KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-27 ta’ April 2017 ( 1 )

Kawża C-184/16

Ovidiu-Mihaita Petrea

vs

Ypourgou Esoterikon kai Dioikitikis Anasygrotisis

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Tessalonika, il-Greċja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Residenza ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minkejja deċiżjoni preċedenti ta’ tneħħija mit-territorju – Legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u tat-tieni deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju”

I. Introduzzjoni

1.

Ċittadin ta’ Stat Membru li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fejn jikseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ċittadin tal-Unjoni minkejja l-fatt li fil-konfront tiegħu kien hemm ordni ta’ tkeċċija mit‑territorju ta’ dan l-Istat Membru ospitanti, jista’ jitneħħa mill‑imsemmi territorju mingħajr ma s-sitwazzjoni tiegħu tkun eżaminata mill-ġdid skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE ( 2 )?

2.

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal‑Ġustizzja ntalbet tippreċiża l-portata tal-garanziji proċedurali u tal‑miżuri protettivi previsti mid-Direttiva 2004/38 fl-istadju tat-tieni deċiżjoni ta’ tneħħija ta’ ċittadin tal-Unjoni meta din id-deċiżjoni tkun diġà ttieħdet kontra dan tal-aħħar permezz ta’ deċiżjoni definittiva ta’ tkeċċija mit-territorju.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

3.

Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi, fl-Artikoli 4, 5 u 6 sa 13 tagħha, ir-rekwiżiti għall-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet li jirriżultaw miċ‑ċittadinanza tal-Unjoni, jiġifieri d-drittijiet ta’ ħruġ, dħul u residenza.

4.

Fl-Artikolu 8(1) tagħha intitolat “Formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”, din id-direttiva tipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), għal perjodi ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jirreġistraw ma’ l-awtoritajiet rilevanti”.

5.

Mill-banda l-oħra, l-Artikoli 27, 28, u 30 sa 32 ta’ din id-direttiva, li jinsabu fil-Kapitolu VI, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, jipprovdu:

“Artikolu 27

Prinċipji ġenerali

1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l‑Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ‑ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l‑individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill‑partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

[…]

Artikolu 28

Protezzjoni minn tkeċċija

1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l‑konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit‑territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l‑limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

[…]

Artikolu 30

Notifika ta’ deċiżjonijiet

1.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

[…]

Artikolu 31

Garanziji proċedurali

1.   Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3.   Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad‑deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl‑Artikolu 28.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta’ riżarċiment, imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l‑apparenza tiegħu tista’ toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.

Artikolu 32

Tul ta’ żmien ta’ l-ordnijiet ta’ tkeċċija

1.   Persuni esklużi minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta’ l-ordni ta’ tkeċċija wara perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta’ l-aħħar ordni ta’ tkeċċija li ġiet adottata b’mod validu skond il-liġi tal-Komunità, billi jiġu ppreżentati argumenti biex jiġi stabbilit li kien hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tordna l-esklużjoni tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jilħaq deċiżjoni fuq din l‑applikazzjoni sa sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħha.

2.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhom l-ebda dritt li jidħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat waqt li tkun qed tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tagħhom”.

B. Id-dritt Grieg

6.

Id-Digriet Presidenzjali 106/2007 dwar il-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fit‑territorju Grieg (FEK A’ 135/2007) ittraspona fid-dritt Grieg id‑Direttiva 2004/38. L-Artikolu 8(1) ta’ dan id-digriet jistipula:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu fil-Greċja għal tul ta’ iktar minn tliet xhur mid-data tal-wasla tagħhom għandhom, ladarba jiskadi l-perijodu ta’ tliet xhur, jidhru personalment quddiem l-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti għall-barranin, sabiex jiġu rreġistrati. Dawn l-awtoritajiet għandhom jipproċedu bir-reġistrazzjoni u joħorġu immedjatament ċertifikat ta’ reġistrazzjoni […]”.

7.

L-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Digriet Presidenzjali 106/2007 jittrasponu, rispettivament, l-Artikoli 28, 33, 30 u 31 tad‑Direttiva 2004/38, filwaqt li l-Artikolu 21(6) ta’ dan id-digriet jittrasponi l-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva.

8.

Il-Liġi 3907/2011 (FEK A’ 7/26.1.2011) tittrasponi d‑Direttiva 2008/115/KE ( 3 ), li tapplika esklużivament għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirresjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, din il-liġi tipprevedi, fl-Artikolu 40(1) u (2) tagħha:

“1.   Għal dak li jirrigwarda t-tneħħija ta’ persuni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu skont l-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen u d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali 106/2007, japplikaw id‑dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 ta’ din il-liġi dwar il-korpi, proċeduri u garanziji proċedurali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli nklużi fl-Artikoli 22 sa 24 tad-Digriet Presidenzjali.

2.   Fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet sabiex tkun tiġi imposta ordni ta’ tneħħija mit-territorju kontra persuni msemmija fil-paragrafu 1, jibqgħu applikabbli l-Artikoli 22 sa 24 tad-Digriet Presidenzjali 106/2007”.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali

9.

F’Ottubru 2011, Ovidiu-Mihaita Petrea, ċittadin Rumen, kien ikkundannat mill-qorti Griega f’Ottubru 2011 għal piena ta’ priġunerija ta’ tmien xhur sospiża għal tliet snin għad-delitt li wettaq, jiġifieri serq fi grupp.

10.

Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2011”), O.M. Petrea kien ġie ordnat jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. Permezz ta’ din l-istess deċiżjoni, O. M. Petrea tniżżel fir-reġistru nazzjonali tal-barranin mhux mixtieqa u fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen sat-30 ta’ Ottubru 2018.

11.

O. M. Petrea kien informat mill-awtoritajiet Griegi bid-drittijiet tiegħu u bir-rimedji disponibbli kif ukoll bil-possibbiltà li jitlob it‑traduzzjoni tat-testi essenzjali tad-Deċiżjoni tal-2011.

12.

O. M. Petrea irrediġa dikjarazzjoni li permezz tagħha huwa rrinunzja għal kull rimedju u kkonferma li jixtieq jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. It-tneħħija tiegħu seħħet effettivament fil-5 ta’ Novembru 2011.

13.

Fl-1 ta’ Settembru 2013, O. M. Petrea reġa’ lura fil-Greċja, fejn fil-25 ta’ Settembru 2013, ippreżenta talba għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ċittadin tal-Unjoni. L-awtoritajiet Griegi laqgħu din it-talba u ħarġu ċ-ċertifikat inkwistjoni lil O. M. Petrea dakinhar stess.

14.

Dan iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni – kif jammetti l-Gvern Grieg fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – inħareġ bi żball.

15.

B’att amministrattiv tal-14 ta’ Ottubru 2014 id-Deputat Kmandant ta’ Tmima Allodapon Dytikis Thessalonikis (korp tal-pulizija għall‑barranin għat-taqsima tal-Punent tat-Tessalonika), l-imsemmi ċertifikat ġie rrevokat. Permezz tal-istess att, ittieħdet deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ O. M. Petrea. Din id-deċiżjoni ttieħdet għar-raġuni li huwa kien irrisjeda fit-territorju Grieg meta kien għadu mniżżel fir‑reġistru nazzjonali tal-barranin mhux mixtieqa skont id-Deċiżjoni tal‑2011.

16.

Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra l-att amministrattiv tal-2014, billi invoka li d-Deċiżjoni tal-2011 rigward l-ordni ta’ tkeċċija mit‑territorju ma kinitx ġiet innotifikata lilu f’lingwa li huwa jifhem. O. M. Petrea argumenta li, peress li ma kienx wettaq delitt wara l-kundanna tal-2011, huwa ma jirrappreżentax f’dan l-istadju perikolu għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika.

17.

Ir-rikors ippreżentat minn O. M. Petrea kien miċħud permezz tad‑deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2014 tad-Direttur tad-Diefthynsi Allodapon Thessalonikis (direttorat tal-barranin ta’ Tessalonika). Din id-deċiżjoni kienet immotivata bil-fatt li r-rikorrent jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika għaliex kiser l-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju. Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ notifika tad-Deċiżjoni tal-2011, din l-awtorità Griega indikat li l‑ommissjonijiet fl-istadju tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni setgħu ipotetikament jikkostitwixxu raġuni għall-annullament kieku l‑imsemmija deċiżjoni kienet ġiet ikkontestata. Mill-banda l-oħra, dawn ma jistgħux jiġu invokati sabiex jikkontestaw l-att amministrattiv tal-2014.

18.

O. M. Petrea ppreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-2014 quddiem il-qorti tar-rinviju.

IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

19.

Huwa f’dan il-kuntest li d-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Tessalonika) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 27 u 32 tad-[Direttiva 2004/38/], interpretati fid-dawl tal‑Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE – b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba – għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma awtorizzati r-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni preċedentement maħruġ, skont l-Artikolu 8(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 106/2007, lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll l-adozzjoni mill-Istat ospitanti, fil‑konfront ta’ dan l-individwu, ta’ miżura [ordni] ta’ ritorn, fil-każ fejn, minkejja l-fatt li kien ġie rreġistrat fir-reġistru nazzjonali tal‑barranin mhux mixtieqa meta kienet ittieħdet kontrih miżura ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, l‑individwu reġa’ daħal fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni u beda attività kummerċjali mingħajr ma segwa l-proċedura – prevista fl-Artikolu 32 tad-[Direttiva 2004/38] – li tikkonsisti fit‑talba għat-tneħħija tal-ordni ta’ tkeċċija, meta din l-ordni ta’ tkeċċija kienet imposta għal raġuni awtonoma ta’ ordni pubbliku li tiġġustifika r-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: dan il‑każ huwa identiku għal każ ta’ residenza illegali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, fatt li jippermetti l-adozzjoni – skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [2008/115] – ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mill-awtorità kompetenti għar‑revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, minkejja l-fatt li, minn naħa, bħal ma huwa komunament ammess, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix permess ta’ residenza validu fil‑pajjiż u, min-naħa l-oħra, biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2008/115/KE?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din l-istess domanda: meta l‑awtoritajiet nazzjonali, li jkunu qegħdin jaġixxu fil-kuntest tal‑awtonomija proċedurali tal-Istat Membru ospitanti jirrevokaw għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ċertifikat li ma jikkostitwixxix permess ta’ residenza validu fil-pajjiż, u jimponu simultanjament fuq dan l-individwu miżura ta’ ritorn, hemm lok li jitqies li, skont klassifikazzjoni ġuridika korretta, dan huwa att amministrattiv wieħed u uniku ta’ tneħħija amministrattiva skont l‑Artikoli 27 u 28 tad-[Direttiva 2004/38] suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id‑dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu proċedura potenzjalment esklużiva ta’ tneħħija amministrattiva ta’ ċittadini tal-Unjoni mit‑territorju tal-Istat Membru ospitanti?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti: il‑prinċipju ta’ effettività jipprekludi prassi ġurisprudenzjali nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet amministrattivi u, sussegwentement, lill-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni aditi bit‑tilwima, milli jeżaminaw – fil-kuntest tar-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jew fil-kuntest tal-adozzjoni mill-Istat Membru ospitanti ta’ miżura ta’ tneħħija mmotivata mill‑eżistenza ta’ ordni ta’ tkeċċija fil-konfront taċ-ċittadin tal-Istat Membru l-ieħor – sa fejn ġew osservati l-garanziji proċedurali tal‑Artikoli 30 u 31 tad-[Direttiva 2004/38] fl-adozzjoni tad‑deċiżjoni ta’ tkeċċija?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: l‑Artikolu 32 tad-[Direttiva 2004/38] inissel fir-rigward tal‑awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istat Membru l‑obbligu li jinnotifikaw liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ Stat Membru ieħor, fil-każijiet kollha u irrispettivament minn jekk il-persuna kkonċernata titlobx dan jew le, id-deċiżjoni tat-tneħħija tiegħu f’lingwa li huwa jifhem, sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita b’mod effikaċi d-drittijiet proċedurali mogħtija mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Grieg, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll mill‑Kummissjoni. O. M. Petrea, il-Gvern Grieg, il-Gvern Daniż, il‑Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni dehru fis-seduta għas‑sottomissjonijiet orali li nżammet fit-2 ta’ Frar 2017.

V. Analiżi

A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

21.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk ċittadin tal-Unjoni, li daħal fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex ċittadin tiegħu u fejn huwa kiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni minkejja l-fatt li preċedentement kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru fil-konfront tiegħu – u mingħajr ma uża r-rimedji previsti fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38 – għandux (jew jistax) ikollu dan iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni rrevokat u tittieħed fil-konfront tiegħu ordni ta’ ritorn oħra.

1.  Ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn huma imposti mid-Direttiva 2004/38?

22.

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2004/38 timponix fuq Stat Membru l-obbligu li jirrevoka ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u jadotta ordni ta’ ritorn, ser nanalizza ż-żewġ aspetti ta’ din il-kwistjoni separatament u ser nibda mill-analiżi dwar l‑adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn. Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li r‑revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn titqies bħala att amministrattiv wieħed u uniku. Madankollu, peress li d‑Direttiva 2004/38 ma tirrikonoxxix att uniku dwar, minn naħa, ir‑revoka ta’ ċertifikat u min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn, tali analiżi separata ma tippermettix li jiġi identifikat, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, sors potenzjali ta’ obbligu li jittieħdu dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri.

23.

Ninnota li hija biss il-Kummissjoni li indirizzat b’mod espliċitu din il-problema fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, billi pproponiet li tingħata risposta negattiva għar-raġuni li dan l-obbligu ma jirriżultax mid-Direttiva 2004/38.

24.

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, skont id-dritt tal‑Unjoni, Stat Membru għandux jadotta ordni ta’ ritorn fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiena tal-opinjoni li d-Direttiva 2004/38 ma timponix tali obbligu. Ninnota li l-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 tirrigwarda biss il-“possibbiltà” li jiġi ristrett il‑moviment liberu u l-libertà ta’ residenza, u fi kwalunkwe każ, ma huwiex ifformulat f’termini li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ tali obbligu.

25.

Jekk l-Istati Membri ma humiex obbligati jneħħu individwu li kiser l-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda r-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ċittadin tal‑Unjoni?

26.

Nosserva li d-Direttiva 2004/38 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jimponu l-obbligu li jiġi annullat tali ċertifikat. Għalhekk kull Stat Membru għandu jadotta r-regoli dwar l-obbligu ta’ revoka ta’ ċertifikat maħruġ bi żball.

27.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ebda obbligu dwar ir‑revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn ma jirriżulta mid-Direttiva 2004/38.

2.  Ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn huma awtorizzati mid-Direttiva 2004/38?

28.

Hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fis-sitwazzjoni fejn persuna daħlet fit-territorju ta’ Stat Membru minkejja l-fatt li fil-konfront tagħha kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju mill-awtoritajiet ta’ dak l‑Istat Membru, ir-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn humiex awtorizzati skont l-Artikoli 45 u 49 TFUE, tal‑Artikoli 27 u 32 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll tal-prinċipji tal‑aspettattivi leġittimi u tal-amministrazzjoni tajba.

29.

Jidhirli li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk tistax tittieħed ordni ta’ ritorn fil-konfront ta’ din il‑persuna mingħajr eżami mill-ġdid tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38, anki jekk din l-aħħar dispożizzjoni ma tissemmiex fl-ewwel domanda preliminari ( 4 ).

30.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Grieg, il-Gvern Belġjan u l-Gvern tar‑Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni argumentaw li ladarba ġiet adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju skont l-Artikoli 27 u 28 tad‑Direttiva 2004/38, hija biss talba għat-tneħħija tal-ordni ta’ tkeċċija, imressqa b’mod validu skont l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, li twassal għall-obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jwettaq mill-ġdid eżami skont l-Artikoli 27 u 28 tal-imsemmija direttiva. O. M. Petrea jikkontesta din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

a)  Il-libertajiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikoli 45 u 49 TFUE

31.

Preliminarjament, ninnota li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni filwaqt li abbanduna approċċ settorjali ( 5 ), stabbilixxa qafas ġenerali għal dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, mogħtija liċ‑ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE. Din id-direttiva kienet adottata, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 40 u 44 tat-Trattat KE li jirrigwardaw, rispettivament, il-miżuri intiżi għat-twettiq tal-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 39 TKE u Artikolu 45 TFUE) u tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 43 TKE u Artikolu 49 TFUE).

32.

Id-Direttiva 2004/38 hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju tad‑dritt ta’ moviment u ta’ residenza u sabiex issaħħaħ dan id-dritt ( 6 ). Madankollu dan id-dritt ma huwiex inkundizzjonat u jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett ( 7 ), b’mod partikolari dawk għall-applikazzjoni tal-Artikoli 45 u 49 TFUE ( 8 ), kif ukoll tal‑Artikolu 21 TFUE, jiġifieri d-Direttiva 2004/38 ( 9 ).

33.

Id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, li jibbenefikaw mil-libertajiet previsti fl-Artikoli 45 u 49 TFUE, jista’ għalhekk ikun ristrett kif previst mid-Direttiva 2004/38.

b)  L-evalwazzjoni tal-effetti tal-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju fil‑kuntest tad-Direttiva 2004/38

34.

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-ordni ta’ tkeċċija mit‑territorju hija ordni restrittiva rrikonoxxuta mid-Direttiva 2004/38.

35.

Mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li ordnijiet ta’ tkeċċija mit‑territorju ma humiex, fil-prinċipju, kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn jiġu adottati biss għar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, li ma jkollhomx natura illimitata u li jkunu jistgħu jitneħħew skont l-Artikolu 32 tad‑Direttiva 2004/38.

36.

Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 31(4) tad‑Direttiva 2004/38, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-preżenza tal‑persuna kkonċernata fit-territorju tagħhom matul il-proċedura ta’ rimedju kontra ordni li tirrestrinġi d-drittijiet tagħhom skont din id‑direttiva. Madankollu, persuna li fil-konfront tagħha tittieħed tali ordni tista’ titlob li tinstema’ personalment mill-qorti kompetenti. Jista’ jiġi argumentat li matul il-proċedura ta’ rimedju, il-preżenza tal-individwu għandha għalhekk tkun ittollerata sabiex ikun jista’ jibbenefika minn smigħ xieraq u jagħmel użu mill-mezzi ta’ difiża kollha tiegħu ( 10 ).

37.

Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/38, il‑persuni li jitkeċċew mit-territorju ma għandhom ebda dritt ta’ aċċess għat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul l-eżami tat-talba tagħhom għat-tneħħija ta’ din l-ordni ta’ tkeċċija.

38.

Hemm lok li jiġi osservat li fiż-żona Schengen – fin-nuqqas ta’ kontrolli sistematiċi ġewwa l-Unjoni – huwa diffiċli li tiġi kkontrollata l‑osservanza tal-miżuri ta’ tkeċċija mit-territorju miċ-ċittadini tal‑Unjoni. Persuna suġġetta għal din it-tip ta’ ordni tista’ għalhekk tipprova tidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ fejn l‑awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jkollhom jevalwaw mill-ġdid jekk l‑individwu jistax jitneħħa għar-raġunijiet ta’ ordni pubbliku, is‑sitwazzjoni ta’ persuna suġġetta għal ordni ta’ tkeċċija mit-territorju tkun l-istess bħal dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma kienx suġġett għal din it-tip ta’ miżura. Sabiex ikun evitat tali “abbuż” ( 11 ) eventwali, fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, ordni ta’ tkeċċija mit-territorju hija ntiża li tirrestrinġi totalment id-dritt ta’ dħul ( 12 ) kif ukoll id-dritt ta’ residenza għal perijodu ddeterminat.

39.

Sabiex jitneħħew l-effetti ta’ tali ordni ta’ tkeċċija, u tistabbilixxi mill-ġdid id-drittijiet tagħha tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll tirregolarizza r-residenza tagħha, il-persuna kkonċernata għandha tressaq, skont l-Artikolu 32(1) tad‑Direttiva 2004/38, talba għat-tneħħija tal-ordni ta’ tkeċċija.

c)  Il-portata tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38

1) Ir-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni

i) L-effetti ġuridiċi ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni

40.

Għandu jitqies li l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fl‑2013 neħħa l-effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju adottata fl-2011, u għalhekk li kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk il‑kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 kinux issodisfatti għall-finijiet li d-drittijiet ta’ O. M. Petrea jiġu limitati mill-ġdid?

41.

Skont ġurisprudenza stabbilita li tirriżulta mis-sentenza Royer, id‑drittijiet ta’ ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni u huma għalhekk miksuba irrispettivament minn kull formalità amministrattiva ( 13 ). Dan l-approċċ kien ikkonfermat reċentement fis‑sentenza Dias ( 14 ).

42.

Huwa minnu li, din il-pożizzjoni ttieħdet b’riferiment għal kuntest legali preċedenti li fih dawn id-drittijiet kienu mogħtija biss liċ-ċittadini ta’ Stat Membri li jeżerċitaw attività ekonomika f’kuntest transkonfinali. Madankollu, inqis li l-istess approċċ għandu jkun segwit wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht, li permezz tiegħu l-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea ġie introdott fit-Trattat KE.

43.

Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur Ewropew ma riedx jistabbilixxi sistema ġdida. Għall-kuntrarju huwa ried jikkonsolida u jikkodifika prinċipji eżistenti li jirriżultaw mit-testi u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ).

44.

L-abbozz inizjali tad-Direttiva 2004/38 jindika li d-“dritt ta’ residenza huwa għalhekk ikkonstatat mill-ħruġ immedjat ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni” ( 16 ). Madankollu, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tad-Direttiva 2004/38 jista’ jiġi dedott li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva – bħall-permess ta’ residenza fis-sentenza Royer – jikkostitwixxi biss att dikjaratorju ta’ dritt eżistenti minn qabel. Il-volontà li tiġi segwita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar in-natura ġuridika ta’ dan iċ-ċertifikat kienet ikkonfermata mill-ġdid matul ix-xogħol preparatorju tad‑Direttiva 2004/38. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tal-abbozz tad‑Direttiva 2004/38, li indikat li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kellu natura kostituttiva, kienet ifformulata mill-ġdid sabiex tippreċiża li dan iċ-ċertifikat għandu biss natura dikjaratorja ( 17 ).

45.

F’dan l-istadju nikkonkludi li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-awtoritajiet Griegi huwa biss att dikjaratorju u ma għandux effett akkwiżittiv ta’ ebda drittijiet previsti mid-Direttiva 2004/38. Għalhekk l-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju tipproduċi l-effetti tagħha minkejja l-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat lil O. M. Petrea mill-awtoritajiet Griegi.

ii) Il-possibbiltà ta’ revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ bi żball

46.

Huwa possibbli li jiġi rrevokat iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni mingħajr eżami minn qabel magħmul skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38?

47.

Id-Direttiva 2004/38 ma ssemmix ordni ta’ revoka ta’ tali ċertifikat. Mill-analiżi tiegħi tan-natura dikjaratorja tagħha jirriżulta li tali ċertifikat maħruġ bi żball ma jneħħix, essenzjalment, l-effetti legali ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju. Konsegwentement, jekk deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju adottata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, li ttieħdet b’mod validu fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, tkompli bl-effetti tagħha, l-Istat Membru ma għandux l-obbligu li jeżamina l-attwalità ta’ waħda mir-raġuniijiet previsti fl-Artikolu 27 tad‑Direttiva 2004/38 sabiex jiġi rrevokat tali ċertifikat. Dan l-eżami jista’ jsir biss fil-kuntest ta’ talba għal tneħħija ta’ ordni ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva.

48.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d‑Direttiva 2004/38 ma tipprekludix ir-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ bi żball lil ċittadin tal-Unjoni li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti minkejja l-fatt li fil-konfront tiegħu kien hemm ordni ta’ tkeċċija mit-territorju.

2) L-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn

i) L-ordni ta’ ritorn meħuda minħabba l-ksur ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38

49.

Ordni ta’ ritorn meħuda minħabba ksur ta’ ordni ta’ tkeċċija mit‑territorju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tad‑Direttiva 2004/38?

50.

Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-ordni inkwistjoni hija intiża sabiex tneħħi l-individwu mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li donnu jindika li tali ordni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk wieħed jista’ jargumenta li, qabel ma jadotta deċiżjoni ta’ ritorn, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi previsti fl‑Artikolu 27(1) u (2) ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, skont din l‑ipoteżi, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati, b’mod partikolari, li jevalwaw l-attwalità u l-proporzjonalità tar-raġunijiet li għalihom l‑individwu għandu jkun suġġett għal ordni ta’ ritorn.

51.

Min-naħa l-oħra, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, O. M. Petrea kellu fil‑konfront tiegħu ordni ta’ tkeċċija fl-2011. Konsegwentement, wara t‑tneħħija effettiva tiegħu, id-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tiegħu kienu ristretti għat-terminu previst mill-ordni inkwistjoni. B’hekk id‑deċiżjoni ta’ ritorn fl-2014 ma llimitatx id-drittijiet ta’ O. M. Petrea iżda żgurat l-effikaċja tal-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju tal-2011. Nosserva li l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jinsab fil-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id‑dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”. Għalhekk wieħed jista’ jaħseb li dan l-artikolu jirrigwarda biss il-miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni. Jekk wieħed jaċċetta din l-interpretazzjoni tal-portata tal‑Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 – bħall-Gvern tar-Renju Unit li fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu indika li deċiżjoni konsekuttiva għal ordni ta’ tkeċċija mit-territorju “ma tikkostitwixxix fiha nnifisha ordni għall-finijiet tal-Artikolu 27(2) jew […] għall-finijiet tal‑Artikolu 28 [tad-Direttiva 2004/38]” – dan iwassal sabiex id‑deċiżjoni ta’ ritorn tal-2014, minkejja n-natura tagħha li tassimilaha għad-deċiżjoni tal-2011, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk ikunu l-leġiżlaturi nazzjonali li għandhom jaddattaw ir-regoli kollha relatati mal-miżuri konsekuttivi għal deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju.

52.

Dan l-approċċ ma jikkonvinċinix.

53.

L-ewwel nett, ingħatat portata pjuttost wiesgħa lill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. L-abbozz inizjali dwar il-formulazzjoni tal‑Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva, li jsemmi biss id-“deċiżjonijiet ta’ rifjut tad-dħul jew ta’ tneħħija” ( 18 ), kien emendat matul ix-xogħol leġiżlattiv sabiex ikopri “kull tip ta’ deċiżjoni li tirrestrinġi l-moviment liberu”, jiġifieri “kull tip ta’ miżura, kemm ta’ tneħħija, ta’ rifjut ta’ dħul jew ta’ rifjut ta’ ħruġ mit-territorju” ( 19 ).

54.

It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex limitat sabiex ikopri esklużivament il‑miżuri li jillimitaw id-“drittijiet” ikkonċernati minn din id-direttiva, iżda jkopri, b’mod iktar ġenerali, kull ordni li tirrestrinġi “il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza”.

55.

It-tielet nett, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tad‑Direttiva 2004/38 jirrigwardaw ukoll il-persuni li d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tagħhom kienu ġew limitati preċedentement b’ordni meħuda b’mod validu fis-sens tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ).

56.

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, inqis li ordni ta’ ritorn wara ordni ta’ tkeċċija mit-territorju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li tali miżura ma teħtieġx analiżi minn qabel tal-attwalità tar-raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

ii) L-attwalità tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat – b’riferiment għad‑Direttiva 64/221/KEE ( 21 ), preċedenti għad-Direttiva 2004/38 – li d‑dritt tal-Unjoni “jipprekludi prassi nazzjonali li permezz tagħha l-qrati nazzjonali ma humiex mistennija jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jkunu qegħdin jivverifikaw il-legalità tat-tkeċċija ordnata fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, elementi fattwali li jkunu seħħew wara l‑aħħar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jwasslu sabiex il‑periklu attwali għall-ordni pubbliku, li għalih tammonta l-aġir tal‑persuna kkonċernata, ma jkunx għadu jeżisti jew ikun tnaqqas b’mod mhux negliġibbli” ( 22 ).

58.

Nosserva li dan l-approċċ huwa ripetut f’diversi dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2004/38. L-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jeħtieġ li l‑“miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika” għandhom ikunu bbażati, b’mod partikolari, fuq iċ‑ċirkustanzi attwali li jirrigwardaw l-individwu suġġett għal tali miżuri. Dan l-approċċ huwa rifless ukoll fil-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva li jipprevedi, li meta deċiżjoni ta’ tneħħija tkun eżegwita iktar minn sentejn wara li tittieħed, għandha ssir evalwazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-mument tal-eżekuzzjoni tal‑imsemmija deċiżjoni.

59.

Dawn it-tliet riferimenti għall-ġurisprudenza u għad‑dispożizzjonijiet normattivi ma jirrigwardawx ordni ta’ tkeċċija mit-territorju. Infakkar li tali ordni tipproduċi min-natura tagħha effetti legali fit-tul. Dawn l-effetti jkunu mneħħija jekk anki wara l-ksur ta’ tali ordni ta’ tkeċċija, l-awtoritajiet ikunu obbligati jivverifikaw l-attwalità tar-raġunijiet li għalihom ġiet imposta l-imsemmija ordni ta’ tkeċċija.

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkonstata li minn qari konġunt tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jirriżultax li d-dritt tal‑Unjoni jipprekludi ordni ta’ ritorn adottata mingħajr stħarriġ minn qabel tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-direttiva fil-konfront ta’ persuna li kisret ordni ta’ tkeċċija mit-territorju.

d)  Prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

61.

Jista’ individwu jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sabiex jitneħħew l-effetti ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju tal‑Istat Membru ospitanti f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali?

62.

Hemm lok li jitfakkar li l-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi testendi għal kull individwu li jitnisslu fih aspettattivi preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u fdati ( 23 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il‑prinċipju, fl-interpretazzjoni klassika tiegħu, jimponi ċerti limitazzjonijiet għall-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet jirrigwardaw fuq kollox l-atti ta’ natura kostituttiva li joħolqu drittijiet suġġettivi ( 24 ).

63.

Kif spjegajt, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jagħtix id-dritt ta’ residenza liċ-ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk jekk il-ħruġ ta’ ċertifikat ma joħloqx la dritt ta’ residenza u lanqas ta’ dħul, huwa ma jista’ joħloq ebda aspettattiva, inkluż waħda leġittima.

64.

Madankollu, anki jekk tiġi adottata interpretazzjoni differenti li tgħid li l-atti li ma għandhomx natura kostituttiva jistgħu jnisslu aspettattivi li jistħoqqilhom protezzjoni min-naħa tad-dritt tal-Unjoni ( 25 ), wieħed jista’ jikkonkludi li l-aspettattivi ta’ O. M. Petrea ma jistħoqqilhomx tali protezzjoni.

65.

Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa bbażat fuq l-ekwilibriju bejn l-interess partikolari u l-interess ġenerali tal-ordni pubbliku ( 26 ). F’dan il-każ, il-protezzjoni li tirriżulta minn dan il-prinċipju tista’ tingħata lil O. M Petrea b’kundizzjoni waħda li tali protezzjoni tippermetti li jinħoloq bilanċ bejn dawn iż-żewġ interessi.

66.

Issa, il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi huwa ħafna drabi kkwalifikat bid-dikjarazzjoni li irtirar ta’ att amministrattiv jista’ jsir bil‑kundizzjoni li jiġi osservat terminu raġonevoli mill-awtorità li toħroġ l-att inkwistjoni. It-tul ta’ dan it-terminu jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali bilanċ bejn l-interess inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, in-natura raġonevoli tat-terminu tal-irtirar għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull sitwazzjoni kkonċernata. Għalhekk, jidhirli li, fil-każ fejn id-deċiżjoni inkwistjoni tkun nieqsa min‑natura kostituttiva, it-terminu previst bħala “raġonevoli” għandu jkun b’mod distint itwal minn dak li huwa suffiċjenti sabiex ikunu protetti l-aspettattivi mnissla minn att li joħloq drittijiet suġġettivi ( 27 ).

67.

Barra minn hekk, għaddew inqas minn tlettax-il xahar bejn il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni lil O. M. Petrea u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn. Konformement mal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2004/38, meta deċiżjoni ta’ tneħħija tkun eżegwita iktar minn sentejn wara li tittieħed, l-Istat Membru għandu jivverifika l-attwalità u r-realtà tar-raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-kuntest tad‑Direttiva 2004/38, il-fatt li skada terminu ta’ sentejn jobbliga l-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid l-attwalità ta’ ordni ta’ tneħħija iżda mhux dik ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju li tipproduċi, min-natura tagħha stess, effetti legali fit-tul. B’hekk donnu xejn ma jindika li fil-kawża prinċipali, ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn tista’ manifestament tippreġudika l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

68.

Fi kwalunkwe każ, hija il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-aspettattivi potenzjali ta’ O. M. Petrea jistgħux ikunu klassifikati bħala “leġittimi” u jekk jistħoqqilhomx protezzjoni partikolari skont iċ‑ċirkustanzi inkwistjoni.

69.

Fil-qosor, jidhirli li fil-prinċipju, il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma huwiex tan-natura li jnissel aspettattiva leġittima. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludix ir-revoka ta’ tali ċertifikat f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

e)  Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

70.

Fit-talba tagħha għal rinviju preliminari, id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Tessalonika) ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’ jkun rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda tagħha.

71.

Għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda tirrigwarda l-possibbiltà ta’ revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u li tiġi adottata ordni ta’ ritorn mingħajr eżami mill-ġdid minn qabel tal-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

72.

Għalhekk jista’ jiġi preżunt li filwaqt li semmiet il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza tad‑dmir ta’ premura f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali ( 28 ). Dan id-dmir jimponi evalwazzjoni profonda li tieħu inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata kull darba li tittieħed deċiżjoni fir‑rigward tagħha ( 29 ).

73.

Madankollu, ma jiniex konvint li dan l-approċċ jista’ jkun adottat fil‑każ fejn ordni ta’ tkeċċija mit-territorju tkun għadha fis-seħħ. Kif diġà argumentajt ( 30 ), tali soluzzjoni tneħħi essenzjalment l-effetti legali tal‑ordni ta’ tkeċċija mit-territorju. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jistax ikun użat sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju meħuda b’mod validu mill-awtoritajiet nazzjonali fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ir-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni.

B. Fuq it-tieni domanda preliminari

75.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-adozzjoni ta’ proċeduri komuni, minn naħa, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fid-Direttiva 2008/115, u min-naħa l-oħra għaċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati mid-Direttiva 2004/38, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

76.

Il-Gvern Grieg u l-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni rrispondew fl-affermattiv għal din id-domanda. Il-Gvern tar-Renju Unit ikkonstata biss li d-Direttiva 2008/115 tapplika biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, u l-Gvern Daniż jaqbel ma’ din il-konstatazzjoni. O. M. Petrea ma esprimiex ruħu b’mod espliċitu dwar dan il-punt.

1.  Kummenti ġenerali

77.

Id-Direttiva 2004/38 tipprovdi numru ta’ regoli proċedurali li l‑Istati Membri għandhom josservaw fid-dawl ta’ eventwali limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31 tagħha. Mill-banda l-oħra, hija ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-modalitajiet li jirregolaw il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji dwar deċiżjoni li tittermina l-permess ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l‑ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi dawn il-modalitajiet, billi madankollu jiżgura li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 31 ).

78.

F’dan ir-rigward, ma nara l-ebda ostakolu sabiex l-Istat Membru jibbaża fuq id-dispożizzjonijiet li jittrasponu d‑Direttiva 2008/115 fid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 2004/38 u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività jkunu osservati, dak li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.

79.

Huwa minnu li d-Direttivi 2004/38 u 2008/115 ma għandhomx l-istess għan. Madankollu, il-pożizzjoni li ma huwiex possibbli li jintużaw mutatis mutandis is-soluzzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 sabiex jiġu stabbiliti r-regoli proċedurali applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni ma tikkonvinċinix.

80.

Din il-pożizzjoni tkun ibbażata fuq l-idea li s-soluzzjonijiet proċedurali li jirrigwardaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma joffrux livell suffiċjenti ta’ osservanza tad-drittijiet sabiex jiżguraw il-livell ta’ protezzjoni adegwat tad-drittijiet proċedurali ta’ ċittadin tal-Unjoni. F’dan il-kuntest jiena niġbed l-attenzjoni fuq il-formulazzjoni tal‑Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, li jipprevedi li din id-direttiva “tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl‑Istati Membri […] skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali” ( 32 ).

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonstata li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, fil-prinċipju, l-użu ta’ regoli li jirrigwardaw iċ-ċittadini tal-Istati terzi sabiex tiġi stabbilita s-sistema applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

82.

Madankollu, minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, it‑tieni domanda preliminari tinkludi żewġ mistoqsijiet dwar, minn naħa, l-awtorità kompetenti sabiex toħroġ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li tiġi adottata tali deċiżjoni bħala ordni konsekuttiva għall-ksur ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju.

2.  L-awtorità kompetenti

83.

Skont l-informazzjoni li tinsab fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-awtorità emittenti tal-att amministrattiv tal-2014 (il‑Kmandant Delegat tal-Korp tal-Pulizija tal-Barranin) ma tinstabx fost il-korpi kompetenti sabiex jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

84.

Nirrileva li d-Direttiva 2004/38 ma tinkludi ebda preċiżjoni dwar l-istruttura organizzattiva tal-awtoritajiet. F’dan ir-rigward jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li – b’riferiment għall-kontenut tagħha – indikat li d-Direttiva 2004/38 issemmi biss l-“awtoritajiet kompetenti” ( 33 ). Għalhekk jiena ma narax preġudizzju potenzjali għad‑dritt tal-Unjoni ladarba l-awtorità kkonċernata jkollha kompetenza li tadotta l-atti inkwistjoni, filwaqt li tosserva fi kwalunkwe każ id‑drittijiet u garanziji proċedurali imposti mid-Direttiva 2004/38.

3.  L-ordni konsekuttiva għall-ksur tal-ordni ta’ tkeċċija mit‑territorju

85.

Il-qorti tar-rinviju nnotat li d-Direttiva 2008/115 tipprevedi, fl‑Artikolu 6(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirresjedi illegalment fit-territorju tagħhom, li jimplika li deċiżjoni ta’ ritorn tirriżulta min‑natura irregolari tar-residenza u mhux għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali.

86.

Madankollu, kif diġà indikajt fl-analiżi tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari ( 34 ), deċiżjoni ta’ ritorn – f’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali – hija limitata sabiex timplementa l-effetti ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju. Meta mqabbel ma’ dan l-għan, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, minn naħa, u tar-regola li tirriżulta mill-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2008/115, min-naħa l-oħra, joriġinaw mill-istess regola. Konsegwentement – filwaqt li nillimita l-osservazzjonijiet tiegħi għal każ ta’ ksur tal-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju – jiena nqis li, f’dan ir-rigward, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jaddatta d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2008/115 sabiex jadotta regoli li jirrigwardaw iċ-ċittadini tal-Unjoni.

87.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun li d-Direttiva 2004/38 ma tipprekludix l-użu tal-kontenut tad‑Direttiva 2008/115 sabiex jiġu stabbiliti l-modalitajiet li jirregolaw il‑proċeduri dwar ordni ta’ ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni li daħal fit‑territorju tal-Istat Membru kkonċernat meta ordni ta’ tkeċċija fit‑territorju fil-konfront tiegħu kienet għadha fis-seħħ, bil-kundizzjoni li l-miżuri protettivi u l-garanziji proċedurali previsti mid‑Direttiva 2004/38, b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu osservati, dak li għandu jkun evalwat mill-qorti nazzjonali.

C. Fuq it-tielet domanda preliminari

88.

It-tielet domanda preliminari saret mill-qorti tar-rinviju f’każ li l‑ewwel domanda tingħata risposta negattiva. Madankollu, jiena ser nagħmel l-eżami tiegħi f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal‑pożizzjoni tiegħi dwar din l-ewwel domanda.

89.

Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk, wiħed jippreżumi li l-awtoritajiet nazzjonali, li jaġixxu fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali, jirrevokaw, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, dawn l-awtoritajiet jistgħux jimponu simultanjament fuq dan iċ-ċittadin ordni ta’ ritorn mingħajr stħarriġ ġudizzjarju skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Artikoli 27 u 28 tad‑Direttiva 2004/38.

90.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja – billi tirrispondi fin-negattiv għall‑ewwel domanda preliminari – tiddeċiedi li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn ma hijiex konsegwenza tal-ksur ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju, għalhekk dan ikun ifisser li din l-ordni ta’ ritorn ma tistax tevita l-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

91.

Huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jiddeċiedi jekk ir-revoka ta’ tali ċertifikat u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jikkostitwixxux att uniku. L-unjoni ta’ dawn iż-żewġ miżuri, ma tistax madankollu tikkomprometti l-prinċipju li skontu l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ritorn għandha tkun ippreċeduta minn stħarriġ ġudizzjarju.

92.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni li jikser ordni ta’ tkeċċija mit‑territorju għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl‑Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38.

D. Fuq il-ħames domanda preliminari

93.

L-aħħar domanda preliminari saret biss fil-każ li l-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għar-raba’ domanda.

94.

Ir-raba’ domanda preliminari hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk in‑nuqqas tan-notifika ta’ deċiżjoni – jiġifieri n-nuqqas ta’ interpretazzjoni tal-kontenut tagħha f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem – tistax tkun invokata fil-kuntest ta’ rikors kontra ordni konsekuttiva għal din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari jekk ir-risposta għal ħames domanda tkun li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju ma għandhiex tkun innotifikata f’lingwa li tifhem il-persuna kkonċernata meta din ma tkunx għamlet talba għal dan. Għalhekk ser nanalizza din il-ħames u l‑aħħar domanda qabel ma nirrispondi għar-raba’ domanda preliminari.

95.

Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk id-Direttiva 2004/38 timponix fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti obbligu ta’ notifika liċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor f’kull każ, u irrispettivament mill-fatt li l-persuna kkonċernata titlobx jew le, id‑“deċiżjoni tat-tneħħija tagħha” f’lingwa li hija tifhem.

96.

Mit-talba għal rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id‑domanda saret fir-rigward tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38. Dan l-artikolu jirrigwarda biss l-ordnijiet ta’ tkeċċija meħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika ( 35 ). Huwa ma jimponi ebda rekwiżit partikolari dwar in-notifika tad-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38 huwa intiż sabiex jistabbilixxi r-regoli dwar in-notifika ta’ kull ordni adottata skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dik ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju prevista fl-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva. Għalhekk inqis li d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija mit-territorju jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38, li jippreċiża, b’mod ġenerali, il-modalitajiet ta’ notifika ta’ tali deċiżjonijiet.

97.

Skont il-Gvern Grieg, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Daniż u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni, l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/38 jimponi mhux li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun innotifikata fil-lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem, jekk hija ma tressaqx talba espliċita f’dan ir-rigward, iżda li tkun innotifikata f’kundizzjonijiet li jippermettulha tifhem il-kontenut u l-effetti. Mill‑banda l-oħra, O. M. Petrea jiddikjara li l-awtoritajiet huma obbligati jinnotifikaw lill-persuna kkonċernata “id-deċiżjoni ta’ tneħħija fil-lingwa li hija tifhem”, irrispettivament mill-fatt jekk din tagħmilx talba jew le.

98.

L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li kull deċiżjoni “għand[ha] [t]iġ[i] avżat[a] bil-miktub […] b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom”, filwaqt li, skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, fil-prinċipju, “għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom”.

99.

L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tad-Direttiva 2004/38 hija ċara għal dak li jirrigwarda s-sors ta’ ispirazzjoni tal-leġiżlatur Ewropew u f’dan ir-rigward tiċċita, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 64/221, u min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 36 ).

100.

B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/38, li jirripproduċi parzjalment il-kliem tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 64/221, huwa ispirat mis-sentenza Adoui u Cornuaille ( 37 ). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni mhux bilfors għandha tkun tradotta fil-lingwa tal-persuna kkonċernata, iktar u iktar meta tkun lingwa inqas magħrufa, iżda li l-Istat Membru għandu jieħu kull ordni utli sabiex ikun ċert li l-persuna kkonċernata tifhem il‑kontenut u l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni.

101.

Matul ix-xogħol preparatorju, dan l-approċċ ġie kkontestat mill‑Kumitat Ekonomiku u Soċjali. Dan osserva li l-espożizzjoni tal‑motivi tal-abbozz ta’ Diretttiva 2004/38 kienet f’kontradizzjoni mat-test inizjali ta’ din id-direttiva, jiġifieri mal-Artikolu 28(2) ta’ dan it-test, li skontu d-deċiżjoni kellha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata f’ċirkustanzi li jippermettulha li tifhem il-kontenut u l-effetti, għaliex l-espożizzjoni tindika li deċiżjoni mhux bilfors trid tkun tradotta fil‑lingwa tal-persuna kkonċernata ( 38 ). Issa, il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu li finalment sar l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/38 ma kinitx emendata f’dan ir-rigward. Konsegwentement, jidhirli li l‑leġiżlatur ma biddilx il-pożizzjoni ppreżentata fl-espożizzjoni tar-raġunijiet u ma kkunsidrax li t-traduzzjoni ta’ kull deċiżjoni kienet indispensabbli.

102.

Wieħed jista’ jistaqsi dwar il-mod li bih l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, jekk il-persuna kkonċernata ma tagħmilx talba espliċita f’dan ir‑rigward, jistabbilixxu liema lingwa tifhem il-persuna kkonċernata. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 27(1) ta’ din id‑direttiva, jirrigwarda mhux biss iċ-ċittadini tal-Unjoni iżda wkoll il‑membri tal-familja tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

103.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall‑ħames domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 30 tad‑Direttiva 2004/38 ma jobbligax lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jinnotifikaw liċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor b’deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju fil-lingwa li huwa jifhem jekk dan iċ-ċittadin ma għamilx talba, filwaqt li huwa miftiehem li Stat Membru għandu madankollu jieħu kull ordni utli sabiex ikun ċert li l-persuna kkonċernata tifhem il-kontenut u l-effetti ta’ din id-deċiżjoni.

E. Fuq ir-raba’ domanda preliminari

104.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi dwar il-ħames domanda preliminari u tikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jinnotifikaw liċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor bid-deċiżjoni relattiva għat-tneħħija tiegħu f’lingwa li huwa jifhem, ser ngħaddi għall-eżami tar-raba’ domanda preliminari.

105.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix prassi ġurisprudenzjali nazzjonali li tipprekludi lill-awtoritajiet ikkonċernati milli jevalwaw, fil‑kuntest tar-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal‑Unjoni jew tal-adozzjoni mill-Istat Membru ospitanti ta’ ordni ta’ tneħħija – iġġustifikata mill-eżistenza ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju kontra ċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor – sa fejn kienu osservati l-garanziji proċedurali tal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju.

106.

Jidhirli li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju inizjali kull darba li tittieħed ordni konsekuttiva għal din id-deċiżjoni.

107.

Nosserva li l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment għall-“ordni ta’ tneħħija” fir-raba’ domanda preliminari. Madankollu, fil-fehma tiegħi, hija riedet tirreferi, bħal fl-ewwel domanda preliminari, għal “miżura ta’ ritorn” konsekuttiva għal ordni ta’ tkeċċija mit-territorju.

108.

Il-Gvern Grieg u l-Gvern Belġjan, b’riferiment espliċitu għaċ‑ċertezza legali, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, huma tal-opinjoni li għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. Mill-banda l-oħra O. M. Petrea u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-approċċ billi jinvokaw il-kunflitt potenzjali bejn din is-soluzzjoni u l-prinċipju ta’ effettività.

109.

Skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2004/38, persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju meħuda fil-konfront tagħha għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika għandu jkollha aċċess għar-rimedji ġudizzjarji. Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, nikkunsidra li O. M. Petrea seta’ jinvoka l-assenza ta’ traduzzjoni fl-istadju tan‑notifika tad-Deċiżjoni tal-2011 billi jibbaża fuq l-Artikolu 31 tad‑Direttiva 2004/38.

110.

Madankollu, id-Direttiva 2004/38 ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li josservaw il-garanziji proċedurali stabbiliti fl‑Artikolu 31 tagħha ħlief “fil-mument tal-adozzjoni” tad-deċiżjonijiet restrittivi ( 39 ). Fil-fehma tiegħi, dan l-obbligu japplika sal-istadju fejn tali deċiżjoni ssir definittiva. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà rrikonoxxiet li n-natura definittiva ta’ deċiżjoni amministrattiva tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali, bil-konsegwenza li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li korp amministrattiv jkollu obbligu, fil-prinċipju, li jirrevedi deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura definittiva ( 40 ).

111.

Ladarba l-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju ssir definittiva, ċittadin tal-Unjoni jista’ jippreżenta talba għat-tneħħija tagħha, skont l‑Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2004/38 ( 41 ). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-ordni ta’ tkeċċija inkwistjoni tkun tista’ titneħħa wara terminu raġonevoli, iżda biss, kif tipprevedi d-Direttiva 2004/38, abbażi ta’ ċirkustanzi li ġraw wara l-adozzjoni ta’ tali ordni ( 42 ).

112.

B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, is-soluzzjoni adottata mid-dritt nazzjonali li att li sar definittiv ma jistax ikun suġġett għal stħarriġ fil-kuntest ta’ rikors intiż għal att sussegwenti ma tmurx kontra d-Direttiva 2004/38.

113.

Fi kwalunkwe każ, ir-regoli li jirrigwardaw ir-rimedji kontra l‑miżuri li jillimitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. Fost l-elementi esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda element ma jindika li dawn il-prinċipji ma ġewx osservati. Tal-inqas, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk ir-regoli kkonċernati ma jmorrux kontra la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il‑prinċipju ta’ effettività. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari tkun li d-Direttiva 2004/38 ma tipprekludix regoli jew prassi nazzjonali li – fil-kuntest tar-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jew tal-adozzjoni mill‑Istat Membru ospitanti ta’ ordni ta’ ritorn konsekuttiva għall-ksur ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor – ma jippermettux evalwazzjoni ta’ sa fejn kienu osservati l-garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli jew dawn il-prattiki nazzjonali ma jmorrux kontra la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il‑prinċipju ta’ effettività.

VI. Konklużjoni

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju:

“1)

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011 (rettifika ĠU L 229, p. 35), u l-prinċipji tal-aspettivi leġittimi u tal-amministrazzjoni tajba ma jipprekludux ir-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru maħruġ minn Stat Membru ieħor u lanqas l-adozzjoni minn dan tal-aħħar ta’ ordni ta’ ritorn fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin, meta minkejja l-fatt li kien suġġett għall-ordni ta’ tkeċċija mit-territorju adottata mill-Istat Membru ospitanti għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika li kienet għadha fis-seħħ, l-imsemmi ċittadin daħal mill-ġdid fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

2)

Id-Direttiva 2004/38 ma tipprekludix l-użu tal-kontenut tad‑Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl‑Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, sabiex jiġu stabbiliti l-modalitajiet li jirregolaw il-proċeduri dwar ordni ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li daħal fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minkejja deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju adottata minn dan tal-aħħar, bil‑kundizzjoni li l-miżuri protettivi u l-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu osservati, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.

3)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38 ma jobbligax lill-Istat Membru ospitanti li jinnotifika liċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, meta dan ma jkunx ressaq it-talba, deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju f’lingwa li huwa jifhem, filwaqt li huwa miftiehem li Stat Membru għandu madankollu jieħu kull ordni utili sabiex ikun ċert li l-persuna kkonċernata fehmet il-kontenut u l-effetti ta’ din id-deċiżjoni.

4)

Id-Direttiva 2004/38 ma tipprekludix regoli jew prassi nazzjonali li fil-kuntest tar-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal‑Unjoni jew tal-adozzjoni mill-Istat Membru ospitanti ta’ ordni ta’ ritorn konsekuttiva għall-ksur ta’ ordni ta’ tkeċċija mit-territorju fil-konfront taċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ma jippermettux l‑evalwazzjoni ta’ sa fejn ġew osservati l-garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli jew dawn il-prassi nazzjonali ma jmorrux kontra la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), kif emendata bir‑Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011 (ĠU 2011, L 141, p. 1, u rettifika ĠU L 229, p. 35, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2004/38”).

( 3 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

( 4 ) L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 huwa invokat fit-tielet domanda preliminari, li saret f’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari.

( 5 ) Nerġa’ niġi għal dan il-punt fl-analiżi tiegħi dwar in-natura ġuridika ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni. Ara l-punti 41 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C-140/12, EU:C:2013:565, punt 71 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C-202/13, EU:C:2014:2450, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll Candela Soriano, M., “Libre circulation et séjour dans l’U.E.: la Directive 2004/38 au regard des droits de l’homme”, Journal des tribunaux, Droit européen, Nru 121, 2005, p. 194.

( 7 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C-33/07, EU:C:2008:396, punt 21 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262, punt 47).

( 9 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C-140/12, EU:C:2013:565, punt 70).

( 10 ) Ara f’dan is-sens, abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membi, COM(2001) 257 finali. Ara wkoll – billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2004/38 ikkodifika l-prinċipju elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha – is‑sentenza tal-5 ta’ Marzu 1980, Pecastaing (98/79, EU:C:1980:69, punt 12). Fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pecastaing (98/79, mhux ippubblikati, EU:C:1980:32, p. 725), l-Avukat Ġenerali Capotorti kien adotta pożizzjoni iktar stretta, jiġifieri li l-preżentazzjoni ta’ mezzi ta’ difiża tal-persuna kkonċernata tista’ ssir permezz tal-avukat tagħha.

( 11 ) Ara l-abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ‑ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jirresjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2001)257 finali.

( 12 ) Fis-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, EU:C:1982:183, punt 12), li ispirat il-formulazzjoni tal-Artikolu 32(2) tad‑Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “meta teżisti […] deċiżjoni ta’ tneħħija […], li tkompli bl-effetti ġuridiċi b’mod li teskludi l-persuna kkonċernata mit-territorju tal-Istat ikkonċernat, id-dritt Komunitarju [tal-Unjoni] ma jista’ jiffavorixxi ebda dritt ta’ aċċess għal dan it-territorju matul l-eżami tat-talba l-ġdida tiegħu”. Korsiv miżjud minni.

( 13 ) Sentenza tat-8 ta’ April 1976 (48/75, EU:C:1976:57, punti 31 sa 33).

( 14 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C-325/09, EU:C:2011:498, punt 48). F’din is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat, abbażi biss ta’ permess ta’ residenza maħruġ skont id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27), il-perijodi ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti bħala li dawn twettqu legalment għall-finijiet tal-akkwist tad-dritt ta’ residenza fil-kuntest tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

( 15 ) Hanf, D., “Le développement de la citoyenneté de l’Union européenne”, La Libre Circulation Des Personnes: États Des Lieux Et Perspectives. Acte d’un colloque organise en 2003 à Liège, Bruxelles, P.I.E. Peter Lang S.A. 2007, p. 20 u 21; Guild, E., Peers, S., Tomkin, J., The EU Citizenship Directive. A Commentary, Oxford, Oxford University Press 2014, p. 87 sa 91 u p. 111 sa 118.

( 16 ) Enfasi miżjuda minni.

( 17 ) Ara l-emenda Nru 33 u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-abbozz emendat tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal‑Unjoni u tal-familja tagħhom u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2003)199 finali, p. 6 u 22. Ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2004/38.

( 18 ) Abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2001) 257 finali.

( 19 ) Ara l-emenda Nru 71 u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata fl-abbozz emendat tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal‑Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2003) 199 finali, p. 8, 329. Kif ġie rrilevat mid-duttrina, il-kliem użat fl-Artikolu 27(1) tad-Diretitva 2004/38 huma newtrali ħafna u jistgħu jiġu interpretati bħala li jirreferu għal kwalunkwe tip ta’ restrizzjoni – ara, fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, Łazowski A., “‘Darling you are not going anywhere’: the right to exit and restrictions in EU law”, European Law Review 2015, Vol. 40, Nru 6, p. 891

( 20 ) Ara l-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2004/38.

( 21 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU.Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11)

( 22 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262, punti 8182).

( 23 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C-17/03, EU:C:2005:362S, punti 73 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C-162/15 P, EU:C:2016:587, punti 183 u 184). Fuq l-iżvilupp ta’ dan il-prinċipju fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara Rideau, J., L’Union européenne et les droits de l’homme, Recueil des Cours de l’Académie de La Haye, Vol. 265, 1997, p. 173 sa 177, u Lemańska, J., Uzasadnione oczekiwania w perspektywie prawa krajowego i regulacji europejskich, Wolters Kluwer, Varsavja, 2016, p. 41 sa 46

( 24 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs L-Assemblea Komuni (7/56 u 3/57 sa 7/57, EU:C:1957:7, p. 116).

( 25 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja (14/61, EU:C:1962:28, p. 520). Ara wkoll Schønberg, S., Legitimate Expectations in Administrative Law, Oxford University Press, Oxford, 2000, p. 117; Ritleng, D., “Le retrait des actes administratifs contraires au droit communautaire”, Bestand und Perspektiven des Europäischen Verwaltungsrechts, Nomos, Baden – Baden, 2008, p. 243.

( 26 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja (14/61, EU:C:1962:28, p. 520).

( 27 ) Fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja (14/61, EU:C:1962:28 p. 521), il-Qorti tal‑Ġustizzja indikat li l-kriterju ta’ “terminu raġonevoli” jista’ jkun ta’ interess kunsiderevoli fir-rigward ta’ deċiżjonijiet kostituttivi ta’ drittijiet suġġettivi, filwaqt li jitlef l-importanza fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dikjaratorji.

( 28 ) Fil-ġurisprudenza u fid-duttrina ttieħdu approċċi differenti fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura. Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura huma xi drabi previsti bħala żewġ kunċetti distinti u kultant bħala simili. Minkejja dawn id-diverġenzi, jidhirli li skont il-pożizzjoni maġġoritarja, huma tal-inqas assoċjati.

( 29 ) Dwar dan il-prinċipju, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1974, Guillot vs Il-Kummissjoni (53/72, EU:C:1974:80, punt 3), u tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni (33/79 u 75/79, EU:C:1980:139, punt 23).

( 30 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C-161/15, EU:C:2016:175, punti 2324). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ZZ (C-300/11, ECLI:EU:C:2013:363, punti 8384).

( 32 ) Enfasi miżjuda minni.

( 33 ) Ara l-Artikolu 8(1) u l-premessi 12 u 14 tad-Direttiva 2004/38.

( 34 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Nirrileva f’dan il-kuntest li l-kunċett ta’ “saħħa pubblika” ma jisabx fl-Artikolu 32 tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva 2004/38.

( 36 ) Abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u jjirrisjedu liberament fit-territorji tal-Istati Membri, COM(2001) 257 finali.

( 37 ) Sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982 (115/81 u 116/81, EU:C:1982:183, punt 13).

( 38 ) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew u Soċjali dwar l-“Abbozz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal‑familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u jjirrisjedu liberament fit-territorji tal-Istati Membri”, COM(2001) 257 finali, punt 4.8.2.

( 39 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C-249/11, EU:C:2012:608, punti 54 sa 56).

( 40 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C-249/11, EU:C:2012:608, punt 76).

( 41 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Shingara u Radiom (C-65/95 u C-111/95, EU:C:1997:300, punti 3941), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għas‑sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, EU:C:1982:183) – li, kif indikajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, ispirat l‑Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2004/38 – indikat li: “il-fatt li, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preċedenti, ċittadin Komunitarju naqas milli jippreżenta rikors jew li l-awtorità kompetenti indipendenti ma nnotifikatux […] ma jistax jostakola l-eżami tat-talba l‑ġdida mressqa minn dan iċ-ċittadin”.

( 42 ) Pérez van Kappel, A., “La libre circulación de personas sin motivos económicos tras la adopción de la Directiva 2004/38/CE y a la luz de la jurisprudencia del Tribunal de Justicia”, Estudios de Derecho Judicial, vol. 132, 2007, p. 139.