KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )

Kawża C-295/16

Europamur Alimentación SA

vs

Dirección General de Comercio y Protección del Consumidor de la Comunidad Autónoma de la Región de Murcia

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Bejgħ minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħa bl-imnut – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ b’telf – Eċċezzjonijiet ibbażati fuq kriterji mhux previsti fid-Direttiva 2005/29/KE”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia, Spanja), tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima dwar is-sanzjoni amministrattiva imposta fuq negozjant fil-kummerċ bl-ingrossa, minħabba ksur tal-projbizzjoni fuq il-bejgħ b’telf li hija prevista, għajr għal żewġ ipoteżijiet speċifiċi, mil-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-kummerċ bl-imnut.

3.

Peress li l-prattika kummerċjali li hija s-suġġett ta’ din it-tilwima ma tikkonċernax direttament il-konsumaturi, iżda bejjiegħ bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut, u peress li għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, jeħtieġ li jiġi eżaminat, iktar speċifikament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja minkejja dan tistax tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari.

4.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, kif nirrakkomanda, jidhirli li r-risposta għad-domandi magħmula tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tagħha fis-sens li d-Direttiva 2005/29 tipprekludi l-leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri li jipprojbixxu b’mod ġenerali prattiki kummerċjali żleali bħall-bejgħ b’telf, u dan anki jekk dawn il-leġiżlazzjonijiet ikunu jipprevedu eċċezzjonijiet, sa fejn dawn ma josservawx il-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

5.

Skont il-premessi 6, 8 u 17 tad-Direttiva 2005/29:

“(6)

Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi transazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. [...]

[...]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. B’hekk tħares ukoll b’mod indirett negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ din id-Direttiva u b’hekk tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fl-oqsma kordinati minnha. [...]

[...]

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

6.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa “li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.

7.

L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur”, għall-finijiet tagħha, bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali in[k]lużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

8.

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li hija “tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.

9.

L-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Suq intern”, jirrikjedi li “[l]-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva”.

10.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

B. Id-dritt Spanjol

1.  Il-leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ bl-imnut

11.

Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Ley 7/1996 de Ordenación del Comercio Minorista (Liġi 7/1996, li tirregola l-kummerċ bl-imnut), tal-15 ta’ Jannar 1996 ( 3 ) (iktar ’il quddiem l-“LOCM”), din il-liġi għandha l-għan, b’mod partikolari, “li tikkoreġi l-iżbilanċi bejn l-impriżi kummerċjali kbar u żgħar, u, fuq kollox, li tiżgura kompetizzjoni libera u leali. Ma hemmx għalfejn li wieħed itenni li l-iktar effetti immedjati u tanġibbli ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni libera u leali jinkisbu permezz ta’ titjib kontinwu tal-prezzijiet u tal-kwalità kif ukoll tal-karatteristiċi l-oħra tal-offerta u tas-servizz lill-pubbliku, li jirrappreżenta, fl-aħħar mill-aħħar, l-iktar azzjoni effikaċi favur il-konsumaturi”.

12.

L-Artikolu 14 tal-LOCM, intitolat “Projbizzjoni tal-bejgħ b’telf” jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, [li jistabbilixxi prinċipju ta’ libertà tal-prezzijiet,] huwa pprojbit li jiġi propost għall-bejgħ jew li jsir bejgħ b’telf, lil hinn mill-ipoteżijiet irregolati mill-Kapitoli IV [dwar il-bejgħ bi skont] u V [dwar il-bejgħ intiż biex jitneħħa l-istokk kollu (clearance sales)] tat-Titolu II ta’ din il-liġi, ħlief jekk il-bejjiegħ ikun irid jallinja l-prezzijiet tiegħu ma’ dawk ta’ kompetitur wieħed jew iktar li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tiegħu, jew jekk ikunu kkonċernati oġġetti li jmorru malajr li d-data tal-iskadenza tagħhom tkun tinsab fil-qrib.

Fi kwalunkwe każ, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni żleali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, bejgħ jitqies li sar b’telf meta l-prezz tal-bejgħ ta’ prodott ikun inqas mill-prezz tax-xiri tiegħu kif jirriżulta mill-fattura, wara t-tnaqqis proporzjonali tal-iskontijiet li jidhru fuq il-fattura, mill-prezz ta’ sostituzzjoni tiegħu jekk ikun inqas, jew mill-ispiża reali tal-produzzjoni, jekk l-oġġett ikun ġie mmanifatturat min-negozjant, miżjuda bis-sehem tat-taxxa indiretta li tapplika għat-tranżazzjoni.”

13.

Din il-projbizzjoni tal-bejgħ b’telf tapplika wkoll “għall-entitajiet, tkun xi tkun in-natura ġuridika tagħhom, li jipprattikaw il-kummerċ bl-ingrossa”, skont is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-LOCM, li ġiet inkluża f’din il-liġi fl-1999 ( 4 ).

14.

L-LOCM ġiet implementata mill-komunità awtonoma tar-reġjun ta’ Murcia permezz ta’ liġi reġjonali adottata fl-2006 ( 5 ). L-Artikolu 54 tagħha jipprevedi li l-ksur gravi huwa ssanzjonat minn multa li tvarja bejn EUR 3001 u EUR 15000. Biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “ksur serju”, l-imsemmija liġi tirreferi għal-LOCM, li l-Artikolu 65(1)(c) tagħha jikklassifika l-bejgħ b’telf b’dan il-mod. Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi kkalkolat l-ammont tas-sanzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 55 ta’ din il-liġi reġjonali, li jsemmi, b’mod partikolari, il-gravità tad-dannu “kkawżat lill-interessi tal-konsumaturi”.

2.  Il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali

15.

Skont il-preambolu tal-Ley 3/1991 de Competencia Desleal (Liġi 3/1991, dwar il-kompetizzjoni żleali), tal-10 ta’ Jannar 1991 ( 6 ) (iktar ’il quddiem l-“LCD”):

“[…] [Din il-]liġi twieġeb għall-ħtieġa li s-sistema tal-kompetizzjoni tiġi adattata għall-valuri li wasslu għall-Kostituzzjoni ekonomika tagħna. Il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 tibni s-sistema ekonomika tagħna fuq il-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża u, konsegwentement, fuq il-livell istituzzjonali, fuq il-prinċipju tal-libertà tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta, għal-leġiżlatur ordinarju, l-obbligu li jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi neċessarji biex jiġi evitat li tkun tista’ sseħħ distorsjoni ta’ dan il-prinċipju minn prattiki żleali, li, jekk ikun il-każ, jistgħu jfixklu l-funzjonament kompetittiv tas-suq.

Dan ir-rekwiżit kostituzzjonali huwa kkomplementat u msaħħaħ minn dak li jirriżulta mill-prinċipju tal-protezzjoni tal-konsumaturi, fil-kwalità tagħhom ta’ parti dgħajfa fir-relazzjonijiet karatteristiċi tas-suq, prinċipju li huwa fformulat fl-Artikolu 51 tal-Kostituzzjoni.

Dan l-aspett ġdid tal-problema, li sa dak iż-żmien ġeneralment ma ttiħidx inkunsiderazzjoni fit-tradizzjoni ġuridika Spanjola tal-kompetizzjoni żleali, kien jikkostitwixxi inċentiva addizzjonali, tal-ogħla importanza, għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida […]”

16.

L-Artikolu 17 tal-LCD, intitolat “Bejgħ b’telf” jiddisponi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari kuntrarja, l-iffissar tal-prezzijiet għandu jsir b’mod liberu.

2.   Madankollu, il-bejgħ b’telf jew li jsir taħt l-ispiża tax-xiri jitqies li huwa żleali fil-każijiet segwenti:

a)

Meta jkun hemm riskju li jqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi oħra tal-istess stabbiliment.

b)

Meta jkollu l-effett li jippreġudika l-immaġni ta’ prodott jew stabbiliment ieħor.

c)

Meta jkun parti minn strateġija bl-għan li teskludi kompetitur jew grupp ta’ kompetituri mis-suq”.

3.  Il-Liġi 29/2009

17.

Id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Ley 29/2009 por la que se modifica el régimen legal de la competencia desleal y de la publicidad para la mejora de la protección de los consumidores y usuarios (Liġi 29/2009, li temenda s-sistema legali tal-kompetizzjoni żleali u tar-reklamar għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti), tat-30 ta’ Diċembru 2009 ( 7 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 29/2009”).

18.

Din il-liġi emendat, fost strumenti oħra, l-LOCM u l-LCD. Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ dawn id-direttivi ( 8 ) baqgħu ma nbidlux.

19.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Liġi 29/2009 żiedet it-tielet paragrafu mal-Artikolu 18 tal-LOCM, li skontu l-promozzjoni tal-bejgħ “titqies li hija żleali meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-[LCD]” ( 9 ).

20.

Hija tenfasizza wkoll li l-Liġi 29/2009 emendat l-Artikolu 4 tal-LCD b’tali mod li dan jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “żleali” kif huma ddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29. Hija żżid tgħid li l-formulazzjonijiet il-ġodda tal-Artikoli 5 u 7 tal-LCD jirriproduċu dawk tal-Artikolu 6 (intitolat “Azzjonijiet qarrieqa”) u tal-Artikolu 7 (intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa”) ta’ din id-direttiva rispettivament ( 10 ).

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Europamur Alimentación SA (iktar ’il quddiem “Europamur”) hija bejjiegħ bl-ingrossa li tbigħ prodotti tad-dar u tal-ikel lil supermarkits kif ukoll lil ħwienet lokali. Billi hija affiljata ma’ unità ċentrali tax-xiri, Europamur tista’ toffri lil kummerċjanti żgħar li huma klijenti tagħha prodotti bi prezzijiet kompetittivi, li jippermettulhom jaffaċċjaw il-kompetizzjoni ta’ ħwienet kbar u ktajjen kbar tad-distribuzzjoni.

22.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2015, id-Dirección General de Comercio y Protección del Consumidor de la Comunidad Autónoma de la Región de Murcia (direttorat ġenerali tal-kummerċ u tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-komunità awtonoma tar-reġjun ta’ Murcia, Spanja), li qabel kienet magħrufa bħala “Dirección General de Consumo, Comercio y Artesanía de la Comunidad Autónoma de la Región de Murcia” (direttorat ġenerali tal-konsum, tal-kummerċ u tal-artiġjanat tal-komunità awtonoma tar-reġjun ta’ Murcia, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni reġjonali”), imponiet multa ta’ EUR 3001 fuq Europamur minħabba li kienet kisret il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 14 tal-LOCM, billi biegħet b’telf ċerti prodotti li hija tikkummerċjalizza.

23.

L-amministrazzjoni reġjonali mmotivat din id-deċiżjoni, b’mod partikolari, b’diversi kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 11 ). Barra minn hekk, meta ffissat l-ammont tas-sanzjoni, l-amministrazzjoni reġjonali ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterju tad-“dannu gravi kkawżat lill-interessi tal-konsumaturi” stabbilit fl-Artikolu 55 tal-Liġi Reġjonali 11/2006. Min-naħa l-oħra, hija ma speċifikatx sa fejn l-aġir ta’ Europamur kien ta’ dannu in concreto għall-interessi tal-konsumaturi, peress li, skont l-interpretazzjoni prevalenti tal-Artikolu 14 tal-LOCM, il-bejgħ b’telf fih innifsu jista’ jippreġudika lill-konsumaturi u lill-klijenti.

24.

Europamur ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni u allegat, fost raġunijiet oħrajn, li kien neċessarju li l-kummerċjanti żgħar ikunu jistgħu jallinjaw il-prezzijiet tagħhom ma’ dawk tal-kompetituri tagħhom, li r-regoli dwar il-provi li jirriżultaw mill-Artikolu 17 tal-LCD messhom ġew osservati fir-rigward tagħha u li l-aġir issanzjonat ma kien jippreġudika lill-konsumaturi bl-ebda mod. Hija argumentat ukoll li s-sanzjoni imposta kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, minħabba li d-Direttiva 2005/29 kienet ġiet trasposta b’mod insuffiċjenti fl-ordinament ġuridiku intern mil-Liġi 29/2009, billi din ma emendatx il-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tal-LOCM.

25.

Biex tiddefendi ruħha, l-amministrazzjoni reġjonali sostniet, b’mod partikolari, li s-sistema tas-sanzjonijiet tal-LOCM, li kienet intiża b’mod speċjali biex tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi, hija indipendenti mil-LCD, li għall-kuntrarju tipprevedi r-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi, b’tali mod li l-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 14 tal-LOCM tista’ tapplika mingħajr ma jkunu preżenti ċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 17 tal-LCD. Hija żiedet tgħid li ma kienx hemm kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni Spanjola u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

26.

F’dan il-kuntest, b’deċiżjoni tas-27 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2016, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-Direttiva [2005/29] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 14 tal-[LOCM], li hija ta’ natura iktar stretta mid-direttiva inkwistjoni meta tipprojbixxi l-bejgħ b’telf, inkluż lill-grossisti, sa fejn tqis din il-prattika bħala ksur amministrattiv u tissanzjonaha konsegwentement fid-dawl tal-fatt li l-liġi Spanjola hija intiża, minbarra li tirregola s-suq, li tipproteġġi l-interessi tal-konsumaturi?

2)

Id-Direttiva [2005/29] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-imsemmi Artikolu 14 tal-[LOCM], anki jekk id-dispożizzjoni nazzjonali tippermetti l-esklużjoni mill-projbizzjoni ġenerali [ta]l-bejgħ b’telf jekk (i) l-awtur tal-ksur jipprova li l-bejgħ b’telf kellu bħala għan li jaġġusta l-prezzijiet tiegħu għal dawk ta’ kompetitur jew ta’ diversi kompetituri li jistgħu jaffettwa/w b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tiegħu jew (ii) il-prodotti kkonċernati huma oġġetti li jmorru malajr li d-data ta’ skadenza tagħhom tkun fil-qrib?”

27.

Europamur u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tas-6 ta’ April 2017, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali minn Europamur, mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A. Fuq il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali

28.

Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia) tindika li l-LOCM għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi, inkluż meta, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-bejgħ iseħħ bejn bejjiegħ bl-ingrossa u kummerċjanti żgħar, ladarba tali tranżazzjonijiet bejn in-negozjanti jkollhom riperkussjonijiet fuq il-konsumaturi. Fil-fatt, il-konsumatur, fix-xirjiet tiegħu mingħand kummerċjant żgħir, jibbenefika mill-ordnijiet kollettiva mwettqa permezz tal-bejjiegħ bl-ingrossa, li mingħajru l-bejjiegħ bl-imnut ma jkunx kompetittiv meta mqabbel mal-ktajjen u l-ħwienet kbar li għandhom kapaċità tax-xiri evidentement superjuri.

29.

Dik il-qorti ma indikatx ir-raġunijiet preċiżi għalfejn l-Artikolu 14 tal-LOCM, li jipprojbixxi l-bejgħ b’telf, kien sar applikabbli wkoll għall-entitajiet li jipprattikaw il-kummerċ bl-ingrossa, skont is-sitt dispożizzjoni addizzjonali inkluża fl-LOCM mil-Liġi 55/1999, u, sa fejn naf jien, l-espożizzjoni tal-motivi ta’ din tal-aħħar ma tagħti ebda indikazzjoni dwar dan is-suġġett. Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi biss li “il-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mil-[LOCM] hija ġġustifikata sa fejn il-bejgħ b’telf tal-bejjiegħ bl-ingrossa jaffettwa lill-konsumatur u għandu influwenza fuq l-imġiba tiegħu fir-rigward tal-prodott jew tal-oġġett tal-konsum inkwistjoni”.

30.

Hija tispjega li l-Artikolu 14 tal-LOCM jipprojbixxi l-bejgħ b’telf fih innifsu, mingħajr ma jirrikjedi li l-amministrazzjoni li tissanzjona tipprova li l-prattika ta’ min wettaq il-ksur ippreġudikat l-interessi tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29, iżda li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali madankollu tawtorizza lill-persuna kkonċernata tilleġittima l-aġir tagħha b’żewġ motivi speċifiċi, jiġifieri jew l-għan li l-prezzijiet tagħha jiġu allinjati ma’ dawk ta’ kompetituri li jkunu jaffettwaw il-bejgħ tagħha b’mod sinjifikattiv jew in-natura li jmorru malajr tal-prodotti mibjugħa b’telf.

31.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li tali inverżjoni tal-oneru tal-prova, li minnha jirriżulta li l-persuna li allegatament wettqet il-ksur għandha tistabbilixxi l-lealtà tal-aġir ikkundannat, ma hijiex konformi mad-Direttiva 2005/29, peress li l-bejgħ b’telf ma jinsabx fil-lista ta’ prattiki kummerċjali meqjusa żleali fiċ-ċirkustanzi kollha li tinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

32.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li anki jekk in-negozjant akkużat juri li l-bejgħ b’telf ikkonċernat ma jissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji dwar in-natura żleali ta’ prattika kummerċjali li huma previsti mid-Direttiva 2005/29 ( 12 ), dan it-telf madankollu jibqa’ pprojbit mill-Artikolu 14 tal-LOCM u għalhekk ikun issanzjonat, sakemm il-kummerċjant ma jkunx jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ waħda miż-żewġ kawżi ta’ ġustifikazzjoni stabbiliti f’dan tal-aħħar.

33.

Finalment, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 14 tal-LOCM, li ma ġiex emendat waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, “iżomm riferiment ambigwu għall-fatt li ‘[f]i kwalunkwe każ, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-[LCD]”, għalkemm is-sistema ta’ projbizzjoni tal-bejgħ b’telf prevista fl-Artikolu 17 tal-LCD hija kuntrarja għal dik li tirriżulta mil-LOCM ( 13 ).

B. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

34.

Fir-rigward tal-kuntest kemm fattwali kif ukoll leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni qajmu oġġezzjonijiet li jikkonċernaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29 f’kuntest bħal dan.

35.

Qabelxejn, nindika li din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li għandha aspett mingħajr preċedent relatat ma’ taħlita partikolari ta’ regoli nazzjonali ( 14 ), fil-fehma tiegħi hija ammissibbli, fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju li minnhom jirriżulta li l-interpretazzjoni mitluba ser tkun neċessarja għaliha biex tiddeċiedi dwar il-kawża, anki jekk din tirrigwarda bejgħ b’telf bejn negozjanti li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Spanjol, tali sitwazzjoni hija assimilata mal-bejgħ minn negozjant lil konsumatur, li jaqa’ fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.

36.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok ninnota li huwa paċifiku li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod repetut li azzjonijiet ta’ bejgħ b’telf, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonstitwixxu “prattiċi kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu (2)(d) tad-Direttiva 2005/29 u għaldaqstant huma suġġetti għall-preskrizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar ( 15 ).

37.

Fit-tieni lok, minkejja l-opinjoni kuntrarja mogħtija mill-Gvern Spanjol waqt is-seduta, inqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 14 tal-LOCM, jidhru li tassew għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett ( 16 ).

38.

Fil-fatt, bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-LOCM jirriżulta li din il-liġi hija intiża espressament, fost għanijiet oħra, biex tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi ( 17 ). Ġurisprudenza Spanjola ta’ maġġoranza jidher li tikkonferma dan l-iskop b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-Artikolu 14 tal-LOCM, dwar il-projbizzjoni tal-bejgħ b’telf, li jissemma fid-domandi preliminari ( 18 ). Barra minn hekk, id-deċiżjoni amministrattiva li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet ibbażata espressament fuq dan l-istess għan ( 19 ).

39.

Anki jekk jiġi preżunt, bħalma sostna l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, li l-protezzjoni tal-konsumaturi ma kinitx l-għan prinċipali intiż mil-leġiżlatur Spanjol meta adotta l-LOCM, tali kunsiderazzjoni fil-fehma tiegħi ma hijiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni nazzjonali taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, ladarba dan l-istrument iwassal għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, gvern ma jistax jafferma b’mod validu li dispożizzjoni nazzjonali ma taqax fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni sa fejn din essenzjalment tkun tipprevedi għanijiet oħra għajr il-protezzjoni tal-konsumaturi ( 20 ). Hija diġà ammettiet ukoll li leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq ir-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi, filwaqt li jkollha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi, u b’hekk taqa’ taħt id-Direttiva 2005/29 ( 21 ). Jidhirli li dan huwa l-każ ukoll f’din il-kawża.

40.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddetermina l-kontenut u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 22 ), b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta mill-perspettiva espressa f’dan ir-rigward mill-qrati nazzjonali, u mhux mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemha ( 23 ).

41.

Madankollu, fit-tielet lok, inqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex suffiċjenti biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula f’din il-kawża ( 24 ), fid-dawl tal-fatt li l-prattika kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-karatteristika partikolari li ma tikkonċernax direttament il-bejgħ lill-konsumaturi, iżda bejgħ minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħa bl-imnut, li huma stess jerġgħu jbigħu lill-konsumaturi.

42.

Issa, bħall-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, nikkonstata li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 huwa limitat għall-prattiki kummerċjali żleali ta’ impriżi li jippreġudikaw direttament l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif jindikaw kemm it-titolu ta’ din id-direttiva kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tagħha ( 25 ). Għalhekk ma hijiex applikabbli bħala tali għal prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw “biss” l-interessi ekonomiċi tal-kompetituri jew, bħalma huwa l-każ f’din it-tilwima fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn negozjanti ( 26 ).

43.

Madankollu, b’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lilha anki meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħhom ma japplikawx għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fil-każ fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet saru applikabbli b’mod dirett u inkundizzjonat permezz tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk adottati mill-imsemmi att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, biex jiġu evitati diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet adottati minn dan l-att jingħataw interpretazzjoni uniformi. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tivverifika jekk jeżistux indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed biex tkun tista’ tistabbilixxi dan ir-riferiment għad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta dwar dan is-suġġett mit-talba għal deċiżjoni preliminari ( 27 ).

44.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, anki jekk il-leġiżlazzjoni li tittrasponi direttiva fid-dritt nazzjonali ma tkunx irriproduċiet verbatim id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li kienu s-suġġett tad-domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha ġurisdizzjoni tiddeċiedi b’mod preliminari, meta d-deċiżjoni tar-rinviju taċċetta li kwalunkwe interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun vinkolanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju ( 28 ).

45.

F’din il-kawża, inqis li jeżisti interess reali li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, fid-dawl tal-fatt li minn indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed, mogħtija mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva saru applikabbli – għalkemm b’mod żbaljat fil-fehma tiegħi ( 29 ) – mid-dritt nazzjonali għal sitwazzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 30 ).

46.

Ċertament, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li ġew applikati mid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali – jiġifieri l-Artikolu 14 tal-LOCM, li jipprojbixxi l-bejgħ b’telf fil-kummerċ bl-imnut, u s-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-LOCM, li testendi din il-projbizzjoni għall-bejjiegħa bl-ingrossa – ma ġewx emendati, mingħajr raġunijiet espliċiti, mil-Liġi 29/2009, li ttrasponiet id-Direttiva 2005/29 fl-ordinament ġuridiku Spanjol ( 31 ).

47.

Madankollu, dispożizzjonijiet oħrajn tal-LOCM ġew emendati mil-Liġi 29/2009, u minn dan wieħed jista’ jiddeduċi li l-leġiżlatur nazzjonali konxjament iddeċieda li jżomm il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 14 u tal-imsemmija sitt dispożizzjoni addizzjonali, meta wettaq din it-traspożizzjoni, wisq probabbli minħabba li huwa qies li dawn tal-aħħar kienu konformi mad-Direttiva 2005/29. Fil-fehma tiegħi, l-għażla li jinżammu dispożizzjonijiet nazzjonali tikkostitwixxi att ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, bl-istess mod bħal emendi sostanzjali, bħal riformulazzjoni jew tħassir ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

48.

Barra minn hekk, nosserva li s-sanzjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 14 tal-LOCM, li jissemma espressament fid-domandi preliminari, u li kieku t-tilwima fil-kawża prinċipali ma kinitx dwar bejgħ bejn bejjiegħ bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut, iżda direttament bejn negozjant u konsumaturi, ma kien ikun hemm ebda dubju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għal dawn id-domandi. Huwa biss minħabba l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 14 għal bejgħ bejn in-negozjanti, skont is-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-LOCM, li teżisti inċertezza f’din il-kawża. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-implikazzjonijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 mitluba hawnhekk ġuridikament huma l-istess fiż-żewġ xenarji, b’tali mod li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-imsemmija direttiva tipprekludi regoli nazzjonali bħal dawk previsti fl-Artikolu 14 tal-LOCM, dan ikollu bħala konsegwenza diretta li d-deċiżjoni kkontestata u b’hekk il-multa imposta ma humiex fondati b’mod korrett skont id-dritt Spanjol.

49.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 14 tal-LOCM fih, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, riferiment espliċitu għad-dispożizzjonijiet tal-LCD ( 32 ), l-istess bħall-Artikolu 18(3) tal-LOCM kif emendat mil-Liġi 29/2009 ( 33 ). Madankollu, din il-liġi tal-aħħar irriformulat diversi artikoli tal-LCD, b’mod partikolari biex tinkorpora fiha l-kriterji li jippermettu li prattika kummerċjali tiġi kklassifikata bħala “żleali” fis-sens tad-Direttiva 2005/29 ( 34 ) u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, preċiżament, li dawn il-kriterji kellhom jiġu osservati mill-amministrazzjoni reġjonali kompetenti ( 35 ).

50.

F’dan il-kuntest speċifiku, il-qorti tar-rinviju tqis li “il-kwistjoni [f’dan il-każ, hija] dwar jekk id-Direttiva 2005/29 [għandhiex tiġi interpretata fis-sens li] tipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tal-LOCM[, li hija dominanti fil-ġurisprudenza Spanjola,] li skontha l-bejgħ b’telf stess huwa pprojbit u jista’ jiġi ssanzjonat, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi kkonstatata l-eżistenza konkreta ta’ ommissjonijiet qarrieqa jew prattiki kummerċjali aggressivi jew ġeneralment żleali”, filwaqt li “d-direttiva [2005/29] ma ssemmix il-bejgħ b’telf fost il-prattiki kummerċjali meqjusa li huma żleali fiċ-ċirkustanzi kollha” ( 36 ).

51.

B’hekk, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, li mill-inqas parzjalment ġew riprodotti fir-regoli rilevanti tad-dritt Spanjol, jingħataw interpretazzjoni uniformi mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ interpretazzjonijiet diverġenti dwar dan is-suġġett u peress li r-risposta għad-domandi magħmula tidher li hija deċiżiva għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

52.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jien tal-fehma li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għad-domandi magħmula lilha f’din il-kawża.

C. Fuq l-ammissibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-Direttiva 2005/29

53.

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li fil-fehma tiegħi jeħtieġ li jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2005/29 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-bejgħ b’telf, inkluż fi tranżazzjonijiet bejn bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut, ħlief fil-każijiet fejn min iwettaq il-ksur jipprova li l-bejgħ b’telf kellu l-għan li jallinja l-prezzijiet tiegħu ma’ dawk ta’ kompetitur wieħed jew iktar li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tiegħu, jew il-prodotti kkonċernati jkunu oġġetti li jmorru malajr li d-data ta’ skadenza tagħhom tkun fil-qrib.

54.

Dwar dan is-suġġett, l-osservazzjonijiet tiegħi huma relattivament fil-qosor, minħabba li fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett jirriżulta b’mod ċar li hemm lok li tingħata risposta affermattiva għad-domandi magħmula.

55.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi kull dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-offerta għall-bejgħ jew il-bejgħ ta’ oġġetti b’telf, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat – b’riferiment għall-kuntest fattwali ta’ kull każ – jekk it-tranżazzjoni kummerċjali inkwistjoni hijiex ta’ natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva u mingħajr ma jingħata marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, sakemm din id-dispożizzjoni jkollha għanijiet intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi ( 37 ).

56.

Fuq dan il-punt tal-aħħar, infakkar biss li, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqis, b’differenza mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, li l-LOCM għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipproteġi lill-konsumaturi, li jidhirli li jirriżulta effettivament mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi ( 38 ).

57.

Biex tiddeċiedi kif indikat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, fakkret li, peress li d-Direttiva 2005/29 twassal għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 4 tagħha, miżuri iktar restrittivi minn dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva, anki għall-finijiet li jiġi żgurat livell iktar għoli tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 39 ).

58.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-kriterji li permezz tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi li fihom prattika kummerċjali għandha titqies li hija żleali u, għalhekk, ipprojbita. Hija żiedet tgħid li d-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, b’konformità mal-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 5, huma meqjusa żleali “f’kull ċirkostanza”, u minn dan jirriżulta, kif tispeċifika l-premessa 17 ( 40 ), li l-imsemmija prattiki biss jistgħu jiġu kklassifikati bħala żleali mingħajr ma jkunu s-suġġett ta’ eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva ( 41 ).

59.

Finalment, hija rrilevat li prattiki kummerċjali li jikkonsistu fl-offerta għall-bejgħ jew fil-bejgħ ta’ oġġetti b’telf ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29 u li, għalhekk, ma jistgħux ikunu pprojbiti “f’kull ċirkostanza”, iżda biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali tagħhom ( 42 ).

60.

Bħal Europamur u l-Kummissjoni, inqis li dan ir-raġunament u l-konklużjoni li tirriżulta minnu jistgħu jiġu ttrasposti perfettament għal din il-kawża. Fir-rigward tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 14 tal-LOCM, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din għandha l-effett li tipprojbixxi l-bejgħ b’telf b’mod ġenerali, mingħajr ma jkun meħtieġ – għall-awtorità inkarigata mis-sanzjonar ta’ min iwettaq il-ksur – li tiġi stabbilita n-natura “żleali” tat-tranżazzjoni kummerċjali mmirata fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29 ( 43 ). Issa, tali projbizzjoni tmur kontra r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq ( 44 ).

61.

Għal dak li jirrigwarda l-impatt eventwali tal-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni li huma previsti mid-dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża, impatt previst taħt it-tieni domanda preliminari ( 45 ), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ż-żewġ raġunijiet ta’ deroga li jinsabu fl-aħħar parti tal-Artikolu 14 tal-LOCM ( 46 ), li l-awtoritajiet kompetenti u l-qrati Spanjoli jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni biex jeħilsu mis-sanzjoni lil min iwettaq il-bejgħ b’telf u jagħmel użu minnhom, huma bbażati fuq kriterji li ma jinsabux fost dawk previsti fl-imsemmija Artikoli 5 sa 9 ( 47 ), għalkemm id-Direttiva 2005/29 twassal għal armonizzazzjoni eżawrjenti dwar dan is-suġġett ( 48 ).

62.

Barra minn hekk, inqis li l-inverżjoni tal-oneru tal-prova kkawżata minn din id-dispożizzjoni nazzjonali ( 49 ) ma hijiex konformi mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2005/29, li tidentifika serje ta’ prattiki kummerċjali li f’kull ċirkustanza jistgħu jiġu meqjusa “żleali” u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikklassifikaw bħala tali u jissanzjonaw prattiki li ma jinsabux f’din il-lista ( 50 ).

63.

Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eċċezzjonijiet speċifiċi, li jippermettu li wieħed jevita l-projbizzjoni ġenerali ta’ prattika, previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru “ma jistgħux, minħabba n-natura limitata u definita minn qabel, jissostitwixxu l-analiżi li għandha neċessarjament issir fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, tan-natura ‘żleali’ ta’ prattika kummerċjali fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva [2005/29] meta, [...] din il-prattika mhijiex elenkata fl-Anness I tagħha” ( 51 ).

64.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni nazzjonali, li skonta jkun biss wara l-projbizzjoni prevista għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel li l-prattika kummerċjali inkwistjoni tkun suġġetta għall-eżami tan-natura żleali tagħha, hija irrikonċiljabbli mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2005/29, għar-raġuni li din il-prattika, minħabba n-natura tagħha u b’mod partikolari l-fattur taż-żmien inerenti għaliha, ma għandha ebda sens ekonomiku għan-negozjant ( 52 ). B’hekk, huwa essenzjali li l-eżami in concreto tan-natura żleali ta’ prattika jippreċedi r-rikors għal sanzjoni eventwali, ħlief fil-każijiet espressament previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

65.

Konsegwentement, jien tal-fehma li d-Direttiva 2005/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

V. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Murcia (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Murcia, Spanja) bil-mod segwenti:

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-offerta jew it-twettiq ta’ bejgħ b’telf u li tipprevedi raġunijiet ta’ deroga għal dan il-prinċipju bbażati fuq kriterji li ma jinsabux f’din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2005, L 149, p. 22.

( 3 ) BOE Nru 15, tas-17 ta’ Jannar 1996, p. 1243.

( 4 ) Dispożizzjoni miżjuda fl-LOCM mill-Artikolu 56(1)(8) tal-Ley 55/1999 de Medidas fiscales, administrativas y del orden social (Liġi 55/1999, li tistabbilixxi miżuri fiskali, amministrattivi u soċjali), tad-29 ta’ Diċembru 1999 (BOE Nru 312, tat-30 ta’ Diċembru 1999, p. 46095), iktar ’il quddiem il-“Liġi 55/1999”.

( 5 ) Ley 11/2006 sobre Régimen del Comercio Minorista de la Región de Murcia (Liġi 11/2006, li tirregola l-kummerċ bl-imnut tar-reġjun ta’ Murcia), tat-22 ta’ Diċembru 2006 (BORM Nru 2, tat-3 ta’ Jannar 2007, p. 141), iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali 11/2006”.

( 6 ) BOE Nru 10, tal-11 ta’ Jannar 1991, p. 959.

( 7 ) BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2009, p. 112039.

( 8 ) Ara l-punti 11 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Ara l-Artikolu 4 tal-Liġi 29/2009. Ninnota li dan jagħmel ukoll riferiment għal dispożizzjonijiet tal-LCD fl-Artikolu 22 (dwar il-bejgħ fuq diversi livelli), fl-Artikolu 23 (dwar il-projbizzjoni tal-bejgħ fuq sistema ta’ piramida) u fl-Artikolu 32 (dwar il-bejgħ b’rigal jew primjum) tal-LOCM, kif emendati.

( 10 ) Ara l-Artikolu 1 tal-Liġi 29/2009.

( 11 ) B’hekk, din l-amministrazzjoni rrilevat li t-tnaqqis “ma għandux jippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kunsens, għad-detriment tal-konsumaturi u tal-klijenti fir-rigward tal-livell reali tal-prezzijiet ta’ impriża jew ta’ stabbiliment partikolari”. Hija enfasizzat ukoll “l-importanza soċjali tal-ksur, li jolqot lill-kummerċjanti u lill-konsumaturi kollha tar-reġjun ta’ Murcia [...] billi l-għanijiet ekonomiċi mfittxija mill-impriża li wettqet il-ksur [...] jinkludu, b’mod partikolari, dak li jinħolqu offerti li jingannaw jew iqarrqu bin-nies bi prodotti bħal dawn inkwistjoni, bl-għan li jħajru lill-konsumaturi jixtru prodotti jew servizzi mill-istess stabbiliment kif ukoll bl-intenzjoni sigrieta li jiddisswadu jew jeliminaw lill-kompetituri”.

( 12 ) Iktar speċifikament, in-nuqqas tad-diliġenza professjonali, il-ħolqien ta’ distorsjoni fl-imġiba tal-konsumaturi u l-qerq jew il-prattika aggressiva, skont l-Artikolu 5(1) u (4) ta’ din id-direttiva.

( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont l-Artikolu 17 tal-LCD, ma huwiex meqjus żleali l-bejgħ b’telf kollu, bħalma huwa l-każ skont l-Artikolu 14 tal-LOCM, iżda biss dak li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 17 (jiġifieri, li jqarraq bil-konsumaturi, jikkawża ħsara għall-immaġni ta’ prodott jew ta’ stabbiliment jew jipprova jelimina l-kompetituri) u li għalhekk huwa neċessarju li tintwera n-natura żleali ta’ tali bejgħ biex ikun jista’ jiġi ssanzjonat.

( 14 ) Fil-fatt, din il-kawża tqajjem punt ta’ liġi ġdid li jikkonċerna l-ammissibbiltà tad-domanda, sa fejn għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tagħti risposta għad-domanda dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali (jiġifieri l-Artikolu 14 tal-LOCM) li b’mod ċert taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, iżda li, permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali oħra (jiġifieri s-sitt dispożizzjoni addizzjonali tal-LOCM), saret applikabbli f’xenarju li ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Dwar dan is-suġġett, ara l-punti 41 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Ara d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punti 20 sa 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn huwa rrilevat li tali prattiki ta’ bejgħ, li “b’mod li jiġbdu lill-konsumaturi lejn il-ħwienet ta’ kummerċjant, għandhom l-għan li jħajru lill-imsemmijin konsumaturi biex jixtru”, “jaqgħu għaldaqstant fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u jikkonċernaw direttament il-promozzjoni ta’ u ż-żieda fil-bejgħ tiegħu”. Fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li fl-imsemmi Artikolu 2(d) tintuża “formulazzjoni partikolarment wiesgħa” biex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali”.

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punti 28 sa 33), kif ukoll id-digrieti tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punt 17), u tat-8 ta’ Settembru 2015, Cdiscount (C‑13/15, EU:C:2015:560, punt 29).

( 17 ) Wara li ċċitat silta mill-imsemmija espożizzjoni tal-motivi, il-qorti tar-rinviju indikat li “l-LOCM b’mod partikolari għandha l-għan manifest li tipproteġi lill-konsumatur” (enfasi magħmula minni) u terġa’ tafferma din l-analiżi fit-tmiem tal-ewwel domanda preliminari tagħha. Ara wkoll il-punti 11 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, teħid ta’ pożizzjoni kważi unanima tat-Tribunales Superiores de Justicia (qrati superjuri tal-ġustizzja) tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli tindika li huwa “fid-dawl li jiġu protetti b’mod iktar effettiv il-konsumaturi u l-klijenti fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae proprju tagħha, [li] l-[LOCM, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha] hija ħafna iktar restrittiva mil-[LCD, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha] għal dak li jirrigwarda l-prattika tal-bejgħ b’telf”.

( 19 ) Ara l-punt 23 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660, punti 25 sa 28), dwar l-allegazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak li skonthom id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali essenzjalment kienet tipprevedi għanijiet b’rabta maż-żamma tal-pluraliżmu tal-istampa.

( 21 ) Ara d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punt 18). F’dan is-sens, ara wkoll il-premessa 8 tad-Direttiva 2005/29, li skontha din tħares ukoll b’mod indirett negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ dan l-istrument.

( 22 ) Fil-fatt, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, u lanqas li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni tiegħu mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2011, Wamo, C‑288/10, EU:C:2011:443, punti 26 et seq; is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Kostov, C‑62/12, EU:C:2013:391, punti 24 u 25; tal-21 ta’ Settembru 2016, Etablissements Fr. Colruyt, C‑221/15, EU:C:2016:704, punt 15, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts, C‑29/16, EU:C:2017:343, punt 34).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 25).

( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punti 3435).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 6 sa 8, l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(d) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:161, punti 43 et seq); id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2011, Wamo (C‑288/10, EU:C:2011:443, punt 22); is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punt 30); kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2015, Cdiscount (C‑13/15, EU:C:2015:560, punt 26).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punti 45 et seq); tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punti 21 et seq); id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343, punti 27 et seq), kif ukoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 53 et seq).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C‑306/99, EU:C:2003:3, punti 90 et seq).

( 29 ) Ara l-punti 53 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Għall-kuntrarju, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li ma sabitx indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed biex tqis li l-leġiżlatur Spanjol kellu l-intenzjoni jestendi s-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 2005/29 għat-tranżazzjonijiet bejn in-negozjanti.

( 31 ) Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ riforma tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirriżultawx mid-deċiżjoni tar-rinviju u jidhirli li l-preambolu tal-Liġi 29/2009 ma fihx kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-sistema legali tal-bejgħ b’telf. Fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Spanjol afferma, mingħajr ma indika ebda sors rilevanti, li kien għaliex il-leġiżlatur kien qies li l-Artikolu 14 tal-LOCM ma kienx jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-konsumaturi li huwa ma emendax dan l-artikolu meta ttraspona d-Direttiva 2005/29.

( 32 ) Filwaqt li ġie osservat li, fid-dawl tal-preambolu tagħha, l-LCD għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 33 ) Ara l-punt 19 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 kif ukoll il-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Waqt is-seduta, Europamur argumentat li, skont il-preambolu tal-Liġi 29/2009, din kellha l-għan li tgħaqqad is-sistemi legali applikabbli għall-prattiki kummerċjali żleali, ikun min ikun id-destinatarju – negozjant jew konsumatur – tal-oġġett ikkonċernat, u li b’hekk kien meħtieġ li jsir qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-LOCM u tal-LCD.

( 36 ) Ara wkoll il-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punti 3031).

( 38 ) Ara wkoll il-punti 11 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, EU:C:2010:660, punt 30); id-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punt 24), kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 61).

( 40 ) Skont din il-premessa, il-fatt li f’dan l-anness titħejja “lista sħiħa” tal-“prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali” jippermetti li “tiġi provduta ċertezza legali akbar”.

( 41 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 56 et seq); tas-17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punti 35 et seq); id-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punti 25 sa 28); is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, 4finance (C‑515/12, EU:C:2014:211, punti 30 et seq), kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2015, Cdiscount (C‑13/15, EU:C:2015:560, punti 38 et seq).

( 42 ) Ara d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154, punt 29).

( 43 ) Fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza n-natura awtomatika ta’ din il-projbizzjoni. Ara wkoll il-punti 30 sa 32 u 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara l-punti 55 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Il-qorti tar-rinviju tinnota li tali kawżi ta’ deroga għall-projbizzjoni tal-bejgħ b’telf, għall-kuntrarju, ma kinux previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża li tat lok għad-dirgiet tas-7 ta’ Marzu 2013, Euronics Belgium (C‑343/12, EU:C:2013:154).

( 46 ) Infakkar li skont din id-dispożizzjoni, negozjant akkużat li kiser il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’telf jista’ jevita s-sanzjoni imposta fuqu billi juri li l-bejgħ b’telf kellu l-għan li jallinja l-prezzijiet tiegħu ma’ dawk ta’ kompetitur wieħed jew iktar b’tali mod li jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-bejgħ tiegħu, jew billi jargumenta li l-prodotti kkonċernati huma oġġetti li jmorru malajr li d-data ta’ skadenza tagħhom tinsab fil-qrib.

( 47 ) Fil-fatt, la l-ħtieġa li jiġu allinjati prezzijiet ma’ dawk tal-kompetituri, u lanqas in-natura li jmorru malajr tal-prodotti kkonċernati mill-bejgħ inkwistjoni ma jissemmew fl-artikoli tad-Direttiva 2005/29.

( 48 ) Fuq in-natura tal-armonizzazzjoni mwettqa minn din id-direttiva, ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawżi magħquda VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2008:581, punti 74 et seq).

( 49 ) Ara l-punti 30 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) F’dan ir-rigward, Europamur tirrileva, ġustament, li l-oneru probatorju li jikkonsisti fl-istabbiliment tan-natura mhux żleali tal-aġir ikkritikat, jiġifieri fatt negattiv, ma huwiex previst mid-Direttiva 2005/29 u jikkostitwixxi miżura iktar restrittiva minn dawk li jinsabu f’din tal-aħħar, u b’hekk kuntrarja għall-Artikolu 4 tagħha.

( 51 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 64 et seq), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawżi magħquda VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2008:581, punti 84 et seq). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Telekomunikacja Polska (C‑522/08, EU:C:2010:135, punti 3133).

( 52 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Köck (C‑206/11, EU:C:2013:14, punti 48 et seq).