KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 ( 1 )
Kawża C‑393/16
Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne
vs
Aldi Süd Dienstleistungs-GmbH & Co.OHG, rappreżentata minn Aldi Süd Dienstleistungs-GmbH, li kienet Aldi Einkauf GmbH & Co.OHG Süd
bl-intervent ta’ Galana NV,
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja)]
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli — Protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti — Kunċett ta’ użu tar-reputazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini, ta’ użurpazzjoni, imitazzjoni jew evokazzjoni u ta’ indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa — Prodott tal-ikel li l-isem tiegħu jikkorrispondi mal-prattika tal-pubbliku rilevanti — Possibbiltà li l-pubbliku rilevanti jiġi żgwidat rigward l-oriġini ġeografika ta’ prodott”
1. |
Katina ta’ supermarkits Ġermaniża tbigħ sorbet li fih ix-xampanja, li jinbiegħ taħt l-isem “Champagner Sorbet”. Din il-proċedura hija legali jew il-manifattur u d-distributur qegħdin japprofittaw mir-reputazzjoni tal-inbid frizzanti Franċiż favorit b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (iktar 'il quddiem “DOP”)? |
2. |
Fil-qosor, din hija d-domanda magħmula mill-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja) fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li fuq il-bażi tagħha għandu jiġi deċiż jekk il-Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (“CIVC”), li jiddefendi l-interessi ta’ din id-DOP, għandux raġun jitlob li jitwaqqaf il-bejgħ ta’ dan is-sorbet. |
3. |
F’konklużjonijiet riċenti ( 2 ) fakkart li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisprudenza estensiva dwar id-DOP u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP). Din il-kawża tagħtiha l-opportunità li testendiha għal każijiet fejn inbid frizzanti (xampanja) kopert minn DOP jiġi inkorporat – u jiġi inkluż fil-preżentazzjoni – bħala ingredjent fi prodott tal-ikel. |
4. |
Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk “Champagner sorbet” huwiex, skont hi, l-isem komunement użat fil-Ġermanja sabiex jiddeskrivi tip ta’ deżerta ffriżata li fiha x-xampanja. Barra minn hekk, sabiex jinkiseb il-bilanċ bejn id-drittijiet tad-detenturi tad-DOP u dawk tal-manifatturi tal-ikel, li jaspiraw li jirriflettu l-kompożizzjoni tiegħu fil-pakkett hija għandha teżamina l-interpretazzjoni ta’ regoli eteroġeni (dawk relatati mad-DOP, minn naħa waħda, u dawk mal-ittikkettjar ta’ prodotti li jittieklu, min-naħa l-oħra). |
I. Il-kuntest ġuridiku
5. |
Il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) tirreferi kemm għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ( 3 ) kif ukoll għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ( 4 ), li ħassar dak imsemmi l-ewwel, minkejja li dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-kawża. L-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013 hija meħtieġa minħabba li l-inibizzjoni magħmula jista’ jkollha effetti pro futuro, jekk s-sitwazzjoni fattwali jkollha tiġi ġġudikata skont dak ir-regolament. |
6. |
Filwaqt illi ma nikkontestax din il-perspettiva, ser insemmi biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li huwa dak applikabbli fil-mument li seħħu l-fatti kkontestati u peress li ż-żewġ artikoli rilevanti għall-każ (l-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1308/2013) huma identiċi. Ma għandi ebda riżervi dwar it-trasferiment, mutatis mutandis, tal-interpretazzjoni li ssir tal-ewwel wieħed għat-tieni wieħed. |
A. Ir-Regolament Nru 1234/2007
7. |
Skont l-Artikolu 118m tiegħu (“Protezzjoni”):
[…]” |
8. |
Il-premessa 97 tar-Regolament Nru 1308/2013, li jibni fuq il-premessa 32 tar-Regolament Nru 479/2008 ( 5 ) li fih ġew adottati d-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini introdotti fir-Regolament Nru 1234/2007 mir-Regolament Nru 491/2009 ( 6 ), jipprovdi kif ġej: “Id-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati għandhom jiġu protetti kontra l-użi li japprofittaw b’mod abbużiv mir-reputazzjoni li jgawdu l-prodotti li jkunu konformi. Biex tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta u biex ma tiżgwidax lill-konsumaturi, dik il-protezzjoni għandha tkun ukoll għal prodotti u servizzi mhux koperti b’dan ir-Regolament, inklużi dawk li ma jinstabux fl-Anness I għat-TFUE.” |
B. Id-Direttiva 2000/13/KE ( 7 )
9. |
Fil-qasam tal-ittikkettjar ta’ prodotti tal-ikel, ir-regola fis-seħħ meta seħħew il-fatti inkwistjoni kienet id-Direttiva li hija fit-titolu ta’ dan il-paragrafu ( 8 ). L-Artikolu 3(1) tagħha, jipprovdi, b’rilevanza għall-każ tagħna: “1. Skont l-Artikoli 4 sa 17 u soġġett għal eċċezzjonijiet li fihom, indikazzjoni tal-partiklolaritajiet li ġejjin biss ikunu obbligatorji fuq il-tikkettjar tal-oġġetti tal-ikel.:
[…]” |
10. |
L-Artikolu 5(1) jipprovdi: “1. L-isem li taħtu jinbiegħ prodott tal-ikel ikun l-isem ipprovdut fid-dispożizzjoni tal-Komunità applikabli għalih.
Fl-assenza ta’ dan, l-isem li taħtu jinbiegħ prodott ikun l-isem soltu fl-Istat Membru ta’ fejn jinbiegħ lill-konsumatur jew lill-‘mass caterers’, jew deskrizzjoni tal-prodott tal-ikel, u jekk neċessarju tal-użu tiegħu, li huwa ċar biżżejjed biex tħalli lix-xerrej jaf il-vera natura tiegħu u jiddistingwih minn prodotti oħra li jistgħu jiġu konfużi miegħu. […]” |
11. |
L-Artikolu 6(5) jistipula: “Il-lista ta’ ingredjenti tinkludi ingredjenti tal-prodott tal-ikel, f’ordni dixxendenti ta’ piż, kif irrekordjat fil-ħin tal-użu tagħhom fil-manifattura tal-prodott tal-ikel. Jidher ippreċedut b’titolu adattat li jinkludi fih il-kelma ‘ingredjenti’ […]” |
12. |
L-Artikolu 7(1) u (5) jipprovdi: “1. Il-kwantità ta’ ingredjent jew kategorija ta’ ingredjenti użati fil-manifattura jew preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel jiġi ddikjarat skond dan l-Artikolu. […] 5. L-indikazzjoni rriferita fil-paragrafu 1 tidher jew ġewwa jew immedjatament ħdejn l-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott ta’ l-ikel jew fil-lista ta’ ingredjenti in konnezjoni ma’ l-ingredjent jew kategorija ta’ ingredjenti in kwistjoni.” |
C. Il-Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta ’ oriġini [denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta] (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti ( 9 )
13. |
Il-punt 2.1 (“Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu ta’ denominazzjoni rreġistrata”) jistipula li:
|
II. Il-fatti tal-kawża u d-domandi preliminari
14. |
Fl-aħħar tal-2012, Aldi Süd, kumpannija ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel u oġġetti oħra għall-konsum fis-supermarkets, qiegħdet għall-bejgħ prodott manifatturat minn Galana NV ( 10 ) imsejjaħ “Champagner sorbet”, li jinkludi fost l-ingredjenti tiegħu 12 % xampanja. L-immaġni tal-imballaġġ tiegħu kienet is-segwenti: |
15. |
Iċ-CIVC għamel talba quddiem il-Landgericht München (qorti reġjonali ċivili u kriminali ta’ Munich, il-Ġermanja) sabiex Aldi Süd tieqaf tuża d-DOP Champagne fil-prodott iffriżat tagħha, minħabba li huwa kien tal-fehma li dan kien ksur ta’ dik id-DOP. |
16. |
It-talba għal kundanna, li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007, ġiet milqugħa fl-ewwel istanza, iżda miċħuda fl-appell mill-Oberlandesgericht München (qorti superjuri reġjonali ċivili u kriminali ta’ Munich, il-Ġermanja). |
17. |
Iċ-CIVC appella minn din is-sentenza tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Din hija inklinata li tirrikonoxxi li l-użu tad-DOP Champagne fuq prodott iffriżat jaqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li t-terminu “champagne” jintuża, għal skopijiet kummerċjali, sabiex jindika deżerta li ma hijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-inbejjed protetti mid-DOP Champagne. |
18. |
Barra minn hekk, huwa josserva li r-reputazzjoni tad-DOP Champagne tista’ tagħti vantaġġ lill-espressjoni “Champagner sorbet”. Madankollu, huwa jistaqsi jekk hemmx użu tad-DOP, fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li dik l-espressjoni tikkonforma mad-drawwiet tal-pubbliku li jinnomina d-deżerta, li fiha nbid ta’ Xampanja f’ammont suffiċjenti sabiex jagħtiha karatteristika essenzjali. Għandu jiġi eskluż, għalhekk, li hemm vantaġġ mir-reputazzjoni tad-DOP jekk, kif ikkonkludiet il-qorti tal-appell, ikun hemm interess leġittimu li jiġġustifika l-użu tagħha. |
19. |
B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-azzjoni taċ-CIVC tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-użu li jsir tad-DOP jistax jikkostitwixxi użurpazzjoni, imitazzjoni jew evokazzjoni illegali. Hija ssostni li l-użu tagħha għandu jkun illegali u, għaldaqstant, fil-preżenza ta’ interess leġittimu li jiġġustifikah, il-ksur tad-DOP ikun eskluż. |
20. |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument taċ-CICV li Aldi Süd użat l-indikazzjoni “Champagner sorbet” b’mod qarrieqi, fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din ir-regola tkoprix biss il-każijiet fejn l-indikazzjoni qarrieqa toħloq fil-pubbliku impressjoni żbaljata dwar l-oriġini ġeografika tal-prodott jew jekk tikkonċernax l-indikazzjonijiet qarrieqa dwar il-kwalitajiet sostanzjali ta’ dan il-prodott. |
21. |
Abbażi ta’ dan, il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) tagħmel id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22. |
Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2016. |
23. |
Saru osservazzjonijiet bil-miktub miċ-CIVC, Galana NV, il-Gvern ta’ Franza, il-Gvern tal-Portugall, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. |
24. |
Fit-18 ta’ Mejju 2017, saret seduta pubblika, fejn attendew rappreżentanti taċ-CIVC, Galana NV, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
A. Dwar l-ewwel domanda
25. |
Il-partijiet kollha jaqblu li l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta affermattiva. Għaċ-CIVC, ir-regoli tal-Unjoni jipproteġu d-DOP kontra kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, li jipprova japprofitta mir-reputazzjoni tagħha. Din il-protezzjoni tkopri l-użu tad-DOP kemm jekk tkun integrata fl-isem ta’ prodott, u kemm jekk tindika prodott tal-ikel li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni. Abbażi tas-sentenza Bureau National Interprofessionnel du Cognac ( 11 ), iċ-CIVC isostni li hemm użu kummerċjali dirett tad-DOP Champagne meta tidher, kif inhi jew tradotta, bħala parti mill-espressjoni “Champagner sorbet”. |
26. |
Għall-Gvern Franċiż, għalkemm ir-regolamenti applikabbli ma jsemmux espressament l-użu tad-DOP bħala ingredjenti, il-protezzjoni tagħha u l-koerenza bejn ir-regoli fis-settur tal-inbid u tal-prodotti agrikoli u tal-ikel iwassluh sabiex jaħseb li dawk ir-regolamenti japplikaw għal dak l-użu wkoll. |
27. |
Il-Gvern Portugiż iżid li “Champagner”, f’din il-kawża, huwa l-iktar element verbali sinjifikanti tal-prodott, filwaqt li t-terminu “sorbet” għandu natura ġenerika, jiġifieri, ma għandu ebda influwenza fuq ġudizzju dwar l-użu tad-DOP. |
B. Dwar it-tieni domanda
28. |
Iċ-CIVC huwa favur risposta affermattiva għat-tieni domanda wkoll. Huwa jfakkar, bi qbil mal-Gvern Portugiż, li t-terminu “użu” huwa ekwivalenti għall-użu ta’ kwalunkwe ħaġa, u huwa biżżejjed li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tad-DOP. Dan iseħħ bis-sorbet li, bl-inklużjoni tat-terminu “champagne”, igawdi mill-immaġni ta’ kwalità jew ta’ prestiġju ta’ dan l-inbid frizzanti, protett mid-DOP. Huwa jelimina l-applikazzjoni analoga tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 ( 12 ), li huwa limitat għal xarbiet spiritużi u li l-leġiżlatur ma kellux intenzjoni li jestendih għall-inbejjed, iżda jsib elementi rilevanti fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni. |
29. |
Bħal Galana NV u l-Gvern Franċiż, iċ-CIVC jemmen li huwa irrilevanti li l-isem tal-prodott tal-ikel li jinkludi DOP ikun konformi ma’ dak normalment magħruf mill-pubbliku. L-oppost ta’ dan ifisser li jkun hemm riskju li d-DOP issir ġenerika, kuntrarjament għal dak huwa maħsub li jiġi evitat permezz tal-protezzjoni tagħha. |
30. |
Iċ-CIVC jemmen li għandu jiġi vverifikat jekk l-ammont ta’ xampanja li tinsab fis-sorbet huwiex biżżejjed sabiex jagħtiha karatteristika essenzjali. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-karatteristiċi essenzjali tax-xampanja (il-bżieżaq fini u persistenti tagħha, kif ukoll it-togħma rinfreskanti, ta’ frott u kemxejn aċiduża tagħha) ma jinsabux fis-sorbet. Lanqas il-porzjon ta’ xampanja użata (12 %) fil-manifattura tal-ikel ma jiġġustifika l-użu tad-DOP. |
31. |
Galana NV ma taħsibx li huwa rilevanti li jsir riferiment għall-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, peress li l-isem tas-sorbet jirrifletti r-realtà, huwa ċar u ma jiżgwidax lill-pubbliku. L-ammont ta’ xampanja miżjuda bħala ingredjent huwa biżżejjed sabiex jagħti karatteristika essenzjali lis-sorbet. Barra minn hekk, il-prodott tal-ikel huwa konformi mal-Linji Gwida, li jikkonfermaw il-perspettiva tagħha. |
32. |
Skont il-Gvern Franċiż, l-użu ta’ DOP bħala parti mid-denominazzjoni ta’ prodott tal-ikel, bħala prinċipju, ma huwiex ipprojbit, minħabba li, fih innifsu, ma jfissirx li ttieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tiegħu. Flimkien mal-Kummissjoni, huwa jenfasizza li “sfruttar” skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tfisser, l-użu li jwassal sabiex operatur jibbenefika indebitament mir-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ oriġini ( 13 ). |
33. |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida humiex milħuqa u, eventwalment, li tikkunsidra kriterji ta’ valutazzjoni oħra, bħal, pereżempju, il-proporzjonalità tal-użu li operatur ekonomiku jagħmel minn din id-DOP, permezz ta’ stampi u riferimenti, kif ukoll it-tipografija li tidher fuq il-pakkett jew ir-reklam tal-prodott. |
34. |
Għall-Gvern Portugiż, “Champagner sorbet” indebitament tisfrutta l-prestiġju tad-DOP Champagne. Id-DOP għandhom ikunu protetti kontra kull tip ta’ użu, li jimpedixxi l-użu tal-prestiġju tagħha; filwaqt li għandha tiġi evitata b’mod partikolari id-degradazzjoni jew id-dilwizzjoni tal-forza distintiva tagħha. |
35. |
Il-Kummissjoni tipproponi li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda. Hija tiffavorixxi interpretazzjoni konformi mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ( 14 ) (li jirreferi għal-Linji Gwida) u r-Regolamenti Nru 1169/2011 u Nru 110/2008, b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu, fir-rigward tal-aċċenn għal xarba spirituża fl-isem ta’ prodott tal-ikel. Hija tiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-użu tad-DOP Champagne jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet f’dan il-każ u huwa konsistenti mal-Artikolu 9(1)(a) u (b), kif ukoll mal-Artikoli 17(1), 18 u 22 tar-Regolament Nru 1169/2011. |
C. Dwar it-tielet domanda
36. |
Iċ-CIVC iħeġġeġ ukoll li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda. Fil-fehma tiegħu, li sostanzjalment hija konformi ma’ dik tal-Gvern Portugiż, “Champagner sorbet” tevoka d-DOP Champagne, fis-sens tal-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007, anki jekk dik l-espressjoni hija konformi mad-drawwiet tal-pubbliku u l-ingredjent huwa miżjud f’ammont suffiċjenti sabiex jagħti karatteristika essenzjali lis-sorbet. Il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ikopri każ li fih id-denominazzjoni tal-prodott tal-ikel tinkludi DOP, li jipperswadi lill-konsumatur jorbot dan il-prodott mal-ingredjent protett minnha. |
37. |
Galana NV u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li l-użu tad-DOP Champagne ma jirrappreżentax, f’dan il-każ, użurpazzjoni, imitazzjoni jew evokazzjoni. Dawn il-kunċetti jimplikaw l-eżistenza ta’ kopja tal-prodott, jew ta’ termini ispirati mid-DOP, jew riferiment għaliha mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet, filwaqt li f’dan il-każ hemm użu dirett tad-DOP. |
38. |
Għall-Kummissjoni, “Champagner Sorbet” tiddeskrivi l-kontenut b’mod volontarju u dirett, li jeskludi kwalunkwe evokazzjoni, imitazzjoni jew tip ieħor ta’ approprjazzjoni tad-DOP. Lanqas hemm ukoll żgwidar tal-konsumatur, dwar l-oriġini tas-sorbet, peress li huwa ddikjarat b’mod ċar li fih doża sostanzjali ta’ xampanja li ġejja minn dan ir-reġjun Franċiż. |
D. Dwar ir-raba’ domanda
39. |
Għaċ-CIVC, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Huwa jqis, bħall-Gvern Franċiż, li l-Artikolu 118m(2)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007 japplika kemm għall-indikazzjonijiet foloz dwar in-natura tal-prodott kif ukoll għall-karatteristiċi essenzjali tiegħu. |
40. |
Galana NV, bħall-Kummissjoni, teskludi li l-Artikolu 118m(2)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007 huwa applikabbli, peress li jkopri biss il-prodotti tal-inbid. B’mod sussidjarju, hija tqis li dan jista’ jiġi estiż għall-indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa sabiex joħolqu fil-pubbliku diżgwid dwar l-oriġini ġeografika tal-prodott. |
41. |
Skont il-Gvern Portugiż, l-indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa jistgħu jagħtu impressjoni żbaljata lill-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika tal-prodott u jemmen li l-ismijiet b’dawn l-indikazzjonijiet ma għandhomx jiġu awtorizzati. |
V. Analiżi ġuridika
A. Fuq l-ewwel domanda
42. |
Il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi ċċarat, minn qabel, l-ambitu tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007. Speċifikament, hija tixtieq li jiġi ċċarat jekk dan jinkludix sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, fejn id-DOP Champagne hija parti mill-isem ta’ sorbet li fih ċertu ammont ta’ dak l-inbid frizzanti. |
43. |
Dawk kollha li intervjenew fil-każ preliminari jaqblu mal-qorti tar-rinviju li l-ewwel domanda tagħha għandha tingħata risposta affermattiva. Id-dubji fid-digriet tar-rinviju tfaċċaw fid-dawl tat-teorija pprovduta f’xi settur tad-duttrina Ġermaniża, skont liema din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-użu tad-DOP f’termini identiċi. Għall-kuntrarju, l-użu ta’ termini simili jaqa’ taħt l-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007. |
44. |
Jiena naħseb li din it-teorija ( 15 ) ma għandhiex tiġi aċċettata, għal diversi raġunijiet. L-ewwel, kif innota l-Gvern Franċiż, dak l-artikolu jiddefinixxi ambitu wiesa’ ħafna, konsistenti mal-protezzjoni li hija mixtieqa li tingħata lid-DOP. Ma tagħmilx sens interpretazzjoni li, pereżempju, teskludi l-użu tat-traduzzjoni ta’ DOP, li jikser il-projbizzjoni ta’ kull użu dirett u indirett. |
45. |
It-tieni, kif tipprovdi l-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha Bureau National Interprofessionnel du Cognac ( 16 ) il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-użu, fi trade mark, ta’ indikazzjoni ġeografika jew ta’ terminu li jikkorrispondi għal dik l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, sabiex jiġu identifikati xi prodotti (f’dak il-każ, xarbiet spiritużi) li ma humiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti, jinvolvi użu kummerċjali dirett ta’ din l-indikazzjoni ġeografika. |
46. |
Fl-aħħar nett, l-ittra (a) tal-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007 tistabbilixxi l-metodu tal-użu (dirett u indirett) u l-prodotti (komparabbli u differenti) ( 17 ) li lilhom għandha tiġi miċħuda l-protezzjoni pprovduta mid-DOP. Fil-każ tal-prodotti komparabbli, għandhom jiġu miċħuda d-DOP minħabba li jiddevjaw mill-ispeċifikazzjonijiet, filwaqt li għall-prodotti mhux komparabbli għandu jiġi vverifikat li dawn jisfruttaw ir-reputazzjoni tad-DPO. Għall-kuntrarju, l-ittra (b) —u x’aktarx ukoll it-tnejn ta’ wara— tirreferi għal ċerta aġir żleali kontra dawk li jistgħu jiddefendu d-detenturi tad-DOP, konsistenti mal-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni u l-Istati Membri ( 18 ) huma parti minnhom. F’dak l-użu hija preżunta l-intenzjoni li dik ir-reputazzjoni tiġi sfruttata. |
47. |
Għalhekk, naħseb li l-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007 huwa applikabbli, li jfisser li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta affermattiva. |
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
48. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-użu ta’ DOP bħala parti mill-isem ta’ prodott tal-ikel, li ma jikkorrispondix mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u li miegħu jkun żdied ingredjent (xampanja, f’dan il-każ) li jikkorrispondi għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet, jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007, meta:
|
49. |
Il-Qorti tal-Appell kienet ikkonkludiet li d-distributur kellu interess leġittimu sabiex juża d-DOP Champagne, preċiżament għal dawn iż-żewġ raġunijiet: a) fil-lingwa Ġermaniża u fil-letteratura kulinari tagħha “Champagner sorbet” hija espressjoni komuni li tintuża għal deżerta ffriżata li ġiet magħmula bl-inbid frizzanti Franċiż; u b) il-prodott ta’ Galana NV fih 12 % xampanja, li hija kwantità suffiċjenti sabiex tagħti lis-sorbet karatteristika essenzjali ta’ dan l-inbid frizzanti (b’mod partikolari, it-togħma tiegħu). |
50. |
Il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) ma tidhirx li taqbel mas-sentenza tal-qorti tal-appell, li, skont l-ewwel waħda, aċċettat il-fatti deskritti fis-subparagrafi (a) u (b) tal-punt preċedenti mingħajr ma għamlet l-evalwazzjonijiet neċessarji tal-fatti. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika l-possibbiltà li tali interess leġittimu jista’ jirriżulta mir-regola tal-Unjoni dwar it-tikkettjar ( 19 ), moqrija flimkien ma’ dik dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel ( 20 ). |
51. |
Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari għandhom jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw kemm il-protezzjoni tad-DOP kif ukoll l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel. |
1. Fuq l-isfruttar tar-reputazzjoni tad-DOP
52. |
Jekk l-eżistenza ta’ użu kummerċjali dirett (b’risposta għall-ewwel domanda) tiġi aċċettata, il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-użu tad-DOP Champagne jkun jissodisfa, f’dan il-każ, ir-rekwiżit tal-Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007 (jiġifieri, jisfrutta r-reputazzjoni ta’ dik id-DOP), jekk il-konvenuta ma kellhiex interess leġittimu li taġixxi. |
53. |
Mill-kawża “Sekt-Weinbrand” ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ir-rwol tad-DOP: li jinforma u jiżgura li l-prodott li jkun ġie ddenominat ikollu, tabilħaqq, kwalitajiet u karatteristiċi dovuti għall-pożizzjoni ġeografika tal-oriġini tiegħu. Sa mis-snin sebgħin, kienet meħtieġa rabta spazjali u kwalitattiva doppja, li iktar tard kienet inkluża sussegwentement fir-regoli dwar il-prodotti agrikoli u tal-ikel ( 22 ) kif ukoll dik dwar is-settur tal-inbid ( 23 ). |
54. |
L-għan tar-Regolament Nru 1234/2007, fir-rigward tad-DOP għall-inbejjed, huwa li jiggarantixxi lill-konsumatur u, minn perspettiva oħra, lid-detenturi wkoll tad-denominazzjonijiet rispettivi, li l-prodotti li jipproteġu jkollhom livell għoli ta’ kwalità, ibbażat fuq l-oriġini ġeografika tagħhom ( 24 ). |
55. |
Meta, bil-ħsieb li jiġi kkummerċjalizzat prodott tal-ikel, issir l-inkorporazzjoni tal-isem komplut ta’ DOP fid-denominazzjoni ta’ dak il-prodott, din ikollha tendenza, mil-loġika tagħha stess, li tisfrutta l-prestiġju u r-reputazzjoni tal-kwalità protetta. Għalhekk dan l-aġir għandu jiġi kkunsidrat bħala illegali, fil-prinċipju. |
56. |
Jista’ jinftiehem illi, madankollu, fil-kummerċ tal-merkanzija mmanifatturata, tista’ tintuża DOP bħala parti mill-isem tal-prodott tagħha li juri interess leġittimu. Il-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha, imqajma dwar użu kummerċjali dirett, preċiżament fuq il-bażi tad-dikotomija “użu li jisfrutta r-reputazzjoni tad-DOP/interess leġittimu”, b’tali mod li, jekk ma jkunx hemm dan tal-aħħar ikun hemm sfruttar tar-reputazzjoni. |
57. |
L-interess leġittimu jista’ jirriżulta mill-pussess tad-dritt preċedenti (pereżempju, minn tip ieħor ta’ proprjetà intellettwali) jew mill-konformità ma’ rekwiżit legali. Anki separatament minn dawn is-suppożizzjonijiet, u barra mill-ambjent kummerċjali dirett, jiena naqbel mal-Gvern Franċiż li għandhom jeżistu partijiet fejn l-użu tad-DOP minn terzi jkun leġittimu ( 25 ), jiġifieri, sitwazzjonijiet fejn l-użu tad-DOP jista’ jikkwalifika bħala ius usus inocui. |
58. |
Fil-fatt, f’tipi oħra ta’ proprjetà intellettwali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet sitwazzjonijiet fejn l-użu, minn terzi, ta’ sinjali jew xogħlijiet protetti ma jiksirx id-drittijiet tad-detenturi tagħhom. Għalhekk, il-liġi tat-trade marks ippermettiet l-użi deskrittivi sabiex jiġu magħrufa l-karatteristiċi tal-prodott offrut għall-bejgħ lill-klijent potenzjali, li jaf dawk il-karatteristiċi tal-prodotti b’dik it-trade mark ( 26 ), Hija aċċettat, ukoll, użi fejn il-konsumatur ma jipperċepixxix is-sinjal bħala li juri li l-prodotti li jinkorporawh ikunu ġejjin mill-kumpannija detentriċi tat-trade mark ( 27 ). |
59. |
Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, fid-dawl tal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29/KE ( 28 ), ġiet aċċettata l-legalità ta’ kopji fil-cache jew kopji tal-iskrin ta’ xogħlijiet protetti minn drittijiet tal-awtur ( 29 ), dik tal-atti effimeri ta’ riproduzzjoni li jagħmlu possibbli l-funzjonament tajjeb tad-decoder tas-sinjal permezz tas-satellita jew tal-iskrin tat-televiżjoni, li jippermetti r-riċeviment tal-emissjonijiet li fihom xogħlijiet protetti ( 30 ), u l-abbozzar ta’ sunt ta’ artikoli tal-istampa, minkejja li ma jkunx awtorizzat mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq dawk l-artikoli ( 31 ). |
60. |
Dan l-approċċ huwa, barra minn hekk, jikkonforma mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema l-isfruttar tar-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jsir “b’mod ħażin” ( 32 ). Għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet saru fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 (dwar indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xarbiet spiritużi), ix-xebh bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 118m(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007 jappoġġja t-trasferiment ta’ tali interpretazzjoni għall-ambitu tal-inbid ( 33 ). Għaldaqstant, peress li hemm interess leġittimu, l-użu tad-DOP ma għandux jitqies bħala ħażin. |
61. |
Lura għall-każ tagħna, u peress li Galana NV ma ppreżentat ebda dritt preċedenti, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu tad-DOP Champagne fl-isem tas-sorbet jikkonformax ma’ xi rekwiżit legali jew jistax jiġi kklassifikat bħala innokwu. |
2. Fuq l-interess leġittimu fl-użu tad-DOP
62. |
Kif spjegajt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza taż-żewġ elementi speċifiċi, li jistgħu jwasslu għal interessi leġittimi rispettivi: a) l-isem tal-prodott jikkonforma mal-użanzi tal-pubbliku kkonċernat; u b) is-sorbet jinkludi kwantità suffiċjenti ta’ xampanja, li tagħtih karatteristika essenzjali. |
63. |
Għalhekk, iż-żewġ elementi għandhom jiġu analizzati separatament, minkejja li, fil-fehma tiegħi, jista’ jkun li ma humiex l-uniċi elementi rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx xi vantaġġ mhux dovut tad-DOP. |
a) L-isem tal-prodott li fih id-DOP u l-użanzi tal-pubbliku
64. |
Il-partijiet kollha, ħlief il-Kummissjoni, jaqblu li l-użanzi tal-konsumaturi Ġermaniżi ma jiġġustifikawx li d-DOP Champagne tintuża fil-preżentazzjoni kummerċjali tas-sorbet. Li wieħed jammetti l-oppost ifisser li dik id-DOP issir terminu ġeneriku, b’użu miftuħ għal kwalunkwe operatur ekonomiku. |
65. |
Jiena għandi l-istess opinjoni, peress li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-protezzjoni tad-DOP għall-inbejjed huwa li jipprevjeni li dawn isiru ġeneriċi ( 34 ). L-użu indiskriminat tad-DOP fi prodotti li ma għandhomx x’jaqsmu magħha, jista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-ismijiet bil-karatteristiċi tad-DOP jistgħu jiġu estiżi għal dawk prodotti barra mit-territorju tad-DOP. Għalhekk, id-DOP tintuża bħala sempliċi aċċenn ġeneriku, anki jekk dan il-kunċett ikun limitat għal pajjiż partikolari. Ma għandniex ninsew li l-protezzjoni tad-DOP għandha tkun l-istess fl-Istati Membri kollha, mingħajr frammentazzjonijiet idderivati mill-użanzi tal-konsumaturi fi wħud minnhom ( 35 ). |
66. |
Mill-perspettiva leġiżlattiva, id-DOP tal-inbid, wara li jiġu rreġistrati, igawdu minn protezzjoni perpetwa, taħt l-Artikolu 118m(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, għalkemm jistgħu jiġu kkanċellati. Il-protezzjoni tagħhom tkun ipperikolata, anki fil-pajjiżi terzi ( 36 ) jekk, minħabba element ġeneriku, l-ismijiet tad-DOP isiru, fir-realtà, dominju pubbliku, peress li d-denominazzjonijiet li jkollhom natura ġenerika ma jistgħux jiġu rreġistrati ( 37 ). Il-prevenzjoni tal-użi li għandhom tendenza li jiġġeneralizzaw l-ismijiet għalhekk issir importanti ħafna u mhux sempliċi aspirazzjoni tal-produtturi tal-inbejjed protetti minn DOP. |
67. |
Li l-espressjoni “Champagner sorbet” hija dik li tintuża komunement għal sorbet, fi Stat Membru wieħed jew iktar minn wieħed, ma huwiex biżżejjed, sabiex, għalhekk, jagħti lid-distributur interess leġittimu li jawtorizzah jinkludi fil-preżentazzjoni kummerċjali ta’ dak il-prodott l-isem tad-DOP Champagne. |
b) L-għoti tal-karatteristika essenzjali tal-ingredjent b’DOP permezz tal-użu ta’ kwantità suffiċjenti
68. |
Naqbel mal-Kummissjoni li, f’dan il-każ, għandha tiġi interpretata r-regola ġenerali tal-Unjoni dwar it-tikkettjar tal-prodotti tal-ikel (li prinċipalment tinstab fid-Direttiva 2000/13 u fir-regola ta’ deroga tagħha, ir-Regolament Nru 1169/2011), peress li s-sorbet —li, ovvjament, huwa wieħed minn dawk il-prodotti— ma huwiex kopert minn DOP ( 38 ). |
69. |
Skont id-Direttiva 2000/13, l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel għandu jkun fih “l-isem li taħtu jiġi mibjugħ il-prodott, il-lista ta’ ingredjenti u l-kwantità ta’ ċerti ingredjenti […]” ( 39 ). “L-isem li taħtu jinbiegħ prodott” ( 40 ) tfisser dak ipprovdut fid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ dawn, dawk nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ dan, għandu jipprevali “l-isem [tas-]soltu fl-Istat Membru ta’ fejn jinbiegħ lill-konsumatur”. |
70. |
Inizjalment, “Champagner sorbet” jidher li jirrispetta r-regoli dwar l-ittikkettjar, li jagħti lil Galana NV interess leġittimu sabiex tidentifika l-prodott tal-ikel tagħha b’dan il-mod. Madankollu, skont l-Artikolu 13(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012, id-DOP irreġistrati huma protetti wkoll meta jintużaw bħala ingredjenti. Għandu jiġi eżaminat, għalhekk, sa fejn tasal din il-protezzjoni. |
71. |
Skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva 2000/13 ( 41 ), il-produttur huwa obbligat li jinkludi fl-ittikkettjar lista bl-ingredjenti kollha tiegħu. Meta l-ingredjent jidher fl-“isem li taħtu jinbiegħ il-prodott” tal-ikel (bħal f’dan il-każ) għandu jiġi espress bħala perċentwali, kif speċifikat fl-Artikolu 7(4) ta’ dik id-direttiva ( 42 ). |
72. |
La d-Direttiva 2000/13 u lanqas ir-Regolament Nru 1169/2011 ma jirreferu direttament għall-ingredjenti koperti minn DOP. Sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni u tgħin sabiex tiċċaraha, fl-2010 il-Kummissjoni ppubblikat il-Linji Gwida (li hemm riferiment għalihom fil-premessa 32 tar-Regolament Nru 1151/2012). Għalkemm ma għandhomx forza legali vinkolanti ( 43 ), dawn għandhom jiġu kkunsidrati, peress li huma jirriflettu l-perspettiva ta’ dik l-istituzzjoni. |
73. |
Skont il-Linji Gwida, minbarra l-lista msemmija ta’ ingredjenti, l-isem distintiv tad-DOP jista’ jidher “bħala parti minn jew qrib l-isem kummerċjali ta’ oġġett tal-ikel li jinkludi prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata, kif ukoll fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u l-pubbliċità ta’ dan l-oġġett tal-ikel”, sakemm dan jissodisfa l-kundizzjonijiet traskritti fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma ssodisfatti. |
74. |
Huma l-qrati nazzjonali, li qegħdin f’pożizzjoni aħjar sabiex jevalwaw il-fatti tal-każ u jipproċedu għall-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, dawk li għandhom jieħdu deċiżjoni dwar il-preżenza ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet fil-każ preżenti. Jien se nillimita ruħi, għaldaqstant, sabiex noffri xi ħsibijiet li jistgħu jgħinuhom f’dan il-kompitu. |
75. |
L-ewwel kundizzjoni (li ma jkunux jeżistu “ingredjenti komparabbli” oħrajn koperti minn DOP) hija faċli biex tiġi evalwata u oġġettiva biżżejjed. Xejn ma jidher li jindika li “Champagner sorbet” fih ingredjenti simili oħra għall-inbid frizzanti protett mid-DOP, li jistgħu jissostitwixxu dan tal-aħħar. |
76. |
It-tieni kundizzjoni (li l-ingredjent għandu jintuża fi kwantità suffiċjenti sabiex jagħti karatteristika essenzjali lill-prodott tal-ikel) hija iktar kumplessa. Kuntrarjament għall-opinjoni taċ-CIVC, dan ma jinvolvix li fil-prodott tal-ikel jinsabu l-karatteristiċi essenzjali tal-ingredjent protett, iżda li l-prodott tal-ikel ikollu karatteristika essenzjali marbuta mad-DOP ( 44 ). |
77. |
Lanqas din ir-regola ma hija sikura biżżejjed. Il-fattur kwantitattiv mhux dejjem se jkun l-iktar wieħed rilevanti sabiex tingħata karatteristika essenzjali lill-prodott tal-ikel ( 45 ). Normalment, din tal-aħħar, tingħata, fil-każ tal-ikel, mir-riħa u t-togħma li jagħtih l-ingredjent protett mid-DOP, iżda jista’ jkun hemm fatturi sinjifikanti oħra ( 46 ). Għal darb’oħra, hija l-qorti nazzjonali, fuq il-bażi tal-provi mogħtija ( 47 ) u l-valutazzjoni tagħha tal-fatti, li għandha tiddetermina jekk iż-żieda ta’ nbid ta’ Champagne tagħtix lis-sorbet karatteristika essenzjali, fis-sens li għadni kif iddeskrivejt. |
78. |
It-tielet kundizzjoni hija iktar problematika sabiex tiġi interpretata. Qabel xejn, huwa dibattibbli jekk tikkonformax mal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2000/13 ( 48 ). Fi kwalunkwe każ, it-test tagħha, peress li juża l-avverbju “idealment”, juri li din ma għandhiex saħħa, anki bħala gwida. L-ispeċifikazzjoni tal-perċentwali tal-ingredjent fil-prodott tal-ikel, konsegwentement, issir fattur li l-importanza tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-Direttiva 2000/13. |
79. |
Fuq dawn il-premessi, nirrepeti, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk l-ingredjent bid-DOP li jiżdied ma’ prodott tal-ikel jagħtihx karatteristika essenzjali, b’tali mod li għandu jidher fuq it-tikketta tiegħu. |
c) Il-preżenza ta’ elementi oħrajn li jgħinu sabiex tiġi sfruttata r-reputazzjoni tad-DOP
80. |
Ir-risposta lill-qorti tar-rinviju ma tkunx kompluta jekk tieqaf fuq is-sempliċi preżenza ta’ interess leġittimu tad-distributur, idderivata mill-osservanza tiegħu tal-Linji Gwida, li jawtorizzah jinkorpora ingredjenti protetti mid-DOP fit-tikketta tal-prodotti tal-ikel tiegħu. |
81. |
It-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida ma humiex diviżibbli minn xi kunċetti preliminari (dak tal-bona fide u n-nuqqas ta’ diżgwid tal-konsumatur) msemmija fil-punt 1.1 fejn jiġi pprovdut il-kuntest tagħhom. |
82. |
Jekk jiġi deċiż li hemm użu ħażin (sfruttament illegali tar-reputazzjoni) tad-DOP, ċertament wieħed għandu jibda mill-preżenza ta’ kwantità suffiċjenti ta’ ingredjent protett minn din id-DOP, li jagħti lill-prodott tal-ikel karatteristika essenzjali. Iżda dan il-fatt ma jilleġittimizzax l-użu tad-DOP fis-sorbet ikkontestat, jekk ikun hemm elementi oħrajn (b’mod partikolari, fil-preżentazzjoni tat-tikketta) li juru tendenza ta’ użu tal-prestiġju tad-DOP, permezz tal-isfruttament tar-reputazzjoni tagħha. |
83. |
F’dan il-każ, it-tikketta viżibbli għall-konsumatur li hija pprovduta fuq il-imballaġġ ta’ “Champagner sorbet” tinkludi stampa, fuq quddiem, ta’ sufra b’wajer li jinqabad ma’ flixkun, tazza nofsha mimlija u xarba li huwa preżunt li hija xampanja. Fl-isfond, għalkemm rikonoxxibbli sew, hemm flixkun ta’ inbid frizzanti Franċiż. |
84. |
Ma naħsibx li l-importanza ta’ dawn l-elementi tista’ tiġi injorata meta jiġi evalwat jekk il-produttur jew id-distributur tal-prodott tal-ikel jisfruttax ir-reputazzjoni tal-ingredjent protett mid-DOP Champagne ( 49 ). Il-qorti nazzjonali tista’, u għandha, tieħu dawk il-fatturi inkunsiderazzjoni sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-użu ħażin tad-DOP. |
85. |
Ir-Regolament Nru 1308/2013 u d-Direttiva 2000/13 ( 50 ) jippruvaw jevitaw li l-konsumatur jiġi żgwidat, u l-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li l-lista tal-ingredjenti fuq il-pakkett ma hijiex biżżejjed, minnha nnifisha, sabiex jiġi eskluż li t-ttikkettjar u l-modi ta’ kif dan isir jiġbdu l-attenzjoni b’mod ħażin tax-xerrej ( 51 ). |
86. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ ttikkettjar li jiżgwida lil xerrej, il-qorti nazzjonali għandha tara essenzjalment l-impressjoni li jieħu l-konsumatur preżumibbilment, fid-dawl ta’ dak l-ittikkettjar, dwar l-oriġini, il-provenjenza u l-kwalità tal-prodott tal-ikel, b’kunsiderazzjoni li huwa essenzjali li l-konsumatur ma jiġix żgwidat u li ma jkunx imwassal biex jaħseb li l-prodott għandu oriġini, provenjenza jew kwalitajiet differenti minn dawk li għandu fir-realtà ( 52 ). |
87. |
Il-qorti kompetenti għandha tqis jekk l-użu ta’ dawn l-elementi grafiċi fuq it-tikketta ta’ “Champagner Sorbet” huwiex iġġustifikat bħala sinjal tar-rieda li tiġi stabbilita konnessjoni sproporzjonata mal-inbid frizzanti protett mid-DOP. Fi kliem ieħor, hija għandha tirrispondi għall-kwistjoni dwar jekk l-għan sottostanti fil-preżentazzjoni kummerċjali tal-prodott tal-ikel huwiex, verament, li dan jintrabat mar-reputazzjoni tal-inbid frizzanti ta’ Champagne, li l-kwalità tiegħu hija maħsuba li tiġi estiża għas-sorbet stess. |
C. Fuq it-tielet domanda
88. |
Ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda tista’ tkun superfluwa jekk, mir-risposta għat-tieni waħda, il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) tqis li kien sar użu ħażin tad-DOP Champagne. Fi kwalunkwe każ, jiena se niffoka fuq l-analiżi tat-tnejn li huma. |
89. |
Permezz tat-tielet domanda jiġi mistoqsi, fil-qosor, jekk l-użu tal-isem tipiku ta’ DOP fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jużurpax, jimitax jew jevokax id-DOP stess. |
90. |
L-ittra (b) tal-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 tiċċita għadd ta’ tipi ta’ aġir, deskritt min-nuqqas ta’ lealtà kummerċjali tagħhom, li jinvolvu tnaqqis gradwali fl-użu tad-DOP, mill-użurpazzjoni għall-imitazzjoni sal-evokazzjoni. |
91. |
L-użurpazzjoni tindika l-użu tal-isem sħiħ tad-DOP għal prodotti simili. Ma naħsibx li dan huwa l-każ hawnhekk, peress li s-sorbet jinbiegħ iffriżat, li huwa inkonċepibbli għall-inbid ( 53 ). Lanqas ma nemmen, personalment, li huwa każ ta’ imitazzjoni, minħabba li l-isem “Champagner sorbet” fih id-DOP b’mod sħiħ. |
92. |
Huwa iktar kumpless li jiġi deċiż jekk nistgħux ngħidu li huwa każ ta’ evokazzjoni, liema problema għandha tingħata soluzzjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà stabbiliet xi wħud mill-profili legali ta’ dan it-tielet tip ta’ att żleali ( 54 ). |
93. |
Skont din il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ikopri sitwazzjoni li fiha t-terminu sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn DOP, b’tali mod li jwassal lill-konsumatur, meta jara l-isem tal-prodott, jaħseb, bħala immaġni ta’ riferiment, fil-prodott li tibbenefika minnu din id-denominazzjoni ( 55 ). |
94. |
Ir-riferiment għall-użu parzjali tad-DOP kien indott mill-fatti ta’ kull wieħed mill-każijiet deċiżi mis-sentenzi rispettivi, li fihom l-evokazzjoni tad-DOP kienet dovuta għat-trikkib mhux totali tal-ismijiet jew tat-trade marks tal-prodotti inkwistjoni (“Gorgonzola/Cambozola” ( 56 ), “Parmigiano Reggiano/Parmesan” ( 57 ) u “Verlados/Calvados” ( 58 )). |
95. |
Fil-fatt, meta jiġi analizzat, fil-kuntest tar-Regolament Nru 110/2008, il-każ ta’ trade mark li kien fiha kompletament l-element “Cognac”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet li tittrattah bħala każ ta’ “evokazzjoni” pjuttost milli “użurpazzjoni”, minkejja li kien jikkonċerna xarbiet spiritużi li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP ( 59 ). |
96. |
Il-prinċipji dedotti rigward id-DOP tax-xarbiet spiritużi jistgħu jiġu ttrasferiti, b’mod analogu, għall-evokazzjoni msemmija fl-Artikolu 118m(2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 ( 60 ). Il-premessi 92 u 97 tar-Regolament Nru 1308/2013 jispjegaw kif il-protezzjoni tad-DOP ma għandhiex tendenza biss li tevita l-prattiki qarrieqa u tiffavorixxi t-trasparenza tas-suq u l-kompetizzjoni ġusta, iżda wkoll li tikseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi. |
97. |
Bl-istess mod, għandhom jiġu meqjusa wkoll il-kriterji tal-ġurisprudenza li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ evokazzjoni, jużaw il-perċezzjoni ta’ konsumatur medju Ewropew, infurmat tajjeb u raġonevolment attent u diliġenti, bħala manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 61 ). |
98. |
Għal darb’oħra għandha tkun il-qorti tar-rinviju (jew, fejn xieraq, il-qrati inferjuri) li, fuq il-bażi ta’ dik il-ġurisprudenza, għandha tiddeċiedi jekk f’dan il-każ hemmx evokazzjoni tad-DOP Champagne ( 62 ). Sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha tista’ tuża mhux biss l-isem tas-sorbet, iżda wkoll l-elementi l-oħrajn li permezz tagħhom jiġi kkummerċjalizzat dan il-prodott tal-ikel, li diġà semmejt. |
99. |
Mingħajr ma nixtieq ninvadi l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, u bil-kundizzjoni li hija biss għandha l-kapaċità li tevalwa l-fatti b’mod sħiħ, nemmen, madankollu, li l-preżenza ta’ dawn l-elementi grafiċi fuq l-imballaġġ tal-prodott tikkontribwixxi sabiex twassal għal evokazzjoni tad-DOP Champagne. Permezz tal-użu tagħhom, minbarra l-isem “Champagner sorbet”, il-manifattur u d-distributur jagħtu idea lill-konsumatur dwar il-kwalità u l-prestiġju assoċjat ma’ din id-DOP, li jippruvaw jestrapolaw għas-sorbet. |
D. Fuq ir-raba’ domanda
100. |
Il-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali) tistaqsi jekk l-Artikolu 118m(2)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007 japplikax biss għal informazzjoni falza jew qarrieqa li tista’ tagħti impressjoni żbaljata lill-pubbliku dwar l-oriġini ġeografika ta’ prodott. |
101. |
Sabiex id-domanda tinftiehem aħjar għandu jsir riferiment għall-punti 62 et seq tad-digriet tar-rinviju. Minn dawn jirriżulta li d-dubju jirriżulta mill-argument taċ-CIVC, skont liema l-projbizzjoni ta’ dawk l-indikazzjonijiet hija ġenerali u ma tkoprix biss dawk li joħolqu impressjoni żbaljata fil-pubbliku rigward il-post ta’ oriġini ġeografika tal-prodott. |
102. |
Il-qorti tar-rinviju tidher li tiffavorixxi l-iktar interpretazzjoni sempliċi ta’ dik id-dispożizzjoni, jiġifieri, billi tkun limitata għal każijiet li fihom jiġi kkawżat diżgwid jew taħwid fil-pubbliku dwar l-oriġini tal-prodott permezz tal-użu tad-DOP. |
103. |
Fil-fehma tiegħi, madankollu, il-protezzjoni li xtaq jagħti l-leġiżlatur tal-Unjoni lid-DOP hija wiesgħa u, lil hinn mill-konfużjoni dwar l-oriġini tal-prodotti, għandha l-għan ukoll li tevita r-riskju ta’ ġeneralizzazzjoni, permezz tad-dilwizzjoni tad-DOP minħabba l-użu indiskriminat tagħhom. |
104. |
L-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 jinkludi klassifikazzjoni ta’ aġir inġust, li jiena semmejt preċedentement. Jekk l-ittra (a) tiegħu hija limitata għal atti ta’ sfruttament tar-reputazzjoni tad-DOP u (b) għal dawk tal-użurpazzjoni, imitazzjoni jew evokazzjoni, l-ittra (c) testendi l-ambitu protett, billi tinkorpora l-“indikazzjonijiet” (jiġifieri, l-informazzjoni li tingħata lill-konsumatur) preżenti fuq il-kontenitur jew l-imballaġġ, jew fir-reklamar tal-prodott, li, għalkemm ma jevokawx id-DOP b’mod strett, iqarrqu jew jiżgwidaw lill-pubbliku rigward ir-rabta tal-prodott ma’ din id-DOP. |
105. |
Naħseb li r-raġunament wara din l-ittra (c) jibqa’ japplika jekk l-informazzjoni kummerċjali tal-prodott tal-ikel assoċjat mad-DOP li tilħaq lill-konsumatur direttament tkun tali li twasslu sabiex jaħseb li dak il-prodott igawdi l-istess protezzjoni, u l-istess kwalità, bħad-DOP, meta fil-fatt ma jkunx. Indikazzjoni falza jew qarrieqa, naturalment, tista’ tikkonċerna l-oriġini tal-prodott, iżda wkoll il-karatteristiċi essenzjali (pereżempju t-togħma) tiegħu. |
106. |
Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija mill-artikolu msemmi fir-raba’ domanda ma hijiex limitata għall-każijiet biss fejn il-konsumatur jiġi żgwidat rigward l-oriġini ġeografika ta’ prodott. |
VI. Konklużjoni
107. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi kif ġej b’risposta għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (qorti suprema ċivili u kriminali, il-Ġermanja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Moqrija fit-18 ta’ Mejju 2017 fil-kawża EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP (C‑56/16 P, EU:C:2017:394).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1).
( 4 ) Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671).
( 5 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1).
( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal-25 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2009, L 154, p. 1).
( 7 ) Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).
( 8 ) Fil-fatt, ma ġietx derogata qabel it-13 ta’ Diċembru 2014, jiġifieri, iktar minn sentejn wara l-fatti li seħħew fil-kawża prinċipali, skont id-dispożizzjoni ta’ deroga tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18).
( 9 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU 2010, C 341, p. 3; iktar ’il quddiem, “Linji Gwida”).
( 10 ) Galana NV tintervjeni insostenn ta’ Aldi Süd fil-proċedura prinċipali.
( 11 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011 (C-4/10 u C-27/10, EU:C:2011:484), punt 55.
( 12 ) Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil,l tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettjar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16; rettifika fil-ĠU 2009, L 228, p. 47).
( 13 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), punt 46; u sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), punt 45.
( 14 ) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1).
( 15 ) Jekk nifhimha sew, din tiffavorixxi interpretazzjoni tal-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 skont liema l-ittra (a) tapplika għall-użi tad-DOP li jintużaw b’mod identiku għar-reġistrazzjoni tagħhom, filwaqt li l-ittra b) tirreferi għall-użu ta’ denominazzjonijiet simili, li jvarjaw, bejn wieħed u ieħor, mid-DOP irreġistrata. Ara l-paragrafu 29 tal-digriet tar-rinviju.
( 16 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011 (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), punt 55. Għalkemm dik is-sentenza ngħatat fir-rigward tar-Regolament Nru 110/2008, it-trasferiment analogu tagħha f’dan il-każ ma joffri ebda dubju, minħabba x-xebh, kemm litterali kif ukoll teleoloġiku, bejn l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament mal-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007.
( 17 ) Le Goffic, C., La protection des indications géographiques, ed. LITEC, París, 2010, p. 137.
( 18 ) Jekk tqabbel l-Artikolu 118m(2)(b), (c) u (d) tar-Regolament Nru 1234/2007 mal-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (emendat fit-28 ta’ Settembru 1979) u mal-Artikolu 22(2)(b) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (Ftehim TRIPS), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU 1994, L 336, p. 214), li jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3), li jirreferi għall-Artikolu 10a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali, fil-verżjoni emendata tagħha tal-1967 fi Stokkolma.
( 19 ) B’mod partikolari, din tirreferi għall-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2000/13, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti (ara l-punti 9 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet), mingħajr preġudizzju għall-valur interpretattiv tal-Artikoli 9(1)(a) u 17 tar-Regolament Nru 1169/2011. Dan tal-aħħar ħassar id-Direttiva 2000/13 mit-13 ta’ Diċembru 2014 u, għalhekk, ma huwiex applikabbli ratione temporis f’dan il-każ.
( 20 ) Speċifikament, l-Artikolu 13(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012, li l-premessa 32 tiegħu tirreferi għal-Linji Gwida.
( 21 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1975, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (12/74, EU:C:1975:23).
( 22 ) Ara l-ispjegazzjonijiet dwar l-oriġini tad-DOP fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636, punti 5 et seq).
( 23 ) Pereżempju, fil-premessi 27 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5. Għalkemm dan it-test normattiv diġà ġie abrogat, it-test ta’ dawn iż-żewġ paragrafi jinsab, b’differenzi żgħar, fir-Regolament Nru 1308/2013.
( 24 ) F’dan ir-rigward, nirreferi għall-pint 63 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EUIPO vs Istituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP (C‑56/16 P, EU:C:2017:394).
( 25 ) Naħseb fil-menù ta’ restorant li fost id-deżerti jinkludi sorbet tax-xampanja jew fil-pubblikazzjoni ta’ riċetta sabiex dan ikun jista’ jiġi ppreparat. Fis-seduta, id-difensur ta’ Galana uża bħala eżempju r-reklam b’tazzi (flawtijiet) tax-xampanja li juża din l-espressjoni.
( 26 ) Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff (C‑2/00, EU:C:2002:287, punt 16). Kienet tikkonċerna negozjati kummerċjali fejn Michael Hölterhoff ippropna lil klijent il-bejgħ ta’ ħaġar semiprezzjuż u ornamentali, li l-ħidma tagħhom semmieha bħala “Spirit Sun” u “Context Cut”, trade marks irreġistrati f’isem kompetitur.
( 27 ) Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 24) u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’din il-kawża (EU:C:2006:154, punti 35 et seq). Hawn sar riferiment għall-użu tal-logo tat-trade mark Opel fil-kabina tal-mudelli fuq skala mċekkna ta’ karozzi, mibjugħa minn AUTEC, kumpannija mhux marbuta ma’ Opel.
( 28 ) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
( 29 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association (C‑360/13, EU:C:2014:1195, punti 26 u 27).
( 30 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 170 sa 172).
( 31 ) Kawża tas-17 ta’ Jannar 2012, Infopaq International (C‑302/10, EU:C:2012:16, punti 44 u 45).
( 32 ) Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 46); u tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 45).
( 33 ) F’dan ir-rigward, il-premessa numru tnejn u tletin tar-Regolament Nru 479/2008, li introduċiet il-kliem attwali tal-Artikolu 118m diskuss hawn fl-Artikolu 45 tagħha, tibda billi tgħid li “[i]d-denominazzjoni ta’ oriġini […] għandhom igawdu mill-protezzjoni kontra użi li jisfruttaw b’mod mhux xieraq ir-reputazzjoni li ħaqqhom il-prodotti konformi” (enfasi miżjuda).
( 34 ) Nirreferi għall-punti 87 sa 89 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP (C‑56/16 P, EU:C:2017:394).
( 35 ) Fis-seduta sar riferiment għall-mod li bih għandhom jiġu mibdula d-drawwiet stabbiliti f’ċerti Stati Membri, li sa issa użaw bħala ismijiet ġeneriċi dawk li, mill-adozzjoni tar-regoli tal-Unjoni, iktar tard ikunu DOP tal-inbid (fil-każ tax-xampanja huwa paradigmatiku). Għalhekk dan jiġri wkoll fil-protezzjoni extrakomunitarja tad-DOP Ewropej, permezz tat-trattati bilaterali jew multilaterali.
( 36 ) Għalkemm l-Artikolu 12 tal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona fuq id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (adottati fl-20 ta’ Mejju 2015) jipprovdi wkoll għall-protezzjoni perpetwa, dan it-trattat għadu ma daħalx fis-seħħ.
( 37 ) Kif stabbilit fl-Artikolu 118k(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, li wara ġie inkorporat fl-Artikolu 101(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.
( 38 ) Għall-kuntrarju, l-ittikkettjar tal-prodotti tal-inbid huwa suġġett għar-Regolament Nru 1308/2013, l-Artikoli 117 sa 123, u dak tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xarbiet spiritużi, għar-Regolament Nru 110/2008. It-tnejn jaġixxu bħala lex specialis fir-rigward tal-prodotti tal-ikel ġenerali.
( 39 ) Artikolu 3(1)(1), (2) u (3). Id-dispożizzjoni ekwivalenti fir-Regolament Nru 1169/2011, fis-seħħ mit-13 ta’ Diċembru 2014, hija l-Artikolu 9(1)(a), (b) u (d).
( 40 ) L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2000/13, ekwivalenti għall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 41 ) L-ekwivalenti sussegwenti tiegħu huwa l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1169/2011. Id-Direttiva 2000/13 tapplika, dwar dan il-punt, għas-settur tal-inbid, kif imfakkar mill-Artikolu 118 tar-Regolament Nru 1308/2013.
( 42 ) Il-leġiżlatur ta d-diskrezzjoni lill-produttur tal-ikel sabiex jiddeċiedi li jagħżel il-post fejn jitqiegħed l-ammont perċentwali tal-ingredjent: a) fid-deskrizzjoni tal-bejgħ; b) mal-isem; jew c) fil-lista tal-ingredjenti. F’dan il-każ, il-lista tinsab fil-qiegħ tal-kontenitur.
( 43 ) Fihom huwa ddikjarat li l-applikazzjoni tagħhom hija volontarja u li “ma għandhomx jitqiesu bħala interpretazzjoni legalment ristrettiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-DPO u l-IĠP jew id-Direttiva dwar it-Tikkettar”.
( 44 ) B’mod korrett, il-Kummissjoni naqset milli tissuġġerixxi perċentwali fil-Linji Gwida li jintuża b’mod uniformi. Hija tissuġġerixxi regola li permezz tagħha ammont ikbar ta’ ingredjent b’DOP, jista’ jagħti karatteristika essenzjali lill-prodott.
( 45 ) Hemm, pereżempju, prodotti protetti minn DOP, bħal ċerti varjetajiet ta’ ‘truffle’, li meta jkunu inkorporati fl-ikel fi kwantitajiet żgħar, huma rikonoxxibbli immedjatament minħabba r-riħa u jħallu marka li ma titneħħiex fuq il-palat.
( 46 ) L-aċċenn għall-ingredjent fit-tikketta tal-prodott tal-ikel, fid-“denominazzjoni tal-bejgħ” tagħha jew maġenbha, għalhekk, tkun possibbli, jekk il-prodott ikollu r-riħa u/jew it-togħma tal-ingredjent protett mid-DOP. Madankollu, ma għandhomx jiġu esklużi, fatturi oħra bħat-tessut jew il-kulur, li ma naħsibx li huma tant deċiżivi fil-qasam tal-ikel daqs dawk it-tnejn li semmejt hawn fuq.
( 47 ) F’dawn it-tipi ta’ kawżi jistgħu jkunu utli provi esperti, mogħtija minn gastronomi professjonali, li jispjegaw il-kwalitajiet ta’ sorbet tax-xampanja, jew rapporti mogħtija permezz ta’ stħarriġ tal-konsumaturi sabiex jiġi vverifikat li t-togħma ta’ dan l-inbid frizzanti hija integrata fis-sorbet stess. Il-ġurisprudenza tal-Istati Membri hija rikka ħafna f’dan is-sens: ara, preċiżament fir-rigward tax-xampanja, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2013, tal-Cour d’appel (qorti tal-appell) ta’ Pariġi, fil-kawża SAS Euralis Gastronomie vs CIVC, ikkonfermata mill-Cour de cassation (qorti suprema, Franza), fil-25 ta’ Novembru 2013.
( 48 ) Dan l-artikolu jipprovdi lill-produttur li juża ingredjent b’DOP tliet possibbiltajiet sabiex jindika, f’perċentwali, l-ammont ta’ dak l-ingredjent fl-ikel tiegħu (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Il-Linji Gwida, madankollu, jidhru li jwarrbu l-possibbiltà li jintwera n-numru tal-perċentwali għall-każijiet fejn l-ingredjent ma jissemmiex fid-denominazzjoni tal-bejgħ jew maġenbha (hekk nifhem li tfisser “jew inkella”). Il-produttur huwa marbut mad-Direttiva 2000/13, u mhux mal-Linji Gwida, u għalhekk l-għażliet offruti minnha huma intatti.
( 49 ) Matul is-seduta, il-partijiet ammettew li l-kawża prinċipali ma kinitx kostretta għall-użu tad-DOP fl-isem tas-sorbet.
( 50 ) L-Artikolu 2(1)(a)(i).
( 51 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 38).
( 52 ) Ibidem, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 53 ) Forsi, l-evalwazzjoni ta’ kieku l-prodott kien imsemmi differenti, u jissuġġerixxi lill-konsumaturi li kienet xampanja ffriżata, adattat sabiex tintiehem bħal sorbet, kienet tkun differenti.
( 54 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto IP (C‑56/16 P, EU:C:2017:394, punti 94 et seq), jiena indirizzajt, ukoll, il-kunċett tal-evokazzjoni, applikat għall-użu tad-DOP Porto/Port mit-trade mark tal-Unjoni “Port Charlotte”.
( 55 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21 u ġurisprudenza ċċitata), fir-rigward tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008.
( 56 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 25).
( 57 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 44).
( 58 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35).
( 59 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 58).
( 60 ) Ibidem, punti 22 sa 27.
( 61 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 26 sa 28).
( 62 ) Fil-punt 31 tas-sentenza Viiniverla, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa “jekk id-denominazzjoni ‘Verlados’ tikkostitwixxix ‘evokazzjoni’, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, tal-indikazzjoni ġeografika protetta ‘Calvados’”.