KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-26 ta’ April 2017 ( 1 )

Kawża C‑174/16

H.

vs

Land Berlin

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim qafas irrevedut fuq il-leave parentali – Kunċett ta’ ‘drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba’ – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ta’ sentejn ta’ uffiċjal bi prova għal pożizzjoni ta’ tmexxija, ipso iure u mingħajr possibbiltà ta’ estensjoni anki fil-każ tal-assenza minħabba leave parentali – Ġustifikazzjoni – Ksur tad-dritt tal-Unjoni – Kumpens’

1. 

Huwa ammissibbli, fir-rigward tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol ( 2 ) kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE ( 3 ), li l-perijodu ta’ prova ta’ sentejn, impost fuq uffiċjal bi prova li jkun għadu kif inħatar għal pożizzjoni ta’ tmexxija, ma jiġix sospiż tul il-leave parentali tiegħu? Essenzjalment, din hija l-kwistjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2006/54

2.

Skont l-Artikolu 14(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/54:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

a)

kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjiegi, għal min jaħdem għal rasu jew għall-impjieg, inkluż il-kriterji ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun li tkun il-fergħa ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluż promozzjoni;

[…]

ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga […]”.

3.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54 jipprevedi li “[m]ara li qiegħda bil-leave tal-maternità għandu jkollha d-dritt, wara li jintemm il-perjodu tal-leave tal-maternità tagħha, li terġa’ lura għall-impjieg tagħha jew għal kariga ekwivalenti b’termini u b’kondizzjonijiet li m’humiex inqas favorevoli għaliha u li għadha tibbenifika minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kien ikollha d-dritt matul l-assenza tagħha”.

4.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54 jippreċiża li “[d]in id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet distinti għal-lîf tal-paternità u/jew ta’ l-adozzjoni. Dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu drittijiet bħal dawn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-irġiel u n-nisa li jaħdmu kontra t-tkeċċija minħabba li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u jiżguraw li, fit-tmiem ta’ lîf bħal dan, għandu jkollhom id-dritt li jerġgħu lura għall-impjiegi tagħhom jew għal karigi ekwivalenti b’termini u kondizzjonijiet li m’humiex inqas favorevoli għalihom, u li jibbenefikaw minn kwalunkwe titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li kien ikollhom id-dritt għalihom matul l-assenza tagħhom”.

– Id-Direttiva 2010/18

5.

Il-Ftehim qafas irrevedut fuq il-leave parentali, konkluż fit-18 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas irrevedut”) jinsab fl-anness tad-Direttiva 2010/18. Il-punti 1 u 2 tal-ewwel klawżola tal-ftehim qafas irrevedut huma fformulati kif ġej:

“1.

Dan il-ftehim jistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali għall-ġenituri li jaħdmu […].

2.

Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mil-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”.

6.

Il-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas irrevedut tiddikjara li “[d]an il-ftehim jagħti lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa d-dritt individwali għal leave tal-ġenituri għar-raġuni ta’ twelid jew adozzjoni ta’ wild biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild sal-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali”. Il-punt 2 ta’ din il-klawżola jippreċiża li “[i]l-leave għandu jingħata għal perijodu ta’ mill-anqas erba’ xhur”.

7.

Skont il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas irrevedut, iddedikata għad-drittijiet tal-impjieg u n-nondiskriminazzjoni:

“1.

Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt tal-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

2.

Id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-leave tal-ġenituri għandhom jinżammu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mil-liġi, minn ftehim kollettiv u/jew mill-prattika nazzjonali, għandhom japplikaw.

[…]

4.

Biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave tal-ġenituri, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu lill-ħaddiem kontra trattament anqas favorevoli jew tkeċċija abbażi ta’ applikazzjoni għal, jew teħid ta’, leave tal-ġenituri skont il-liġi, ftehim kollettiv u/jew il-prattiki nazzjonali.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

8.

L-Artikolu 97 tal-Landesbeamtengesetz (liġi tal-Land dwar l-uffiċjali) ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“LBG”) huwa fformulat kif ġej:

“1.

Il-pożizzjonijiet li jaqgħu minn tal-inqas fil-klassi salarjali A 13 […] huma […] [okkupati] għall-ewwel [minn] uffiċjali bi prova fl-amministrazzjoni ta’ Berlin […]. Il-perijodu ta’ prova huwa sentejn. Dan ma jistax jiġi estiż.

[…]

4.

L-uffiċjal bi prova li jkun wettaq il-perijodu ta’ prova tiegħu b’suċċess jinħatar b’konformità mal-paragrafu 1. […] B’deroga […], hija possibbli […] tkeċċija mal-iskadenza ta’ terminu ta’ tnax-il xahar meta jiġi kkonstatat matul l-ewwel sena li l-uffiċjal ma huwiex se juri li huwa kompetenti matul il-perijodu ta’ prova tiegħu. Fil-każ ta’ dubju dwar il-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-perijodu ta’ prova, il-kollegi u s-superjuri ġerarkiċi jridu jiddiskutu regolarment, mill-inqas kull tliet xhur wara l-konstatazzjoni ta’ dubji fondati. L-uffiċjal li ma jinħatarx fi tmiem il-perijodu ta’ prova jitlef kull dritt għar-remunerazzjoni relatata mal-pożizzjoni li ma tiġix assenjata. L-uffiċjal ma jkunx kiseb iktar drittijiet. Matul perijodu ta’ sena, l-uffiċjal ma jistax jiġi aċċettat għal perijodu ta’ prova fl-istess pożizzjoni. Meta l-uffiċjal ma jkunx wettaq b’suċċess il-perijodu ta’ prova tiegħu għall-ewwel darba sempliċement minħabba l-fatt li huwa ma setax jeżerċita l-funzjonijiet ta’ din il-pożizzjoni ta’ tmexxija matul perijodu estiż, is-superjur ġerarkiku jista’ jawtorizza l-eċċezzjonijiet għas-sentenza 7.

[…]”

Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.

H., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ilha taħdem bħala uffiċjal permanenti fl-amministrazzjoni muniċipali ta’ Berlin mill-2002. Skont proċedura ta’ reklutaġġ, hija ġiet promossa, b’att ta’ ħatra fl-20 ta’ Settembru 2011, għall-grad ta’ uffiċjal bi prova assenjat f’pożizzjoni ta’ tmexxija (pożizzjoni ta’ konsulent fil-klassi salarjali B 2) filwaqt li sa dak iż-żmien hija kienet tokkupa pożizzjoni inqas fil-grad b’inqas responsabbiltajiet u b’inqas dħul (pożizzjoni ta’ konsulent fil-klassi salarjali A 16).

10.

Mill-25 ta’ Lulju 2011 sad-19 ta’ Jannar 2012, H. ħadet leave tal-mard għal raġunijiet relatati mat-tqala tagħha. Mill-20 ta’ Jannar 2012 sad-29 ta’ Mejju 2012, hija bbenefikat minn leave tal-maternità legali segwit minn leave ta’ konvalexxenza. Mit-30 ta’ Mejju 2012, il-persuna li kienet timpjegaha tatha leave parentali, estiż diversi drabi fuq it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ntemm fl-20 ta’ Frar 2015.

11.

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2013, il-Landesverwaltungsamt Berlin (uffiċċju tal-amministrazzjoni tal-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), fil-kwalità tiegħu bħala aġenzija ddelegata tal-persunal tal-Land Berlin (Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), avża lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li hija ma kinitx temmet b’suċċess il-perijodu ta’ prova tagħha ta’ sentejn għall-pożizzjoni ta’ tmexxija li kienet ġiet assenjata lilha bħala uffiċjal bi prova. Peress li hija qatt ma okkupat l-imsemmija pożizzjoni, ġiet informata li l-istatus ta’ uffiċjal bi prova tagħha kien intemm fid-19 ta’ Settembru 2013, b’konformità mal-Artikolu 97(4) tal-LBG. F’din l-istess deċiżjoni, H. ġiet informata li hija kienet ser terġa’ tiġi assenjata fil-pożizzjoni ta’ grad inferjuri li kienet tokkupa qabel il-ħatra tagħha fl-2011.

12.

Matul it-tieni parti tas-sena 2012, il-pożizzjoni ta’ tmexxija li għaliha H. kellha twettaq il-perijodu ta’ prova tagħha ta’ sentejn kienet suġġetta għal kompetizzjoni oħra u ngħatat lil persuna oħra.

13.

H. ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2014, billi argumentat b’mod partikolari li l-imsemmija deċiżjoni tmur kontra d-Direttivi 2006/54 u 2010/18 minħabba li kienet tinvolvi diskriminazzjoni kontra mara li kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ leave parentali. L-uffiċċju tal-amministrazzjoni tal-Land ta’ Berlin ċaħad l-ilment tagħha fl-10 ta’ Novembru 2014. Huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li, fis-servizz pubbliku, ma tistax timtela pożizzjoni ta’ tmexxija permanenti ħlief jekk il-kandidat ikun wettaq b’suċċess perijodu ta’ prova li ż-żmien tiegħu huwa ffissat għal sentejn, mingħajr possibbiltà ta’ estensjoni. Fil-każ ta’ assenza anormalment twila, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk iż-żmien li jkun fadal biex wieħed jeżerċita effettivament il-funzjonijiet huwiex suffiċjenti biex tiġi adottata deċiżjoni pożittiva dwar il-kompetenza tal-uffiċjal bi prova. Issa, H. ma eżerċitatx jum wieħed fil-funzjoni ta’ tmexxija: l-amministrazzjoni kellha tikkonstata li hija ma wettqitx il-perijodu ta’ prova tagħha b’suċċess fid-19 ta’ Settembru 2013. Din ir-regola tapplika bl-istess mod għall-irġiel u għan-nisa; l-irġiel għandhom l-istess drittijiet bħan-nisa f’termini ta’ leave parentali u l-assenza tagħhom għal din ir-raġuni għandha l-istess konsegwenzi fir-rigward tal-Artikolu 97 tal-LBG. B’hekk, l-uffiċċju tal-amministrazzjoni tal-Land ta’ Berlin jikkontesta li hemm diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-Direttiva 2006/54. Fil-fehma tiegħu, lanqas ma hemm diskriminazzjoni indiretta peress li, anki jekk jiġi ammess li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu taż-żmien tal-perijodu ta’ prova, tal-inkapaċità relatata mat-tqala jaffettwa prinċipalment lin-nisa, l-Artikolu 97 tal-LBG ikun iġġustifikat minħabba l-għan leġittimu li għandu jintlaħaq li huwa dak li tiġi vverifikata l-kompetenza li tiġi eżerċitata l-funzjoni li tkun tidher biss wara eżerċizzju effettiv tul perijodu relattivament twil. Fir-rigward tad-Direttiva 2010/18, il-Landesverwaltungsamt Berlin qies li t-tieni sentenza tal-klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas irrevedut tipprevedi li d-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu japplikaw fit-tmiem tal-leave parentali “inkluż kull tibdil ikkawżat mil-liġi” u jqis li l-bidla fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fit-tmiem tal-leave parentali tagħha tirriżulta minn tali emenda minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 97 tal-LBG. Billi l-istatus ta’ uffiċjal bi prova ta’ H. kien intemm b’konformità mal-liġi, ma kienx hemm ksur tad-Direttiva 2010/18.

14.

H. għalhekk ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju, li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 97 tal-LBG mad-Direttivi 2006/54 u 2010/18. Hija tosserva li l-awtorità ġerarkika ma eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex H. tkun tista’ tkompli l-perijodu ta’ prova tagħha mar-ritorn tagħha mil-leave parentali, iżda li, fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija insuffiċjenti għal dan il-għan, speċjalment peress li l-pożizzjoni, li a priori kienet iddestinata għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li kieku wettqet b’suċċess il-perijodu ta’ prova tagħha, imtliet definittivament u ngħatat lil persuna oħra. Jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni, li tipprevedi li l-perijodu ta’ prova biex wieħed jiġi promoss għal pożizzjoni ta’ tmexxija fis-servizz pubbliku jintemm legalment, mingħajr possibbiltà ta’ deroga, sentejn wara l-ħatra bħala uffiċjal bi prova, u dan anki fil-każ meta, matul dan il-perijodu, l-uffiċjal ikun ħareġ bil-leave parentali, tikser id-Direttiva 2006/54 jew id-Direttiva 2010/18, fadal li jiġi ddeterminat liema konsegwenzi għandha tislet il-qorti nazzjonali minn din il-konstatazzjoni fis-sitwazzjoni ta’ H., meta l-pożizzjoni tagħha ngħatat lil persuna oħra, billi l-pożizzjonijiet ekwivalenti rarament jinfetħu u li, meta jinfetħu, għandhom jimtlew obbligatorjament mat-tmiem ta’ proċedura ta’ selezzjoni ġdida li tista’ ddum diversi xhur.

15.

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u, permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru fl-24 ta’ Marzu 2016, indirizzat id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2010/18] kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas [rivedut] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli ta’ dritt nazzjonali li jipprovdu li l-perijodu ta’ prova, li matulu pożizzjoni li tinvolvi funzjoni ta’ tmexxija fis-servizz pubbliku tkun ġiet assenjata lil persuna bi prova, jintemm permezz tal-liġi u bl-eskużjoni ta’ possibbiltà ta’ estensjoni anki jekk l-uffiċjal kien u għadu fuq leave parentali għall-parti l-kbira ta’ dak il-perijodu ta’ prova?

2.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/54], b’mod partikolari l-Artikolu 14(1)(a) jew (ċ), l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li regoli ta’ dritt nazzjonali bil-kontenut kif deskritt fl-ewwel domanda, jinkludu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess meta numru ferm ogħla ta’ nisa milli rġiel huma kkonċernati jew potenzjalment jistgħu jkunu kkonċernati minnhom?

3.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domandi, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni tipprekludi tali regoli tad-dritt nazzjonali anki meta huma ġġustifikati mill-għan li tkun tista’ ssir evalwazzjoni, matul il-perijodu ta’ prova, ta’ pożizzjoni permanenti li tinvolvi funzjoni ta’ tmexxija fil-każ biss li d-dmirijiet effettivament jitwettqu b’mod kontinwu għal perijodu twil ta’ żmien?

4.

F’każ ta’ risposta affermattiva wkoll għat-tielet domanda, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tawtorizza effett legali differenti mill-kontinwazzjoni tal-perijodu ta’ prova immedjatament wara tmiem tal-leave parentali – għat-tul tal-perijodu ta’ prova li jkun għadu ma ntemmx fil-bidu ta’ dan il-leave – għall-istess pożizzjoni ta’ servizz jew waħda paragunabbli, anki meta din il-pożizzjoni jew pożizzjoni stabbilita korrispondenti ma tkunx iktar disponibbli?

5.

L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponi, f’każ simili, sabiex timtela pożizzjoni ta’ servizz jew pożizzjoni oħra b’funzjoni ta’ tmexxija li ma sseħx proċedura ġdida ta’ reklutaġġ permezz tal-inklużjoni ta’ kandidati oħra skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali?”

16.

Fil-kawża preżenti ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mil-Land ta’ Berlin kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

Analiżi

17.

Id-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom l-għan li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-Artikolu 97 tal-LBG huwiex kompatibbli mad-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi 2006/54 u 2010/18 (l-ewwel sat-tielet domandi) u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi ta’ inkompatibbiltà eventwali, fi kliem ieħor liema forma għandu jieħu l-“kumpens” eventwalment dovut lil H. (ir-raba’ u l-ħames domandi).

Fuq l-ewwel sat-tielet domandi preliminari

Fuq id-Direttiva 2010/18

18.

Id-Direttiva 2010/18 u l-ftehim qafas irrevedut anness magħha jimplementaw ir-rekwiżiti minimi, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-ftehimiet kollettivi u/jew tal-prattika nazzjonali ( 5 ) dwar il-leave parentali, deskritt bħala “mezz importanti ta’ rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u dawk tal-familja u li jippromwovi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa” ( 6 ). Il-ftehim qafas irrevedut japplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li jkollhom kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol ( 7 ). Il-fatt li jiġġenera l-leave parentali huwa t-twelid ta’ wild ( 8 ) u l-għan tiegħu huwa li jippermetti lill-ġenituri jieħdu ħsieb dan il-wild ( 9 ). It-tul tiegħu huwa ta’ mill-inqas erba’ xhur ( 10 ). Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas irrevedut tistabbilixxi d-dritt tal-ħaddiem li jerġa’ lura għall-istess impjieg tiegħu jew, f’każ li dan ikun impossibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili “konsistenti mal-kuntratt tal-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol [tiegħu] ( 11 ). Barra minn hekk, id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu fil-mument meta l-ħaddiem jibda l-leave parentali tiegħu “għandhom jinżammu kif inhuma sa meta jintemm” l-imsemmi leave parentali ( 12 ). Huwa meħtieġ ukoll mill-Istati Membri li jieħdu miżuri adegwati biex jipproteġu l-ħaddiema minn trattament inqas favorevoli minħabba t-teħid ta’ leave parentali ( 13 ). Fl-aħħar nett, l-impenn tal-Unjoni Ewropea għal dan l-istrument li jippermetti li jiġu rrikonċiljati l-ħajja tal-familja u dik professjonali huwa tali li dan id-dritt soċjali laħaq livell ta’ dritt fundamentali wara li ġie stabbilit fl-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 14 ).

19.

Essenzjalment huwa fir-rigward tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas irrevedut li għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ H., peress li dan il-ftehim japplika għall-uffiċjali, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ).

20.

Fl-ewwel lok, se jkolli niċħad immedjatament l-argument tal-Land ta’ Berlin li skont dan il-protezzjoni mogħtija mill-ftehim qafas irrevedut hija żgurata lill-ħaddiem, matul u fit-tmiem tal-leave parentali tiegħu, biss matul iż-żmien minimu obbligatorju tal-imsemmi leave, jiġifieri erba’ xhur ( 16 ). Għal konvinzjoni ta’ dan, huwa suffiċjenti qari tal-ġurisprudenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIE, ĊEIP u ta’ KETU ( 17 ). Għalhekk, bil-qari tas-sentenza Meerts ( 18 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ ħaddiem matul il-leave parentali tiegħu, ma hemm xejn li jindika tali limitazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-klawżola tal-imsemmi ftehim qafas dwar il-leave parentali (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li kienet tirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ ritorn tal-ħaddiem li jkun ibbenefika minn leave parentali “[kellha] bħala għan li tevita t-telf jew it-tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol, akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti, li l-ħaddiem jista’ dejjem jirreferi għalihom meta jibda jieħu leave parentali, u li tiggarantixxi li, fit-tmiem tal-imsemmi leave, il-ħaddiem jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan il-leave” ( 19 ). Id-dubju l-iktar l-iktar seta’ jippersisti sa fejn, f’din il-kawża, l-Istat Membru kkonċernat kien għażel li jallinja t-tul tal-leave parentali mat-tul minimu li dak iż-żmien kien previst mill-ftehim qafas. Minkejja dan, il-formalità tal-punt 37 tas-sentenza Meerts ( 20 ), li skontha l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “[i]l-ftehim qafas dwar il-leave parentali għandu għanijiet fundamentali li huma mniżżla fil-Punt 16 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa […], għanijiet li huma marbuta mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ xogħol kif ukoll mal-eżistenza ta’ protezzjoni soċjali adegwata tal-ħaddiema, f’dan il-każ dawk li talbu jew ħadu leave parentali” fil-fehma tiegħi, diġà hija kontra interpretazzjoni li tirrestrinġi l-protezzjoni żgurata għall-imsemmija ħaddiema għaż-żmien minimu tal-leave parentali biss. Fi kwalunkwe każ, id-dubju jiġi eliminat b’mod definittiv fis-sentenzi Chatzi u Riežniece ( 21 ). F’dawn is-sentenzi, kien inkwistjoni żmien massimu tal-leave parentali ffissat għal 18-il xahar u 9 xhur rispettivament. B’hekk dan kien imur sew lil hinn mill-minimu previst mill-ftehim qafas. Issa, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, mingħajr ma għamlet kwalifiki, li l-imsemmi ftehim kien jipprevedi d-dritt għall-ħaddiem, fit-tmiem tal-leave parentali, li jirritorna għall-istess impjieg tiegħu jew impjieg ekwivalenti ( 22 ). Mutatis mutandis ( 23 ), H. b’hekk tista’ tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiem mill-klawżola 5 tal-ftehim qafas irrevedut, anki jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet żmien massimu ta’ leave parentali kunsiderevolment itwal meta pparagunat mal-minimu previst mill-imsemmi ftehim.

21.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li tingħata risposta għall-allegazzjonijiet tal-konvenut fil-kawża prinċipali li jsostni li osserva bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-ftehim qafas irrevedut minħabba l-fatt li, minn naħa, meta reġgħet lura mil-leave parentali, H. ingħatat pożizzjoni ekwivalenti għall-pożizzjoni inqas fil-grad li kienet tokkupa qabel l-att ta’ ħatra tal-20 ta’ Settembru 2011 (jiġifieri pożizzjoni ta’ konsulent tal-klassi salarjali A 16) u, min-naħa l-oħra, hija ma setgħet tinvoka ebda dritt miksub jew fil-proċess li jinkiseb b’rabta mal-pożizzjoni ta’ konsulent tal-klassi salarjali B 2, peress li hija qatt ma effettivament wettqet dawn il-funzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni li l-fatt li H. kienet tilfet l-istatus tagħha ta’ uffiċjal bi prova minħabba li kien għadda l-perijodu ta’ prova ta’ sentejn matul il-leave parentali tagħha għandu jiġi analizzat bħala s-sempliċi konsegwenza ta’ “tibdil” tal-leġiżlazzjoni kif tipprevedi l-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut. Fi kwalunkwe każ, id-dritt għal reintegrazzjoni għandu neċessarjament jiġi interpretat bħala limitat ratione temporis, inkella l-persuni li jimpjegaw ikunu obbligati jħallu vakanti pożizzjonijiet għal żmien indeterminat, u dan ikun jikkostitwixxi theddida għall-funzjonament tajjeb tal-impriżi, u filwaqt li l-kunsiderazzjoni ġenerali 23 tal-ftehim qafas irrevedut tipprevedi speċifikament li għandha tiġi “evitata l-impożizzjoni ta’ rbit […] b’tali mod li jinżamm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju”.

22.

Għal dak li jikkonċerna d-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-formulazzjoni tal-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas – ekwivalenti għall-attwali klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut – kif ukoll mill-kuntest li fih tinsab, jirriżulta li din id-dispożizzjoni kellha “bħala għan li tevita t-telf jew it-tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol, akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti, li l-ħaddiem jista’ dejjem jirreferi għalihom meta jibda jieħu leave parentali, u li tiggarantixxi li, fit-tmiem tal-imsemmi leave, il-ħaddiem jerġa’ jsib ruħu, fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet, fl-istess sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dan il-leave” ( 24 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li, “[f]id-dawl tal-għan ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa segwit mill-[Ftehim Qafas], din il-klawżola […] għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari u għalhekk ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv” ( 25 ). Konsegwentement, il-kunċett ta’ “drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba” fis-sens tal-ftehim qafas, imbagħad tal-ftehim qafas irrevedut, “[i]kopri d-drittijiet u vantaġġi kollha, fi flus jew f’oġġetti, li jirriżultaw direttament jew indirettament mir-relazzjoni ta’ xogħol, li l-ħaddiem jista’ jitlob mingħand min iħaddem fid-data tal-bidu tal-leave parentali” ( 26 ). Għalhekk, “leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal tnaqqis tad-drittijiet li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol f’każ ta’ leave parentali tkun tista’ tiddiswadi lill-ħaddiem milli jieħu tali leave […]. Dan imur direttament kontra l-għan tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali [li] wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jkunu rikonċiljati aħjar il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol” ( 27 ).

23.

Bħala tfakkira, mill-proċess jirriżulta li H. ġiet promossa għall-grad ta’ uffiċjal bi prova assenjata f’pożizzjoni ta’ tmexxija fl-20 ta’ Settembru 2011, filwaqt li hija kienet tinsab fuq leave tal-mard għal raġunijiet marbuta mat-tqala tagħha. Huwa biss fit-30 ta’ Mejju 2012 li beda l-leave parentali tagħha, mogħti mill-persuna li kienet timpjegaha. Il-perijodu ta’ prova teoretiku ta’ sentejn b’hekk kien beda jiddekorri għal iktar minn tmien xhur ( 28 ). F’dik id-data – jiġifieri dik tal-bidu tal-leave parentali –, hija ċertament ma kinitx eżerċitat il-funzjonijiet tagħha bħala uffiċjal bi prova iżda setgħet leġittimament tistenna li tagħmel dan skont l-att ta’ ħatra tal-20 ta’ Settembru 2011. Għandha tiġi enfasizzata wkoll ċerta ħeġġa fil-persuna li timpjega lil H., li nediet proċedura ta’ selezzjoni ġdida sabiex timla l-istess pożizzjoni mit-tieni parti tas-sena 2012.

24.

Għalhekk, H. kienet inħatret meta hija mhux biss kienet tqila, iżda wkoll diġà assenti. L-applikazzjoni tagħha għal-leave parentali, kif ukoll l-estensjonijiet suċċessivi ġew aċċettati mill-persuna li kienet timpjegaha f’kuntest normattiv li jistabbilixxi ż-żmien massimu tal-leave parentali għal tliet snin. Dak li jkun ma jistax jieħu dan it-tiġdid suċċessiv bħala skuża sabiex jilmenta bi kwalunkwe mod lil H. rigward it-tul tal-assenza tagħha, u dan għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, peress li, għalkemm finalment hija bbenefikat mit-tul kważi massimu tal-leave parentali kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (mit-30 ta’ Mejju 2012 sal-20 ta’ Frar 2015), ikun xi jkun, il-persuna li timpjegaha qieset li kienet inkompetenti mid-19 ta’ Settembru 2013 (jiġifieri wara ftit iktar minn ħmistax-il xahar ta’ leave parentali). It-tieni, biex jiffissaw iż-żmien massimu tal-leave parentali, l-Istati Membri jeżerċitaw marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, fl-osservanza taż-żmien minimu previst mill-ftehim qafas irrevedut, u għandu jiġi preżunt li biex jagħmlu dan, huma bbilanċjaw l-interessi tal-ħaddiema ma’ dawk tal-persuni li jimpjegaw. Għaldaqstant, ma huwiex sodisfaċenti la legalment u lanqas intellettwalment li wieħed jaħseb li dak li ngħata b’id waħda lill-ħaddiema – jiġifieri d-dritt għal leave parentali ta’ ċertu tul –, jitteħdilhom bl-id l-oħra, billi jsir ilment fil-konfront tagħhom dwar in-natura organizzattiva mhux sostenibbli, għall-persuna li timpjega, tal-assenza tagħhom u/jew billi jiġu mġiegħla jirritornaw għax-xogħol. It-tielet nett, nista’ nifhem li din l-assenza, li ż-żmien massimu tagħha biss jista’ jiġi verament antiċipat, tista’ tikkawża diffikultajiet għall-persuna li timpjega. Madankollu, il-ftehim qafas stess jipprevedi li dawn id-diffikultajiet jistgħu jinġiebu għall-attenzjoni tal-ħaddiem. Fil-fatt, għalkemm il-ftehim tajjeb tar-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw ma huwiex suffiċjenti waħdu biex jikkonvinċi lil dak li jkun, infakkar li l-klawżola 6(2) tal-ftehim qafas irrevedut tippreċiża li, sabiex “ikun iffaċilitat ir-ritorn lejn ix-xogħol wara l-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema u min iħaddem huma inkoraġġuti li jżommu kuntatt matul il-perijodu ta’ leave”. Issa, mill-proċess ma jirriżultax li l-persuna li kienet timpjega lil H. kienet informatha, pereżempju, dwar kwalunkwe diffikultà sabiex iżżomm il-pożizzjoni li kellha tiġi assenjata lilha bħala uffiċjal bi prova sakemm tirritorna lura. Barra minn hekk, hija informatha biss fl-4 ta’ Settembru 2014 li l-perijodu ta’ prova tagħha kien skada mid-19 ta’ Settembru 2013, filwaqt li diġà kienet ħadet il-passi biex tissostitwixxiha ftit xhur wara l-bidu tal-leave parentali tagħha. B’dan il-mod, il-Land ta’ Berlin ċaħħad lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-possibbiltà li torganizza ritorn kmieni għax-xogħol u ma għarrafhiex dwar il-konsegwenzi tal-assenza tagħha billi organizza immedjatament proċedura ta’ selezzjoni biex jissostitwixxiha. B’hekk huwa kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni tajba bejn il-persuna li timpjega u l-impjegata tagħha fuq leave parentali, imsemmi iktar ’il fuq.

25.

Fl-aħħar nett, għandhom jitfakkru żewġ elementi interdipendenti. L-ewwel nett, fil-kuntest partikolari tas-servizz pubbliku, il-fatt li H. inħatret, fit-tmiem ta’ proċedura ta’ selezzjoni, bħala uffiċjal bi prova fil-pożizzjoni ta’ konsulent tal-klassi salarjali B2, jista’ jitqies ekwivalenti għal promozzjoni għal grad superjuri, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija ma bidlitx il-persuna li kienet timpjegaha ( 29 ). Sussegwentement, l-aċċess għal din il-pożizzjoni li tinkludi iżjed responsabbiltajiet jinkludi naturalment żieda fis-salarju.

26.

Għaldaqstant, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li H., fil-bidu tal-leave parentali tagħha, ma kellhiex dritt definittiv li tokkupa l-pożizzjoni li ġiet maħtura għaliha fl-20 ta’ Settembru 2011. Din hija r-raġuni għalfejn qed inqis li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas irrevedut ma tikkostitwixxix il-bażi adegwata biex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari. Iktar milli dritt li tirritorna għal pożizzjoni li hija effettivament qatt ma okkupat, huma l-elementi li kienu jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha fil-mument tat-tluq tagħha li għandhom jiġu protetti skont il-klawżola 5(2) tal-imsemmi ftehim. Għalhekk, bħalma teħtieġ il-ġurisprudenza, sabiex hija titqiegħed fl-istess sitwazzjoni bħal dik li kienet tinsab fiha qabel il-leave parentali tagħha, mar-ritorn tagħha hija kellha jkollha l-possibbiltà li turi l-kapaċitajiet tagħha sabiex tokkupa l-pożizzjoni, li kienet ġiet promossa għaliha provviżorjament, matul il-perijodu ta’ prova li jippreċedi l-ħatra definittiva.

27.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm ebda argument, anki jekk testwali biss ( 30 ), li jista’ jsostni t-teżi tal-Land ta’ Berlin peress li mkien ma huwa speċifikat fil-ftehim qafas irrevedut li d-dritt għar-reintegrazzjoni jew il-protezzjoni tad-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu huma limitati ratione temporis u ma jkoprux it-tul kollu tal-leave parentali. Ir-rekwiżit ġurisprudenzjali li l-klawżola relatata mar-ritorn minn leave parentali ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv huwa konferma ta’ dan ( 31 ).

28.

Lanqas ma hemm paragun possibbli mas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem b’kuntratt għal żmien determinat peress li mill-kuntest fattwali ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta biċ-ċar li l-perijodu ta’ prova ta’ sentejn impost fuqu mill-Artikolu 97 tal-LBG għandu pjuttost jinftiehem bħala tip ta’ perijodu ta’ test fil-kuntest speċifiku ta’ promozzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku lokali. Barra minn hekk, l-iżvolġiment tat-terminu ta’ sentejn matul il-leave parentali ta’ H. ukoll ma jistax jiġi analizzat bħala “tibdil ikkawżat mil-liġi” fis-sens tat-tieni sentenza tal-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut, peress li ma saret ebda emenda leġiżlattiva għad-drittijiet ta’ H. matul il-leave tagħha ( 32 ).

29.

Għaldaqstant, il-fatt li, skont l-Artikolu 97 tal-LBG, l-uffiċjal li jkun wettaq b’suċċess il-proċedura ta’ selezzjoni li tippermettilu jokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija għandu jwettaq perijodu ta’ prova ta’ sentejn qabel il-ħatra effettiva tiegħu mingħajr ma jkun jista’ jissospendi l-iżvolġiment ta’ dan il-perijodu matul il-leave parentali tiegħu jew jipposponi d-data tal-bidu immedjatament għal wara tali leave għandu l-effett li jwassal lil dak li jkun sabiex ma jagħmilx użu mid-dritt għal dan il-leave tiegħu ( 33 ) u, b’hekk, li jiddiswadi tali ħaddiem milli jieħu l-imsemmi leave, u jikser direttament l-iskop tal-ftehim qafas irrevedut, billi jġiegħel lill-uffiċjali bi prova jagħżlu bejn il-ħajja professjonali tagħhom, f’dan il-każ il-progress fil-karriera tagħhom, u l-ħajja tal-familja tagħhom, filwaqt li l-ftehim qafas irrevedut jippromwovi konċiljazzjoni ffaċilitata ta’ dawn iż-żewġ interessi leġittimi iżda kultant diverġenti. Issa, rigward din l-għażla, huma fil-parti l-kbira n-nisa ( 34 ) li għandhom jagħmluha u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’hekk tfixkel b’mod partikolari l-progress fil-karriera tagħhom u l-aċċess tagħhom għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, u b’hekk tikkontribwixxi sabiex jinżamm il-“limitu inviżibbli”.

30.

Il-ftehim qafas irrevedut ma joffri ebda possibbiltà li tiġi ġġustifikata tali dissważjoni. Konsegwentement, il-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-uffiċjal bi prova, li jkun wettaq b’suċċess il-proċedura ta’ selezzjoni li tippermettilu jokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija, huwa obbligat li jwettaq perijodu ta’ prova ta’ sentejn qabel il-ħatra definittiva tiegħu filwaqt li l-iżvolġiment ta’ dan il-perijodu ma jista’ fl-ebda każ jiġi sospiż matul il-leave parentali tiegħu, u filwaqt li d-data ta’ bidu tal-imsemmi perijodu lanqas ma tista’ tiġi posposta immedjatament wara tali leave.

Fuq id-Direttiva 2006/54

31.

Għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li d-Direttiva 2006/54 ma tapplikax għall-uffiċjali ( 35 ). L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2006/54 jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess, inkluż fis-settur pubbliku, f’dak li jikkonċerna “kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjiegi […] inkluż il-kriterji ta’ selezzjoni u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun li tkun il-fergħa ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluż promozzjoni”. Issa, jien iddeskrivejt preċiżament is-sitwazzjoni ta’ H. bħala waħda li taqa’ fil-kuntest speċifiku ta’ promozzjoni professjonali fi ħdan is-servizz pubbliku lokali Ġermaniż. B’hekk ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq dan l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2006/54 ( 36 ).

32.

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, diskriminazzjoni indiretta hija ddefinita bħala “fejn dispożizzjoni […] li mad-dehra [tkun] newtrali[tkun tpoġġi] lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni […] tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa” ( 37 ). Għalkemm ma huwiex diffiċli li tiġi kkonstatata n-newtralità tal-formulazzjoni tal-Artikolu 97 tal-LBG b’tali mod li prima facie kien jidher li japplika bl-istess mod għall-uffiċjali bi prova rġiel kif ukoll għall-uffiċjali bi prova nisa, il-kwistjoni jekk huwiex ta’ żvantaġġ partikolarment għan-nisa hija iktar kontroversjali. Fi kwalunkwe każ, din il-konstatazzjoni għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fl-Istat Membru kkonċernat, hemmx numru ħafna ogħla ta’ nisa milli rġiel li jużaw il-leave parentali sal-punt li dawn tal-ewwel iktar jistgħu jiġu affettwati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, il-qorti tar-rinviju ammettiet espliċitament li “fil-Land ta’ Berlin, numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel jieħdu leave parentali” ( 38 ). Madankollu, huwa impossibbli għaliha li tibbaża l-affermazzjoni tagħha fuq statistika li tippermetti li tiġi pparagunata d-data għall-kategoriji differenti ta’ persuni li japplika għalihom l-Artikolu 97 tal-LBG minħabba li l-pożizzjonijiet ta’ tmexxija li għandhom jimtlew fi ħdan il-Land ta’ Berlin huma ftit u li n-numru ta’ uffiċjali bi prova, konsegwentement, huwa relattivament baxx. In-numru ta’ uffiċjali bi prova li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ leave parentali huwa saħansitra iktar baxx, b’mod partikolari minħabba li l-uffiċjal jilħaq pożizzjoni ta’ tmexxija f’età avvanzata.

33.

Għaldaqstant, l-assenza ta’ data statistika disponibbli li tippermetti li jintwera l-paragun bejn l-uffiċjali bi prova rġiel u l-uffiċjali bi prova nisa ma tistax tirriżulta suffiċjenti biex titwarrab l-eżistenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni indiretta. Fil-fatt, peress li huwa stabbilit li, fil-Land ta’ Berlin, numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel jieħdu l-leave parentali, il-probabbiltà li dan il-proporzjon ikun rifless ukoll għal dak li jikkonċerna l-uffiċjali bi prova li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ tmexxija tista’ tiġi aċċettata. Għaldaqstant, dak li jkun jista’ tassew jaħseb li l-kundizzjonijiet li fihom iseħħ il-perijodu ta’ prova jqiegħdu lill-uffiċjali bi prova li jkunu ħadu leave parentali għal tul sostanzjali – li iktar ta’ spiss ikunu nisa – f’sitwazzjoni sfavorevoli meta pparagunati mal-uffiċjali bi prova li ma ħadux tali leave – li huma prinċipalment irġiel ( 39 )– billi finalment jipprekludu l-ħatra definittiva ta’ dawn tal-ewwel għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

34.

Minkejja dan, u jekk jiġi preżunt li din id-differenza fit-trattament hija stabbilita, għad irid jiġi vverifikat li l-Artikolu 97 tal-LBG huwa oġġettivament iġġustifikat minn għan leġittimu u li l-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u meħtieġa, kif tirrikjedi d-Direttiva 2006/54. F’dan ir-rigward, il-qorti tfakkar li r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni hija li tippermetti lill-amministrazzjoni tiżgura ruħha mill-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova, billi teżiġi minnu li huwa jwettaq il-funzjonijiet tiegħu effettivament matul perijodu ta’ prova, li ma jistax jiġi pospost jew estiż, li jdum sentejn. Jidhirli li diffiċli jiġi kkonstatat li l-għan li għandu jintlaħaq b’dan il-mod, li jiggarantixxi li l-persuna li timpjega fis-settur pubbliku tista’ tiżgura ruħha effettivament mill-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova tagħha a fortiori meta jkunu kkonċernati pożizzjonijiet ta’ grad għoli u li jinvolvu responsabbiltajiet kbar, huwa wieħed leġittimu.

35.

Il-kwistjoni dwar jekk il-mezzi implementati biex jintlaħaq dan l-għan humiex xierqa u meħtieġa hija waħda totalment differenti. Prima facie, in-natura ġenerali u assoluta tal-Artikolu 97 tal-LBG tqajjem problemi. Il-perijodu ta’ prova fl-ebda każ ma jista’ jiġi estiż u l-perijodi ta’ assenza, għalkemm minnhom infushom leġittimi, jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala perijodi li matulhom l-uffiċjal bi prova kien inkompetenti biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Agħar minn hekk, l-uffiċjal inkompetenti jkun suġġett għal perijodu ta’ stennija bħala prinċipju ta’ sena li matulu ma huwiex awtorizzat jippreżenta ruħu għal proċeduri ta’ selezzjoni ġodda. Issa, għalkemm nifhem sewwa li jista’ jkun neċessarju li l-uffiċjal bi prova jiġi ttestjat fil-prattika, għandi xi diffikultajiet biex nifhem ir-raġunijiet għalfejn din il-prova għandha tkun għal żmien fiss ta’ sentejn mingħajr ma l-leġiżlazzjoni Ġermaniża toffri l-inqas flessibbiltà fir-rigward tal-posponiment possibbli tat-tul tal-perijodu ta’ prova, b’mod partikolari fil-każ tal-leave parentali. Barra minn hekk, l-assenza tal-uffiċjal bi prova minħabba l-leave parentali tiegħu matul il-perijodu bi prova tiegħu se tiġi ssanzjonata darbtejn peress li mhux biss se tipprekludi l-ħatra definittiva tiegħu, iżda lanqas ma hija se tħalli lill-imsemmi uffiċjal jippreżenta ruħu għal proċedura ta’ selezzjoni ġdida għal sena. Il-Land ta’ Berlin jinvoka raġunijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tas-servizz. Madankollu, dawn huma biss allegazzjonijiet ġenerali. Għalhekk, mill-proċess ma jirriżultax li l-pożizzjoni vakanti ta’ H. kienet tikkawża tfixkil gravi fis-servizz. Il-persuna li timpjega lil H. lanqas ma jidher li vverifikat jekk din il-pożizzjoni setgħetx tiġi fdata temporanjament lil persuna oħra. Il-fatt li, għal dak li jikkonċerna l-pożizzjonijiet ta’ tmexxija fis-servizz pubbliku ta’ Stat, tista’ tingħata estensjoni tat-tul tal-perijodu ta’ prova b’mod eċċezzjonali, b’mod partikolari minħabba leave parentali, meta l-uffiċjal bi prova ma setax iwettaq it-tul tal-perijodu ta’ prova meħtieġ ( 40 ) għandu tendenza jdgħajjef kunsiderevolment l-argument ibbażat fuq il-funzjonament tajjeb tas-servizz. Il-verifika tal-kompetenza tal-uffiċjal bi prova, li hija l-għan li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 97 tal-LBG, tista’ ssir ladarba l-uffiċjal bi prova jerġa’ lura mil-leave parentali, b’tali mod li, finalment, it-trattament inqas favorevoli rriżervat għall-uffiċjali bi prova fuq leave parentali – li qed jiġi preżunt li essenzjalment huma nisa – ma jirriżultax neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan previst. Dan apparti l-fatt li l-konsegwenzi negattivi b’rabta mal-assenza relatata mat-teħid ta’ leave parentali jmorru ħafna lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq.

36.

Għar-raġunijiet preċedenti kollha, suġġett għal konferma mill-qorti tar-rinviju li għadd ħafna ogħla ta’ nisa jista’ jiġi affettwat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-uffiċjal bi prova, li jkun għadda b’suċċess mill-proċedura ta’ selezzjoni li tippermettilu jokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija, ikun meħtieġ iwettaq perijodu ta’ prova ta’ sentejn qabel il-ħatra definittiva tiegħu filwaqt li l-iżvolġiment ta’ dan il-perijodu fl-ebda każ ma jkun jista’ jiġi sospiż matul il-leave parentali tiegħu u filwaqt li d-data ta’ bidu tal-imsemmi perijodu lanqas ma tkun tista’ tiġi posposta immedjatament wara tali leave.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari

37.

Fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tindikalha liema konsegwenzi għandhom jinsiltu mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni li kienet vittma tiegħu ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u liema kumpens għandu jiġi offert lilha. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza b’mod partikolari li r-“reintegrazzjoni” ta’ H. fil-pożizzjoni ta’ tmexxija li kellha tokkupa bħala uffiċjal bi prova tista’ ma tkunx possibbli minħabba li l-imsemmija pożizzjoni mtliet u ebda pożizzjoni ekwivalenti ma hija se tiġi ffinanzjata mill-baġit u disponibbli attwalment. Barra minn hekk, peress li d-dritt nazzjonali jitlob li kull persuna għandha tgħaddi minn proċedura ta’ selezzjoni qabel tkun tista’ tinħatar fis-servizz pubbliku lokali, li kieku jkun hemm pożizzjoni ekwivalenti għal dik li kienet inħatret għaliha qabel il-leave parentali tagħha, hija konsegwentement u fil-prinċipju jkollha tgħaddi minn tali proċedura, mingħajr garanzija li tintgħażel fit-tmiem tagħha.

38.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, filwaqt li H. titlob li terġa’ tikseb l-istatus tagħha bħala uffiċjal bi prova u pożizzjoni ta’ tmexxija ekwivalenti għal dik li kienet inħatret għaliha qabel il-bidu tal-leave parentali tagħha, il-qorti tar-rinviju teskludi li l-Artikolu 97 tal-LBG jista’ jiġi interpretat b’mod konformi kemm mad-Direttiva 2006/54 kemm mad-Direttiva 2010/18. F’tali każ, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika d-dritt tal-Unjoni b’mod sħiħ u tipproteġi d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwu billi ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali kunfliġġenti ( 41 ). Madankollu, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) tenfasizza li l-pożizzjoni ta’ H. ingħatat – malajr – lil persuna oħra ( 42 ), u li bħalissa ma hemmx pożizzjoni li għandha timtela. B’hekk jidher li jekk sempliċement ma jiġix applikat l-Artikolu 97, dan ma jkunx biżżejjed biex jerġgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet ta’ H. b’mod sodisfaċenti.

39.

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ Stat Membru li jirriżulta minn direttiva li jilħaq ir-riżultat previst minnha, kif ukoll id-dmir tiegħu, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħu l-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa kollha sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż fil-kwalità tagħhom bħala persuni li jimpjegaw fis-settur pubbliku ( 43 ). Minbarra dan l-obbligu ġenerali hemm ukoll dawk speċifikament previsti mid-Direttivi 2010/18 u 2006/54. Għalhekk, il-premessa 14 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/18 ( 44 ) jobbligaw lill-Istati Membri jipprevedu “pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi” f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. Id-Direttiva 2006/54 tipprevedi l-istess obbligu li jiġu stabbiliti sanzjonijiet ( 45 ). Dan l-obbligu huwa ppreċiżat mill-formulazzjoni tal-Artikolu 18 li jipprovdi li “[l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jassiguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi, kif jistabbilixxu l-Istati Membri, għat-telf u l-ħsara mġarrba minn persuna bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, b’mod li jkun dissważiv u proporzjonat għall-ħsara mġarrba” ( 46 ). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jabolixxu d-dispożizzjonijiet normattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa ( 47 ). Dawn id-dispożizzjonijiet madankollu ma jimponux miżuri speċifiċi iżda jħallu lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu fost is-soluzzjonijiet differenti intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-direttivi skont is-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jippreżentaw ruħhom ( 48 ). Minkejja dan, il-miżura li tintgħażel għandha tkun ta’ natura li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi, għandu jkollha effett dissważiv reali fir-rigward tal-persuna li timpjega u għandha tkun adegwata fir-rigward tad-dannu subit ( 49 ).

40.

Fl-assenza ta’ forom ta’ kumpens speċjalment preskritti mid-dritt tal-Unjoni u ta’ sanzjonijiet speċifiċi previsti minn dan id-dritt, għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tfittex, fl-ordinament ġuridiku intern tagħha, id-dispożizzjonijiet li ttrasponew l-obbligi ta’ sanzjoni u ta’ kumpens stabbiliti bid-Direttivi 2006/54 u 2010/18, filwaqt li huwa mifhum li – kif qed infakkar – dawn tal-aħħar jimponu li s-sanzjoni tkun mhux biss effettiva iżda wkoll dissważiva. F’dan ir-rigward, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindika lill-qorti tar-rinviju l-miżura partikolari li fil-fehma tagħha, tissodisfa l-għanijiet ta’ sanzjoni u ta’ kumpens li għandhom jintlaħqu wkoll bid-Direttivi 2006/54 u 2010/18, iżda għandu madankollu jiġi kkonstatat li ma jkunx konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti li H. tiġi sempliċement awtorizzata tieħu sehem fi proċedura ta’ selezzjoni ġdida, minħabba li f’każ bħal dan, la jkun hemm sanzjoni, la jkun hemm kumpens u lanqas dissważjoni. Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkunx ipprevediet mezzi suffiċjenti biex jerġgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet li H. hija intitolata għalihom skont id-Direttivi 2006/54 u 2010/18, hija tista’ tressaq azzjoni għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat minħabba li ma implementax korrettament il-previżjonijiet tal-imsemmija direttivi, inkluż il-prinċipju ta’ kooperazzjoni tajba invokat fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Konklużjoni

41.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il‑Ġermanja) b’dan il-mod:

1)

Il-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut li tinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-uffiċjal bi prova, li jkun wettaq b’suċċess il-proċedura ta’ selezzjoni li tippermettilu jokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija, huwa obbligat li jwettaq perijodu ta’ prova ta’ sentejn qabel il-ħatra definittiva tiegħu filwaqt li l-iżvolġiment ta’ dan il-perijodu ma jista’ fl-ebda każ jiġi sospiż matul il-leave parentali tiegħu, u filwaqt li d-data ta’ bidu tal-imsemmi perijodu ma tistax tiġi posposta immedjatament wara tali leave.

2)

Suġġett għal konferma mill-qorti tar-rinviju li għadd ħafna ogħla ta’ nisa jista’ jiġi affettwat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-uffiċjal bi prova, li jkun għadda b’suċċess mill-proċedura ta’ selezzjoni li tippermettilu jokkupa pożizzjoni ta’ tmexxija, ikun meħtieġ iwettaq perijodu ta’ prova ta’ sentejn qabel il-ħatra definittiva tiegħu filwaqt li l-iżvolġiment ta’ dan il-perijodu fl-ebda każ ma jkun jista’ jiġi sospiż matul il-leave parentali tiegħu u filwaqt li d-data ta’ bidu tal-imsemmi perijodu ma tkunx tista’ tiġi posposta immedjatament wara tali leave.

3)

Sabiex jingħata kumpens għad-dannu subit mill-parti fil-kawża li kienet vittma ta’ ksur tad-Direttivi 2006/54 u 2010/18, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-miżuri nazzjonali ddeterminati mill-Istat Membru b’konformità mal-obbligi imposti fuqu skont l-imsemmija direttivi. Meta tagħmel dan, hija għandha tiżgura ruħha li dawn il-miżuri jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi, li għandhom effett dissważiv reali fir-rigward tal-persuna li timpjega u li huma adegwati fir-rigward tad-dannu subit.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2006, L 204, p. 23.

( 3 ) ĠU 2010, L 68, p. 13.

( 4 ) Fil-verżjoni tagħha skont id-Dienstrechtsneuordnungsgesetz (liġi li tirriforma u timmodernizza d-dritt Federali tas-servizz pubbliku) tat-22 ta’ Ġunju 2011.

( 5 ) Ara l-klawżola 1 tal-ftehim qafas irrevedut

( 6 ) L-ewwel paragrafu tal-ftehim qafas irrevedut.

( 7 ) Ara l-klawżola 1(2) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 8 ) Jew l-adozzjoni tal-wild: ara l-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 9 ) Ara l-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 10 ) Ara l-klawżola 2(2) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 11 ) Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 12 ) Klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 13 ) Ara l-klawżola 5(4) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 14 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punti 3763).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punti 27 sa 30) u tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 29).

( 16 ) Ara l-klawżola 2(2) tal-ftehim qafas irrevedut.

( 17 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285.

( 18 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009 (C‑116/08, EU:C:2009:645). Korsiv miżjud minni.

( 19 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 39).

( 20 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645).

( 21 ) Rispettivament, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2010 (C‑149/10, EU:C:2010:534) u tal-20 ta’ Ġunju 2013 (C‑7/12, EU:C:2013:410).

( 22 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 57) kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece (C‑7/12, EU:C:2013:410, punti 5051).

( 23 ) Fid-dawl ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447), il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 96/34 u tal-ftehim qafas anness magħha japplikaw ukoll għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2010/18 u l-ftehim qafas irrevedut meta dan tal-aħħar ma jintroduċix bidliet, kif inhu l-każ tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiem meta jirritorna mil-leave parentali [għal paragun ara, minn naħa, il-klawżola 2(5) u (6) tal-ftehim qafas, u min-naħa l-oħra, il-klawżola 5(1) u (2) tal-ftehim qafas irrevedut].

( 24 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 51).

( 25 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dakinhar, din l-importanza ġiet ikkonfermata mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 43). Ara, ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 53).

( 27 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts (C‑116/08, EU:C:2009:645, punt 47).

( 28 ) Fir-rigward tal-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali informa lil H. li l-istatus tagħha bħala uffiċjal bi prova kien intemm fid-19 ta’ Settembru 2013, għandu jiġi enfasizzat li l-perijodu ta’ prova ta’ sentejn la ġie “sospiż” matul il-leave tal-mard minħabba t-tqala tagħha u lanqas matul il-leave tal-maternità tagħha, li jista’ jkun problematiku fir-rigward tal-protezzjoni partikolari li joffri d-dritt tal-Unjoni lin-nisa tqal, li jkunu welldu reċentement jew qed ireddgħu. Madankollu, dan ma huwiex is-suġġett tad-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 29 ) Huwa minħabba din in-natura “interna” tal-bidla fis-sitwazzjoni professjonali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jien mhux se nanalizza dan il-każ, minkejja ċerta ambigwità fil-formulazzjoni tal-Artikolu 97(4) tal-LBG, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet iddedikati għall-protezzjoni kontra t-tkeċċija.

( 30 ) Pereżempju, il-klawżola 5(2) tal-ftehim qafas irrevedut tipprevedi li d-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jinkisbu jinżammu “sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri [parentali]”, u mhux sat-tmiem taż-żmien massimu tal-imsemmi leave iffissat mill-ftehim qafas irrevedut. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ma adottatx tali limitazzjoni: ara s-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 57) u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece (C‑7/12, EU:C:2013:410, punt 32).

( 31 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) L-Artikolu 97 tal-LBG b’hekk ma ġiex adottat matul il-leave parentali ta’ H.

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN (C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punti 4951).

( 34 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu tali konstatazzjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece, C‑7/12, EU:C:2013:410, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tafferma, fil-paġna 26 tat-talba għal domanda preliminari tagħha, li hija “titlaq mill-prinċipju li, anki fil-Land ta’ Berlin, għadd kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel jieħdu leave parentali” (korsiv miżjud minni). Ser nerġa’ nittratta dan il-punt fl-analiżi tiegħi b’rabta mad-Direttiva 2006/54.

( 35 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 12).

( 36 ) Dan ir-rinviju ma jistax jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/54. Fil-fatt, l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva huwa dispożizzjoni speċifika bl-għan li tipproteġi lil mara fuq leave tal-maternità mar-ritorn tagħha fil-post tax-xogħol “wara li jintemm il-perjodu tal-leave tal-maternità tagħha”. L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/54, min-naħa tiegħu, huwa intiż biex jipproteġi s-sitwazzjoni partikolari tal-ġenituri li jkunu ħadu leave tal-paternità u/jew tal-adozzjoni. Issa, id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom H. fl-okkażjoni tar-ritorn tagħha ma humiex direttament relatati mal-leave tal-maternità tagħha, iżda għall-kuntrarju, huma konsekuttivi għal-leave parentali tagħha, li huwa leave speċifiku u separat mit-tipi ta’ leave imsemmija fl-Artikoli 15 u 16 tad-Driettiva 2006/54 [dwar l-ispeċifiċitajiet tal-leave tal-maternità meta mqabbel mal-leave parentali, ara, fost ġurisprudenza vasta, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571, punti 48 sa 50) u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Rodríguez Sánchez (C‑351/14, EU:C:2016:447, punti 4344)]. Fuq id-dubji tiegħi dwar il-fatt jekk H. ibbenefikatx minn protezzjoni suffiċjenti matul il-leave tal-maternità tagħha, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara, ukoll, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece (C‑7/12, EU:C:2013:410, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2014, D. (C‑167/12, EU:C:2014:169, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara l-paġna 26 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Meta kkontesta din il-konstatazzjoni, il-Land ta’ Berlin ipprovda statistika (ara l-paġna 16 tan-nota tal-Land ta’ Berlin). Mit-tabella pprovduta jirriżulta li, matul is-sena tal-bidu tal-leave parentali ta’ H. (2012), 34.1 % tat-tfal fil-Land ta’ Berlin għandhom missier li rċieva allwance tal-leave parentali. Madankollu, din it-tabella ma tgħid xejn dwar il-proporzjon ta’ ommijiet li ħadu tali leave u lanqas dwar it-tul ipparagunat tal-imsemmi leave skont jekk jitteħidx mill-omm jew mill-missier.

( 39 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece (C‑7/12, EU:C:2013:410, punt 41).

( 40 ) Skont is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-qorti tar-rinviju.

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Napoli (C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 50). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jikkostitwixxi dispożizzjoni inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża biex tiġi invokata minn individwu kontra Stat Membru minħabba li hija teskludi b’mod ġenerali u inekwivoku kull diskriminazzjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Napoli, C‑595/12, EU:C:2014:128, punti 46 sa 48). L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, il-klawżola 5(1) u (2) tal-ftehim qafas irrevedut tistabbilixxi żewġ obbligi ċari, jiġifieri minn naħa li dak li jkun jerġa’ lura għal pożizzjoni jew għal xogħol ekwivalenti jew simili mar-ritorn mil-leave parentali, u min-naħa l-oħra li jinżammu d-drittijeit miksuba jew fil-proċess li jinkisbu.

( 42 ) Jekk jiġi preżunt li l-proċedura li fi tmiemha l-pożizzjoni ta’ tmexxija normalment mogħtija lil H. imtliet matul it-tieni parti tas-sena 2012 hija leċita, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

( 43 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 39).

( 44 ) Id-Direttiva 96/34 ma kienet tipprevedi espressament ebda obbligu ta’ sanzjonar tal-ksur tal-ftehim qafas.

( 45 ) Ara l-premessa 35 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54.

( 46 ) B’hekk, il-kumpens irid ikun sħiħ: ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho (C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 34).

( 47 ) Ara l-Artikolu 23(a), tad-Direttiva 2006/54.

( 48 ) Ara, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/54, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay (C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Dejjem għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2006/54, ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay (C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 49).