KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2017 ( 1 )
Kawża C-376/16 P
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
vs
European Dynamics Luxembourg SA,
European Dynamics Belgium SA,
Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE
“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni – Deċiżjoni li l-offerta tar‑rikorrenti tiġi kklassifikata fir-raba’ pożizzjoni għall-finijiet tal-kuntratt ta’ kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni”
|
1. |
Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, filwaqt li laqgħet ir-rikors ippreżentat minn European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (iktar ’il quddiem, flimkien “European Dynamics et”), minn naħa, annullat id-deċiżjoni tal-EUIPO li tiċħad l-offerta sottomessa minn European Dynamics Luxembourg fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ppubblikata mill-EUIPO, u min-naħa l-oħra, ikkundannat lill-EUIPO jikkumpensa d-dannu subit minn European Dynamics Luxembourg, b’riżultat tat-telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt. |
|
2. |
Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tikkjarifika ulterjorment, fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti mill-awtoritajiet kontraenti fir‑rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huma jiċħdu offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti. |
I. Il-kuntest ġuridiku
|
3. |
Fil-mument tal-fatti rilevanti ta’ din il-kawża, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi tal-EUIPO kien irregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal‑Ewwel Parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 3 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), kif ukoll minn dawk tat-Titolu V tal-Ewwel Parti tar‑Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli għall-implimentazzjoni tar‑Regolament Nru 1605/2002 ( 5 ). |
|
4. |
Skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju: “L-awtorità tal-kuntratti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill‑appaltaturi kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil‑miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt. Madankollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju għall-interess pubbliku jew ikun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tal-attività tal-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jfixkel il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi”. |
|
5. |
Skont l-Artikolu 149(2) tar-Regolament Nru 2342/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 478/2007: “Fi żmien ħmistax-il ġurnata kalendarja mid-data li tintlaqa’ talba bil‑miktub, tikkomunika t-tagħrif previt fl-Artikolu 100(2) tar‑Regolament Finanzjarju”. |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
6. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma spjegati fid-dettall fil-punti 1 sa 20 tas-sentenza appellata, li għalihom qiegħed nagħmel riferiment. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, infakkar biss li, fl-2011, l-EUIPO ppubblika sejħa għal offerti sabiex jingħata kuntratt intiż għall-provvista ta’ ċerti servizzi informatiċi. |
|
7. |
Skont l-avviż ta’ kuntratt, dan il-kuntratt, li kellu jingħata lill-iktar offerta ekonomikament vantaġġjuża, kien jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti-qafas ta’ tul massimu ta’ seba’ snin bi tliet fornituri ta’ servizzi informatiċi distinti. Il-kuntratti-qafas kellhom jiġu konklużi separatament u skont il-proċedura msejħa “kaskata”, fejn dan il-mekkaniżmu jfisser li, jekk l‑offerent ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni ma setax jipprovdi s-servizzi rikjesti, l-EUIPO kellu jdur għall-offerent ikklassifikat fit-tieni pożizzjoni, u jkompli b’dan il-mod. |
|
8. |
B’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2011, l-EUIPO informa lil European Dynamics et bir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u indikalhom li ma kienx għażel l-offerta tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta”). Din l-ittra kienet tinkludi wkoll tabella komparattiva li tindika n-numru ta’ punti mogħtija lill-offerta ta’ European Dynamics et u dak mogħti lit-tliet offerenti li kisbu l-ogħla marka. |
|
9. |
B’ittra tas-26 ta’ Awwissu 2011, l-EUIPO bagħat lil European Dynamics et estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludi l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tagħhom skont tliet kriterji – jiġifieri l-kwalità tas‑servizzi ta’ manutenzjoni tas-softwer, il-komponent kummerċjali, u l‑kwalità tas-servizzi tal-klijent – u bagħtilhom l-ismijiet tal-offerenti rebbieħa li kisbu l-ewwel tliet postijiet, kif ukoll żewġ tabelli, jiġifieri, minn naħa, “tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti tekniċi”, li tindika l-punti li l‑imsemmija offerenti rebbieħa u European Dynamics et kienu kisbu għall-offerti tekniċi tagħhom u li tindika n-numru ta’ punti miksuba għal kull wieħed mit-tliet kriterji kwalitattivi fuq imsemmija u, min-naħa l-oħra, “tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti skont in-natura ekonomika vantaġġjuża tagħhom”, li tindika għat-tliet offerenti rebbieħa u għal European Dynamics et in-numru ta’ punti miksuba għall-kriterji kwalitattivi u għall‑evalwazzjoni finanzjarja, kif ukoll in-numru totali tal-punti miksuba ( 6 ). |
|
10. |
F’ittra tal-15 ta’ Settembru 2011, indirizzata lil European Dynamics et, l-EUIPO, filwaqt li rrefera għall-motivazzjoni inkluża fl-ittri msemmija fiż-żewġ punti preċedenti, li huwa kien iqis suffiċjenti, ipprovda xorta waħda dettalji addizzjonali dwar il-kriterji finanzjarji u bagħat tabella komparattiva addizzjonali. Din it-tabella kienet tindika għat-tliet offerenti rebbieħa u għal European Dynamics et in-numru ta’ punti miksuba minn kull wieħed minnhom għaż-żewġ kriterji użati għall-evalwazzjoni finanzjarja kif ukoll in-numru totali ta’ punti finanzjarji u dan in-numru wara kunsiderazzjoni ( 7 ). |
III. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
11. |
Fil-21 ta’ Ottubru 2011, European Dynamics et ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu huma talbu, minn naħa, l‑annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tagħhom u tad‑deċiżjonijiet l-oħra kollha konnessi tal-EUIPO, u min-naħa l-oħra, il‑kundanna tal-EUIPO jikkumpensa sa EUR 6750000 id-dannu subit minnhom b’riżultat tal-telf ta’ opportunità. Insostenn tar‑rikors tagħhom, European Dynamics et ressqu tliet motivi ( 8 ), l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u t-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
12. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat qabel xejn it‑tielet motiv bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament. Wara li ċaħdet l-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, il‑Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet parti. Il-Qorti Ġenerali qieset li l‑EUIPO kien naqas manifestament mid-dmir ta’ diliġenza tiegħu meta kien qiegħed jinvestiga, fir-rigward ta’ wieħed mill-offerenti, l-eżistenza ta’ raġuni għal esklużjoni ( 9 ). |
|
13. |
Imbagħad, il-Qorti Ġenerali, evalwat it-tieni motiv ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali, parzjalment laqgħet u parzjalment ċaħdet dan il-motiv. F’dan ir-rigward hija enfasizzat li, sa fejn hija kkonstatat, f’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ta’ insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta ta’ European Dynamics et, dawn l-illegalitajiet waħedhom kienu jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta. |
|
14. |
Sussegwentement, fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta kienet ivvizzjata b’diversi insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li din kellha tkun annullata għal din ir-raġuni wkoll. |
|
15. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal kumpens mressqa minn European Dynamics et inkwantu din kienet intiża għall-kumpens għat-telf ta’ opportunità. Madankollu, fir-rigward tal-ammont tal-kumpens, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti min‑naħa tagħha, jaqblu fuq dan l-ammont u jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza, l-ammont pagabbli, stabbilit bi ftehim komuni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, iwasslulha, fl‑istess terminu, il-kwantifikazzjoni tad-dannu tagħhom. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal‑partijiet
|
16. |
Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
17. |
European Dynamics et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
V. Analiżi
|
18. |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO iqajjem erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita jew wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl‑applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u ta’ diliġenza u, fi kwalunkwe każ, żnaturat il-fatti. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl‑interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterju dwar l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE. Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu l-EUIPO jsostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u b’nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ kumpens b’riżultat tat-telf ta’ opportunità. |
|
19. |
B’mod konformi mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tat-tielet aggravju tal-appell tal-EUIPO, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, dan l-aggravju jirrigwarda kwistjoni ta’ liġi ta’ importanza kbira, jiġifieri dik tal‑portata tal-obbligu tal-awtorità kontraenti li timmotiva deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ offerta, b’mod partikolari, fir-rigward tal-korrelazzjoni bejn minn naħa, l-evalwazzjonijiet negattivi partikolari stabbiliti fir-rapport ta’ evalwazzjoni u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis ta’ punti netti magħmul mill-awtorità kontraenti. |
A. Sunt tal-punti rilevanti tas-sentenza appellata.
|
20. |
Fit-tielet aggravju tiegħu, l-EUIPO jikkontesta l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 238 sa 259 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-konklużjoni tagħha li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta kienet ivvizzjata b’diversi insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
|
21. |
Fir-rigward tal-motiv imressaq minn European Dynamics et ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, fakkret qabel xejn li, skont il-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-każ tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, l-awtorità kontraenti għandha, bħala prinċipju, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir‑rigward tal-għażla tal-kriterji ta’ għoti ġerarkiċi u tal-punti li għandhom jingħataw lill-kriterji u lis-subkriterji differenti u ma għandhiex obbligu li tipprovdi lill-offerent eskluż sunt iddettaljat tal-mod li bih kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha ( 10 ). |
|
22. |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tkun għamlet tali għażla, il‑qorti tal-Unjoni għandha tkun f’qagħda li tivverifika, abbażi tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti, il-piż rispettiv tad-differenti kriterji u subkriterji tekniċi ta’ għoti fl-evalwazzjoni, jiġifieri fil-kalkolu ta’ punteġġ totali, kif ukoll in-numru minimu u massimu ta’ punti għal kull wieħed minn dawn il-kriterji jew subkriterji ( 11 ). |
|
23. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-awtorità kontraenti torbot evalwazzjonijiet speċifiċi mal-mod li bih l-offerta inkwistjoni kienet tissodisfa jew ma tissodisfax dawn il-kriterji u subkriterji differenti, li huma manifestament rilevanti għall-evalwazzjoni globali tal‑imsemmija offerta, id-dmir ta’ motivazzjoni jinkludi neċessarjament il-ħtieġa li jiġi spjegat il-mod li bih, b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet negattivi taw lok għat-tnaqqis ta’ punti ( 12 ). |
|
24. |
Imbagħad il-Qorti Ġenerali qieset li l-osservanza ta’ dan ir‑rekwiżit kienet iktar u iktar meħtieġa f’każ bħal dak inkwistjoni, li fih it-tnaqqis eventwali ta’ punti netti għal ċerti subkriterji kellu bħala konsegwenza awtomatika, skont il-formula ta’ kalkolu applikata mill‑awtorità kontraenti, li jiżdied in-numru ta’ punti grossi li għandhom jingħataw lill-offerti tal-offerenti rebbieħa skont il-kwalità teknika tagħhom. F’tali sitwazzjoni, European Dynamics et kellhom għalhekk interess li jkunu jafu t‑tnaqqis ta’ punti mwettaq għal kull wieħed mis-subkriterji li fir-rigward tagħhom ir-rapport ta’ evalwazzjoni fih evalwazzjoni negattiva sabiex ikunu jistgħu jargumentaw li, fid-dawl tan-natura manifestament żbaljata tal‑imsemmija evalwazzjoni, dan it-tnaqqis — li jimplika żieda korrispondenti ta’ punti favur offerenti oħra — ma kienx iġġustifikat ( 13 ). |
|
25. |
Imbagħad il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti fid-dawl tat-tliet kriterji kwalitattivi, il‑kumitat ta’ evalwazzjoni kien applika formula matematika jew, minn tal‑inqas, kien ta frazzjonijiet ta’ punti għal subkriterju jew subpunt u, min‑naħa l-oħra, li l-EUIPO ma kienx innotifika lil European Dynamics et il‑metodu ta’ kalkolu u l-iddifferenzjar iddettaljat tal-punti mogħtija skont is-subkriterji jew is-subpunti differenti. Fil-fatt, skont l-EUIPO, European Dynamics et ma kellhomx dritt ikunu jafu dwar dawn u l-komunikazzjoni tal‑punteġġ globali definittiv għal kull wieħed mit-tliet kriterji tekniċi jew kwalitattivi kienet suffiċjenti ( 14 ). |
|
26. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, kemm għal European Dynamics et kif ukoll għall-Qorti Ġenerali, kien impossibbli li jifhmu l-kalkolu jew l-iddifferenzjar speċifiku tal-punti mnaqqsa għal kull subkriterju, jew għal kull wieħed mis-subpunti, u li, għaldaqstant, lanqas ma kien possibbli li jiġi vverifikat jekk u sa fejn dan it-tnaqqis kien jikkorrispondi effettivament għall-evalwazzjonijiet negattivi espressi fir‑rapport ta’ evalwazzjoni, u għaldaqstant, jekk dawn kinux jew ma kinux iġġustifikati jew, għall-inqas, kinux suffiċjentement plawżibbli ( 15 ). |
|
27. |
Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta ma kinitx suffiċjentement motivata għal dak li jirrigwarda l-korrelazzjoni bejn l-evalwazzjonijiet negattivi speċifiċi msemmija fir-rapport ta’ evalwazzjoni, minn naħa, u t-tnaqqis ta’ punti netti mwettaq mill-awtorità kontraenti, min-naħa l-oħra ( 16 ). |
B. L-argumenti tal-partijiet
|
28. |
L-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet li, billi ma weriex liema kummentarju negattiv kien wassal għal liema tnaqqis ta’ punti għal kull subkriterju jew subpunt partikolari, l‑EUIPO ma kienx ipprovda motivazzjoni suffiċjenti. Skont l-EUIPO, la l‑Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jimponu tali rekwiżit. |
|
29. |
Minn naħa, l-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju ma jipprevedi ebda obbligu legali li tingħata stampa ddettaljata tal-kriterji kollha li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-offerta ta’ offerent eskluż. A fortiori, l-istess dispożizzjoni ma tinkludi ebda obbligu li ma kull kriterju jintrabat tnaqqis ta’ punti u li tingħata spjegazzjoni ċara tan‑numru ta’ punti effettivament imnaqqas abbażi ta’ dan il-kriterju. L‑imsemmija dispożizzjoni tipprevedi biss l-obbligu li jiġu nnotifikati lill‑offerent li l-offerta tiegħu hija miċħuda l-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu (offerta li ma tirrappreżentax l-aħjar relazzjoni kwalità-prezz wara l-applikazzjoni tal‑formula tal-għoti, f’dan il-każ), il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula. Barra minn hekk, f’dan il-każ, peress li European Dynamics et kienu ngħataw l-aħjar punteġġ tekniku għal kull kriterju ta’ għoti, ma kien hemm l-ebda informazzjoni li kellha tiġi nnotifikata dwar il-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula. |
|
30. |
Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li ma jistax jiġi mistenni li awtorità kontraenti tipprovdi lill-offerent li l-offerta tiegħu hija miċħuda analiżi ddettaljata tal-mod li bih kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni. L-EUIPO jirreferi b’mod speċifiku għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki ( 17 ). Issa, skont l-EUIPO, b’analoġija, ma jistax ikun mistenni li awtorità kontraenti tippreċiża, għal kull kumment partikolari, jekk dan wassalx għal tnaqqis ta’ punti (u n-numru ta’ punti mnaqqsa) jew għal żieda ta’ punti (u n-numru ta’ punti miżjuda). Barra minn hekk, billi talbet lill-awtorità kontraenti tippreċiża b’mod ċar il-korrelazzjoni eżatta bejn il-kummenti negattivi u l-marki mogħtija għal kull wieħed mis-subpunti u billi injorat il-kuntest iktar wiesa’ tal-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ għoti fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u applikat kriterju ferm iktar strett għal dak li jirrigwarda l‑obbligu ta’ motivazzjoni minn dak impost skont l-Artikolu 100(2) tar‑Regolament finanzjarju. |
|
31. |
European Dynamics et jiddefendu l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali. Huma jqisu li l-iżvelar tat-tqassim tal-punti evalwati kien neċessarju. F’dan il‑każ, il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha mingħajr l-informazzjoni dwar il-punti mogħtija għall-kriterji kwalitattivi, għas-subkriterji u għas-subpunti partikolari. B’hekk, billi talbet il-produzzjoni tat-tqassim tal-punti, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma applikat kriterju iktar strett minn dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju u tat‑tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza. |
C. Evalwazzjoni
|
32. |
Il-kwistjoni li tqum fil-kuntest tat-tielet aggravju mressaq mill‑EUIPO fl-appell tiegħu hija, essenzjalment, dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx b’mod korrett li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju u mit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 296 TFUE, kif interpretati mill-ġurisprudenza, jew jekk il‑Qorti Ġenerali applikatx kriterju strett wisq meta mqabbel mal‑imsemmija dispożizzjonijiet u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja f’dan il-qasam. |
|
33. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset essenzjalment li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta ma kinitx suffiċjentement motivata, għaliex, abbażi tal-motivazzjoni pprovduta mill-EUIPO fid-diversi ittri tiegħu mibgħuta lil European Dynamics et, la dawn u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-kalkolu jew l-iddifferenzjar preċiż tal-punti mnaqqsa għal kull subkriterju, jew anki għal kull subpunt, fir‑rigward tal-kriterji ta’ għoti, b’tali mod li ma kienx possibbli li jifhmu l-korrelazzjoni eżistenti bejn l-evalwazzjonijiet negattivi fir-rigward ta’ diversi minn dawn is-subkriterji u t-tnaqqis ta’ punti netti marbut magħhom magħmul mill-EUIPO. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika jekk u sa fejn dan it-tnaqqis kien jikkorrispondi għall-imsemmija evalwazzjonijiet, u lanqas li tivverifika l-legalità tat-tnaqqis, u għaldaqstant, tal-punteġġ totali. |
|
34. |
Għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandhom l‑awtoritajiet kontraenti, għandu qabel xejn jitfakkar li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju, l-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull kandidat jew offerent li l-offerta tiegħu hija miċħuda bil-motivi għaċ-ċaħda tal-kandidatura jew tal-offerta tiegħu u, lil kull offerent li jkun għamel offerta ammissibbli u li jkun għamel talba bil‑miktub, bil-karatteristiċi u bil-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll bl-isem tal-offerent li lilu jingħata l-kuntratt. |
|
35. |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax jiġi rikjest mill-awtorità kontraenti li din tibgħat lill‑offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra l‑motivi taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sinteżi ddettaljat tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal‑evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal‑komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula, analiżi komparattiv fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal‑offerent eskluż ( 18 ). |
|
36. |
Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata tipprovdi lil offerent eskluż, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar‑rapport ta’ evalwazzjoni ( 19 ). |
|
37. |
Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, tal-kontenut tal-att u tan-natura tal-motivi invokati ( 20 ). |
|
38. |
F’dan il-każ, mill-punti 12 sa 18 tas-sentenza appellata, miġbura fil-qosor fil-punti 8 sa 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li l‑EUIPO pprovda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta, ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, fi tliet ittri, dik tal-11 ta Awwissu 2011, dik tas-26 ta’ Awwissu 2011 u dik tal-15 ta’ Settembru 2011. |
|
39. |
Huwa paċifiku li f’dawn l-ittri l-EUIPO pprovda lil European Dynamics et b’estratt tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludi l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tagħhom, l-ismijiet tat-tliet offerenti rebbieħa, kif ukoll tliet tabelli li juru l-punteġġi li dawn it-tliet offerenti rebbieħa u European Dynamics et kienu kisbu, u b’mod iktar preċiż, tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti tekniċi, tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti mil-lat tan-natura ekonomika vantaġġjuża tagħhom u tabella komparattiva dwar il-kriterji finanzjarji. Dawn it-tabelli kienu jippermettu lil European Dynamics et ikollhom stampa globali tal-punti mogħtija lill-offerta tagħhom u lil dawk tal-offerenti rebbieħa magħżula fir-rigward kemm tal-kriterji kwalitattivi kif ukoll tal-kriterji finanzjarji, kif ukoll tal-influwenza tagħhom fuq l-evalwazzjoni globali definittiva. |
|
40. |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 252 tas-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali kkonstatat, fatt li l-EUIPO ma jikkontestax, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien applika formula matematika jew kien ta frazzjonijiet ta’ punt għal subkriterju jew subpunt, u li r-rapport ta’ evalwazzjoni kien esprima ġudizzji negattivi speċifiċi f’dan ir-rigward li kienu taw lok għal tnaqqis speċifiku ta’ punti. |
|
41. |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO ma kkomunikax in-numru ta’ punti miksuba b’mod komparattiv minn European Dynamics et u mill-offerenti magħżula ddifferenzjati kull darba b’subkriterji, u lanqas ma spjega l-metodu ta’ kalkolu konkretament użat mill‑kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex jagħti piż speċifiku għal kull wieħed minn dawn is-subkriterji fl-evalwazzjoni globali. |
|
42. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx possibbli, għal European Dynamics et u għall-Qorti Ġenerali, jifhmu l-piż rispettiv mogħti lil kull wieħed minn dawn is-subkriterji fl-evalwazzjoni, jiġifieri fid-determinazzjoni tal-punteġġ totali, u lanqas li jistabbilixxu korrelazzjoni bejn il-kummenti negattivi partikolari u t-tnaqqis ta’ punti, li kellu impatt fuq il-punteġġ totali. |
|
43. |
Issa, għalkemm huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, ir‑rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal‑kawża u li ma jistax ikun meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l‑elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 FUE għandha tkun evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat, xorta jibqa’ il-fatt li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod illi jippermetti lill‑persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha ( 21 ). |
|
44. |
Minn dan jirriżulta li deċiżjoni li ma tippermettix li offerent jifhem ir‑raġunijiet taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu kif ukoll jidentifika l‑karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerenti magħżula u li ma tippermettix lill-qorti tal-Unjoni tivverifika l-legalità tal‑evalwazzjoni li tinsab fiha ma tistax titqies li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni meħtieġa mill-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
|
45. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball billi kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta ma kinitx suffiċjentement motivata. |
|
46. |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-diversi argumenti mqajma mill-EUIPO. |
|
47. |
Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-invokazzjoni mill-EUIPO tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C-629/11 ( 22 ), huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li f’dik il-kawża, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa l-każ f’din il-kawża, minn naħa, l-estratti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni nnotifikati mill-Kummissjoni kienu jippermettu li jiġi dedott in-numru ta’ punti miksuba b’mod komparattiv mir-rikorrenti inkwistjoni u mill-offerent magħżul, iddifferenzjati kull darba għal kull subkriterju, kif ukoll il-piż ta’ kull wieħed mis-subkriterji fl-evalwazzjoni globali u, min-naħa l-oħra, il-kummenti tal‑kumitat ta’ evalwazzjoni nnotifikati kienu jispjegaw, għal kull kriterju ta’ għoti, skont liema subkriterji l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-offerta tal-offerent magħżul jew dik tar-rikorrenti inkwistjoni bħala l‑aħjar waħda ( 23 ). |
|
48. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-fatt li, peress li European Dynamics et kienu rċevew f’dan il-każ l-aħjar evalwazzjoni teknika għal kull kriterju ta’ għoti, huma ma kellhom ebda interess li jirċievu informazzjoni dwar il-vantaġġi relatati tal-offerti magħżula, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-EUIPO ma jikkontestax ir-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punt 253 tas‑sentenza appellata, li jipprovdi li European Dynamics et kellhom interess ikunu jafu l-estent sa fejn l-evalwazzjonijiet negattivi mressqa mill-awtorità kontraenti kienu ssarrfulhom fi tnaqqis ta’ punti netti ( 24 ). |
|
49. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni kollha, jiena nqis li t-tielet aggravju tal-appell tal-EUIPO għandu jiġi miċħud. |
VI. Konklużjoni
|
50. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma tittieħed deċiżjoni minn qabel fir-rigward tal-fondatezza tal-aggravji l-oħra tal-appell, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju, bħala infondat. L-ispejjeż huma rriżervati. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T‑556/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2016:248.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74.
( 4 ) ĠU 2006, L 390, p. 1. Ir-Regolament Nru 1605/2002 ġie abrogat, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145. Dan ir-regolament ġie emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 337).
( 6 ) Iż-żewġ tabelli huma riprodotti fil-punt 14 tas-sentenza appellata.
( 7 ) Ara l-punt 18 tas-sentenza appellata.
( 8 ) Wara t-tweġiba tal-EUIPO għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-miżuri istruttorji tal-Qorti Ġenerali, European Dynamics et invokaw motiv ġdid, ibbażat fuq il‑fatt li l-EUIPO kien kiser l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt billi kien aċċetta l-offerta finanzjarja ta’ Informática El Corte Ingles SA — Altia Consultores SA Temporary Association (IECI) anki jekk din kien fiha varjant u firxa ta’ prezzijiet. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv fil-punti 230 et seq tas-sentenza appellata.
( 9 ) Punti 61 sa 78 tas-sentenza appellata.
( 10 ) Ara l-punti 244 u 250 tas-sentenza appellata.
( 11 ) Ara l-punt 250 tas-sentenza appellata.
( 12 ) Ara l-punt 250 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Ara l-punt 251 tas-sentenza appellata.
( 14 ) Ara l-punt 252 tas-sentenza appellata.
( 15 ) Ara l-punt 252 tas-sentenza appellata.
( 16 ) Ara l-punt 254 tas-sentenza appellata.
( 17 ) C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617.
( 18 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63) u tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16).
( 22 ) C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617.
( 23 ) Ara, b’mod speċifiku, il-punti 26 u 28 tal-imsemmija sentenza, kif ukoll il-punt 45 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T‑298/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:496), ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest tal-imsemmija kawża (dan il-punt huwa riprodott fil-punt 11 ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).
( 24 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 227 u, fuq kollox, 228 tas-sentenza appellata.