa mill-Kummissjoni li t‑tassazzjoni għandha tpaċi b’mod sħiħ il-vantaġġ mogħti ma tirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Kummissjoni fuq kollox ma tibbażax ruħha fuq xi preċedent f’dan is-sens.

75.

Fir-realtà, u b’mod iktar ġenerali, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-rabta diretta meħtieġa bejn il-vantaġġ mogħti u l-ġbir fiskali partikolari hija aktar ta’ natura ġuridika milli r-riżultat ta’ relazzjoni aritmetika ftit jew wisq preċiża bejn dawn iż-żewġ elementi. Barra minn hekk, dan l-approċċ jinftiehem faċilment peress li n-natura diretta tar-rabta, kif irrimarkajt, għandha tiġi eżaminata fir-rigward tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan huwa għalhekk eżami tal-loġika interna li teżisti bejn il-vantaġġ u l-ġbir fiskali iktar milli dak li jikkonsisti fil-kalkolu tal-effett ta’ tpaċija reali u, a fortiori, integrali ta’ dan tal‑aħħar.

76.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi qieset li n-natura diretta tar-rabta kienet timplika “korrelazzjoni stretta” bejn l-element ta’ tnaqqis, jiġifieri l-vantaġġ, u dak relatat mat-tassazzjoni ( 37 ).

77.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-preċiżazzjoni essenzjalment saret f’kuntesti li kienu jirrigwardaw li jiġi muri li l‑koerenza fiskali allegata f’dawn il-kawżi ma kinitx stabbilita fil-kuntest ta’ sistema fiskali waħda, iżda kienet imressqa fuq livell ieħor, jiġifieri dak tar-reċiproċità tar-regoli applikabbli bejn Stati partijiet għal ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ( 38 ). Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn is-sentenzi ma tindika li l-imsemmija “korrelazzjoni stretta” timplika korrispondenza perfetta bejn l-ammont tal-vantaġġ mogħti u l‑ammont tal-ġbir fiskali li għandu jpaċi l-imsemmi vantaġġ.

78.

Fid-dawl ta’ dan, huwa wkoll meħtieġ, sabiex tiġi aċċettata, li r‑restrizzjoni tkun adattata u proporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ preżervazzjoni tal-koerenza tas-sistema fiskali segwit.

79.

F’dan ir-rigward, lest li naċċetta, kif jenfasizza l-Gvern Daniż, li r-rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali taħt il-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn u t-tpaċija tiegħu bit-tassazzjoni immedjata tal‑profitti mqassma tisparixxi jekk dan il-vantaġġ kellu jingħata wkoll lill‑UCITS li ma impenjawx ruħhom iqassmu l-profitti tagħhom b’mod regolari.

80.

Madankollu, peress li r-Renju tad-Danimarka aċċetta li l-UCITS mhux residenti jistgħu volontarjament jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ distribuzzjoni previsti bil-leġiżlazzjoni Daniża u, għalhekk, ikunu validament ikklassifikati bħala “fondi tal-Artikolu 16 C”, ma narax, bħall-Kummissjoni, għaliex dawn l-impriżi ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru jiżguraw ruħhom, bil-kollaborazzjoni sħiħa ta’ dawn l-impriżi, li dawn tal-aħħar iħallsu taxxa ekwivalenti għal dik li l-fondi tal-Artikolu 16 C Daniżi huma mitluba jżommu, bħala taxxa f’ras il-għajn, fuq id-distribuzzjoni minima kkalkolata skont din id‑dispożizzjoni. Tali miżura tkun, fl-opinjoni tiegħi, inqas restrittiva mis-sistema preżenti u ma taffettwax il-kundizzjonijiet u l-koerenza interna tagħha.

81.

Fil-kawża prinċipali, sa fejn ma jidhirx li Fidelity Funds ippruvat, anke bħala miżura ta’ prekawzjoni, tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ta’ distribuzzjoni minima previsti fl-Artikolu 16 C tal-ligningslov fis-snin finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li, minkejja r-risposta pożittiva li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ir-rikors tagħha probabbilment ma jistax jintlaqa’.

Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka):

L-Artikolu 56 KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli residenti fl-imsemmi Stat Membru jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jirċievu minn kumpanniji residenti jew għaliex huma effettivament jipproċedu b’distribuzzjoni minnima favur id-detenturi ta’ ishma tagħhom li fuqha t-taxxa hija miżmuma f’ras il-għajn, jew għaliex, teknikament, distribuzzjoni minima hija kkalkolata li abbażi tagħha tinżamm it-taxxa f’ras il-għajn fi ħdan id-detenturi ta’ ishma tagħħhom, filwaqt li l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli mhux residenti tal‑istess natura huma intaxxati f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139. Din id-direttiva kellha l‑għan, skont ir-raba’ premessa tagħha, li tistabilixxi regoli bażiċi komuni għall‑awtorizzazzjoni, is-sorveljanza, l-istruttura u l-attivitajiet tal-UCITS li jinstabu fl-Istati Membri u għall-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw (ara, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, GruslinC‑88/13, EU:C:2014:2205, punt 33 u tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) InternationalC‑48/15, EU:C:2016:356, punt 31). Id-Direttiva 85/611 ġiet emendata diversi drabi qabel ma tħassret, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, bid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), li fasslitha mill-ġdid.

( 3 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punti 3233).

( 4 ) Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 33).

( 5 ) Infakkar li, fil-qasam ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tar-residenti u ta’ dawk mhux residenti ma humiex, bħala regola ġenerali, komparabbli: ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 31), tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762, punt 38) u tal-24 ta’ Frar 2015, Grünewald (C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 25), li jimplika li differenza fit-trattament bejn persuni taxxabbli residenti u persuni taxxabbli mhux residenti ma tistax, fiha nnfisha, tkun ikkunsidrata bħala “diskriminazzjoni” fis-sens tat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762, punt 39 u l‑ġurisprudenza ċċitata)).

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C‑233/09, EU:C:2010:397, punt 26) u tal-21 ta’ Mejju 2015, Wagner‑Raith (C-560/13, EU:C:2015:347, punt 31).

( 7 ) Infakkar li, il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, jostakolaw jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X (C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C-48/15, EU:C:2016:356, punt 41).

( 9 ) Skont din l-informazzjoni, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn l-ishma qatt ma qabżu l-10 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpanniji Daniżi. Fuq il‑kriterju ta’ distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme (C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 30 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61 punt 50), tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 15) u tas-26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 44).

( 11 ) Għandu jiġi nnotat li, fil-kritika tagħha għall-evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar‑rinviju, NN (L) SICAV tallega li, skont il-leġiżlazzjoni Daniża applikabbli fil‑mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-UCITS Daniżi kollha kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn u mhux biss l-UCITS Daniżi msejħa ta’ “distribuzzjoni”, jiġiferi l-fondi tal-Artikolu 16 C. Madankollu, huwa stabbilit li, fil‑kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, peress li l-qorti tar-rinviju waħeda hija responsabbli mill-identifikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkontesta l‑premessa li fuqha l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha: ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata)

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 17) u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 42).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 57 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 42), tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 55) u tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 48).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 43), tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 56), tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 49) u tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C-14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 67).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 57), tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 50) u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 68).

( 18 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 28) u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 61).

( 19 ) Fuq dawn il-motivi ta’ ġustifikazzjoni, ara l-punti 61 sa 81 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 20 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’analoġija, fuq in-natura komparabbli tas-sitwazzjoni ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata residenti rregolata miid-dritt Finlandiż u ta’ SICAV irregolata mid-dritt Lussemburgiż, forma ġuridika li ma hijiex permissibbli taħt id-dritt Finlandiż, li t-tnejn jirċievu dividendi minn sors Finlandiż is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punti 50 sa 56).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 68).

( 23 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punti 32, 3941) u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punti 62, 6368).

( 24 ) Ara fuq dan il-punt, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, m’inix ser nerġa’ nirreferi għal dawn il-kritiki li jidhru kemm-il darba fl-osservazzjonijet ta’ NN (L) SICAV u li ġew irripetuti waqt is-seduta.

( 25 ) Jiġifieri l-Liġi dwar it-TK u l-ligningslov, ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286), sabiex tiċħad l-argument tal-Gvern Franċiż li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni fiskali tad‑detenturi ta’ ishma, il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx ruħha tirrileva li din il-leġiżlazzjoni kienet limitata tagħmel differenza bejn l-UCITS skont jekk jirrisjedux fi Franza jew le. Fil-fatt, fil-punti 31 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, b’mod konkret, inkluż għall-UCITS ta’ distribuzzjoni, jekk is-sitwazzjoni fiskali tad-detenturi ta’ ishma kollha kinitx verament u kompletament meħuda inkunsiderazzjoni minn din il-leġiżlazzjoni, kif kien jallega l-Gvern Franċiż.

( 27 ) Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-UCITS u d-detenturi ta’ ishma tagħhom, fl-opinjoni tiegħi, ma hijiex rilevanti, il-komparabbiltà bejn is-sitwazzjoni ta’ detentur ta’ ishma mhux residenti ta’ UCITS mhux residenti li jirċievi dividendi minn kumpannija Daniża u s-sitwazzjoni ta’ investitur mhux residenti li jirċievi direttament dividendi minn kumpanniji Daniżi.

( 28 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 73). Fil-każ fejn is-sitwazzjoni tad-detenturi ta’ ishma ma ttieħditx inkunsiderazzjoni, l-argument żviluppat f’din is-sentenza jista’, fl-opinjoni tiegħi, jiġi estiż għall-vetturi ta’ investimenti stess, peress li l-oneru fiskali globali huwa sistematikament ogħla għall-UCITS mhux residenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “fondi tal-Artikolu 16 C” meta mqabbla ma’ dak sostnut mill‑fondi tal‑Artikolu 16 C residenti fid-Danimarka.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, Adema R., UCITS and Taxation, Kluwer Law International, Den Haag, 2009, p. 39-40 u Hippert G., “The TFEU Eligibility of Non-EU Investment Funds Subjected to Discriminatory Dividend Withholding Taxes”, EC Tax Review, 2016-2, p. 82 (li fih kunsiderazzjonjiet li jirrigwardaw ukoll sitwazzjoni fi ħdan l‑Unjoni). Fis-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, EU:C:2008:289, punti 42 sa 4765), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li l-Istat Membru ta’ residenza ta’ UCITS seta’ jirrifjuta li jagħti l-kumpens ta’ taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-distribuzzjoni ta’ dividendi mħallsa lil din l-impriża minn kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra, kuntrarjament għas-sitwazzjoni ta’ UCITS li tirċievi dividendi minn kumpanniji tal-imsemmi Stat Membru jew ta’ Stati Membri oħra, li magħhom l-Istat Membru ta’ residenza kien ikkonkluda ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, minħabba l-fatt li d-differenza fit-trattament kienet tirriżulta mill-eżerċizzju parallel tal-kompetenzi fiskali,li l-Istati Membri għandhom.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 78) u tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 77).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 47) u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 98).

( 32 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 48) u tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 99).

( 33 ) Għa kull fini, infakkar li, fil-kawża prinċipali, l-eżenzjoni tal-fondi tal‑Artikolu 16 C li jirrisjedu fid-Danimarka hija bbażata fuq għażla magħmula mill‑Ministru għat-Taxxi Daniż (ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 51) u tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 92).

( 35 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 94).

( 36 ) Ara, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:197, punt 189) u fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑493/09, EU:C:2011:344, punt 38).

( 37 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C‑80/94, EU:C:1995:271, punt 24), tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner (C‑136/00, EU:C:2002:558, punt 41), tal‑21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C‑436/00, EU:C:2002:704, punt 53), tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 39) u tat‑22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage (C‑377/07, EU:C:2009:29, punt 53).

( 38 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, EU:C:1995:271, punt 24), tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner (C-136/00, EU:C:2002:558, punt 41) u tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C-436/00, EU:C:2002:704, punt 53).