KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )
Kawża C‑178/16
Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani S.p.A.,
Guerrato S.p.A.
vs
Provincia autonoma di Bolzano,
Agenzia per i procedimenti e la vigilanza in materia di contratti pubblici di lavori servizi e forniture (ACP),
Autorità nazionale anticorruzione (ANAC),
Fil-preżenza ta’:
Società Italiana per Condotte d’Acqua S.p.A.,
Inso Sistemi per le Infrastrutture Sociali S.p.A
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja)]
“Kuntratti pubbliċi — Dikjarazzjoni rigward in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ sentenzi definittivi ta’ kundanna kriminali ta’ ex amministraturi tal-kumpannija offerenti — Obbligu tal-kumpannija li turi, taħt piena ta’ esklużjoni, li tinsab totalment u effettivament iddissoċjata mill-aġir tal-ex amministratur — Evalwazzjoni mill-awtorità kontraenti tar-rekwiżiti relatati ma’ dak l-obbligu”
1. |
Il-liġi Taljana dwar il-kuntratti pubbliċi tipprojbixxi (bl-aspetti kollha li se jiġu analizzati iktar tard) li dawn jingħataw lil dawk li jkunu nstabu ħatja ta’ offiżi serji kontra l-Istat “jew il-Komunità”, li jaffettwaw il-kondotta professjonali tagħhom. Din il-projbizzjoni hija estiża għall-impriżi li l-amministraturi tagħhom ġew ikkundannati għal atti bħal dawn, sakemm dawn l-impriżi ma jurux li huma ddissoċjati kompletament u effettivament mill-imġiba kriminali tal-amministraturi tagħhom. |
2. |
Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) għandu jiddeċiedi rigward appell kontra sentenza li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ entità kontraenti li eskludiet minn kompetizzjoni lil kumpannija offerenti li l-amministratur tagħha kien instab ħati ta’ wieħed minn dawk ir-reati. Sabiex tiġi solvuta t-tilwima, huwa jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk ir-regola Taljana li taħtha kien hemm tali esklużjoni hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ). |
3. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-ġurisprudenza tagħha fuq il-poter tal-Istati sabiex jiddefinixxu u jimmodulaw il-kontenut tar-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni tal-offerenti, li jinsab fid-Direttiva 2004/18. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2004/18
4. |
Skont l-Artikolu 45 (“Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta [tal-offerent]”): “1. Kull kandidat jew min ikun xeħet l-offerta illi kien suġġett għal sentenza tal-qorti b’ħaqq aħħari li dwaru tkun taf l-awtorità kontrattwanti għal raġuni jew aktar imniżżlin hawn taħt għandu jkun eskluż mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku:
Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward tal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet li jimplimentaw dan il-paragrafu. Huma jistgħu jipprovdu għal deroga mill-ħtieġa li sar riferiment ghaliha fl-ewwel sub-paragrafu li tisboq ħtiġijiet fl-interess ġenerali. Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom, fejn xieraq, jitolbu lil kandidati jew lil dawk li jkunu xeħtu l-offerta biex ifornu d-dokumenti li sar riferiment għalihom fil-paragrafu 3 u jistgħu, fejn huma għandhom dubji li jikkonċernaw is-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta, japplikaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti biex jakkwistaw kull informazzjoni li huma jqisu bħala neċessarja dwar il-qagħda personali tal-kandidati jew dawk li xeħtu l-offerta konċernati. Fejn l-informazzjoni tikkonċerna kandidat jew min ikun xeħet l-offerta stabbilit f’xi Stat ieħor barra dak ta’ l-awtorità kontrattwanti, l-awtorità kontrattwanti tista’ tfittex il-koperazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti. B’rigward għal-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru fejn il-kandidati jew dawk li jkunu xeħtu l-offerta huma stabbiliti, talbiet bħal dawn għandhom jirrelataw għal persuni legali u/jew naturali [fiżiċi], inklużi, jekk xieraq, diretturi ta’ Kumpannija u kull persuna li għandha poteri ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fir-rigward tal-kandidat jew dak li jkun xeħet l-offerta. 2. Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku: […]
[…]
|
5. |
Skont l-Artikolu 45(3): “Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jaċċettaw dan li ġej bħala evidenza suffiċjenti li ebda wieħed mill-każi speċifikati fil-[paragrafu] 2 […] (ċ) […] japplika għall-operatur ekonomiku:
[…]”. |
B. Id-dritt Taljan
6. |
Skont id-digriet tar-rinviju, l-Artikolu 38(1)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ( 3 ), fil-verżjoni applikabbli ratione temporis għal dawn il-fatti, jipprovdi li r-raġuni għall-esklużjoni [li wieħed jipparteċipa fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] talli kien is-suġġett ta’ sentenza definittiva ta’ kundanna jew piena nnegozjata mal-prosekutur skont l-Artikolu 444 tal-Codice di procedura penale (kodiċi tal-proċedura kriminali), għar-reati speċifikati hemmhekk ( 4 ), “japplika wkoll fir-rigward tal-persuni li ma għadhomx jaqdu l-funzjonijiet tagħhom [ta’ diretturi fi ħdan l-impriża] fis-sena ta’ qabel id-data tal-avviż għas-sejħa għall-offerti, jekk l-impriża ma turix li tkun iddissoċjat ruħha kompletament u effettivament mil-imġieba ssanzjonata kriminalment.” |
7. |
L-ittri (f) u (h) tal-Artikolu 38(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jipprovdu wkoll għall-esklużjoni ta’ dan it-tip ta’ kompetizzjonijiet, rispettivament: (i) għal dawk li jkunu wettqu żball gravi fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, ikkonfermata minn xi prova mill-awtorità kontraenti; u (ii) għal dawk li jkunu ppreżentaw dikjarazzjoni falza jew dokumenti foloz dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet rilevanti għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
II. Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari
8. |
Fis-27 ta’ Lulju 2013, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) ġie ppubblikat l-avviż ta’ sejħa għal offerti għall-finanzjament, għat-tħejjija tal-proġett finali u għall-eżekuzzjoni, il-kostruzzjoni u l-ġestjoni tal-ħabs il-ġdid ta’ Bolzano. Il-valur tal-kuntratt kien jammonta għal EUR 165400000. |
9. |
L-Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani S.p.A. (iktar ’il quddiem, “Mantovani”), kemm f’isimha kif ukoll bħala parti minn assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, irrispondiet għas-sejħa permezz ta’ żewġ dikjarazzjonijiet (tal-4 u tas-16 ta’ Diċembru 2013) dwar il-konformità mar-rekwiżiti ġenerali meħtieġa minnha. |
10. |
Speċifikament, Mantovani qalet (fl-ewwel waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet) li s-Sur B., l-ex president tal-Bord tad-Diretturi tagħha kif ukoll l-amministratur u r-rappreżentant legali tagħha, ma kienx baqa’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu fis-6 ta’ Marzu 2013 u li ma kinitx taf jekk kinitx ingħatat deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP. It-tieni dikjarazzjoni kienet redatta f’termini analogi. |
11. |
L-awtorità kontraenti, fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Jannar 2014, aċċettat b’riżervi l-parteċipazzjoni ta’ Mantovani, sakemm din tippreżenta ċerti kjarifiki, peress li kien “fatt magħruf”, kif ippubblikat fl-istampa lokali, li s-Sur B., wara li ġie akkużat li ppromwova sistema ta’ fatturi foloz, kien innegozja mal-prosekutur li tiġi imposta fuqu sentenza ta’ sena u għaxar xhur ħabs. |
12. |
Fil-kuntest tal-verifikazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet, l-entità kontraenti kisbet ċertifikat tar-rekord kriminali tas-Sur B., li fih ġie ddikjarat li dan kien ġie kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija għal sena u għaxar xhur talli wettaq diversi reati (sentenza tat-Tribunale di Venezia [qorti ta’ Venezja] tal-5 ta’ Diċembru 2013, li saret definittiva mid-29 ta’ Marzu 2014). |
13. |
Fil-laqgħa li saret fid-29 ta’ Mejju 2014, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li ma tneħħix ir-riżerva għall-ammissjoni ta’ Mantovani, u fit-3 ta’ Ġunju 2014 talbet li din tipprovdi kjarifiki dwar is-sentenza msemmija. |
14. |
Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Ġunju 2014 u tas-17 ta’ Ottubru 2014, Mantovani pprovdiet il-kjarifiki mitluba u sostniet li:
|
15. |
L-awtorità kontraenti talbet opinjoni mill-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (iktar ’il quddiem, “ANAC”), li tatha fil-25 ta’ Frar 2015, fejn iddikjarat, fil-qosor:
|
16. |
L-awtorità kontraenti, b’kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-ANAC, iddeċidiet, fis-27 ta’ Frar 2015, li teskludi lil Mantovani mill-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, minħabba l-komunikazzjoni tard u insuffiċjenti tal-elementi ta’ evalwazzjoni meħtieġa sabiex tiġġustifika d-dissoċjazzjoni tagħha mill-amministratur ikkundannat. Hija żiedet li l-kundanna tiegħu seħħet qabel il-mument li fih saru d-dikjarazzjonijiet fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti, u għalhekk Mantovani kienet f’pożizzjoni li setgħet tikkomunika dan. |
17. |
Mantovani appellat mill-esklużjoni quddiem it-Tribunale regionale di giustizia amministrativa, Sezione autonoma di Bolzano (qorti reġjonali amministrattiva, sezzjoni awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja) li, permezz tas-sentenza Nru 270, tas-27 ta’ Awwissu 2015, iddikjarat li l-appell huwa inammissibbli peress li kkontesta l-opinjoni tal-ANAC, att proċedurali, u d-deċiżjoni tal-għoti, li kienet għadha ma saritx. Fl-istess sentenza hija ċaħdet il-motivi invokati dwar l-aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl tas-sejħa għall-offerti u kkunsidrat li ma kienx ġie stabbilit li l-kumpannija kienet iddissoċjat ruħha mill-aġir kriminali tal-ex amministratur. |
18. |
Mantovani appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) fejn sostniet, fost raġunijiet oħra, li l-Artikolu 38 tas-CCP ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u talbet li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
19. |
Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2015, għamel id-domanda preliminari li ġejja: “Dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 38(1)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tat-12 ta’ April 2006 (kodiċi tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti li jimplementa d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), kif sussegwentement emendat, tostakola l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 45(2)(ċ) u (g) u (3)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, […] u tal-prinċipji tad-dritt Ewropew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, ta’ projbizzjoni milli tittaqqal il-proċedura u ta’ ftuħ massimu għall-kompetizzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt, kif ukoll tal-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ preċiżjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, sa fejn:
|
III. Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. |
Il-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2016. |
21. |
Mantovani, il-Provinċja ta’ Bolzano, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, fit-terminu stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
22. |
Wara li sar qbil għal seduta, il-partijiet ġew imħeġġa, skont l-Artikolu 61(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiffokaw l-argumenti tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18. |
23. |
Is-seduta saret fil-5 ta’ April 2017, u fiha dehru Mantovani, il-Provinċja ta’ Bolzano, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea. |
IV. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
24. |
Mantovani tqis li l-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP imur kontra l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 minħabba li jestendi l-kawża ta’ esklużjoni (li tirriżulta minn kundanna kriminali) għal dawk li kienu amministraturi ta’ kumpannija sa sena qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt, u minħabba li jeħtieġ li l-kumpannija tagħti prova tad-dissoċjazzjoni effettiva minn dawk l-amministraturi. |
25. |
Fil-fehma tagħha, ladarba jkunu tterminaw il-funzjonijiet tagħhom, l-amministraturi ma jibqax ikollhom influwenza fil-kumpannija, u għalhekk l-obbligu li tipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward, minbarra li ma huwiex meħtieġ, jirriżulta li huwa sproporzjonat u jinvolvi piż li jmur kontra l-idea tal-ftuħ massimu tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni. |
26. |
Anki jekk jitqies li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix din l-estensjoni, l-obbligu supplimentari li titressaq prova tad-dissoċjazzjoni effettiva tal-impriża jidħol f’kunflitt miegħu, minħabba li huwa obbligu kompletament vag, li l-evalwazzjoni tiegħu titħalla f’idejn id-diskrezzjoni tal-awtorità kontraenti. Iċ-ċertezza legali ssofri b’mod speċjali minħabba l-fatt li s-sentenza ġudizzjarja ma tkunx finali, minħabba li ma jiġix speċifikat il-mod li bih isiru l-manifestazzjonijiet, il-perijodu la jinkludi l-fażi tal-proċess li fih għandhom isiru, u lanqas ma jiġi speċifikat liema huma l-obbligi ta’ kooperazzjoni leali tal-offerent. |
27. |
Il-Provinċja ta’ Bolzano tqis li d-domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li:
|
28. |
Fuq il-mertu, il-Provinċja ta’ Bolzano ma tikkunsidrax li teżisti xi frizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP u d-Direttiva 2004/18. L-Artikolu 45 ta’ din jagħti lill-Istati Membri l-libertà kemm sabiex jagħżlu liema kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi (minn fost dawk elenkati fil-paragrafu 2 tiegħu) għandhom japplikaw fil-liġi nazzjonali, kif ukoll sabiex jiddefinixxu l-mod li bih l-awtoritajiet kontraenti għandhom jevalwaw il-fatti inkorporati tal-kawżi magħżula. Ir-regola nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt din l-iskema. |
29. |
Il-Gvern Taljan josserva li r-ratio legis tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18 u tal-Artikolu 38 tas-CCP huwa li tiġi żgurata l-affidabbiltà morali, ekonomika u professjonali ta’ dawk li jaspiraw li jikkonkludu kuntratti mal-Amministrazzjoni. Il-leġiżlatur Taljan adotta sistema inqas stretta minn dik tad-Direttiva, billi llimita l-firxa ta’ reati li jiġġustifikaw l-esklużjoni. |
30. |
L-esklużjoni ta’ impriża minħabba l-kondotta tal-amministraturi tagħha hija ġġustifikata, preċiżament, skont il-Gvern Taljan, minn din l-istess ratio legis: mingħajr din id-dispożizzjoni, il-kuntrattur jista’ faċilment jevita l-kontroll fuq l-affidabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, l-impriża offerenti għandha l-possibbiltà li tiġġustifika quddiem l-awtorità kontraenti li hija ddissoċjat ruħha kompletament mill-azzjonijiet kriminali tal-amministraturi tagħha. |
31. |
Il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm il-qorti a quo titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2)(ċ) u (g), u (3)(a) tad-Direttiva 2004/18, sabiex tingħata risposta utli għandu jitqies ukoll il-paragrafu 2(d) ta’ dak l-artikolu, dwar it-twettiq ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità. |
32. |
Għalkemm id-digriet tar-rinviju jiffoka fuq il-fatt li s-sentenza kienet għadha mhux definittiva meta Mantovani ppreżentat id-dikjarazzjonijiet tagħha, l-attivitajiet tal-amministratur tagħha (il-ħruġ ta’ fatturi foloz li jammontaw għal iktar minn disa’ miljun Euro u assoċjazzjoni kriminali) jistgħu jiġu deskritti bħala kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità. U anki jekk dan ikun waqaf milli jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fil-mument tal-offerta, l-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 isemmi wkoll l-imġiba preċedenti ta’ operatur ekonomiku u jkopri kull azzjoni ħażina li tista’ taffettwa l-kredibbiltà professjonali tiegħu ( 6 ). Għalhekk, l-aġir tal-amministraturi li riċentement waqfu jaħdmu jista’ jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ tali kredibbiltà mill-awtorità kontraenti. |
33. |
Għall-Kummissjoni huwa irrilevanti li l-kundanna tal-amministratur ma kellhiex l-awtorità ta’ res judicata fil-ħin li saru d-dikjarazzjonijiet. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-raġunijiet tal-esklużjoni pprovduti fl-Artikolu 45(2)(d) u (g) tad-Direttiva 2004/18 ma jeħtiġux li l-operatur ekonomiku kien is-suġġett ta’ kundanna li saret definittiva ( 7 ). Kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali jipprovdu li kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ tintwera bi kwalunkwe mezz, b’tali mod li s-sempliċi eżistenza ta’ proċedura kriminali tista’ tkun biżżejjed. |
34. |
Il-Kummissjoni żżid li, sabiex tevalwa jekk kienx hemm kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità, l-awtorità kontraenti kellha tqis il-miżuri ta’ dissoċjazzjoni li din adottat sabiex tiddissoċja ruħha mill-aġir kriminali tal-amministratur tagħha. |
35. |
Il-fatt li Mantovani ma kkunsidratx il-proċedura kriminali li l-amministratur tagħha kien involut fiha jista’ wkoll ikun jaqa’ taħt r-raġuni għall-esklużjoni tal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18. L-obbligu li l-offerent jiddikjara l-eżistenza ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità huwa indipendenti mis-setgħat ta’ kontroll u ta’ verifika mogħtija lill-awtorità kontraenti mill-Artikoli 45(3) u 51 tad-Direttiva 2004/18, peress li dawn huma limitati għal verifika purament formali jew għall-konferma tar-riżultati diġà magħrufin. |
36. |
Finalment, il-Kummissjoni tipprovdi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kawżi tal-esklużjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
V. Analiżi
A. Rimarka preliminari
37. |
Id-domandi li jagħmel il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, jirrigwardaw il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni legali Taljana [l-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP] mad-Direttiva 2004/18. Madankollu, kemm fil-proċeduri quddiem din il-ġurisdizzjoni kif ukoll fl-osservazzjonijiet ta’ wħud mill-partijiet matul it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kontroversja ġiet estiża għal mod kif għandha tiġi interpretata (u applikata) id-dispożizzjoni nazzjonali, kontroversja li l-Qorti Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex timmedja. |
38. |
Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun limitata biss għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18, sabiex tiċċara lill-qorti tar-rinviju jekk ir-regola interna, kif esposta minnha, hijiex kontra dik tal-Unjoni. Jekk jiġi deċiż li hija kompatibbli, hija l-qorti nazzjonali dik li għandha tiċċara kif għandhom jiġu interpretati u applikati d-diversi paragrafi tal-Artikolu 38 tas-CCP. |
39. |
Kif se nanalizza iktar ’il quddiem, il-leġiżlatur Taljan għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jilqa’ l-kawżi fakultattivi għall-esklużjoni tal-offerenti li jinsabu fid-Direttiva 2004/18 u sabiex jispeċifika l-kontenut tagħhom. Sakemm ma jkunx hemm inkompatibbiltà ma’ dik id-direttiva, huma l-Istati Membri dawk li għandhom jistabbilixxu, skont l-għażliet tal-politika leġiżlattiva tagħhom stess, il-kontenut tar-regoli nazzjonali rilevanti. |
40. |
Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet xi domandi preliminari dwar il-kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi ma huwiex raġuni suffiċjenti sabiex dik li issa qed issir mill-qorti tar-rinviju tiġi ddikjarata inammissibbli —kif tissuġġerixxi l-Provinċja ta’ Bolzano— peress li għandha ċerti elementi li jagħmluha differenti minn domandi preċedenti oħra ( 8 ). |
B. Il-formulazzjoni tad-domanda preliminari
41. |
Minn dak li ġie espost mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jirriżulta li Mantovani kienet eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għall offerti talli kkomunikat tard jew b’mod insuffiċjenti l-elementi ta’ evalwazzjoni meħtieġa sabiex tiġġustifika d-dissoċjazzjoni tagħha mill-aġir tal-amministratur tagħha, li kien ġie kkundannat qabel ma hija ppreżentat id-dikjarazzjonijiet tagħha lill-awtorità kontraenti. |
42. |
Id-deskrizzjoni tal-fatti tippermetti, mill-bidu, li jiġi llimitat l-effett li, għar-rinviju preliminari, jista’ jkollha l-ewwel waħda mit-tliet dispożizzjonijiet tal-Unjoni previsti [fl-Artikolu 45(2)(c) tad-Direttiva 2004/18]. |
43. |
Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-operatur ekonomiku li jkun “ingħata sentenza b’ħaqq tal-qorti li għandha s-saħħa tar-res judicata […] ta’ kull offiża li tikkonċerna il-kondotta professjonali tiegħu.” Id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti ma tidhirx li, prima facie, tiddependi fuq din il-premessa, forsi minħabba li s-sentenza ta’ kundanna tal-amministratur saret definittiva fid-29 ta’ Marzu 2014, wara li Mantovani ppreżentat id-dikjarazzjonijiet tagħha relatati mar-rekwiżiti ġenerali meħtieġa mill-avviż ta’ kuntratt (l-4 u s-16 ta’ Diċembru 2013). |
44. |
Fil-fatt, minn qari tal-motivi tad-deċiżjoni amministrattiva ta’ esklużjoni jirriżulta li l-awtorità kontraenti ma bbażatx ruħha direttament fuq il-kundanna kriminali tas-Sur B., iżda fuq il-komunikazzjoni tard u insuffiċjenti (minn Mantovani) tal-elementi tal-ġudizzju meħtieġa sabiex juru li l-impriża kienet iddissoċjat ruħha mill-aġir punibbli tal-amministratur tagħha. Il-fattur deċiżiv kien, għalhekk, li l-offerent ma kkomunikatx b’mod xieraq l-eżistenza tal-kundanna kriminali tas-Sur B., bħala fatt li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, juri d-dissoċjazzjoni bejn l-impriża u l-amministratur tagħha. |
45. |
Din iċ-ċirkustanza, kif issostni l-Kummissjoni, setgħet twassal sabiex wieħed jaħseb li r-raġuni għall-esklużjoni effettivament applikata ma kinitx taqa taħt l-Artikolu 45(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/18, għalkemm hija relatat miegħu. Għaldaqstant, wieħed għandu jifhem li l-imġiba ta’ Mantovani tista’ taqa’ taħt il-punt d) ta’ dak l-istess paragrafu, jiġifieri, it-twettiq ta’ “kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu juru”. |
46. |
Huwa veru, madankollu, li minkejja li d-dritt Taljana inkorpora l-kawża tal-esklużjoni minħabba “kondotta ħażina ta’ ċerta gravità” taħt l-Artikolu 38(1)(f) tas-CCP, id-domanda tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) ma tikkonċernax din il-kawża. Minkejja dan, xejn ma jipprekludi li din tiġi xorta waħda analizzata fil-kuntest tad-domanda preliminari ( 9 ). |
47. |
Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti, “l-fatt li qorti tar-rinviju fformulat domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet biss tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża” ( 10 ). |
48. |
Bl-istess mod, u fl-ambitu speċifiku tad-Direttiva 2004/18, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien xieraq li fis-sentenza Croce Amica One Italia ( 11 ), tiċċara lill-qorti tar-rinviju li, għalkemm din donnha kienet qed torbot “l-aġir tar-rappreżentant legali ta’ […] għall-uniċi kawżi ta’ esklużjoni li huma relatati mad-dritt kriminali u li jimplikaw kundanna permezz ta’ deċiżjoni li saret res judicata, […] l-kawżi tal-esklużjoni previsti fl-Artikolu 45(2)(d) u (g) ta’ din id-direttiva, jagħtu wkoll lill-awtoritajiet kontraenti s-setgħa li jeskludu kwalunkwe operatur ekonomiku li wettaq żball gravi fil-qasam professjonali [kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità], kkonstatat b’kull mezz li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġġustifikaw […] mingħajr ma jkun meħtieġ li l-operatur ekonomiku jkun ġie suġġett għal kundanna mogħtija permezz ta’ sentenza definittiva”. |
49. |
Jista’ jkun utli, għalhekk, li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tittrattax biss ir-raġuni għall-esklużjoni skont l-Artikolu 45(2)(c) u (g), tad-Direttiva 2004/18 (li fuqhom hija bbażata d-domanda preliminari), iżda tittratta wkoll ir-raġuni fl-ittra (d). Fil-qosor, għandu jiġi ċċarat jekk dispożizzjoni legali nazzjonali bħal dik inkwistjoni tmurx kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18. |
50. |
Jiena ninsisti li, fil-każ ta’ risposta affermattiv għad-dubju dwar il-kompatibbiltà tal-liġi Taljana mad-Direttiva 2004/18, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-awtorità kontraenti setgħetx teskludi b’mod validu lil Mantovani mill-kuntratt, talli ma pprovdietx informazzjoni dwar il-kundanna kriminali mogħtija lil ex amministratur, li ttermina l-funzjonijiet tiegħu inqas minn sena qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt. |
C. Il-kawżi fakultattivi ta’ esklużjoni
51. |
Fuq il-marġni ta’ manuvra li l-awtoritajiet kontraenti għandhom fir-rigward tal-kawżi fakultattivi ta’ esklużjoni pprovduti fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Connexxion Taxi Services ( 12 ) fakkart li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet enfasizzat fis-sentenza La Cascina et ( 13 ), taħt id-Direttiva 92/50/KEE ( 14 ) (li l-Artikolu 29 tagħha kellu test simili għal dak tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18): li l-applikazzjoni tal-każijiet ta’ esklużjoni fakultattiva titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, kif jidher mill-espressjoni “jista’ jkun esklużi minn parteċipazzjoni f’kuntratt”, li kienet tidher fil-bidu tal-Artikolu 29. L-Istati Membri ma jistgħux iżidu kawżi ta’ esklużjoni ma dawk indikati fid-dispożizzjoni, iżda l-imsemmi Artikolu 29 tad-Direttiva 92/50 ma jipprevedix applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kawżi ta’ esklużjoni. |
52. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-Direttiva 2004/18 kienet diġà fis-seħħ, segwiet din l-istess linja fis-sentenza Consorcio Stabile Libor Lavori Publicci ( 15 ), li l-punt 35 tagħha jirrepeti l-argumenti tas-sentenza La Cascina et ( 16 ). Hija tirrepeti li l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw, skont il-liġi nazzjonali tagħhom u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, tikkonferma l-libertà tal-Istati Membri sabiex jimplementaw u, jekk jixtiequ, jagħmlu iktar flessibbli l-kriterji ta’ esklużjoni, u dan ġie rripetut fis-sentenza, tal-14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services ( 17 ). |
53. |
Kif ġie pprovdut ukoll f’dawk il-konklużjonijiet ( 18 ), mis-sentenza Consorcio Stabile Libor Lavori Publicci ( 19 ) jirriżulta li l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa mill-Istati, madankollu, ma hijiex mingħajr kundizzjonijiet. Minn naħa, l-Unjoni tagħti importanza kbira lil-libertà ta’ stabbiliment u lil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fatt li jwassalha sabiex twitti t-triq b’tali mod li l-ftuħ tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti jkun wiesa’ kemm jista’ jkun, triq li fiha l-applikazzjoni tar-raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni tista’ tkun ostakolu. U min-naħa l-oħra, huwa leġittimu li r-raġunijiet ta’ esklużjoni jiġu ġġustifikati billi jingħad li jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-garanziji ta’ affidabbiltà, ta’ diliġenza, ta’ onestà professjonali u ta’ serjetà tal-offerent. Għall-verifika ta’ dan il-kuntrast ta’ interessi, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
D. L-impatt fuq l-impriża offerenti tal-atti kriminali tal-amministraturi tagħha [Artikolu 45(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/18]
54. |
L-element li jiddefinixxi l-affidabbiltà jew in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-impriża offerenti f’din il-kawża jirriżulta mill-kondotta kriminali ta’ ex amministratur, meta dan kien inkarigat mill-ġestjoni tagħha. Dan ir-reat jista’ jipproġetta l-konsegwenzi tiegħu fuq il-kumpannija mmexxija mill-amministratur? Ir-risposta fl-affermattiv hija pprovduta fid-dritt tal-Unjoni stess, mill-premessa li l-persuni ġuridiċi jaġixxu biss permezz tal-amministraturi tagħhom. Huwa loġiku, għaldaqstant, li n-nuqqas ta’ kredibbiltà tagħhom tiġi evalwata mill-perspettiva tal-atti kriminali mwettqa minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tagħhom. |
55. |
L-Artikolu 45(1) in fine tad-Direttiva 2004/18 jippermetti li t-talbiet għal informazzjoni relatata mal-kawża ta’ esklużjoni (obligatorja, mhux fakultattiva) għal ċerti reati serji jistgħu jirrigwardaw “persuni legali u/jew naturali [fiżiċi], inklużi, jekk xieraq, diretturi ta’ Kumpannija u kull persuna li għandha poteri ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fir-rigward tal-kandidat jew dak li jkun xeħet l-offerta”. |
56. |
Id-dispożizzjoni turi, għalhekk, li ċerti atti kriminali ta’ dawk li jmexxu persuna ġuridika huma rilevanti sabiex din tiġi eskluża, b’mod obbligatorju, mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku. Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda oġġezzjoni, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, għall fatt li dan l-istess prinċipju jiġi estiż (issa, fuq bażi fakultattiva) għal tipi ta’ reati oħra u anki għal aġiri irregolari tal-amministraturi tal-persuni ġuridiċi, sa fejn ir-riperkussjonijiet tagħhom jaffettwaw il-kondotta professjonali ta’ dawn tal-aħħar. |
57. |
Huwa veru li l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, għall-kuntrarju tal-paragrafu (1), ma jinkludix dispożizzjoni espliċita f’dan ir-rigward. Madankollu, ma naħsibx li din l-ommissjoni hija kruċjali sabiex tipprevjeni li l-liġi nazzjonali torbot l-okkorrenza ta’ xi waħda mill-kawżi ta’ esklużjoni fakultattiva tal-persuni ġuridiċi mal-aġir irregolari tal-amministraturi tagħhom. |
58. |
Kif diġà pprovdejt, l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jistabbilixxu l-“kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni” tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattiva. Fl-użu ta’ din il-libertà, ir-regoli nazzjonali li jirriflettu l-profili speċifiċi ta’ xi kawżi (pereżempju, dawk relatati mal-integrità tal-impriża offerenti) jistgħu jinkorporaw, bħala fattur rilevanti, l-aġir tal-amministraturi ta’ kumpannija li jmur kontra l-unur professjonali. |
59. |
Bl-istess mod, u fuq il-bażi tal-libertà ta’ konfigurazzjoni li jgawdu l-Istati, ma hemm xejn li jipprekludi li, għall-evalwazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattiva, il-liġi nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ dissoċjazzjoni tal-impriża mill-aġir kriminali tal-amministratur tagħha, meta dan “[j]ikkonċerna il-kondotta professjonali tiegħu”. Huma wkoll il-leġiżlatur tal-Istat u, fejn xieraq, il-qorti li għandha ssolvi t-tilwima li għandhom jiddeterminaw liema evidenza jew fatturi rilevanti jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm dik id-dissoċjazzjoni jew le. |
60. |
Fost dawn il-fatturi hemm dawk indikati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, in-natura spontanja tad-dissoċjazzjoni, “il-materjalizzazzjoni[, kunsiderevoli jew żgħira] ta’ aġiri li jeżoneraw”, il-perijodu ta’ żmien u l-fażi tal-proċedura li fiha kellha ssir din id-dissoċjazzjoni. Nirrepeti li huma l-qrati nazzjonali dawk li għandhom jiddefinixxu l-portata ta’ dawn l-elementi, li fir-realtà ma huma xejn ħlief “punti ta’ kjarifika” introdotti mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiddefinixxi l-limiti tal-kawża ta’ esklużjoni fakultattiva u l-evidenza li għandha tintuża sabiex din tiġi vverifikata ( 20 ). |
61. |
Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat), fid-domanda tiegħu, jindika li l-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP, minn naħa, “jestendi” id-dmir li tingħata informazzjoni dwar is-sentenzi ta’ kundanna għall-każ li fih dawn ikunu ġew imposti fuq id-detenturi ta’ pożizzjonijiet għolja fl-impriżi offerenti; u min-naħa l-oħra, “huwa motiv ta’ esklużjoni” li “l-impriża ma turix” id-dissoċjazzjoni tagħha mill-aġir kriminali ta’ dawn il-persuni. |
62. |
Għalhekk, l-argumenti li għadni kif esponejt iwassluni sabiex ngħid li ma hemm ebda ostakolu, fid-Direttiva 2004/18, sabiex il-leġiżlatur nazzjonali jipprovdi, fit-termini li użat is-CCP, din il-kawża ta’ esklużjoni fakultattiva. Ma narax kif dan jista’ jippreġudika l-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, din hija raġuni għall-esklużjoni li għandha tendenza li tippreżerva l-interess ġenerali li huwa sottostanti fil-ħtiġijiet ta’ affidabbiltà, diliġenza u kondotta professjonali onesta tal-offerenti. |
63. |
Bl-istess mod, jidhirli li r-riferiment tal-qorti tar-rinviju (b’mod pjuttost ġeneriku u f’termini mhux wisq motivati) għall-“prinċipji tad-dritt Ewropew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza, ta’ projbizzjoni milli tittaqqal il-proċedura u ta’ ftuħ massimu għall-kompetizzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt [kuntratti pubbliċi] […]”, ma jikkontribwixxi xejn sinjifikattiv għad-dibattitu. |
64. |
Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Artikolu 45(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/18 ma jirreferix b’mod espliċitu għad-dissoċjazzjoni tal-impriża fir-rigward tar-reati tal-amministraturi tagħha ma jfissirx li l-leġiżlatur nazzjonali ma jistax jinkorpora dan il-fattur fid-dispożizzjoni korrispondenti tas-CCP. Kif diġà rrepetejt, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-“kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni” tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 fid-dritt intern tagħhom. |
65. |
Għalhekk, dispożizzjoni bħall-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP, li tipprevedi li l-impriżi li ma jurux li huma dissoċjati kompletament u effettivament minn ċerti reati ( 21 ) mwettqa preċedentement minn dawk li kienu f’pożizzjonijiet ta’ ġestjoni tagħhom tista’ tiġi eskluża milli tipparteċipa fil-kuntratt, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
E. L-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku talli ma pprovdiex l-informazzjoni meħtieġa lill-entità kontraenti [Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18]
66. |
Il-qorti a quo tenfasizza li l-“evalwazzjoni […] hija l-kompitu tal-entità kontraenti” u li dan jippermettilha “tintroduċi konkretament” obbligu ta’ informazzjoni (fuq l-impriżi offerenti) li “[ma huwiex previst] mil-liġi”. Din l-entità tkun stabbiliet, ukoll, “obbligu ta’ kooperazzjoni leali li t-termini tiegħu ma humiex iddefiniti b’mod preċiż, ħlief b’riferiment għall-prinċipju ġenerali ta’ bona fide”. |
67. |
Sa fejn dawn l-osservazzjonijiet tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) jikkontestaw l-azzjoni ta’ amministratur minħabba li jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarja, hija din il-ġurisdizzjoni suprema li għandha tidentifika l-konsegwenzi fil-liġi nazzjonali tagħha ( 22 ). Ir-risposta għad-domanda preliminari ma għandhiex tinterferixxi fil-qasam tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali stess. |
68. |
Nixtieq infakkar, ukoll, li d-domanda preliminari ssir sabiex tiġi evalwata l-inkompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-Direttiva 2004/18. U minn din il-perspettiva, ir-risposta għandha tanalizza l-kontenut tal-Artikolu 38(1)(h) tas-CCP fid-dawl tal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18. |
69. |
Madankollu (kif ġie enfasizzat fl-osservazzjonijiet tal-Provinċja ta’ Bolzano) l-esklużjoni ma kinitx ibbażata fuq din il-kawża, iżda fuq il-fatt li s-silenzju tal-offerent kien jirrappreżenta indikazzjoni tan-nuqqas tagħha li tiddissoċja ruħha mill-aġir kriminali tal-amministratur. Għalhekk, ma jidhirx li huwa strettament neċessarju li jiġi interpretat l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18, peress li r-regola nazzjonali li ttrasponiet din id-dispożizzjoni speċifika ta’ dik id-direttiva ma kinitx dik li ġiet applikata fil-każ preżenti. |
70. |
Minkejja dan, naħseb li ma tista’ ssir ebda kritika ta’ inkompatibbiltà tar-regola nazzjonali f’dan il-punt, minħabba li kliemha jaqbel, essenzjalment, ma’ dak tar-regola tal-Unjoni li tittrasponi. It-tnejn li huma jeħtieġu li l-offerenti jipprovdu informazzjoni lill-awtorità kontraenti li ma jkunx fiha dikjarazzjonijiet foloz. L-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18 iżid li l-esklużjoni tal-imsemmija offerenti tista’ sseħħ mhux biss minħabba dikjarazzjonijiet foloz tagħhom, iżda wkoll meta dawn ma jipprovdux informazzjoni relatata mal-“kriterji għal għażla kwalitattiva” (taqsima II tal-kapitolu VII tat-titolu II tad-Direttiva). |
71. |
Għalhekk, il-fatt li l-awtorità kontraenti tiċċaħħad mill-għarfien tal-azzjonijiet kriminali tal-ex amministratur jista’ jkun ukoll —kif se nanalizza immedjatament— element evalwattiv f’idejn il-qorti nazzjonali, sabiex tevalwa jekk kienx hemm kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità. |
F. L-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku minħabba kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità [Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18]
72. |
Għalkemm id-domanda tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat), ġustament, ma ssemmix din il-kawża għall-esklużjoni, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħtiha riflessjonijiet dwarha, kif spjegajt qabel. L-argumenti tal-partijiet matul is-seduta ffokaw, b’mod speċifiku, fuq din il-kwistjoni, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha. |
73. |
Il-“kondotta professjonali ħażina” imsemmija fl-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 tkopri kwalunkwe aġir li jinvolvi ħtija u li jaffettwa l-kredibbiltà professjonali tal-operatur ekonomiku ( 23 ). Il-kunċett ta’ “kondotta ħażina ta’ ċerta gravità” juri aġir li jinvolvi intenzjoni kriminali jew negliġenza ta’ ċertu daqs ( 24 ). Sentenza ta’ kundanna, għalkemm ma tkunx definittiva ( 25 ), hija indikatur xieraq sabiex il-fatti ta’ oriġini kriminali jkunu assoċjati ma’ min iwettaq il-kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ( 26 ). Is-sentenza nnifisha hija mezz iġġustifikat ta’ konstatazzjoni oġġettiva tal-mod li bih tkun saret il-ġestjoni tal-offerent. |
74. |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi, u b’kunsiderazzjoni tan-natura tar-reati li ġie kkundannat għalihom l-amministratur, li juru mingħajr dubju nuqqas ta’ kondotta professjonali intraprenditorjali fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tiegħu, in-nuqqas ta’ dissoċjazzjoni ta’ Mantovani minn dak l-aġir, legalment, seta’ jaqa’ taħt din ir-raġuni għall-esklużjoni. |
75. |
Huwa meħtieġ, għal dan il-għan, li ssir distinzjoni bejn il-livell sostantiv u dak li jikkonċerna l-prova tal-fatti. Fir-rigward din tal-aħħar, l-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2004/18 jgħin sabiex jiġi identifikat l-aspett loġiku u sistematiku tal-mezzi tal-informazzjoni li l-awtorità kontraenti tista’ tuża sabiex tevalwa l-affidabbiltà tal-offerent. |
76. |
Id-dispożizzjoni ċċitata teħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti jaċċettaw, bħala prova, il-mezzi elenkati minnha, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 45(1) u (2)(a), (b), (ċ), (e) u (f). Dawn huma każijiet li fihom ikun hemm possibbiltà (relattivament faċli) ta’ konstatazzjoni uffiċjali tal-aġir, permezz ta’ rekords jew ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi. |
77. |
Madankollu, għall-każijiet l-oħra (jiġifieri dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 45(2)(d) u (g) tad-Direttiva 2004/18) ma teżistix din il-kundizzjoni dokumentali. Dan huwa loġiku, peress li f’dak li jirrigwarda dawn ir-raġunijiet għall-esklużjoni (kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità u d-dikjarazzjonijiet foloz jew in-nuqqas ta’ produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa) il-possibbiltajiet ta’ verifika huma iktar miftuħin. Diffiċli jinstab standard uniformi fl-Istati Membri differenti li jippermetti li jiġu stabbiliti b’mod unifikat l-istrumenti jew mekkaniżmi li jipprovdu rekord uffiċjali ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. |
78. |
Fil-każ tal-kawżi fakultattivi ta’ esklużjoni li għalihom ma huwa previst ebda rekord uffiċjali, kif jiġri fil-każ ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità, il-marġni ta’ manuvra tal-awtorità kontraenti ma huwiex marbut ma’ xi dokument jew ċertifikat partikolari. Tali kondotta ħażina tista’ tiġi evalwata permezz tal-għarfien li l-awtorità kontraenti jkollha, bi kwalunkwe mezz, dwar il-fatti rilevanti. |
79. |
F’dak li jirrigwarda l-prova, ma għandux jintesa li, f’dan il-każ, ħadd ma kkontesta l-eżistenza, iddokumentata kif suppost, tal-kundanna (innegozjata) imposta fuq l-amministratur ta’ Mantovani talli wettaq reati li affettwaw il-kondotta professjonali, filwaqt li kien jeżerċita funzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ dik il-kumpannija. |
80. |
Fuq il-bażi ta’ dan il-fatt inkontestabbli, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom issir it-talba ta’ Mantovani, li għandhom jivverifikaw jekk il-kumpannija offerenti kinitx iddissoċjat ruħha jew le, effettivament u kompletament, mill-aġir kriminali tal-amministratur tagħha. Għalhekk, f’dan il-punt id-dibattitu jgħaddi għal livell li jiena sejjaħt fuq il-mertu, u jitbiegħed minn dak purament proċedurali. |
81. |
F’dan id-dibattitu l-azzjonijiet ta’ Mantovani għandhom jiġu ġġudikati mhux biss mill-angolu tal-klassifikazzjoni tal-fatt, iżda wkoll mill-perspettiva tal-proporzjonalità tar-risposta tal-awtorità kontraenti. Element li, għal dawn l-iskopijiet, jista’ jkollu effett huwa l-perijodu ta’ żmien li għadda bejn l-aġir kriminali, l-azzjoni tal-impriża u d-data tas-sejħa għall-offerti. |
82. |
Naħseb, ukoll, li l-perijodu pprovdut fis-CCP (is-sena ta’ qabel id-data tal-avviż tas-sejħa għall-offerti) huwa raġonevoli sabiex tiġi evalwata l-konnessjoni bejn l-aġir tal-amministratur u l-impriża, fir-rigward ta’ azzjonijiet meħuda immedjatament qabel il-proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, dan it-terminu ma jimplikax preżunzjoni juris et de jure tal-kollużjoni bejn il-kumpannija u l-attivitajiet tal-amministratur, peress li tippermetti li din tagħti prova tad-dissoċjazzjoni effettiva u sħiħa tagħha minn dan l-amministratur. |
83. |
Ma nemminx, finalment, li s-setgħat diskrezzjonali li r-regola interna tagħti lill-awtorità kontraenti neċessarjament iwasslu għal riżultat sproporzjonat. Għall-kuntrarju, naħseb li, l-Artikolu 38(1)(c) tas-CCP josserva l-armonija meħtieġa bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex, li huwa sempliċement dak li offerenti li ma humiex affidabbli jinżammu l-bogħod minn dawn il-proċeduri ta’ għażla, preċiżament talli ma ddissoċjawx ruħhom mill-kondotta kriminali preċedenti tal-amministraturi tagħhom fi ħdan ċerti limiti ta’ żmien. |
84. |
Fl-aħħar nett, l-esklużjoni tal-offerent ma hijiex awtomatika ( 27 ), iżda hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni prudenti ad casum, li għandha ssir mill-awtorità kontraenti. Id-difiża tal-pożizzjoni legali tal-offerent lanqas ma titqiegħed f’sitwazzjoni prekarja peress li hemm il-possibbiltà ta’ stħarriġ effettiv, mill-qrati, tal-eżerċizzju li l-amministrazzjoni wettqet tas-setgħa tagħha li tevalwa l-konformità tad-dmirijiet professjonali tal-operatur. |
85. |
Fil-qosor, ma nsibx bażi li fuqha tista’ tissejjes l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regola nazzjonali li fuqha l-qorti tar-rinviju tibbaża d-domanda tagħha. |
VI. Konklużjoni
86. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata lill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) tkun kif ġej: “L-Artikolu 45(2)(ċ), (d) u (g), u (3) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] ma jipprekludux dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti li awtorità kontraenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
( 3 ) Digriet Leġiżlattiv tat-12 ta’ April 2006, Nru 163, Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006) (iktar ’il quddiem, “CCP”).
( 4 ) Reati ta’ “parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, korruzzjoni, frodi u ħasil tal-flus, kif imsemmi fid-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2004/18”.
( 5 ) S 145-251280.
( 6 ) Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), punt 27.
( 7 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia (C‑440/13, EU:C:2014:2435), punt 28.
( 8 ) L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari lanqas ma hija prekluża miċ-ċirkustanza, enfasizzata mill-Provinċja ta’ Bolzano fis-seduta u msemmija wkoll fl-Opinjoni tal-ANAC tal-25 ta’ Frar 2015, li l-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) kien diġà ddeċieda sentenza f’kawża simili, fejn ikkonferma l-esklużjoni ta’ Mantovani minn kuntratt pubbliku ieħor għal raġunijiet simili. F’dik is-sentenza (numru 6284), li ngħatat fit-22 ta’ Diċembru 2014 mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) b’kulleġġ ġudikanti differenti (ir-raba’ taqsima) minn dik li għamel id-domanda preliminari (is-sitt taqsima), ġie ddikjarat li kien legali li Mantovani tiġi eskluża mill-proċedura tal-għoti minħabba li din ma wrietx id-dissoċjazzjoni effettiva tagħha mill-aġir kriminali tal-amministraturi tagħha, meta ma kkomunikatx is-sentenzi ta’ kundanna li ġew imposti fuqhom.
( 9 ) Fuq il-bażi tar-rimarki li saru fis-seduta, ma hemm ebda ostakoli proċedurali fid-dritt nazzjonali sabiex il-qorti a quo tieħu inkunsiderazzjoni din il-parti tar-risposta għad-domanda preliminari, sabiex finalment tiddeċiedi l-appell.
( 10 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Impresa Edilux u SICEF (C‑425/14, EU:C:2015:721), punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 11 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014 (C‑440/13, EU:C:2014:2435), punt 28.
( 12 ) Kawża C‑171/15, EU:C:2016:506, punti 41 et seq.
( 13 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2006 (C‑226/04 u C‑228/04, EU:C:2006:94), punti 21 u 23.
( 14 ) Id-Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).
( 15 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014 (C‑358/12, EU:C:2014:2063).
( 16 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2006 (C‑226/04 u C‑228/04, EU:C:2006:94).
( 17 ) C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 29.
( 18 ) Kawża Connexxion Taxi Services (C‑171/15, EU:C:2016:506), punt 44.
( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014 (C‑358/12, EU:C:2014:2063), punti 29, 31 u 32.
( 20 ) Se nirreferi għall-provi, fir-rigward tal-Artikolu 45(3) tad-Direttiva 2004/18, fl-eżaminazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni minħabba kondotta professjonali ħażina fil-punti 75 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) Ara l-lista tagħhom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4. Dawn kollha jaffettwaw il-kondotta professjonali tal-awturi tagħhom.
( 22 ) Fis-seduta, uħud mill-partijiet invokaw l-Artikolu 38(2) u l-Artikolu 46 tas-CCP bħala prova tad-dmir tal-offerenti li jippreżentaw fid-dikjarazzjonijiet tagħhom lill-awtorità kontraenti s-sentenzi li fihom kienu ġew ikkundannati. Il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) irrefera għall-istess dispożizzjonijiet fis-sentenza tiegħu tat-22 ta’ Diċembru 2014, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.
( 23 ) Mantovani ssostni li, skont il-liġi nazzjonali, l-uniċi reati serji li huma adattati sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 38(1)(f) tas-CCP huma dawk prodotti fil-kuntest tar-relazzjonijiet preċedenti tagħha mal-awtoritajiet kontraenti (għalkemm tammetti li dawn jistgħu jiġu estiżi għal oqsma oħra, bħall-ksur fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni). Anki li kieku dan kien minnu (u din l-allegazzjoni hija miċħuda mill-Provinċja ta’ Bolzano), din iċ-ċirkustanza ma taffettwax ir-risposta għad-domanda preliminari, limitata għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18, skont liema huwa ċar li din l-allegata restrizzjoni ma teżistix. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) irrepeta li l-kliem tal-Artikolu 38(1)(f) tas-CCP “jirriproduċi l-kliem Komunitarju u, għalhekk, isiru rilevanti l-kondotti professjonali ħżiena kollha mwettqa” (sentenza tal-ħames taqsima tal-20 ta’ Novembru 2015, Nru 5299, maħruġa fl-appell Nru 7974 tal-2012).
( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), punti 27, 30 u 31.
( 25 ) Fil-punt 28 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia (C‑440/13, EU:C:2014:2435), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, fir-rigward tal-kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità, ma huwiex meħtieġ li l-operatur ekonomiku jkun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza definittiva.
( 26 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), punt 28.
( 27 ) Mis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), punt 31, jirriżulta li applikazzjoni awtomatika (f’termini tal-esklużjoni tal-offerent responsabbli għal reati serji) tista’ taqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18.