KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-27 ta’ April 2017 ( 1 )
Kawża C‑248/16
Austria Asphalt GmbH & Co OG
vs
Bundeskartellanwalt
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]
“Kompetizzjoni – Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (‘kontroll ta’ konċentrazzjonijiet’) – Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (‘Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet’) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Kunċett ta’ konċentrazzjoni – Trasferiment minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab ta’ impriża – Bidla minn impriża eżistenti li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha għal impriża konġunta li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha – Delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet’
I. Introduzzjoni
|
1. |
Jaf għaddew ħafna ħsibijiet minn moħħ it-trovatur Ulrich von Liechtenstein meta, fis-sena 1227, għadda mill-villaġġ ta’ Mürzzuschlag ( 2 ), li jinsab fl-Awstrija tal-lum ( 3 ), matul il-vjaġġ tiegħu minn Venezja lejn ir-reġjun tal-Boħemja, immortalizzat letterarjament. Tgħid dak iż-żmien kien jobsor li din il-belt pittoreska u żgħira biswit ix-xtut tax-xmara Mürz xi darba kienet ser tkun ix-xena għall-ewwel proċedura għal deċiżjoni preliminari dwar il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet? |
|
2. |
Din il-kawża għandha l-oriġini tagħha f’fabbrika għat-taħlit tal-asfalt, li sa issa kienet tappartjeni esklużivament għal grupp kbir tal-kostruzzjoni, iżda fil-futur mistennija tiġi operata b’mod konġunt proprju minn dan il-grupp tal-kostruzzjoni flimkien ma’ grupp tal-kostruzzjoni ieħor. Għalhekk, fi kliem ieħor, l-intenzjoni hija li l-fabbrika diġà eżistenti għat-taħlit tal-asfalt tinbidel f’impriża konġunta. Mil-lat tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, il-problema li tqum hija li din il-fabbrika ma hijiex impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha, peress li l-attività tagħha tikkonsisti biss fil-provvista għall-kumpannija omm attwali tagħha – u fil-futur għaż-żewġ kumpanniji omm tagħha – mingħajr ebda preżenza indipendenti sinjifikattiva fis-suq. |
|
3. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiċċara l-kwistjoni fundamentali ħafna dwar x’jikkostitwixxi konċentrazzjoni bejn l-impriżi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 ( 4 ). Speċifikament, huma kkonċernati l-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004, fejn għandu jiġi diskuss jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, impriżi bħal dik f’Mürzzuschlag, li, minħabba li ma jkollhomx preżenza indipendenti fis-suq, ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi li jwettqu l-funzjonijiet kollha, ikunux xorta waħda suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet jekk terzi jiksbu ishma fihom. |
|
4. |
Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-problema deskritta, dwar il-bidla ta’ impriża eżistenti li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha f’impriża konġunta, tidher estremament teknika u żgur li hija iktar xotta mill-minnesang ta’ Ulrich von Liechtenstein. Madankollu, għas-sistema legali tal-Unjoni tal-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew, din hija ta’ sinjifikat prattiku li ma għandux jiġi ssottovalutat. Fil-fatt, bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, ma tinqatax biss linja orizzontali bejn il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament Nru 139/2004 u l-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 ), iżda ssir ukoll delimitazzjoni vertikali bejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni Ewropea bħala l-awtorità li tikkontrolla l-konċentrazzjonijiet fis-suq intern u l-awtoritajiet tal-Istati Membri aditi bil-konċentrazzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li l-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet huwa bbażat fuq sistema ta’ tqassim preċiż tal-kompetenzi ( 6 ). |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża fid-dritt tal-Unjoni huwa ddeterminat permezz tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, li jinsab taħt it-titolu “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni” u jipprevedi kif ġej (estratti): “1. Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’: […]
[…] 4. Il-ħolqien ta’ joint venture li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma għandha tammonta għal konċentrazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1(b). […]” |
|
6. |
L-Artikolu 3(1) u (4) tar-Regolament Nru 139/2004 huwa spjegat fil-premessa 20 tal-istess regolament: “Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. […]” |
|
7. |
B’mod komplementari, għandha tissemma l-premessa 8 ta’ dan ir-regolament: “Id-dispożizzjonijiet li ħa jkunu adottati b’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal bidliet strutturali sinifikanti li l-impatt tagħhom fuq is-suq jinħass ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri. Bħala regola ġenerali, dawn it-tip ta’ konċentrazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati mill-ġdid esklużivament fuq livell Komunitarju u dan bħala applikazzjoni tas-sistema ta’ ‘one-stop shop’ u b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Bħala prinċipju, l-konċentrazzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan ir-Regolament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri.” |
|
8. |
Finalment, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, li huwa intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni” u – sa fejn huwa rilevanti hawnhekk – jaqra kif ġej ( 7 ): “1. Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u [r-Regolament Nru 1/2003 ma għandux japplika], minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti. 2. Il-Kummissjoni biss għandha jkollha ġurisdizzjoni biex tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dan iżda bla ħsara għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. 3. L-ebda Stat Membru ma għandu japplika l-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja. […]” |
|
9. |
L-avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ġurisdizzjonali ( 8 )ma huwiex parti mill-kuntest ġuridiku għall-finijiet ta’ din il-kawża, peress li dan jikkostitwixxi biss avviż li ma huwiex legalment vinkolanti, fejn għal raġunijiet ta’ trasparenza l-Kummissjoni qed tiddikjara l-opinjoni legali tagħha u l-prassi amministrattiva tagħha dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet ( 9 ). |
III. Il-fatti u l-kawża prinċipali
|
10. |
Austria Asphalt GmbH & Co OG (iktar ’il quddiem “AA”) hija sussidjarja indiretta ta’ Strabag SE, filwaqt li Teerag Asdag AG (iktar ’il quddiem “TA”) hija parti mill-grupp Porr. Kemm Strabag kif ukoll Porr huma gruppi tal-kostruzzjoni stabbiliti fuq il-livell internazzjonali li, fost affarijiet oħra huma attivi fl-industrija tal-kostruzzjoni tat-toroq. |
|
11. |
L-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag jinsab fil-muniċipalità ta’ Mürzzuschlag fil-land ta’ Steiermark, fl-Awstrija. Dan l-impjant jipproduċi l-asfalt għall-kostruzzjoni tat-toroq u jforni kważi esklużivament lil TA, li fil-preżent huwa proprjetà esklużiva tagħha. |
|
12. |
AA u TA għandhom l-intenzjoni li joħolqu kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u in akkomandita (GmbH & Co KG), fejn AA u TA għandhom jieħdu 50 % tal-ishma fis-soċjetà in akkomandita kull wieħed kif ukoll 50 % kull wieħed tal-ishma fis-soċju akkomandanti. Il-kwistjonijiet kollha fil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija ġdida għandhom jiġu deċiżi b’mod unanimu. |
|
13. |
Huwa previst li l-impjant għat-taħlit tal-asfalt jiġi ttrasferit minn TA lill-kumpannija ġdida. Kif qed jiġi indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, meta jittieħed inkunsiderazzjoni mil-lat ekonomiku, dan il-proċess għandu jinftiehem fis-sens li AA ser takkwista 50 % mill-impjant għat-taħlit tal-asfalt bħala l-impriża fil-mira diġà eżistenti, filwaqt li TA, bħala ċ-ċedent li sa issa kellu kontroll uniku fuq l-impriża fil-mira, minn issa ser teżerċita kontroll bi sħab fl-impriża fil-mira. L-asfalt immanifatturat fl-impjant għandu jiġi pprovdut, kważi esklużivament, lil AA u TA. |
|
14. |
Fit-3 ta’ Awwissu 2015, AA nnotifikat din l-operazzjoni mal-awtorità federali tal-kompetizzjoni skont il-liġi Awstrijaka dwar l-akkordji tal-2005 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-akkordji”). Kif jirriżulta mill-proċess, AA kienet diġà ġiet informata f’ittra amministrattiva mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li l-proġett ma kienx jidher li jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 ( 10 ). Madankollu, din id-dikjarazzjoni kienet marbuta man-nota espliċita li din tirrappreżenta biss il-fehma ta’ dipartiment tal-Kummissjoni, li ma torbotx lill-Kummissjoni inkwantu istituzzjoni tal-Unjoni. |
|
15. |
Wara n-notifika tat-3 ta’ Awwissu 2015, il-Bundeskartellanwalt Awstrijak (prosekutur federali tal-akkordji) ippreżenta, fiż-żmien stipulat, talba għal eżami lill-Oberlandesgericht Wien (qorti reġjonali superjuri ta’ Vjenna) fil-kwalità tagħha bħala qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji skont l-Artikolu 11(1) tal-liġi dwar l-akkordji. Madankollu, il-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji ċaħdet din it-talba b’digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015. Bħala motivazzjoni, il-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji spjegat li l-operazzjoni nnotifikata kienet konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea, u għalhekk ma japplikax id-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak, iżda biss id-dritt tal-Unjoni, fil-forma tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
16. |
L-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) ( 11 ), fil-kwalità tagħha bħala qorti superjuri fil-qasam tad-dritt tal-akkordji, issa għandha tieħu deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn AA kontra d-digriet inkwistjoni tal-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji. Bir-rikors tagħha, AA tixtieq li d-digriet tal-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji jiġi annullat u li l-operazzjoni tagħha tiġi ttrattata bħala proġett ta’ konċentrazzjoni suġġett għal notifika skont id-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak (Artikoli 7 u 9 tal-liġi dwar l-akkordji). |
IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
17. |
B’digriet tal-31 ta’ Marzu 2016, li wasal fit-2 ta’ Mejju 2016, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE: “L-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li bidla minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab ta’ impriża eżistenti, f’ċirkustanzi fejn l-impriża li qabel kellha kontroll uniku ssir impriża li teżerċita kontroll bi sħab, tikkostitwixxi konċentrazzjoni biss meta l-impriża kkontrollata jkollha l-funzjonijiet kollha ta’ entità awtonoma fuq bażi dewwiema?” |
|
18. |
Austria Asphalt, il-Bundeskartellanwalt u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dawn l-istess partijiet ġew irrappreżentati wkoll fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2017. |
V. Analiżi
|
19. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-bidla fil-kontroll ta’ impriża eżistenti – f’dan il-każ, il-bidla minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab fir-rigward tal-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag – tistax titqies bħala konċentrazzjoni bejn l-impriżi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, anki jekk l-impriża konġunta li tirriżulta minn din l-operazzjoni ma tkunx impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha. |
|
20. |
Il-punt tat-tluq ma huwiex ikkontestat: kif speċifikat fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni tfisser kull proċess li jwassal għall-akkwist fit-tul tal-kontroll uniku jew bi sħab fuq impriża jew parti minnha. Madankollu, l-interazzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 toħloq problemi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tinkorpora taħt il-kunċett ta’ konċentrazzjoni wkoll il-“ħolqien ta’ joint venture [impriża konġunta]”, madankollu bil-kundizzjoni li din l-impriża konġunta “twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma”, jiġifieri tkun impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha. |
|
21. |
Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni u tal-pożizzjoni sistematika tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004, ma huwiex ċar jekk l-impriżi konġunti humiex ġeneralment suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss meta jkunu “entitajiet ekonomiċi awtonomi”, jiġifieri – fi kliem ieħor – impriżi li jwettqu l-funzjonijiet kollha. Fil-fatt, huwa konċepibbli wkoll li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jiġi interpretat fis-sens li jfisser li r-riferiment restrittiv għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha jkollu effett biss fil-każ tal-ħolqien ta’ impriżi konġunti ġodda, iżda mhux fil-każ tat-tibdil ta’ impriża eżistenti f’impriża konġunta li hija kkontrollata b’mod konġunt minn żewġ gruppi. Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni tal-aħħar, il-proċessi kollha li fil-każ tagħhom ser jinbidel, fuq bażi dewwiema, il-kontroll fuq impriżi (konġunti) fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jkunu suġġetti għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, irrispettivament minn jekk tkunx ikkonċernata impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha jew – bħal fil-każ tal-impjant għat-taħlit tal-asfalt ta’ Mürzzuschlag – sempliċement entitajiet ta’ produzzjoni mingħajr preżenza indipendenti fis-suq. |
|
22. |
Huwa interessanti li f’din il-proċedura ġudizzjarja, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiddefendi l-interpretazzjoni msemmija l-aħħar, filwaqt li fl-istess kawża d-dipartiment tal-Kummissjoni kompetenti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kien ħa l-pożizzjoni totalment opposta ( 12 ). Huwa pjuttost ta’ dispjaċir li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx linja ċara u uniformi minn qabel fir-rigward ta’ tali kwistjoni ta’ kompetenza tant fundamentali u li tirrepeti ruħha ta’ spiss, sabiex imbagħad tapplikaha konsistentement ( 13 ). Fil-fatt, huwa hekk biss li l-operaturi jkunu jistgħu jistrieħu fuq opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kompetenti għall-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – anki jekk dawn jaf ikunu espressi f’ittri amministrattivi mhux vinkolanti – sabiex jivvalutaw b’mod utli l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
23. |
Jidhirli li ftit ikun jagħmel sens jekk noqogħdu naħsbu, b’mod purament astratt, jekk fir-rigward tal-qasam tal-impriżi konġunti l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 iwassalx għal estensjoni, għal restrizzjoni jew sempliċement għal preċiżazzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Iktar huwa xieraq li tinstab soluzzjoni prattika għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, għal dan l-għan għandhom jitqiesu t-test, il-kuntest u l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni ( 14 ). |
Test
|
24. |
It-test tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 ma jipprovdix informazzjoni preċiża dwar il-kwistjoni diskussa hawnhekk. L-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 jillimita ruħu li jikkonstata li l-ħolqien ta’ impriża konġunta, li fit-terminu twil ser tissodisfa l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, jikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Fil-każ ta’ din il-formulazzjoni, ma huwiex ċar jekk l-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha – jiġifieri l-fatt li fit-terminu twil ser jiġu ssodisfatti l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma – huwiex meħtieġ biss fil-każ tal-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida jew jekk hijiex involuta wkoll it-trasformazzjoni ta’ impriża li diġà teżisti f’impriża konġunta, b’tali mod li anki din tkun suġġetta għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss jekk l-impriża kkonċernata tkun impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha. |
|
25. |
It-tilwima li biha hija adita l-Qorti tal-Ġustizzja, turi b’mod ċar li ż-żewġ interpretazzjonijiet huma aċċettabbli. Fil-fatt, wieħed jista’ jifhem l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 f’konformità mal-perspettiva espressa minn AA, fis-sens li b’mod ġenerali ħafna, huma suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss dawk l-impriżi konġunti li jwettqu l-funzjonijiet kollha, irrispettivament minn jekk waqt il-“ħolqien” tagħhom inħolqitx impriża totalment ġdida jew inkella jekk impriża eżistenti nbidlitx f’impriża konġunta. Iżda fid-dawl tat-test tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004, wieħed jista’ jaqbel ukoll mal-Kummissjoni u jqis li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha bħala prerekwiżit għall-eżekuzzjoni ta’ kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet għandu jitqies biss fil-każ tal-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida, filwaqt li l-bidla fil-kontroll fuq impriża diġà eżistenti – permezz tat-trasformazzjoni tagħha f’impriża konġunta – tkun suġġetta għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fi kwalunkwe każ, anki meta ma tkunx impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha; fil-fatt, la l-Artikolu 3(4) u lanqas l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 ma jistabbilixxu espliċitament il-bżonn li anki impriżi eżistenti jridu jissodisfaw il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma fuq bażi dewwiema. |
|
26. |
Meta t-test ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – bħal hawnhekk fil-każ tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 – jippermetti interpretazzjonijiet varji, l-interpretazzjoni korretta għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-għan tagħha u l-mod li bih hija inkorporata fl-istruttura ġenerali tat-test. Addizzjonalment, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġenesi tad-dispożizzjoni. |
Għanijiet
|
27. |
Id-dispożizzjoni kontenzjuża tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 hija spjegata iktar fid-dettall fit-tieni sentenza tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament. Din tipprovdi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jinkludi wkoll l-impriżi konġunti kollha li jwettqu, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma – jiġifieri fi kliem ieħor l-impriżi konġunti kollha li jwettqu l-funzjonijiet kollha. |
|
28. |
Għalhekk, il-preambolu tar-Regolament Nru 139/2004 ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn impriżi konġunti li nħolqu ġodda u dawk li – bħalma huwa l-każ hawnhekk – jirriżultaw mit-trasformazzjoni ta’ impriżi li diġà jeżistu, mill-kontroll uniku ta’ grupp għall-kontroll bi sħab ta’ żewġ gruppi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi preżunt li lanqas fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma hija stabbilita tali distinzjoni, iżda li dan jistabbilixxi, b’mod ġenerali ħafna, ir-rekwiżit tal-funzjonalità sħiħa għall-impriżi konġunti kollha, irrispettivament minn jekk l-impriża konġunta kkonċernata hijiex waħda maħluqa ġdida jew jekk il-“ħolqien” tagħha jirriżultax mit-trasformazzjoni ta’ impriża eżistenti f’impriża konġunta. |
|
29. |
Barra minn hekk, anki l-għan ġenerali tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet huwa favur din il-perspettiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 139/2004, dan ir-regolament għandu japplika għal bidliet strutturali sinjifikattivi, li l-konsegwenzi tagħhom fuq is-suq jinħassu wkoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ Stat Membru partikolari. Fl-istess sens, l-ewwel sentenza tal-premessa 20 tipprovdi li l-kunċett ta’ konċentrazzjoni għandu jiġi ddefinit b’tali mod li jkopri l-operazzjonijiet li jwasslu għal bidla, fuq bażi dewwiema, fil-kontroll tal-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, fl-istruttura tas-suq. |
|
30. |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet huwa intiż għal tali operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fl-istruttura tas-suq. Madankollu, bidla ta’ dan it-tip fl-istruttura tas-suq issir biss jekk jirriżultaw bidliet notevoli fil-kontroll ta’ dawk l-impriżi li verament jkunu attivi fis-suq jew li għall-inqas qegħdin jippjanaw bis-serjetà li jagħmlu dan. |
|
31. |
Jekk it-trasformazzjoni ta’ impriża eżistenti li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha f’impriża konġunta tiġi suġġetta għall-kontroll ex ante obbligatorju mill-Kummissjoni abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004, dan jispiċċa jmur kontra l-essenza nnifisha tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet. Dan għaliex jekk entità ma jkollhiex preżenza indipendenti fis-suq, imbagħad lanqas bidla fil-kontroll fuq din l-entità ma tista’ twassal għal tibdil fl-istruttura tas-suq. |
|
32. |
Jidhirli li, f’dan il-kuntest, ir-riferiment tal-Kummissjoni għall-kelma “[anki]” fit-tieni sentenza tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tantx huwa utli. Fil-fatt, minn naħa waħda, din il-kelma, qabelxejn, tinstab biss f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament, bħal, pereżempju, fil-verżjoni lingwistika Ġermaniża, filwaqt li f’għadd ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn –mhux l-inqas il-verżjoni lingwistika Ingliża u Franċiża – din hija nieqsa għalkollox. Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni lanqas ma huwa wisq konvinċenti mil-lat sostantiv. Huwa minnu li, prima facie, il-formulazzjoni skont liema “[anki] l-joint ventures [l-impriżi konġunti] kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma” ( 15 ) għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 jaf ma teskludix li l-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, barra minn hekk, ikopri wkoll tipi oħrajn ta’ impriżi konġunti – jiġifieri dawk li ma jwettqux il-funzjonijiet kollha. Madankollu, wara analiżi f’iktar dettall, ikun jikkontradixxi l-għan ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004 jekk jiġi applikat kontroll ex ante fuq dawk il-proġetti li jwasslu għal bidliet fl-istruttura tas-suq. |
|
33. |
Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, it-trasformazzjoni ta’ impriża li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha f’impriża konġunta lanqas ma tista’ tiġi suġġetta għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet taħt l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Dan peress li d-definizzjoni ġenerali tal-konċentrazzjoni inklużi f’din id-dispożizzjoni tirrikjedi li ser ikun hemm tibdil, fuq bażi dewwiema, fil-kontroll fuq impriża jew parti mill-impriża. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ impriża – l-istess bħas-soltu fid-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew – għandu jinftiehem funzjonalment u jkopri kull entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata ( 16 ). Peress li, min-naħa l-oħra, attività ekonomika tkopri kull attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari ( 17 ), l-impriżi konġunti mingħajr preżenza indipendenti fis-suq – jiġifieri li ma jwettqux il-funzjonijiet kollha – mill-bidu nett ma jistgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. |
Kuntest
|
34. |
Il-konklużjoni ma tkunx differenti jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004. |
|
35. |
Kemm ir-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll ir-Regolament Nru 1/2003 relatat miegħu, fl-aħħar mill-aħħar, għandhom l-għan li jimplementaw ir-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern inklużi fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, filwaqt li dejjem huwa wieħed biss miż-żewġ regolamenti li jista’ japplika [ara, dwar dan, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004]. |
|
36. |
Filwaqt li fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 ġiet stabbilita sistema għall-kontroll ex ante ta’ natura preventiva u obbligatorja għal bidliet fl-istruttura tas-suq, għall-bqija, skont ir-Regolament Nru 1/2003, l-aġir fis-suq ta’ impriżi – kemm jekk tkun ikkonċernata mġiba kollużiva jew inkella abbużi unilaterali minn pożizzjonijiet dominanti – għandu jkun sempliċement suġġett għal kontroll ex post ta’ natura repressiva li l-eżekuzzjoni tiegħu, barra minn hekk, tiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. |
|
37. |
Kif jindika l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess regolament jikkostitwixxi l-linja ta’ separazzjoni bejn iż-żewġ suddiviżjonijiet imsemmijin tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew ( 18 ). B’hekk, qari konformi mas-sistema tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 jeħtieġ li l-kunċett ta’ konċentrazzjoni jiġi interpretat fis-sens li biss bidliet veri fl-istruttura tas-suq jiġu suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, u mhux is-sempliċi mġiba tal-impriżi fis-suq. |
|
38. |
Konsegwentement, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li anki jekk impriża eżistenti tinbidel f’impriża konġunta, din tkun tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 biss meta tkun ikkonċernata impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha. Dan għaliex f’dan il-każ biss tkun ser tirriżulta bidla fl-istruttura tas-suq li tista’ tiġġustifika l-eżekuzzjoni ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jekk l-operazzjoni inkwistjoni twassal għall-formazzjoni ta’ impriża konġunta li ma twettaqx il-funzjonijiet kollha, mill-iktar jista’ jkun hemm biża’ ta’ koordinazzjoni tal-imġiba fis-suq taż-żewġ kumpanniji omm fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom fi ħdan l-impriża konġunta. Tali koordinazzjoni tal-imġiba fis-suq, anki jekk effettivament tista’ tkun rilevanti fid-dawl tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ma hijiex kwistjoni li taqa’ taħt il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, iżda kwistjoni koperta mir-Regolament Nru 1/2003. |
|
39. |
Il-Bundeskartellanwalt ifakkar li, jekk jirrinunzjaw għal kontroll ex ante f’każijiet bħal dan, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jkunux jistgħu jintervjenu daqshekk malajr kontra eventwali effett ħażin fuq il-kompetizzjoni f’suq li diġà huwa kkonċentrat ħafna. Madankollu, din hija l-konsegwenza neċessarja tas-sistema tal-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji, introdotta bir-Regolament Nru 1/2003. Il-leġiżlatur tal-Unjoni xjentement irrinunzja għan-notifika minn qabel obbligatorja tal-akkordji mill-1 ta’ Mejju 2004 ’l quddiem sabiex, minn naħa, il-parteċipanti fis-suq jerfgħu iktar responsabbiltà u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkollhom iktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom li, fl-aħħar mill-aħħar, jestendi l-marġni ta’ manuvra tagħhom għall-iffissar tal-prijoritajiet fil-qasam tal-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji. Jekk permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-konċentrazzjoni wieħed irid jiġbor iktar każijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, dan iwassal għal ksur tas-sistema ġdida għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej, li ilha teżisti mill-1 ta’ Mejju 2004 bir-Regolament Nru 139/2004, flimkien mar-Regolament Nru 1/2003. Xejn ma jżomm lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jagħtu attenzjoni partikolari, fil-kuntest tal-prijoritajiet tagħhom għall-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji (Artikoli 101 u 102 TFUE), lill-avvenimenti fi swieq ikkonċentrati ħafna, bħal dak inkwistjoni hawnhekk. |
Ġenesi
|
40. |
Fl-aħħar nett, lanqas ħarsa lejn il-ġenesi tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 ma twassal għal konklużjoni differenti. |
|
41. |
L-oriġini tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 139/2004 tinstab fir-Regolament (KE) Nru 1310/97 ( 19 ), li permezz tiegħu kienet diġà ġiet introdotta dispożizzjoni identika fil-leġiżlazzjoni li ppreċediet ir-Regolament Nru 139/2004 tal-lum. |
|
42. |
U dak iż-żmien il-leġiżlatur tal-Unjoni kien diġà qagħad attent li l-bidliet fuq bażi dewwiema fl-istruttura tal-impriżi jiġu suġġetti għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. L-għan iddikjarat tar-regola li dak iż-żmien kienet ġdida, u li barra minn hekk t-test tagħha għad għandu forza ta’ liġi ( 20 ), kienet li l-impriżi konġunti kollha li jwettqu l-funzjonijiet kollha jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet ( 21 ). |
|
43. |
Min-naħa l-oħra, is-sempliċi kooperazzjonijiet bejn l-impriżi li, filwaqt li jwasslu għall-ħolqien ta’ impriżi konġunti, xorta waħda ma jwasslux għal preżenza indipendenti ta’ dawn l-impriżi konġunti fis-suq, qatt ma kienu s-suġġett tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, la skont ir-Regolament Nru 139/2004 u lanqas skont il-predeċessur tiegħu ( 22 ). |
Osservazzjonijiet finali
|
44. |
Kollox ma’ kollox, il-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 għandu għaldaqstant jiġi interpretat fis-sens li l-ħolqien ta’ impriżi konġunti – irrispettivament minn jekk huwiex involut il-ħolqien ta’ impriżi ġodda għalkollox jew it-trasformazzjoni ta’ impriżi eżistenti f’impriżi konġunti – huwa suġġett għall-kontroll tal-Ewropew tal-konċentrazzjonijiet biss meta tkun ikkonċernata impriża li twettaq il-funzjonijiet kollha. |
|
45. |
Fil-fatt, dak li japplika għall-ħolqien ta’ impriża konġunta ġdida għandu japplika iktar u iktar meta impriża eżistenti tinbidel f’impriża konġunta. Dan japplika speċjalment f’każ bħal dak preżenti, fejn l-operazzjoni kontenzjuża minħabba l-ħolqien ippjanat ta’ kumpannija kummerċjali ġdida ( 23 ) hija qrib ħafna għal ħolqien ta’ impriża ġdida. |
|
46. |
Ma narax għalfejn għandu jkun hemm lok għat-tħassib espress mill-Kummissjoni fis-seduta, jiġifieri li l-applikazzjoni kontinwa tal-kriterju ta’ funzjonalità sħiħa tista’ twassal għal vulnerabbiltà fl-infurzar effettiv tal-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet (bl-Ingliż: “enforcement gap”). Għall-kuntrarju, jidhirli li n-nuqqas ta’ applikazzjoni, kif tippreferixxi l-Kummissjoni, tal-kriterju tal-funzjonalità sħiħa waqt it-trasformazzjoni ta’ impriżi eżistenti f’impriżi konġunti, jista’ jwassal għad-dilwizzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 u jista’ jfixkel lill-Kummissjoni milli tagħti attenzjoni lill-operazzjonijiet verament rilevanti għall-istruttura tas-suq. |
|
47. |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma naħsibx li huwa meħtieġ li f’dan il-każ nagħmel dikjarazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-għajbien possibbli ta’ impriża konġunta mis-suq għandu jiġi suġġett għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, il-każ inkwistjoni ma jikkonċernax l-għajbien, iżda, b’mod kompletament oppost, il-formazzjoni ta’ impriża konġunta. Jekk ikollu jagħti l-każ li wara li tkun saret it-trasformazzjoni tagħha f’impriża konġunta – jiġifieri wara li tkun saret il-bidla fil-kontroll fuq din l-impriża – impriża titneħħa mis-suq mill-kumpanniji omm tagħha, din iktar tkun kwistjoni dwar l-imġiba fis-suq tal-kumpanniji omm (Artikoli 101 jew 102 TFUE) milli kwistjoni ta’ bidla tal-istrutturi tas-suq. |
VI. Konklużjoni
|
48. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof Awstrijaka kif ġej: It-trasferiment ta’ impriża eżistenti jew parti tal-impriża mill-kontroll uniku ta’ grupp għall-kontroll bi sħab proprju minn dan il-grupp flimkien ma’ grupp ieħor li huwa indipendenti minnu, jikkostitwixxi konċentrazzjoni bejn l-impriżi fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 biss meta l-impriża konġunta li tirriżulta minn din l-operazzjoni twettaq il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma fuq bażi dewwiema. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) [ myrts’tsu:fla:k].
( 3 ) It-terminu “Murzuslage”, li l-poeta, imwieled madwar is-sena 1200 u li miet fl-1275, juża fil-poeżija epika “Frauendienst”, fl-istess waqt jitqies bħala l-ewwel riferiment bil-miktub għall-belt ta’ Mürzzuschlag.
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).
( 5 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”.
( 6 ) Sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il-Kummissjoni (C‑170/02 P, EU:C:2003:501, punt 32), u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 50); ara, fl-istess sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni (C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 37).
( 7 ) Ir-riferimenti għal regolamenti oħrajn għajr ir-Regolament Nru 1/2003, kif inklużi fit-test oriġinali tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004, ma għadhomx applikabbli u għalhekk ħallejthom barra fil-kwotazzjoni li ġejja sabiex din tinqara aħjar.
( 8 ) Avviż ġuriżdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1).
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 3 tal-avviż ġuriżdizzjonali konsolidat.
( 10 ) Ittra tat-22 ta’ Diċembru 2015 (Konsultazzjoni C.1493 – STRABAG/PORR/AMA Mürzzuschlag), iffirmata mid-direttur kompetenti għall-oqsma tal-industrija tal-materjal bażiku, is-settur tal-manifattura u l-agrikoltura fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni.
( 11 ) Iktar ’il quddiem ukoll il-“qorti tar-rinviju”.
( 12 ) Ara l-punt 14 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.
( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li saż-żmien reċenti, il-Kummissjoni, fil-prassi deċiżjonali tagħha, kultant tivverifika u kultant tinjora l-kriterju tal-funzjonalità sħiħa fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw il-bdil minn kontroll uniku għal kontroll bi sħab.
( 14 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Spanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑44/14, EU:C:2015:554, punt 44), u fl-istess sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov (C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 31).
( 15 ) Enfasi miżjud minni.
( 16 ) Sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21), tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punt 46), u tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 33); b’mod simili s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11).
( 17 ) Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 36), tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 75), tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 108), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 22), u tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 149).
( 18 ) Il-prassi preċedenti ta’ applikazzjoni sporadika tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) jew tal-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 102 TFUE) kif ukoll id-dispożizzjonijiet proċedurali adottati (illum ir-Regolament Nru 1/2003) li jikkonċernaw il-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, u tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490) ma baqgħetx tapplika ladarba daħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet awtonomi dwar il-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet, kif issa huma stabbiliti fir-Regolament Nru 139/2004.
( 19 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164).
( 20 ) L-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 applikabbli llum sempliċement wasslet għal rinumerazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004.
( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1310/97, li tipprevedi kif ġej: “Billi huwa xieraq li jkun definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’tali mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal tibdil fit-tul fl-istruttura tal-impriżi kkonċernati; billi fil-każ speċifiku ta’ proġetti [impriżi] konġunti huwa xieraq li jkun inkluż mal-iskop u l-proċedura tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89 proġetti [impriżi] konġunti kollha li jagħmlu l-funzjonijiet kollha […]”.
( 22 ) Skont ir-regola oriġinali fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4064/89, l-impriżi konġunti koperattivi – b’mod totalment kuntrarju għall-impriżi konġunti konċentrattivi – ma kinux suġġetti għall-kontroll Ewropew tal-konċentrazzjonijiet.
( 23 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.