KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C-127/16 P

SNCF Mobilités, li qabel kienet Société nationale des chemins de fer français (SNCF)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna implementata mir-Repubblika Franċiża favur Sernam – Għajnuna għar-ristrutturar u rikapitalizzazzjoni, garanziji u rinunzja tad-dejn mill-SNCF favur Sernam – Bejgħ tal-assi f’daqqa – Kriterju tal-investitur privat – Applikabbiltà – Miżuri kumpensatorji”

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

IV. Analiżi legali

 

A. Tfakkira introduttiva: mid-deċiżjoni Sernam 1 għad-deċiżjoni Sernam 3

 

B. Fuq l-appell

 

1. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2

 

a) Fuq l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju

 

1) Is-sentenza appellata

 

2) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

i) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

 

ii) Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

 

3) Analiżi

 

b) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

 

1) Is-sentenza appellata

 

2) Sunt tal-argumentazzjoni tal-partijiet

 

3) Analiżi

 

2. Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali kkonstatat bi żball li l-offerta mressqa mit-tim tat-tmexxija ma setgħetx titqies li kienet riżultat ta’ proċedura miftuħa u trasparenti

 

a) Is-sentenza appellata

 

b) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

c) Analiżi

 

3. Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ħażin li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet wisq iktar sfavorevoli lill-bejjiegħ mill-offerti mhux vinkolanti tal-kandidati l-oħra

 

a) Is-sentenza appellata

 

b) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

c) Analiżi

 

4. Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni ta’ motivi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda konfużjoni bejn is-suġġett u l-prezz tal-bejgħ tal-assi ta’ Sernam

 

a) Is-sentenza appellata

 

b) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

c) Analiżi

 

5. Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żnaturament tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni Sernam 2 għaliex il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tad-debitu tal-irkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2

 

a) Is-sentenza appellata

 

b) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

c) Analiżi

 

1) Fuq s-suġġett tat-trasferiment

 

2) Fuq l-identità tal-azzjonisti

 

3) Fuq il-mument tat-trasferiment

 

4) Fuq il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni

 

5) Fuq il-prezz tat-trasferiment

 

6) Konklużjoni fuq il-ħames aggravju

 

6. Fuq is-sitt aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-prinċipju tal-investitur privat ma kienx applikabbli għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam

 

a) Is-sentenza appellata

 

b) Fuq l-ewwel parti tas-sitt aggravju

 

1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

2) Analiżi

 

c) Fuq it-tieni parti tas-sitt aggravju

 

1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

2) Analiżi

 

d) Fuq it-tielet parti tas-sitt aggravju

 

1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

2) Analiżi

 

e) Konklużjoni fuq is-sitt aggravju

 

7. Fuq l-argumenti invokati mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

 

V. Fuq l-ispejjeż

 

VI. Konklużjoni

1. 

Permezz ta’ dan l-appell, l-SNCF Mobilités (iktar ’il quddiem l-“SNCF”) ( 2 ) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il-Kummissjoni ( 3 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/398/UE, tad-9 ta’ Marzu 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 12522 (C 37/08) – Franza – Applikazzjoni tad-deċiżjoni “Sernam 2” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Sernam 3”) ( 4 ).

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

2.

Permezz ta’ deċiżjoni adottata fit-23 ta’ Mejju 2001 ( 5 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 1”), il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat, taħt ċerti kundizzjonijiet, għajnuna għar-ristrutturar favur il-grupp Sernam, b’ammont totali ta’ EUR 503 miljun ( 6 )

3.

Permezz ta’ deċiżjoni oħra adottata fl-2004 ( 7 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 2”), il-Kummissjoni kkonstatat li ċerti kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni Sernam 1 ma kinux ġew issodisfatti, u dan ta lok għal applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna awtorizzata.

4.

F’dan il-kuntest, minn naħa, hija ddikjarat li, mingħajr preġudizzju għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet ġodda, l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun approvata bid-deċiżjoni Sernam 1 kienet kompatibbli mas-suq intern mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2. Min-naħa l-oħra, hija nnotat il-preżenza ta’ għajnuna supplementari ta’ EUR 41 miljun, inkompatibbli mas-suq intern u li għandha għalhekk tiġi rkuprata mill-awtoritajiet Franċiżi.

5.

Billi użat il-possibbiltà miftuħa bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ( 8 ), l-SNCF għażlet li tbigħ l-assi f’daqqa lil Sernam. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-qagħda ekonomika ta’ Sernam ma ppermettietx li jiġu akkwistati proposti b’valutazzjoni pożittiva fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti kkummissjonata fl-interess tal-SNCF minn terza parti. L-offerti kollha li ntefgħu fil-kuntest ta’ dik il-proċedura kellhom valur negattiv kbir u ebda offerta konkreta ma ġiet sottomessa. B’hekk ittieħdet id-deċiżjoni li jitkomplew id-diskussjonijiet biss mal-konsorzju ffurmat mill-kandidat Nru 5 assoċjat mat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam. Il-kandidat Nru 5 finalment informa oralment lil-SNCF fil-15 ta’ Ġunju 2005 li ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel offerta ta’ akkwist, anki kundizzjonata, qabel it-30 ta’ Ġunju 2005.

6.

Għalhekk, fit-30 ta’ Ġunju 2005, l-SNCF ħadet id-deċiżjoni li tbigħ f’daqqa l-assi ta’ Sernam lit-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam. Wara dan it-trasferiment, Sernam kienet is-suġġett ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja fil-15 ta’ Diċembru 2005. Id-debitu ta’ EUR 41 miljun, ekwivalenti għall-għajnuna mill-Istat li kellha tiġi rrimborsata skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kien ġie inkluż fl-obbligazzjonijiet fil-likwidazzjoni ta’ Sernam. Minn dan l-ammont, l-SNCF setgħet effettivament tirkupra EUR 2.75 miljun wara l-proċedura ta’ likwidazzjoni.

7.

Wara lmenti magħmula minn kompetituri fl-24 ta’ Ġunju 2005, fl‑10 ta’ April 2006 u fit-23 ta’ April 2007, li argumentaw li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet ġiet applikata jew b’mod skorrett jew abbużivament, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2008 ( 9 ), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni Sernam 3 tad-9 ta’ Marzu 2012, mibgħuta lill-awtoritajiet Franċiżi fis-26 ta’ Marzu 2012.

8.

F’din id-deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni qieset li t-trasferiment f’daqqa tal-assi ta’ Sernam ma kienx osserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Sernam 2 u li l-għajnuna inkompatibbli ta’ EUR 41 miljun ma kinitx ġiet irkuprata. Din ikkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 503 miljun approvata taħt kundizzjonijiet bid-Deċiżjoni Sernam 2 kienet ġiet implementata b’mod abbużiv u għaldaqstant inkompatibbli mas-suq komuni ( 10 ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri implementati mill-SNCF sabiex twettaq dak it-trasferiment, b’mod partikolari r-rikapitalizzazzjoni fl-ammont ta’ EUR 57 miljun ekwivalenti għall-prezz negattiv tal-assi f’daqqa ta’ Sernam u l-allegata “rinunzja tad-dejn” ta’ EUR 38.5 miljun, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida inkompatibbli mas-suq intern ( 11 ).

9.

L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni Sernam 3 huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

1.   L-għajnuniet mill-Istat li jammontaw għal EUR 503 miljun, mogħtija minn Franza lil Sernam SCS (li saret Sernam SA) u approvati mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni [Sernam 2] ġew implimentati b’mod abbużiv. Dawn l-għajnuniet huma inkompatibbli mas-suq intern. Minnhom ibbenefikaw ukoll Sernam Xpress kif ukoll Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

2.   Sernam Xpress kif ukoll Financière Sernam u b’mod partikolari s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster, ibbenefikaw ukoll mill-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil Sernam SCS li tammonta għal EUR 41 miljun u li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2.

3.   Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam SA mill-SNCF li tammonta għal EUR 57 miljun, ir-rinunzja mill-SNCF tal-krediti kontra Sernam SA fuq l-ammont ta’ EUR 38.5 miljun u l-garanziji mogħtija mill-SNCF matul it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam SA lil Financière Sernam, bl-eċċezzjoni tal-garanzija mogħtija lill-ħaddiema tal-ferroviji, jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Huwa mistenni li Franza tirkupra l-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1 minn Financière Sernam u mis-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

[…]”

10.

Fl-4 ta’ April 2012, adita b’talba tar-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni kkonstatat l-assenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-grupp Sernam u x-xerrejja potenzjali ‑ iffurmati minn kumpanniji tal-gruppi Geodis, appartenenti lil-SNCF, u BMV ‑ ta’ parti mill-assi ta’ din tal-aħħar u li, għalhekk, ma kienx hemm lok li testendi l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli bid-deċiżjoni Sernam 3 għal Geodis u BMV.

11.

Fit-13 ta’ April 2012, Financière Sernam u Sernam Services kienu suġġetti għal likwidazzjoni ġudizzjarja u, fl-istess jum, Geodis ippreżentat offerta u ġiet indikata bħala xerrejja tal-assi tal-grupp Sernam.

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni Sernam 3.

13.

Ir-rikorrenti qajmet sitt motivi insostenn tat-talba tagħha. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. It-tieni motiv kien jikkonċerna ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tielet motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-raba’ motiv kien jikkonċerna żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta hija kkunsidrat li t-trasferiment f’daqqa tal-assi ta’ Sernam ma kienx osserva l-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn kienet ikkunsidrat li l-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun, iddikjarata inkompatibbli bid-Deċiżjoni Sernam 2, kien ġie ttrasferit lil Financière Sernam u lis-sussidjarji tagħha. Is-sitt ilment kien jikkonċerna żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-miżuri previsti bil-protokoll ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 dwar it-trasferiment f’daqqa tal-assi ta’ Sernam kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat favur Sernam Xpress u Financière Sernam.

14.

Mingħajr ma ddeċidiet, fis-sentenza appellata, fuq l-ammissibbiltà tar-rikors u għalkemm laqgħet it-tieni parti tar-raba’ motiv ( 12 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dak ir-rikors.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15.

Fis-26 ta’ Frar 2016, l-appellanti ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata. Fit-talbiet tagħha, l-SNCF titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat, u konsegwentement tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti tħallas l-ispejjeż ta’ din l-istanza. Il-kumpanniji Mory SA u Mory Team, intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, flimkien jitolbu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti tbati l-ispejjeż.

16.

Is-sottomissjonijiet tal-appellanti, il-Kummissjoni kif ukoll Mory SA u Mory Team kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fid-9 ta’ Marzu 2017.

IV. Analiżi legali

17.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem sitt aggravji: l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. It-tieni huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienu jirrikjedu li l‑kandidat magħżul ikun ipparteċipa bħal tali u b’mod awtonomu fil-proċedura sa mill-bidu. It-tielet huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet ferm iktar sfavorevoli għall-bejjiegħ mill-offerti mhux vinkolanti tal-kandidati l-oħra. Ir-raba’ huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza u kontradizzjoni ta’ motivi għaliex il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienet għamlet ebda konfużjoni bejn l-oġġett u l-prezz tal-bejgħ tal-assi ta’ Sernam. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u żnaturament tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni Sernam 2 sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-inklużjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam S.A. tad-dejn tal-irkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ma kienx konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-prinċipju tal-investitur privat ma kienx applikabbli għat-trasferiment f’daqqa ta’ assi ta’ Sernam.

A. Tfakkira introduttiva: mid-deċiżjoni Sernam 1 għad-deċiżjoni Sernam 3

18.

Sabiex tinftiehem aħjar il-portata ta’ dan l-appell, jeħtieġ li tiġi spjegata f’iktar dettall l-oriġini ta’ din it-tilwima.

19.

Permezz tad-deċiżjoni tagħha Sernam 1, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-pjan ta’ ristrutturar tal-impriża Sernam imressaq għall-eżami tagħha mir-Repubblika Franċiża. Fi tmiem l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat il-preżenza, f’dan il-pjan, ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat KE (b’mod partikolari l-miżuri ta’ dan il-pjan li kienu jikkonċernaw l-għajnuna kummerċjali u l-irkupru ta’ Sernam).

20.

Filwaqt li l-pjan ta’ ristrutturar ma setax jitwettaq fil-kundizzjonijiet deskritti mir-Repubblika Franċiża fid-deċiżjoni Sernam 1, li, barra minn hekk, wassal għall-ħlas mill-SNCF lil Sernam tas-somma ta’ EUR 41 miljun minħabba d-dewmien fl-appoġġ marbut mal-annullament tal-protokoll ta’ ftehim bejn ix-xerrej nominat u l-SNCF ( 13 ), il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-għajnuna favur Sernam wara d-deċiżjoni Sernam 1.

21.

Wara li kkonstatat li r-Repubblika Franċiża kienet ħallset l-ammont ta’ EUR 503 miljun f’kundizzjonijiet differenti minn dawk approvati fid-deċiżjoni Sernam 1 ( 14 ), madankollu l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha u taħt ċerti kundizzjonijiet, li din is-somma kienet kompatibbli mat-trattat, filwaqt li l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun imħallsa illegalment lil Sernam kienet, min-naħa tagħha, inkompatibbli u kellha tiġi rkuprata ( 15 ). L-għajnuna mill-Istat favur Sernam fl-ammont ta’ EUR 503 miljun setgħet titqies kompatibbli mat-trattat bil-kundizzjoni li 1) Sernam tiżviluppa biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija u li l-SNCF tiggarantixxi li toffri lil kull operatur li jitlobhom l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil Sernam għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija [Artikolu 3(1)(a) tad-Deċiżjoni Sernam 2], u 2) Sernam tissostitwixxi kompletament ir-riżorsi tagħha stess u s-servizzi ta’ trasport bit-triq b’riżorsi u servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ impriża waħda jew iktar legalment u ekonomikament indipendenti mill-SNCF u magħżula skont proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja [Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni Sernam 2]. Mill-motivi tad-Deċiżjoni Sernam 2 jirriżulta li, fid-dawl tal-applikazzjoni abbużiva u ż-żieda fit-tul tal-pjan ta’ ristrutturar meta mqabbel ma’ dak li kien previst fid-deċiżjoni Sernam 1, il-Kummissjoni kienet tistenna li Sernam tipprovdi korrispettiv partikolari billi tirtira permanentement mis-setturi tas-suq b’kapaċità żejda, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata l-approvazzjoni ta’ parti mill-għajnuna ( 16 ). Barra minn hekk, dan kien sabiex jiġi evitat li l-impriża, li kellha twaqqaf l-attivitajiet tagħha minħabba d-diffikultajiet iddikjarati tagħha, tkompli żżomm artifiċjalment sehem mis-suq imfittex ħafna bi preġudizzju ta’ impriżi kompetituri u finanzjarjament f’saħħithom ( 17 ). Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li “Sernam [kellha] tirtira permanentement mill-attivitajiet tagħha fis-setturi tas-suq b’kapaċità żejda, f’dan il-każ fis-settur tas-suq ta’ gruppaġġ/tal-posta li tradizzjonalment tinġarr bil-ferrovija” ( 18 ). Madankollu, fl-eventwalità ta’ bejgħ f’daqqa tal-assi ta’ Sernam, bil-prezz tas-suq, lil kumpannija li ma għandhiex rabta legali mal-SNCF, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, il-kundizzjonijiet dwar l-irtirar ta’ Sernam mis-setturi b’kapaċità żejda ma kellhomx jibqgħu japplikaw ( 19 ) għaliex, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li Sernam ma kinitx topera iktar fil-forma legali tagħha u rrilaxxjat l-ishma tagħha ( 20 ).

22.

Għall-analiżi li ser issegwi, huwa importanti li jinżamm preżenti l-kliem tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2:

“Artikolu 3

1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, għandhom jiġu rispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

Sernam tista’ twettaq biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija, skont il-kunċett tat-Train bloc express, “TBE”. [F]’dan ir-rigward, l-SNCF tiggarantixxi li toffri lil kull operatur ieħor li jixtieq jipprovdi servizz simili, l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil Sernam għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, “TBE”.

b)

Min-naħa tagħha, fis-sentejn li jibdew mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Sernam għandha tissostitwixxi bis-sħiħ ir-riżorsi u s-servizzi tagħha tat-trasport bit-triq b’riżorsi u servizzi ta’ impriża waħda jew aktar, li jkunu legalment u ekonomikament indipendenti mill-SNCF, u jintgħażlu skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. […]

2.   Fil-każ li Sernam tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005 bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jibqgħux jgħoddu.

Artikolu 4

Kwalunkwe bejgħ parzjali jew sħiħ ta’ Sernam għandu jsir bil-prezz tas-suq, u permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa għall-kompetituri kollha. F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk il-kumpanija Sernam tibqa’ teżisti, hija għandha tkun responsabbli għar-rimborż tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.”

23.

Sabiex teżegwixxi d-Deċiżjoni Sernam 2, ir-Repubblika Franċiża għażlet ix-xenarju tal-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni msemmija. Sabiex tagħmel hekk, l-SNCF qabel kollox stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex juru l-interess tagħhom għall-akkwist tal-assi kollha ta’ Sernam. L-offerti kollha riċevuti kienu negattivi u l-ebda offerta ma setgħet tiġi aċċettata. It-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam għamel offerta ta’ konsolidament permezz ta’ kumpannija li kienet għadha trid tiġi fformata, li kellha ssir Financière Sernam ( 21 ). It-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Financière Sernam twettqet f’erba’ stadji miġbura fl-iskema li ġejja ( 22 ):

Image

24.

L-ewwel nett, l-SNCF irrikapitalizzat lis-sussidjarja tagħha Sernam SA li tappartjeni lilha 100 %, f’ammont ta’ EUR 57 miljun. It-tieni nett, Sernam SA wettqet favur is-sussidjarja tagħha Sernam Xpress li tappartjeni lilha 100 %, kontribuzzjoni fuq l-assi tagħha kollha, inkluż l-EUR 57 miljun tar-rikapitalizzazzjoni deskritta iktar ’il fuq u tal-obbligazzjonijiet ta’ Sernam (bl-eċċezzjoni biss tal-obbligazzjonijiet imsejħa “finanzjarju”) fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun. Għal din l-assenjazzjoni, Sernam SA rċeviet sehem f’Sernam Xpress b’valur nominali ta’ EUR 100. It-tielet nett, Sernam Xpress wettqet żieda fil-kapital ta’ EUR 2 miljun, kompletament sottoskritti minn SNCF, li b’hekk ippermettielha li ssir azzjonist maġġoritarju f’Sernam Xpress. Ir-raba’ nett, Sernam SA u SNCF ċedew l-ishma kollha tagħhom f’Sernam Xpress, li jirrappreżentaw il-kapital kollu ta’ din tal-aħħar, lil Financière Sernam bil-prezz ta’ EUR 2 miljun. Barra minn hekk, Sernam SA ġiet illikwidata ġudizzjarjament fil-15 ta’ Diċembru 2005 u l-EUR 41 miljun rimborsabbli lill-SNCF taħt id-Deċiżjoni Sernam 2 ġew inklużi fl-obbligazzjonijiet ta’ din il-likwidazzjoni.

25.

L-offerta tal-Financière Sernam ġiet trażmessa lil SNCF fit-30 ta’ Ġunju 2005, li aċċettatha fil-prinċipju dakinhar stess. Il-protokoll ta’ ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Lulju 2005, Financière Sernam ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Ottubru 2005 fir-reġistru tal-kummerċ u l-operazzjonijiet deskritti iktar ’il fuq ġew effettwati fis-17 ta’ Ottubru 2005 ( 23 ).

26.

Fid-deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni sabet, minn naħa, applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna awtorizzata bid-Deċiżjoni Sernam 2 għaliex l-awtoritajiet Franċiżi ma osservawx il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni msemmija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma kinitx twettqet fit-30 ta’ Ġunju 2005; li t-trażmissjoni ta’ dawk l-attivitajiet ma kinitx tikkostitwixxi bejgħ minħabba l-prezz negattiv tagħha; li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma kinitx tikkostitwixxi bejgħ tal-assi iżda trażmissjoni tat-total (assi u obbligazzjonijiet) ta’ Sernam; li t-trażmissjoni ma kinitx limitata għall-assi li kellha Sernam fiż-żmien tad-Deċiżjoni Sernam 2 iżda kienet miżjuda b’EUR 59 miljun; li t-trażmissjoni ma seħħitx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa; li l-għan tal-bejgħ tal-assi ma kienx ġie osservat ( 24 ). L-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna ta’ EUR 503 miljun twassal għall-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern u għandha tiġi rkuprata.

27.

Rigward l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun li kellha tiġi rkuprata minn Franza mingħand il-benefiċjarju tagħha skont id-Deċiżjoni Sernam 2 ( 25 ), il-Kummissjoni tosserva li din ġiet inkluża fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam. Wara li nnotat li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tipprovdi li din l-għajnuna ma kellhiex tiġi rkuprata, fil-każ ta’ għajbien tal-attività ekonomika ta’ Sernam, mingħand dawk li jkunu akkwistaw l-assi bil-prezz tas-suq fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi tad-29 ta’ April 2004 ( 26 ) u tat-8 ta’ Mejju 2003 ( 27 ). Il-Kummissjoni kienet għalhekk ikkunsidrat li, wara l-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, l-obbligu ta’ rkupru kien ġie ttrasferit fuq din tal-aħħar, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija baqgħet tibbenefika mill-għajnuna ta’ EUR 41 miljun inizjalment mogħtija lil Sernam. Barra minn hekk, hija ma applikatx il-kriterju tal-investitur privat.

28.

Finalment, il-Kummissjoni eżaminat l-għajnuna ġdida mogħtija lil Sernam Xpress skont il-protokoll ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 ( 28 ). Billi din l-għajnuna ġdida kienet ġiet mogħtija f’kuntest ta’ rkupru, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm lok li jiġi applikat il-prinċipju tal-investitur privat għaliex, f’dan il-kuntest, l-Istat kien aġixxa taħt l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ( 29 ). L-għajnuna eżaminata kienet tikkonsisti fir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun ta’ Sernam minn SNCF, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 2 miljun ta’ Sernam Xpress minn SNCF, ir-rinunzja tad-dejn ta’ SNCF favur Sernam, il-garanziji mogħtija minn SNCF fit-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Financière Sernam ( 30 ) kif ukoll il-prezz tal-bejgħ imħallas minn Financière Sernam. Il-Kummissjoni sabet il-preżenza ta’ għajnuna ġdida lil Sernam Xpress-Financière Sernam inkompatibbli mas-suq intern u kellha tiġi rkuprata mingħand Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha li komplew l-attività ekonomika billi bbenefikaw mill-għajnuna (drabi oħra eżerċitata minn Sernam Xpress, amalgamata ma’ Financière Sernam).

B. Fuq l-appell

1.   Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2

29.

Dan l-ewwel aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet: l-ewwel parti tirrigwarda l-għan tal-bejgħ tal-assi f’daqqa, it-tieni tirrigwarda żnaturament mill-Qorti Ġenerali tat-test tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 rigward il-kunċett ta’ “bejgħ”, it-tielet tirrigwarda żbalji ta’ liġi, żnaturament tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni rigward l-evalwazzjoni li tgħid li t-trasferiment f’daqqa tal-assi għandu jinftiehem li jikkonċerna biss l-assi, bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet. Billi l-ewwel u t-tielet parti jidhru marbuta, nipproponi li nanalizzahom flimkien.

a)   Fuq l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju

1) Is-sentenza appellata

30.

Mis-sentenza appellata jirriżulta li, wara li fakkret il-ġurisprudenza li d-dispożittiv ta’ att huwa indissoċjabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’mod li, jekk meħtieġ, huwa għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu ( 31 ), il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mit-test tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqri fid-dawl tal-premessa 217 ta’ dik id-deċiżjoni, li din “b’mod ċar [kienet] kjarament tikkuntrasta li ‘Sernam tinbiegħ kollha (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)’ mal-“bejgħ tal-assi kollha f’daqqa’ ta’ Sernam” ( 32 ). Għaldaqstant, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, korrettament, tikkunsidra li l-bejgħ tal-assi f’daqqa msemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kellu jirrigwarda biss l-assi, bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet ( 33 ), billi interpretazzjoni opposta kienet ser tinjora d-differenza bejn il-kundizzjonijiet alternattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, minn naħa, u fl-Artikolu 3(2) ta’ din l-istess deċiżjoni, min-naħa l‑oħra ( 34 ). Skont il-Qorti Ġenerali, l-interpretazzjoni tal-bejgħ tal-assi f’daqqa bħala li jinkludi l-obbligazzjonijiet kienet ser tirrendi “illoġiku u inkoerenti” ir-rikors għal dawn il-kundizzjonijiet alternattivi ( 35 ). L-interpretazzjoni tal-bejgħ f’daqqa tal-attiv fis-sens li jinkludi l-passiv kienet, skont il-Qorti Ġenerali, trendi “illoġiku u inkoerenti” l-użu ta’ dawn il-kundizzjonijiet alternattivi. Sussegwentment, il-Qorti Ġenerali fakkret in-natura alternattiva taż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 u ddeċidiet li t-tnejn kellhom “l-istess għan tal-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati mil[l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ EUR 503 miljuni]” ( 36 ). Hija ġġustifikat it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-għan aħħari tal-bejgħ f’daqqa tal-assi ta’ Sernam “kien li jinterrompi l-attività ekonomika ta’ Sernam” ( 37 ). Hija kienet għalhekk iddeċidiet li t-trasferiment ta’ Sernam, kollha kemm hi, li kellu l-għan li hija tinżamm ħajja u titpoġġa fuq saqajha, kien kuntrarju għall-għan imfittex “tal-interruzzjoni tal-attività ekonomika tagħha u li jiġu lliberati l-partijiet mis-suq tagħha favur l-akkwirent tal-assi tagħha” ( 38 ).

31.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fil-premessi 109 u 110 tad-deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni kienet korrettament evalwat l-operazzjoni msejħa “assenjazzjoni [injezzjoni] parzjali ta’ assi” billi kkonkludiet li din ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “bejgħ tal-assi lil terz” minħabba l-fatt li dan il-bejgħ ma kienx jirrigwarda biss l-assi iżda wkoll l-obbligazzjonijiet kollha ( 39 ), u li dan kien seħħ favur sussidjarja li tappartjeni lilha 100 % ( 40 ).

2) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

i) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

32.

L-SNCF targumenta, essenzjalment, li t-trasferiment f’daqqa tal-assi deċiż f’Ġunju 2005 kien osserva kompletament l-għan imfittex mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqri fid-dawl tal-premessa 217 tagħha. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa żbaljat għal żewġ raġunijiet essenzjali. L-ewwel għaliex, b’mod ġenerali, it-trasferiment tal-assi għandu bħala konsegwenza inevitabbli t-tkomplija tal-attività, billi ż-żieda tal-obbligazzjonijiet (jiġifieri d-djun) hija ineffettiva f’dan ir-rigward għaliex għandha effett biss fuq il-valutazzjoni tal-impriża ttrasferita. Il-Qorti Ġenerali ma spjegatx kif it-trasferiment f’daqqa tal‑assi kollha ta’ Sernam, lil xerrej wieħed li kellu jieħu l-parti tas-suq lliberata minn Sernam, setgħet twassal għal interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam. L-appellanti targumenta dwar insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt. It-tieni raġuni hija fis-sens li l-motivi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra li t-trasferiment f’daqqa għandu bħala għan l-għajbien ekonomiku ta’ Sernam ma jippermettux li din l-interpretazzjoni tkun iġġustifikata. Il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 hija limitata sabiex tirrikjedi li Sernam ma toperax iktar fil-forma legali preċedenti tagħha u sabiex tippermetti lil akkwirent indipendenti minn SNCF li jopera s-sehem tas-suq ta’ Sernam. Meta indikat fil-punti 194 u 195 tas-sentenza appellata li l-għan imfittex kien l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam, il-Qorti Ġenerali adottat għan li f’ebda każ ma jirriżulta la mid-dispożittiv u lanqas mill-motivi tad-Deċiżjoni Sernam 2 li, għalhekk, kien żnaturat. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tidher kontradittorja minħabba l-fatt li, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, hija stess irrikonoxxiet li l-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienet “[t]agħti l-idea ta’ tkomplija tal-attività ekonomika” ta’ Sernam. Bl-istess mod, SNCF issostni li l-premessa 217 ma turix li t-tkomplija tal-attività kellha tiftiehem bħala l-attività segwita mix-xerrej li jintegra l-assi ta’ Sernam fl-istrateġija kummerċjali tiegħu u li din kienet kundizzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jitqies li l-partijiet tas-suq tal-kumpannija benefiċjarja kienu ġew illiberati. Bil-kuntrarju, il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 hija limitata sabiex tiddeċiedi l-liberazzjoni tal-ishma ta’ Sernam favur ix-xerrej indipendenti, jiġifieri mingħajr rabta ma’ SNCF.

33.

Fir-replika tagħha, SNCF iżżid, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma werietx kif it-trasferiment f’daqqa tal-assi kollha ta’ impriża lil xerrej wieħed u uniku jista’ jwassal, ekonomikament u legalment, għat-trasferiment tal-attività ekonomika. Il-Kummissjoni stess spjegat lill-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li dan kien preċiżament l-effett ta’ tali trasferiment fil-kawżi magħrufa bħala “SMI” u “CDA” ( 41 ). Il-Kummissjoni kellha wkoll tbiddel, fir-replika tagħha, il-kliem tal-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 li, skont l-appellanti, ma jagħmlu l-ebda riferenza għall-kompetituri ta’ Sernam. Skont id-Deċiżjoni Sernam 2, l-uniku għan imfittex mill-Kummissjoni huwa t-terminazzjoni għall-futur ta’ kull rabta ta’ kapital bejn SNCF u s-sussidjarja tagħha Sernam sabiex tevita li din terġa’ tikseb għajnuna u l-uniku rekwiżit kien li x-xerrej ta’ Sernam ma jkollux rabta ma’ SNCF. Għaldaqstant, l-għan ta’ bejgħ f’daqqa tal-assi ma kienx l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam. L-appellanti żżid li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn it-trasferiment f’daqqa tal-assi ta’ Sernam, li jimplika neċessarjament it-tkomplija tal-attività ta’ Sernam, u l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tal-kriterji differenti tal-kontinwità ekonomika żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34.

Finalment, fir-rigward tal-prezz, il-Kummissjoni kienet teħtieġ prezz tas-suq li jista’ jkun negattiv. Jekk l-assi jinbiegħu f’daqqa, li jimplika t-trasferiment ta’ attività neċessarjament bit-telf kif ukoll tal-kuntratti tax-xogħol, ikun inevitabbli li l-valur tagħha jkun negattiv; il-kunsiderazzjoni li l-prezz seta’ kien pożittiv hija konġettura mhux sostnuta u żnaturament tal-fatti, billi l-offerti kollha kienu ħafna fin-negattiv. Barra minn hekk, SNCF issostni li ma hemmx ħtieġa li jiġu implementati l-prinċipji ġurisprudenzjali dwar l-interpretazzjoni meta d-dispożizzjoni tkun nieqsa minn kull ambigwità. Ma huwiex possibbli li jiġu assenjati l-assi kollha ta’ impriża mingħajr trasferiment tal-attività ekonomika lix-xerrej u ma huwiex possibbli li tiġi ttrasferita parti mis-suq ta’ impriża lix-xerrej mingħajr trasferiment tal-attività. Għalhekk, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali twassal għal sitwazzjoni impossibbli.

35.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

ii) Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

36.

SNCF issostni li, meta llimitat ruħha sabiex tirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u tal-premessa 217 ta’ din id-deċiżjoni sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha li tgħid li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tipprekludi b’mod ċar il-bejgħ ta’ Sernam kollha meta mqabbel mal-bejgħ tal-assi tagħha biss, il-Qorti Ġenerali pproċediet permezz ta’ affermazzjonijiet perentorji, żnaturat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u vvizzjat ir-raġunament tagħha b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Il-premessa 217 ma tinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li t-trasferiment tal-assi f’daqqa kellu jinftiehem fis-sens li jikkonċerna l-assi biss. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeduċi mix-xenarju alternattiv ipprospettat fil-premessa 217 li l-Artikolu 3(2) kien jeskludi l-obbligazzjonijiet, speċjalment peress li, fid-dawl tal-għan imfittex, jiġifieri l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam, iż-żieda mat-trasferiment tal-obbligazzjonijiet kollha jew parti minnhom hija irrilevanti. La l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma spjegaw kif trasferiment tal-assi kollha f’daqqa lil xerrej wieħed intiż sabiex jieħu l-parti tas-suq ta’ Sernam setgħet twassal għall-waqfien tal-attività ekonomika ta’ din tal-aħħar ( 42 ).

37.

Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata huwa żbaljat għaliex kundizzjonijiet differenti ġew applikati bid-Deċiżjoni Sernam 2 għal kull wieħed miż-żewġ xenarji. Kieku l-għan imfittex mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien l-interruzzjoni tal-attività ta’ Sernam, allura kienet tkun meħtieġa biss ir-referenza għal metodu ta’ trasferiment li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan (bħat-trasferiment ta’ assi kkunsidrati separatament jew f’lottijiet, kif il-Kummissjoni kienet diġà kkunsidrat f’każijiet oħra ( 43 )). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi, żnaturat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

38.

F’dak li jirrigwarda lilha, il-Kummissjoni ssostni li din it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

3) Analiżi

39.

Fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet partijiet ta’ dan l-ewwel aggravju, SNCF tikkontesta l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, tal-għan tal-bejgħ f’daqqa tal-assi meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u, min-naħa l-oħra, tal-kunċett innifsu ta’ “bejgħ f’daqqa tal-assi”.

40.

Qabel kollox, l-aggravju bbażat fuq l-inutilità tar-rikors, mill-Qorti Ġenerali, għall-ġurisprudenza klassika dwar il-metodi ta’ interpretazzjoni għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-Unjoni għandu jiġi miċħud, peress li l-Qorti Ġenerali ma għamlet xejn ħlief li fakkret, u sussegwentement applikat, ġurisprudenza stabbilita li tistabbilixxi prinċipji ferm stabbiliti ( 44 ) li jinkwadraw l-uffiċċju tal-qorti meta din tal-aħħar ikollha tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Inżid li, kont meħud tad-diverġenzi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 bejn SNCF u l-Kummissjoni, ma kienx esaġerat li l-qorti tal-Unjoni tfittex xi mkien ieħor milli fid-dispożittiv tad-deċiżjoni msemmija l-elementi meħtieġa sabiex tiċċara s-sens u l-portata eżatti tagħha, u għalhekk il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta li rreferiet mhux biss għall-kliem ta’ dan l-artikolu iżda wkoll għall-kuntest u għall-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li fiha huwa jinsab ( 45 ).

41.

Infakkar sussegwentement li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 jikkunsidra żewġ xenarji. Skont l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni msemmija, l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ Sernam tista’ tibqa’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjoni li Sernam tiżviluppa “biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija” u li, fl-istess waqt, SNCF tiggarantixxi li “toffri lil kull operatur ieħor li jixtieq jipprovdi servizz simili, l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil Sernam għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija”. Barra minn hekk, fis-sentejn li jibdew mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni Sernam 2, Sernam kellha “tissostitwixxi bis-sħiħ ir-riżorsi u s-servizzi tagħha tat-trasport bit-triq b’riżorsi u servizzi ta’ impriża waħda jew aktar, li jkunu legalment u ekonomikament indipendenti minn SNCF, u jintgħażlu skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja”. Fil-każ li jkun intgħażel it-tieni xenarju – dak previst bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 – dawn il-kundizzjonijiet ma kellhomx japplikaw iktar. Min-naħa l-oħra, kien allura rikjest li Sernam “tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-[30 ta’ Ġunju 2005] bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF”.

42.

It-tfittxija tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat dawn iż-żewġ ipoteżi u, finalment, l-għan tal-bejgħ tal-assi f’daqqa kienet naturalment teħtieġ qari komplet ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri inkluż il-motivi tagħha. Issa, minn dawn il-motivi jirriżulta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 huma maħsuba bħala “korrispettiv” rikjesti mingħand Sernam minħabba l-fatt li hija bbenefikat mill-applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna ( 46 ). Għalhekk kienet meħtieġa li hija tirtira “permanentement mis-setturi tas-suq b’kapaċità żejda” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jiġi evitat li impriża “li kellha tieqaf mill-attivitajiet tagħha wara d-diffikultajiet iddikjarati tagħha [, tokkupa] artifiċjalment partijiet mis-suq imfittxija ferm bi ħsara għal impriżi kompetituri u f’saħħithom finanzjarjament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 47 ).

43.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li jbiegħu lil “kumpannija Sernam kollha (inklużi assi u passiv)” ( 48 ) u hija ħadet ħsieb li topponi din l-ipoteżi espressament flimkien ma’ dik ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam. Għalhekk, il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 tiddikjara li, “fil-każ li Sernam tinbiegħ kollha (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), hekk kif previst mill-awtoritajiet Franċiżi, iridu jiġu applikati l-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni (l-akkwist mill-ġdid tal-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam minn impriżi oħrajn u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lejn it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija) fi kwalunkwe każ. Min-naħa l-oħra, kieku Sernam [kellha] tbigħ l-assi kollha ‘f’daqqa’, il-Kummissjoni tfakkar li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, relatati mar-ristrutturar tal-kumpanija ma jkunux japplikaw, billi Sernam ma tkunx se tibqa’ topera bil-forma legali attwali tagħha u tkun illiberat l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam”) ( 49 ).

44.

Nammetti li qari iżolat tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 seta’ jħalli dubju li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ma kienx neċessarjament jeskludi l-bejgħ tal-obbligazzjonijiet. Madankollu, la darba jiġi ammess, mingħajr diffikultà reali, li l-Qorti Ġenerali setgħet tirreferi għall-premessi tad-deċiżjoni Sernam 2 sabiex tiċċara s-sens tad-dispożittiv tagħha, il-qari tal-premessa 217 huwa biżżejjed sabiex jikkonferma l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa kien neċessarjament jeskludi l-obbligazzjonijiet billi l-Kummissjoni poġġiet f’kuntrast manifest il-bejgħ ta’ Sernam kollha (assi u obbligazzjonijiet), minn naħa, u l-bejgħ tal-assi biss f’daqqa, min-naħa l-oħra. L‑appellanti tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali pproċediet b’affermazzjoni perentorja u mingħajr prova reali. B’hekk, ma narax b’liema mod aħjar hija setgħet iġġib il-prova.

45.

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha” ( 50 ). F’dan il-każ, dan ir-rekwiżit huwa kompletament sodisfatt.

46.

Fir-rigward tal-għan imfittex, minħabba l-kuntest li fih ittieħdet id-Deċiżjoni Sernam 2, dan huwa, ovvjament u kif fakkret il-Qorti Ġenerali, li jipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 51 ). Iż-żewġ xenarji kkunsidrati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienu kjarament ikkonċepiti bħala alternattivi, li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra ż-żewġ għażliet bħala ekwivalenti mill-perspettiva tal-għan tagħhom u tal-effettività tagħhom sabiex jistabbilixxu mill-ġdid sitwazzjoni li tosserva l-kompetizzjoni libera. Issa l-għan imfittex mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 huwa spjegat fil-premessi 200 et seq tad-deċiżjoni msemmija. Dawn ifakkru, essenzjalment, li Sernam ibbenefikat minn għajnuna li ma osservatx il-pjan inizjali ta’ ristrutturar. Għalhekk, sabiex tnaqqas din id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni imponiet “korrispettivi” ( 52 ) u rrikjediet li Sernam tirtira mill-partijiet tas-suq b’kapaċità żejda fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ( 53 ). Huwa kompletament loġiku li l-għan imfittex mit-tieni xenarju huwa identiku. Għal darba oħra, il-premessa 217 ta’ din id-deċiżjoni hija element ċentrali sabiex tiftiehem ir-raġuni għalfejn il-“korrispettiv” rikjest fl-ipoteżi ta’ implementazzjoni tal-ewwel xenarju ma jkunx iktar rikjest fl-ipoteżi ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li “Sernam ma tkunx se tibqa’ topera bil-forma legali attwali tagħha u tkun illiberat l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam)” ( 54 ). Kif innotat korrettament il-Qorti Ġenerali, din il-premessa “tinsab fl-istess parti ddedikata għall-prevenzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bħall-premessi 200, 208 sa 211” ( 55 ). Barra minn hekk, mill-kliem ta’ din il-premessa, u kuntrarjament għal dak li tippretendi l-appellanti, jirriżulta kjarament li l-Kummissjoni kkunsidrat li bix-xiri tal-attività minn xerrej indipendenti, li ser jixtri fl-interess tiegħu, Sernam sejra effettivament tirtira mis-suq favur dan tal-aħħar.

47.

Jekk jiġi segwit ir-raġunament ta’ SNCF, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma jkunx jirrikjedi la t-trasferiment tal-assi f’daqqa, bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet, u lanqas l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam. Dan ifisser li l-Kummissjoni tkun ammettiet li Sernam tista’ tinbiegħ kważi fl-intier tagħha u ssegwi l-attività ekonomika tagħha mingħajr ma tirrikjedi l-iċken korrispettiv (għaliex dan ikun każ tal-implementazzjoni tat-tieni xenarju), filwaqt li hija kjarament irrikjediet, f’każ ta’ bejgħ ta’ Sernam kollha, sensiela ta’ miżuri intiżi sabiex inaqqsu l-preżenza tagħha fuq is-suq. Din l-interpretazzjoni ma hijiex konsistenti u tirrendi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 nieqes minn kull sustanza u kull effett. Huwa minnu li, kif issostni SNCF, it-trasferiment tal-assi għandu bħala konsegwenza l-kontinwazzjoni ta’ “l-attività” fis-sens ta’ xiri tal-ishma mis-suq li kienet tokkupa Sernam minn impriża oħra. Madankollu, imneżża’ mill-assi tagħha, ovvjament Sernam ma setgħetx tkompli tokkupa l-pożizzjoni li kellha fuq is-suq. Barra minn hekk, nixtieq ninnota li, kif tinnota l-parti intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, l-interpretazzjoni proposta mill-SNCF tammonta għal speċi ta’ ammissjoni impliċita li l-operazzjonijiet ta’ trasferiment wasslu għaż-żamma tal-attività ta’ Sernam mingħajr l-implementazzjoni ta’ xi korrispettiv meħtieġ sabiex ineħħi l-inkwiet kompetittiv.

48.

Fil-qosor, l-Artikolu 3 kien jikkunsidra, minn naħa, is-sussistenza ta’ Sernam fejn il-possibbiltà ta’ bejgħ ta’ Sernam kollha (assi u obbligazzjonijiet) u, għalhekk, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 kellhom jiġu osservati u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi ta’ bejgħ f’daqqa tal-assi u b’hekk dawn il-kundizzjonijiet ma kinux iktar rikjesti, għaliex Sernam kienet b’hekk illiberat l-ishma tagħha mis-suq favur ix-xerrej. Bejgħ tal-assi f’daqqa akkumpanjat minn parti mill-obbligazzjonijiet ma kienx jippermetti l-interruzzjoni tal-attività ta’ Sernam; jew, jekk din l-attività kienet ser titkompla, kienu rikjesti korrispettivi. SNCF biegħet l-assi ta’ Sernam f’daqqa, kif ukoll “kważi l-obbligazzjonijiet kollha” ( 56 ) mingħajr ma offriet xi korrispettiv li jista’ jikkumpensa t-taħwid fil-kompetizzjoni. Ir-riżultat tal-operazzjoni huwa newtrali, minn dik il-perspettiva, biex ngħidu hekk, billi din hija kunċettwalment ferm eqreb lejn bejgħ ta’ Sernam b’mod sħiħ – bejgħ li miegħu kienu marbuta kundizzjonijiet stretti u ċari ta’ liberazzjoni ta’ ċerti setturi tas-suq b’kapaċità żejda.

49.

Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx ir-raġunament tagħha b’xi żball ta’ liġi meta kkonkludiet li “[l]-fatt li, fil-każ ta’ bejgħ ta’ assi f’daqqa, ma kienx hemm iktar il-bżonn li jiġi impost l-irtirar mis-settur tat-triq li għandu kapaċità żejda, fattur li ma jistax jiġi spjegat ħlief bil-fatt li, fil-każ ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, bil-prezz tas-suq, lil kumpannija li ma kellhiex rabta legali ma’ [SNCF] permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, Sernam kienet tisparixxi ekonomikament mis-suq, u magħha, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni marbuta mal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Sernam”“il-liberazzjoni ta’ partijiet tas-suq għall-benefiċċju tal-akkwirent indipendenti’ [kellha titqies] li ġġib fi tmiemha d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-attività ssussidjata ta’ Sernam” ( 57 ).

50.

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkontradixxietx ruħha meta aċċettat li l-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 setgħet tat l-“idea ta’ tkomplija tal-attività ekonomika” minħabba l-fatt li hija immedjatament ippreċiżat li din l-idea ma treġix, peress li kienet “l-attività ta’ kull attur ieħor minbarra Sernam, jiġifieri l-attività tal-akkwirent, li jintegra l-assi ta’ Sernam fl-istrateġija kummerċjali proprja tiegħu mingħajr ma l-partijiet tas-suq tal-benefiċjarju jkunu tqiesu li huma ‘illiberati’” ( 58 ). Għalhekk is-sentenza appellata ma hijiex affettwata b’xi kontradizzjoni ta’ motivi, b’mod partikolari fid-dawl tal-identità nnifisha tax-xerrej tal-assi ta’ Sernam.

51.

Fir-rigward tar-riferenza mill-appellanti għas-sentenzi SMI u CDA, jekk il-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata li ma eżaminatx il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata quddiemha fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienu jillimitaw ruħhom sabiex jifformulaw mill-ġdid il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fil-kuntest partikolari ta’ kull waħda minn dawn il-kawżi – quod non –, is-sens li fih l-appellanti fehmet dawn is-sentenzi jistrieħ fuq qari parzjali, billi, għalkemm il-Kummissjoni sostniet konsistentement li l-bejgħ tal-assi ta’ kumpannija f’daqqa lill-istess xerrej seta’ jippermetti lil dan tal-aħħar li jkompli l-attività ekonomika ssussidjata – li seta’ jwassal għall-perpetwazzjoni tat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni – fl-istess waqt, hija ammettiet li kellha tiġi eżerċitata viġilanza partikolari sabiex il-perikolu ta’ distorsjoni jkun jista’ jiġi evitat jekk it-trasferiment jiġi eżegwit skont proċedura inkundizzjonata u miftuħa lill-kompetituri kollha – li hija preċiżament waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

52.

B’hekk, għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju jiġu miċħuda kompletament.

b)   Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

1) Is-sentenza appellata

53.

Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-mument li għandu jitqies sabiex jiġi evalwat jekk sarx il-bejgħ kien essenzjalment dak tat-trażmissjoni effettiva tal-assi, billi l-għan imfittex mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqri fid-dawl tal-premessa 217 tad-deċiżjoni msemmija, kien li jobbliga lil Sernam tbigħ l-assi kollha tagħha u tillibera l-partijiet tas-suq tagħha. Skont il-Qorti Ġenerali, interpretazzjoni formalistika tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 tipparalizza l-effetti tiegħu, bir-riskju li t-trażmissjoni effettiva tal-assi tiġi ddifferita għal żmien twil wara l-konklużjoni tal-bejgħ fis-sens ġuridiku tat-terminu.

2) Sunt tal-argumentazzjoni tal-partijiet

54.

Skont l-appellanti, peress li l-bejgħ veru u proprju kien ġie konkluż fit-30 ta’ Ġunju 2005, il-kundizzjoni temporali imposta bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienet, għalhekk, osservata. Din id-deċiżjoni ma kinitx tirreferi għal trażmissjoni effettiva tal-assi fit-30 ta’ Ġunju 2005, iżda kienet limitata biss sabiex tipprevedi li l-bejgħ kellu jsir mhux iktar tard minn dik id-data. Barra minn hekk, skont id-dritt Franċiż u b’mod partikolari l-Artikolu 1583 tal-Kodiċi Ċivili, il-bejgħ ikun komplut malli jsir il-ftehim fuq il-ħaġa u fuq il-prezz, anki jekk il-ħaġa tkun għadha la ġiet ikkonsenjata u lanqas imħallsa. Meta, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-bejgħ kienx sar fit-30 ta’ Ġunju 2005 kien dak tat-trażmissjoni tal-assi, il-Qorti Ġenerali kienet arrikkiet kunsiderevolment it-test tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u żnaturat il-kunċett ta’ “bejgħ” li jidher fl-Artikolu msemmi.

55.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob li din it-tieni parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda.

3) Analiżi

56.

Fost il-kundizzjonijiet iffissati sabiex l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun għar-ristrutturar ta’ Sernam tibqa’ titqies bħala kompatibbli hemm kundizzjoni temporali, billi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jipprovdi f’dan ir-rigward li, fl-ipoteżi ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, dan kellu jsir sat-30 ta’ Ġunju 2005.

57.

Anki jekk jitqies li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-data li fiha sar il-bejgħ ma hijiex biss evalwazzjoni tal-fatti, l-appellanti ma tasalx sabiex turi difett fl-analiżi tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, għalkemm, fil-kuntest tal-miżuri marbuta mal-kumpens tal-għajnuna mill-Istat, ma hemmx kwistjoni ta’ impożizzjoni ta’ definizzjoni komunitarja tal-“bejgħ” u li dan għandu neċessarjament jiġi organizzat fil-kundizzjonijiet previsti bid-dritt nazzjonali ( 59 ), madankollu, il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni għandhom id-dritt jeżiġu li dawn il-kundizzjonijiet ma jtellfux l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Huwa preċiżament dan ir-riskju li ġie identifikat mill-Qorti Ġenerali meta, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li l-interpretazzjoni proposta mill-SNCF “tipparalizza l-effetti tiegħu, bir-riskju li t-trażmissjoni effettiva tal-assi tiġi ddifferita għal żmien twil wara l-konklużjoni tal-‘bejgħ’ fis-sens ġuridiku”. Barra minn hekk, mill‑elementi tal-fajl jirriżulta li, fit-30 ta’ Ġunju 2005, l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet intbagħtet lil SNCF u biss “aċċettata fil-prinċipju mid-direzzjoni ġenerali tal-SNCF dakinhar stess” ( 60 ). Finalment, billi x-xenarju pprospettat bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jikkostitwixxi alternattiva għal dak ipprospettat bl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni fejn, f’każ ta’ applikazzjoni tat-tieni xenarju, il-kundizzjonijiet iffissati għat-twettiq tal-ewwel ma kinux jibqgħu applikabbli, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kundizzjoni temporali fis-sens li hija tinkludi kundizzjoni li teżiġi t-trażmissjoni effettiva tal-assi sat-30 ta’ Ġunju 2005 b’mod kompletament loġiku u mingħajr ma arrikkiet b’mod skunsidrat it-test tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kif tippretendi SNCF. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali kkonstatat bi żball li l-offerta mressqa mit-tim tat-tmexxija ma setgħetx titqies li kienet riżultat ta’ proċedura miftuħa u trasparenti

a)   Is-sentenza appellata

58.

Fil-punti 163, 164 u 174 tas-sentenza appellata, sabiex tiċħad l-ilment li jgħid li t-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kien ipparteċipa fis-sejħa għall-offerti sa mill-bidu tagħha u li l-offerta mressqa minn dak it-tim kienet l-eżitu ta’ proċess trasparenti u miftuħ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet essenzjalment li kien biss il-konsorzju ffurmat mill-kandidat Nru 5 u mit-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam li kien inizjalment ħa sehem fis-sejħa għall-offerti u ressaq offerta preliminari, u mhux il-membri tat-tim tat-tmexxija individwalment. Barra minn hekk, huwa l-abbozz imressaq mill-konsorzju li kien oriġinarjament intgħażel wara t-tieni sejħa għall-offerti. Il-Qorti Ġenerali b’hekk ċaħdet l-argument intiż sabiex juri li t-tim tat-tmexxija kien ipparteċipa sa mill-bidu fil-proċedura minħabba l-fatt li huwa ma kienx ipparteċipa b’mod awtonomu u li huwa ma kienx ippreżenta l-offerta waħdu. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dik l-offerta ma tistax titqies li kienet tirriżulta minn proċedura miftuħa u trasparenti.

b)   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

59.

SNCF tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għaliex ikkonstatat bi żball li l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-membri tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam b’mod awtonomu mill-bidu tal-proċedura kellha l-konsegwenza li l-proċedura mibdija ma kinitx miftuħa u trasparenti, kif kien jirrikjedi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, għaliex ma jirriżultax la minn dan l-artikolu, la mid-Deċiżjoni Sernam 2, u lanqas mid-dritt tal-Unjoni li l-kandidat finalment magħżul kellu jkun ipparteċipa b’mod awtonomu u indipendenti sa mill-bidu tal-proċess tal-għażla. Wara li fakkret il-kundizzjonijiet li fihom żvolġiet il-proċedura wara t-tieni round tal-għażla, SNCF issostni li kemm mill-prattika kif ukoll mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ ftuħ u ta’ trasparenza ta’ sejħa għall-offerti tkun sodisfatta meta l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jippreżentaw offerta u jgawdu possibbiltajiet ta’ informazzjoni u ta’ kundizzjonijiet taż-żmien identiċi ( 61 ). Anki jekk il-prinċipji applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari stabbiliti bid-Direttivi 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ kontrasferiment ( 62 ) u 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE ( 63 ), għandhom ikunu trasponibbli, b’analoġija, għall-proċeduri ta’ trasferiment tal-assi, id-dritt tal-Unjoni jawtorizza l-għoti ta’ dan il-kuntratt lil operatur ekonomiku mingħajr reklamar u mingħajr kompetizzjoni minn qabel wara l-falliment ta’ proċedura, anki jekk l-operatur ma jkunx ipparteċipa f’din l-ewwel proċedura u mingħajr ma dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ trasparenza. Dawn il-prinċipji għandhom a fortiori jitqiesu li ġew osservati meta l-assi jkunu ġew ittrasferiti lill-aħħar persuna interessata, l-unika waħda li tkun għamlet offerta konkreta u meta hija tkun ipparteċipat fil-proċess kollu, fil-bidu assoċjata f’konsorzju li l-parti l-oħra tiegħu tkun waqfet matul il-proċedura.

60.

Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija titlob li dan it-tieni aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, infondat.

c)   Analiżi

61.

Fil-kuntest ta’ dan it-tieni aggravju, l-appellanti tattakka parti mill-analiżi li wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma kienx sar wara proċedura miftuħa u trasparenti, kif irrikjediet il-Kummissjoni. Fil-fatt, meta eżaminat il-ħames parti tar-raba’ motiv tar-rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali eżaminat erba’ lmenti. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, SNCF argumentat li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet l-eżitu ta’ proċess miftuħ u trasparenti billi dak it-tim kien ipparteċipa, sa mill-bidu, fil-proċess ta’ sejħa għall-offerti fi ħdan il-konsorzju ffurmat mal-kandidat Nru 5 u ressaq offerta biss wara li s-sieħeb tiegħu kien wera l-inkapaċità tiegħu li jibgħat offerta konkreta fit-terminu ffissat mill-Kummissjoni. Kienu tressqu żewġ argumenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, fejn SNCF madankollu tikkontesta t-tieni wieħed b’mod separat ( 64 ).

62.

Qabel kollox, ninnota li dan it-tieni aggravju huwa indirizzat kontra l-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata, li huma limitati sabiex jikkonstataw li kien il-konsorzju fformat mill-kandidat Nru 5 u mit-tim tat-tmexxija li inizjalment ħa sehem fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti u li kien il-kontenut tal-abbozz ippreżentat minn dan il-konsorzju li kien ġie magħżul inizjalment, billi, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali limitat ruħha sabiex tirriproduċi risposta pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2012. Għaldaqstant, din hija essenzjalment evalwazzjoni fattwali li tirriżulta wkoll mill-punti 16 et seq tar-rikors ta’ SNCF quddiem il-Qorti Ġenerali. F’kull każ, mill-appell jirriżulta li SNCF tikkritika lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-tieni aggravju, bi żball ta’ liġi, u mhux żnaturament tal-fatti. Dan l-aggravju għandu jiġi miċħud minħabba l-inammissibbiltà tiegħu, billi l-appell għandu tradizzjonalment ikun limitat għall-kwistjonijiet tad-dritt ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-fatti u elementi ta’ prova, li ma hijiex invokata. L-istess riżultat għandu jiġi applikat għal dan l-aggravju għaliex huwa dirett kontra l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 174 tas-sentenza appellata u li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument intiż sabiex juri li t-tim tat-tmexxija kien ipparteċipa sa mill-bidu fis-sejħa għall-offerti għaliex huwa ma kienx ipparteċipa b’mod awtonomu u lanqas ma kien ressaq l-offerta waħdu ab initio.

63.

Madankollu, sussegwentement il-Qorti Ġenerali tipproċedi għal klassifikazzjoni legali tal-fatti għaliex minn dawn l-elementi ddeduċiet – parteċipazzjoni mhux awtonoma mill-bidu tal-proċedura tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam – li l-offerta ta’ dan tal-aħħar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala riżultat ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Min-naħa tagħha, din l-operazzjoni ta’ klassifikazzjoni taqa’ fl-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell ( 65 ).

64.

Il-forom li kellha tieħu l-proċedura li permezz tagħha l-assi ta’ Sernam kellhom jiġu ttrasferiti f’daqqa ma humiex iddefiniti, kif issostni l-SNCF, bid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 impona limitu espress, jiġifieri dak tal-osservanza tan-natura miftuħa u trasparenti tal-proċedura.

65.

Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni jekk il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi humiex applikabbli fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 – u dan iktar u iktar għaliex 1) xejn ma jindika li din kienet il-premessa tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali, 2) l-invokazzjoni minn SNCF tad-Direttivi 2014/23 u 2014/24 tidher ġdida u 3) SNCF ma tikkontestax dan formalment –, għandha tingħata risposta lill-appellanti li tinvoka l-preċedent iffurmat bis-sentenza SMI ( 66 ) li għalkemm, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ma kienx ġie prodott immedjatament, iżda kien seħħ wara l-falliment ta’ diversi tentattivi ma’ kumpannija oħra, kien “indizju li jista’ jistabbilixxi li l-proċedura segwita kienet suffiċjentement miftuħa u trasparenti” ( 67 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija għamlet dan f’kuntest ta’ bejgħ li kien żvolġa taħt il-kontroll ta’ qorti, element li SNCF tonqos milli tippreċiża.

66.

F’dak li jikkonċerna s-sejħiet għall-offerti, SNCF tirreferi għall-prattika tal-Kummissjoni u tenfasizza li din tal-aħħar tagħti importanza lill-fatt li “l-impriżi kollha li setgħu kienu interessati fix-xiri […] kellhom l-okkażjoni li jippreżentaw offerta u li l-impriża kienet ġiet trasferita lill-ogħla offerent” ( 68 ) kif ukoll aċċess ugwali għall-informazzjoni ( 69 ). Madankollu, meta fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tirrikjedi l-organizzazzjoni ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, dan ir-rekwiżit jiċċaħħad mill-effettività tiegħu jekk jitqies li dan huwa sodisfatt meta l-proċedura tkun tmexxiet fuq bażi miftuħa u trasparenti li jiggarantixxu l-ugwaljanza ta’ aċċess għall-informazzjoni lill-partijiet kollha interessati. Proċedura miftuħa u trasparenti għandha tibqa’ hekk matul dan il-proċess kollu u ma tirriduċix ruħha, kif issostni l-appellanti, għal offerta tal-possibbiltà li tiġi sottomessa offerta f’kundizzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ żmien identiċi ( 70 ).

67.

F’dan il-każ, ma jistax jiġi miċħud li l-kandidat li ġew ittrasferiti lilu l-assi ( 71 ) ta’ Sernam ma ħax sehem mill-bidu fil-proċedura. Għalhekk, l-assenza ta’ identiċità bejn il-kandidati għall-irkupru inizjali u dak li fih l-offerta ġiet finalment aċċettata setgħet leġittimament twassal lill-Kummissjoni, u wara lill-Qorti Ġenerali, li tikkunsidra li l-proċedura mmexxija ma kinitx trasparenti għaliex wasslet għall-konklużjoni tat-trasferiment ma’ kandidat li ma kienx ipparteċipa, ab initio, fis-sejħa għall-offerti, billi s-sitwazzjoni kompetittiva tal-kandidati l-oħra setgħet ġiet ippreġudikata ( 72 ) u dan it-tibdil seta’ jivvizzja l-proċedura.

68.

Għar-raġunijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

3.   Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ħażin li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet wisq iktar sfavorevoli lill-bejjiegħ mill-offerti mhux vinkolanti tal-kandidati l-oħra

a)   Is-sentenza appellata

69.

Mill-punti 165 sa 166 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tiċħad l-ilment li jgħid li l-offerta ppreżentata mit-tim tat-tmexxija kienet tikkostitwixxi l-eżitu ta’ proċess trasparenti u miftuħ, billi dan it-tim, li kien ipparteċipa fil-proċess sa mill-bidu, kien ippreżenta offerta waħda biss li kienet inizjalment komuni mal-kandidat Nru 5 li miegħu huwa kien jifforma l-konsorzju, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li l-offerta magħmula mit-tim tat-tmexxija kienet ferm distanti mill-offerta tat-tieni round magħmula mill-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5 u ferm iktar sfavorevoli għall-bejjiegħ. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal diversi elementi kontenuti fl-iskambji bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża fl-2005 u fl-2012 u qieset li d-differenza bejn iż-żewġ offerti kellha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-kriterju tal-bżonnijiet previżjonali ta’ rikapitalizzazzjoni fil-mira mill-appellanti, stmati f’ammont ferm ikbar fl-offerta finali tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam meta mqabbla ma dak li kien ġie propost mill-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5. L-offerta negattiva tat-tieni round tal-konsorzju kienet tammonta, skont il-Qorti Ġenerali u f’parametri ekwivalenti għal ‐ EUR 56.4 miljun filwaqt li dik tat-tim tat-tmexxija kienet titla’ għal ‐ EUR 95.5 miljun ( 73 ). Hija skartat ukoll l-argument li jgħid li, la darba l-kandidat Nru 5 kien irtira mill-proċedura, id-diskussjonijiet kienu loġikament tkomplew mal-“aħħar parti interessata” u ddeċidiet li SNCF kien imissha indirizzat il-kandidat Nru 4, li kien ipparteċipa sa mill-bidu fil-proċedura u ressaq offerta preliminari fit-tieni round ta’ ‐ EUR 62.5 miljun ( 74 ). Il-fatt li l-kandidat ma kienx issottometta offerta konkreta huwa irrilevanti għall-Qorti Ġenerali billi l-kwistjoni eżaminata hija biss jekk l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kinitx ir-riżultat tal-proċess ta’ sejħa għall-offerti ( 75 ).

b)   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

70.

L-appellanti ssostni li l-offerta tat-tim tat-tmexxija ta’ Sernam ma setgħetx titqies bħala riżultat ta’ sejħa għal offerti la miftuħa u lanqas trasparenti għar-raġuni li hija kienet ħafna iktar sfavorevoli għall-bejjiegħ mill-offerti preliminari tat-tieni round ippreżentati mill-kandidati l-oħra. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti meta ddeċidiet il-kuntrarju. SNCF targumenta li l-offerta preliminari ppreżentata mill-konsorzju kienet ibbażata fuq livell differenti ta’ flus kontanti meta pparagunata ma’ dak li fuqu kien ser jibbaża l-offerta preliminari tiegħu fit-tieni round il-kandidat Nru 4. Għalhekk, SNCF tikkontesta l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali tal-ħtiġiet ta’ rikapitalizzazzjoni evalwati mill-kandidat Nru 4. Fid-dawl tad-deterjorament qawwi tal-flus kontanti ta’ Sernam bejn il-31 ta’ Diċembru 2004 u t-30 ta’ Ġunju 2005, il-kandidat Nru 4 kien ser ikun kostrett jevalwa mill-ġdid il-bżonnijiet ta’ Sernam għal livell ferm ogħla. Jekk jitqies li l-offerta konkreta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam tista’ tiġi pparagunata mal-offerta mhux vinkolanti tat-tieni round tal-konsorzju, b’hekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball gravi.

71.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkunsidra dan it-tielet aggravju bħala ineffettiv u, sussidjarjament, bħala infondat.

c)   Analiżi

72.

L-intenzjoni tal-appellanti fil-kuntest ta’ dan it-tielet aggravju hija li turi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ħażin, li l-offerta konkreta mressqa mit-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet ferm iktar sfavorevoli minn dik sottomessa mill-konsorzju fformat mal-kandidat Nru 5, qabel ma dan irtira mill-proċedura, jew minn dik tal-kandidat Nru 4 wara t-tieni round preliminari. Hawnhekk jeħtieġ li għal darba oħra jiġi evalwat jekk il-bejgħ tal-assi ta’ Sernam twettaqx wara proċedura miftuħa u trasparenti. Issa, ladarba, fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tat-tieni aggravju, ġie kkonstatat li, billi t-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam ma ħax sehem fil-proċedura ta’ għażla mill-bidu u b’mod awtonomu, l-għażla, fl-aħħar, tal-offerta tiegħu ma tirriżultax minn proċedura miftuħa u trasparenti, kuntrarjament għal dak li kien jirrikjedi l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, għandu jiġi kkonstatat li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi – quod non – li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew żnaturat il-fatti meta ddeċidiet li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet iktar sfavorevoli, dan ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha u li jien qiegħed infakkar. Għalhekk naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li dan it-tielet aggravju huwa ineffettiv ( 76 ).

73.

Għall-kompletezza, inżid, bi qbil mal-Kummissjoni, li fil-punti 166 u 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-offerta tat-tieni round tal-konsorzju fformat mal-kandidat Nru 5 kienet tipprevedi li tinvesti “ammont sinjifikattiv” fil-kapital ta’ Sernam filwaqt li l-offerta tat-tim tat-tmexxija kienet tipprevedi biss investiment ferm inqas. Issa, din il-parti tas-sentenza ma hijiex ikkontestata fil-kuntest tal-appell. Id-differenza sostanzjali bejn l-offerti hija għalhekk ikkaratterizzata sewwa, u b’hekk tirrendi ineffettiv kull żball ta’ liġi jew żnaturament li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ rikapitalizzazzjoni bejn l-offerti.

74.

Fl-aħħar nett, anki jekk dan jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-livelli differenti ta’ flus kontanti ta’ Sernam li fuqhom kienu bbażati l-offerti differenti, peress li SNCF ma invokatx dan l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiżnatura fatti li lanqas biss ġew ippreżentati quddiemha. Fir-rigward tal-paragun mill-Qorti Ġenerali tal-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija mal-offerta mhux vinkolanti tat-tieni round tal-konsorzju, l-appellanti ma tifformula l-ebda aggravju bbażat fid-dritt fuq dan il-punt u, għall-kuntrarju, tidher li tammetti li dan il-paragun seta’ jsir ( 77 ).

75.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

4.   Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u kontradizzjoni ta’ motivi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda konfużjoni bejn is-suġġett u l-prezz tal-bejgħ tal-assi ta’ Sernam

a)   Is-sentenza appellata

76.

Fil-punt 153 tas-sentenza appellata, filwaqt li eżaminat ir-raba’ parti tar-raba’ motiv ( 78 ) ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn, fil-premessa 117 tad-deċiżjoni Sernam 3, qieset li t-trażmissjoni ma kinitx limitata għall-assi ta’ Sernam minħabba li din kienet żdiedet b’EUR 57 miljun netti, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda konfużjoni bejn is-suġġett u l-prezz tal-bejgħ, peress li din is-somma kienet, permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet suċċessivi ta’ Sernam u sussegwentement ta’ Sernam Xpress, żdiedet mal-assi tagħhom. Hija kkunsidrat ukoll, fil-punt segwenti, li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli fid-deċiżjoni ma ppreċiżatx li hija ma xtaqitx prezz negattiv, peress li l-prezz negattiv jirriżulta mill-fatt li l-obbligu li jinbiegħu biss l-assi ma kienx ġie osservat, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-evalwazzjonijiet “cash free, debt free” imwettqa mill-kandidati fi tmiem l-ewwel round tas-sejħa għall-offerti, li lkoll kellhom iwasslu għal proposti ta’ prezz pożittivi ( 79 ). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet għalhekk li dawn l-evalwazzjonijiet pożittivi kienu juru li għalkemm SNCF kienet ikkuntentat ruħha li tbigħ l-assi, b’esklużjoni tal-obbligazzjonijiet, il-prezz tal-bejgħ tagħhom kellu jkun pożittiv jew null, iżda mhux negattiv ( 80 ).

b)   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

77.

Skont SNCF, meta, fil-premessa 117 tad-deċiżjoni Sernam 3, qieset li permezz tar-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam u Sernam Xpress, żdied ammont nett ta’ EUR 57 miljun mal-assi u li din iż-żieda ma kinitx awtorizzata mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-Kummissjoni kkonfondiet is-suġġett tal-bejgħ (l-assi f’daqqa) u l-prezz (negattiv) imħallas għall-akkwist tagħhom. Għaldaqstant, minn din il-premessa, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat, mingħajr provi u permezz ta’ affermazzjonijiet perentorji, li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda konfużjoni bħal dik allegata minn SNCF. Din tal-aħħar issostni wkoll li din il-konklużjoni tikkostitwixxi żball ta’ liġi u li dan il-punt 153 jidher kontradittorju mar-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv ( 81 ).

78.

SNCF tikkontesta li l-bejgħ tal-assi kien żdied b’EUR 57 miljun netti u tispjega li r-rikapitalizzazzjoni tal-ammont ta’ din is-somma ( 82 ) ma tikkostitwixxix żieda fl-assi ttrasferiti iżda l-prezz negattiv imħallas għall-akkwist tal-assi f’daqqa ta’ Sernam. Filwaqt li ammettiet, fil-punti 103 u 107 tas-sentenza appellata, li d-dritt tal-għajnuna mill-Istat ma jiħux ħsieb il-forom legali li jistgħu jingħataw it-tranżazzjonijiet iżda jieħu ħsieb ir-realtà ekonomika tagħhom u li dan jirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ bejgħ bi prezz negattiv permezz ta’ rikapitalizzazzjoni minn qabel tal-bejjiegħ, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikkunsidra r-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam bħala prezz negattiv imħallas għat-trasferiment tal-assi f’daqqa, permezz ta’ analiżi bbażata esklużivament fuq il-forma legali ta’ din il-kontribuzzjoni.

79.

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat minn tieni żball ta’ liġi. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-prezz negattiv kien jirriżulta mill-fatt li l-obbligu li jinbiegħu biss l-assi ta’ Sernam, bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet, ma kienx ġie osservat, SNCF targumenta li, billi t-trasferiment f’daqqa kien jimplika t-tkomplija tal-attività ta’ Sernam, l-eżistenza ta’ “badwill” ( 83 ) kienet tissarraf fin-natura strutturalment defiċitarja tal-attività ttrasferita u t-trasferiment awtomatiku tal-kuntratti tax-xogħol, kif jipprevedi d-dritt Franċiż, kien jimplika valur neċessarjament negattiv tal-attività. Għalhekk, il-prezz negattiv ma kellux ikun miżjud b’ċerti obbligazzjonijiet iżda sempliċement bil-kliem stess tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 li, billi kien jirrikjedi li l-assi jkunu ttrasferiti f’daqqa, jawtorizza t-trasferiment ta’ attività strutturalment defiċitarja inkluż l-ispejjeż ta’ operazzjoni marbuta mat-tkomplija tal-kuntratti tax-xogħol tal-persunal.

80.

Fir-replika tagħha, SNCF iżżid li l-kunsiderazzjoni li l-bejgħ seta’ jsir bi prezz pożittiv kienet konġettura infondata li tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti, għaliex l-offerti kollha ppreżentati kienu ħafna fin-negattiv.

81.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis dan ir-raba’ aggravju bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

c)   Analiżi

82.

It-teżi ta’ SNCF issostni li r-rikapitalizzazzjoni hija waħda mill-elementi tal-bejgħ bi prezz negattiv tal-assi f’daqqa ta’ Sernam. Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi nnotat li r-rikapitalizzazzjoni, bħala żieda fl-assi, ta’ Sernam minn SNCF ma hijiex ikkontestata minn perspettiva fattwali ( 84 ). Issa, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li “s-somma ta’ EUR 57 miljun netti, permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet suċċessivi ta’ Sernam u sussegwentement ta’ Sernam Xpress, […] ġiet miżjuda mal-assi ta’ Sernam u, sussegwentement, ta’ Sernam Xpress”. Din hija konstatazzjoni fattwali, li ma ġietx ikkontestata mill-partijiet. Għaldaqstant huwa diffiċli li l-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata b’xi insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet l-assenza ta’ konfużjoni bejn is-suġġett tal-bejgħ u l-prezz tal-bejgħ mill-kliem tal-premessa 117 tad-deċiżjoni Sernam 3, imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza appellata.

83.

Barra minn hekk, lanqas ma jidher li huwa kontradittorju li jiġi deċiż, minn naħa, li d-dritt tal-Unjoni ma jopponix li jsir bejgħ bi prezz negattiv, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 107 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, li rikapitalizzazzjoni li twettqet fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 153 ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Dawn huma żewġ kwistjonijiet kompletament differenti. L-ewwel dikjarazzjoni ġiet ifformulata fil-kuntest tal-analiżi dwar il-kundizzjoni ta’ “bejgħ” rikjesta b’dan l-artikolu, billi hemmhekk il-Kummissjoni kkonstatat li seta’ jsir bejgħ bi prezz negattiv. Din il‑problema għandha tiġi distinta minn dik jekk ġietx awtorizzata żieda tal-assi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Sernam 2. Fi kliem ieħor, jekk, bl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ tal-assi f’daqqa”, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-kunċett ta’ “bejgħ”, min-naħa tagħhom, l-elementi tas-sentenza li huma kkontestati fil-kuntest ta’ dan l-aggravju pjuttost ittrattaw il-kunċett ta’ “assi f’daqqa”. Mill-kliem tar-raba’ parti tar-raba’ motiv ifformulat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li din kienet qed tiddelibera l-kwistjoni jekk, fil-premessa 117 tad-deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni setgħetx legalment tqis li t-trażmissjoni limitata għall-assi ta’ Sernam kinitx indebitament miżjuda b’EUR 57 miljun. Sabiex infakkar, wara li semmiet il-fatti, din il-premessa 117 ikkonkludiet li “din iż-żieda ma [kinitx] awtorizzata bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2”.

84.

Min-naħa tagħha, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 154 tas-sentenza appellata li tgħid li l-prezz negattiv huwa konsegwenza taż-żieda tal-obbligazzjonijiet fil-bejgħ tal-assi ta’ Sernam, hija evalwazzjoni fattwali li fir-rigward tagħha l-appellanti ma invokatx, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, żnaturament tal-fatti. Barra minn hekk, għalkemm SNCF tikkontesta, b’mod ġenerali, li l-bejgħ tal-assi f’daqqa kellu neċessarjament isir bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet, hija ma tikkontestax loġikament li l-bejgħ ta’ Sernam inkluda dawn l-obbligazzjonijiet fil-parti l-kbira tagħhom. Issa, kif diġà spjegajt, il-bejgħ kif ikkunsidrat bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kellu effettivament jinftiehem li jikkonċerna biss l-assi, bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet ta’ Sernam. Is-sempliċi fatt li obbligazzjonijiet kienu ġew inklużi fil-bejgħ huwa suffiċjenti sabiex jitqies li l-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma kinux ġew osservati. F’kull każ, infakkar ukoll li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, SNCF ammettiet li “meta assi jiġu assenjati individwalment, dawn ikollhom valur li jista’ jkun pożittiv jew null, iżda ma jistax ikun negattiv” ( 85 ). Għaldaqstant huwa diffiċli li jitqies li, fl-istadju tal-appell, l-appellanti tikkontesta dikjarazzjoni ta’ fatt li tiġbed biss il-konsegwenzi mit-teħid ta’ pożizzjoni tagħha stess.

85.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

5.   Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żnaturament tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni Sernam 2 għaliex il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tad-debitu tal-irkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2

a)   Is-sentenza appellata

86.

Fil-punti 237 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilment li ebda wieħed mill-kriterji li jippermettu li tiġi kkonstatata l-kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress ma kien ġie sodisfatt f’dan il-każ. Wara li fakkret li l-premessa 144 tad-Deċiżjoni Sernam 3, li fiha l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li “[b]’hekk, [kienu] preżenti l-kriterji kollha li jindikaw il-kontinwità ekonomika skont id-Deċiżjoni u skont is-sentenza Seleco [ ( 86 )]”, il-Qorti Ġenerali eżaminat kull wieħed minn dawn l-elementi.

87.

F’dak li jikkonċerna s-suġġett tat-trasferiment, il-Qorti Ġenerali fakkret, fid-dawl ta’ dak li kienet iddeċidiet preċedentement fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, ġustament, qieset li l-impriża kollha kienet ġiet ittrasferita, bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ( 87 ).

88.

F’dak li jikkonċerna l-identità tal-azzjonisti, il-Qorti Ġenerali kkonvalidat l-analiżi tal-Kummissjoni li kkonkludiet li l-injezzjoni ta’ Sernam lil Sernam Xpress kienet saret fi ħdan il-grupp tal-appellanti ( 88 ).

89.

F’dak li jikkonċerna l-mument tat-trasferiment, il-Qorti Ġenerali fakkret, minn naħa, li l-mument tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tinvolvi l-possibbiltà ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa tal-benefiċjarju tal-għajnuna, kif ukoll obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, jidher daqstant favorevoli għall-evażjoni tal-obbligu tal-irkupru daqs il-fażi ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha l-operazzjonijiet ta’ distorsjoni allegati, fil-kawżi Seleco, SMI u CDA ( 89 ) invokati mill-appellanti, kienu twettqu ( 90 ), u, min-naħa l-oħra, li hija kienet preċedentement iddeċidiet li t-tranżazzjoni la kienet tirrispetta t-terminu u lanqas il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ( 91 ).

90.

F’dak li jirrigwarda l-loġika ekonomika, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinux ġew osservati, li l-attività ekonomika ta’ Sernam ma kinitx ġiet interrotta u li, għaldaqstant, l-għan aħħari ta’ dan l-artikolu ma kienx ġie osservat ( 92 ). Hija ddeċidiet ukoll li l-appellanti ma setgħetx targumenta abbażi tad-dritt nazzjonali tagħha sabiex tiġġustifika li l-bejgħ, li kellu jsir bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet, kien inkludihom ( 93 ).

91.

F’dak li jikkonċerna l-prezz, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-prezz negattiv imħallas ma setax jitqies bħala prezz tas-suq riżultanti minn sejħa għall-offerti miftuħa u trasparenti, għaliex il-Qorti Ġenerali kienet diġà ddeċidiet li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam ma kinitx tirriżulta minn proċedura miftuħa u trasparenti ( 94 ). Hija fakkret ukoll li dan il-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun kien pjuttost maħsub bħala għajnuna operazzjonali li tippermetti li tkopri t-telf ta’ Sernam Xpress mill-2005 sal-2008 u li dan kien akkumpanjat minn rinunzja tad-dejn lejn Sernam f’ammont ta’ EUR 38.5 miljun ( 95 ). Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, minn naħa, il-valur probatorju tal-perizji indipendenti differenti invokati minn SNCF u intiżi sabiex jikkonfermaw li l-prezz tat-trasferiment kien prezz tas-suq ( 96 ) u, min-naħa l-oħra, l-argumenti ta’ SNCF indirizzati kontra l-aħħar żewġ sentenzi tal-premessa 145 tad-deċiżjoni Sernam 3, minħabba n-natura superfluwa tagħhom, peress li dawn is-sentenzi kienu jittrattaw biss “indikatur addizzjonali” tal-fatt li l-bilanċ kuntrattwali bejn SNCF u Financière Sernam ma kienx jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq ( 97 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkonkludi li t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Sernam Xpress kellu bħala konsegwenza li Sernam Xpress baqgħet effettivament tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna mogħtija minħabba li kien hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji ( 98 ). Barra minn hekk, mar-referenza għall-ġurisprudenza fil-qasam tal-bejgħ tal-azzjonijiet li tgħid li, skont ir-Repubblika Franċiża, impożizzjoni fuq l-impriża mibjugħa li tirrimborsa l-għajnuna illegali u inkompatibbli twassal biex tippenalizza lill-akkwirent tal-impriża msemmija, jiġifieri lil Financière Sernam, li, billi jkun ħallas bil-prezz tas-suq, ikun diġà ħallas l-għajnuna, il-Qorti Ġenerali rrispondiet li l-Kummissjoni kienet qieset li l-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam ma kellux il-konsegwenza li jillibera lil Sernam Xpress mill-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun. Fil-fatt, l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ma ġiex ittrasferit lil Financière Sernam bħala l-akkwirent tal-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress, iżda bħala s-suċċessur ġuridiku tagħha b’riżultat tal-amalgamazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, u tat-trażmissjoni universali tal-patrimonju li segwiet u għalhekk il-kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress intweriet b’mod suffiċjenti mill-Kummissjoni ( 99 ). Finalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ineffettiva r-referenza minn SNCF għall-kriterju tal-investitur privat li, skont din, ma għandu l-ebda rabta mal-obbligu ta’ rkupru tal-EUR 41 miljun iżda, għall-kuntrarju, jikkonċerna l-kwistjoni kompletament differenti tal‑klassifikazzjoni tal-għajnuna ġdida ( 100 ). Finalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien f’konformità sħiħa mal-ġurisprudenza Il-Kummissjoni vs Spanja ( 101 ) li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li s-sempliċi reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tal-għajnuna illegali u inkompatibbli ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u ċaħdet l-ilment li l-ebda wieħed mill-kriterji ta’ kontinwità ekonomika ma kien ġie sodisfatt f’dan il-każ ( 102 ).

92.

Finalment, fil-punti 275 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ilment li dik ir-reġistrazzjoni kienet konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, fakkret il-ġurisprudenza Il-Kummissjoni vs Spanja ( 103 ) li tistabbilixxi li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mill-kumpannija li tissokta l-attività ekonomika tal-impriża li inizjalment ibbenefikat mill-vantaġġ marbut mal-għoti tal-għajnuna mill-Istat u li b’hekk effettivament tkompli tgawdi minnha u kkonkludiet li, f’kuntest ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat, ir-riferiment għall-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ Sernam kellu jinftiehem li jirreferi għaż-żamma tal-attività ekonomika ta’ Sernam. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment, peress li r-reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tal-għajnuna illegali u inkompatibbli ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2.

b)   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

93.

SNCF tikkritika mill-ġdid lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni Sernam 2 sa fejn iddeċidiet li l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni “ma set[ax] ħlief [j]irreferi għaż-żamma tal-attività ekonomika ta’ Sernam” ( 104 ) meta l-kliem ta’ dan l-artikolu huwa ċar u mingħajr ambigwità, ma jagħmel l-ebda riferiment għall-interruzzjoni ta’ dik l-attività u jillimita ruħu sabiex jiddistingwi jekk il-kumpannija Sernam, bħala persuna ġuridika, tibqax teżisti jew le, kif huwa kompletament iġġustifikat fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, meta l-kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat tbigħ l-assi tagħha lil terz u bi prezz tas-suq, il-benefiċċju tal-għajnuna huwa inkluż f’dan il-prezz, b’mod li t-tgawdija effettiva tal-għajnuna tibqa’ fi ħdan il-bejjiegħ ( 105 ). Billi żnaturat l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi li għandu jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

94.

Barra minn hekk, l-appellanti tenfasizza diversi żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta eżaminat il-kundizzjonijiet tal-kontinwità ekonomika bejn Sernam u x-xerrej tal-assi f’daqqa ( 106 ) u dan meta, f’kull każ, il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha ( 107 ).

95.

F’dak li jikkonċerna l-identità tal-azzjonisti, SNCF tfakkar li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinux jippermettulha li tipproċedi għal bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam għal raġunijiet marbuta mal-partikolaritajiet tad-dritt Franċiż ( 108 ). Il-proċess tal-injezzjoni-trasferiment, ippreċedut minn rikapitalizzazzjoni f’każ ta’ prezz negattiv, jikkorrispondi għar-realtà ekonomika ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam bil-valur tas-suq tagħhom. Meta kkunsidrat li l-kontinwità ekonomika għandha tiġi evalwata bejn Sernam u Sernam Xpress, il-Qorti Ġenerali kienet qasmet artifiċjalment tranżazzjoni unika li kienet tfittex bħala loġika ekonomika unika t-trasferiment ta’ proprjetà tal-assi f’daqqa ta’ Sernam. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jgħid li d-dritt tal-għajnuna mill-Istat ma huwiex preokkupat bil-forom legali li jista’ jkollhom it-tranżazzjonijiet, iżda biss bir-realtà ekonomika tagħhom u vvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni ta’ motivi fir-rigward tal-prinċipju, imfakkar fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li jgħid li bejgħ jista’ jsir bi prezz negattiv. Sernam Xpress kienet biss il-mezz iffurmat sabiex jippermetti t-trasferiment ta’ proprjetà tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam. Barra minn hekk, il-Financière Sernam ġiet amalgamata ma’ Sernam Xpress wara li twettqet it-tranżazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma għarfitx li Financière Sernam hija l-proprjetarja u tuża l-assi ta’ Sernam li jinsabu għand Sernam Xpress u li għalhekk ma kien hemm l-ebda identità bejn l-azzjonisti ta’ Financière Sernam u dawk ta’ Sernam.

96.

F’dak li jikkonċerna l-prezz tas-suq, SNCF tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi għaliex irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tas-suq imħallas għall-assi ta’ Sernam anki jekk, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ prezz tas-suq huwa wieħed mill-iktar kriterji importanti sabiex tiġi kkonfermata l-assenza ta’ kontinwità ekonomika. Hawnhekk, l-appellanti tistrieħ b’mod partikolari fuq is-sentenzi SMI u CDA ( 109 ).

97.

F’dak li jikkonċerna s-suġġett tat-trasferiment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ħażin li l-impriża kollha kienet ġiet ittrasferita għaliex l-assi f’daqqa ta’ Sernam kienu ġew ittrasferiti flimkien mal-obbligazzjonijiet operazzjonali biss.

98.

F’dak li jikkonċerna l-mument tat-trasferiment, SNCF issostni li ma setgħet tiġi allegata l-ebda distorsjoni la darba hija l-Kummissjoni stess li pprevediet il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam u dawn l-assi ġew ittrasferiti bi prezz tas-suq.

99.

F’dak li jikkonċerna l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat bi żball li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien jirrikjedi l-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam ladarba l-possibbiltà ta’ trasferiment tal-assi f’daqqa kienet tirrendi possibbli b’mod ġust it-trasferiment tal-attività ta’ Sernam. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi li l-loġika tat-tranżazzjoni marret kontra l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni ladarba din it-tranżazzjoni kienet permessa mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

100.

SNCF tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 meta ddeċidiet li r-reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ġudizzjarja ta’ Sernam tad-dejn korrispondenti għall-ammont ta’ EUR 41 miljun ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli bid-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni.

101.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra dan l-aggravju bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment inammissibbli.

c)   Analiżi

102.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien jipprovdi li kull bejgħ ta’ Sernam kellu jsir bil-prezz tas-suq u fi tmiem proċedura miftuħa u trasparenti għall-kompetituri kollha tagħha u li jekk dawn il-kundizzjonijiet kienu osservati, ir-rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun ( 110 ) kien ikun impost fuq il-“kumpannija Sernam” jekk “Sernam” tkun baqgħet teżisti. Fid-deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-proċess tal-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli magħżul minn Franza, jiġifieri r-reġistrazzjoni tad-dejn tal-Istat fil-falliment ta’ Sernam, kienx verament jista’ jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 111 ). Billi qieset li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tiddistingwi skont jekk isseħħx jew le interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam, il-Kummissjoni eżaminat it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lill-Financière Sernam fid-dawl tal-kriterji u prinċipji riżultanti mis-sentenzi SMI, CDA u Seleco sabiex tiddetermina jekk kienx hemm lok li l-irkupru jiġi estiż għal Financière Sernam kif ukoll għas-sussidjarji tagħha. Din l-analiżi tinsab fil-premessi 143 sa 151 tad-deċiżjoni Sernam 3. Kif nafu, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Sernam Xpress kellu bħala konsegwenza li Sernam Xpress żammet it-tgawdija effettiva tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna mogħtija, għaliex dan wassal għal kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji, u t-trasferiment jikkorrispondi, dejjem skont il-Kummissjoni, għal distorsjoni tal-ordni ta’ rkupru impost fuq Sernam ( 112 ). Wara l-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, l-obbligu ta’ rkupru kien ġie trasferit lil din tal-aħħar, li, flimkien mas-sussidjarji tagħha, kompliet l-attività ta’ Sernam u ta’ Sernam Xpress u baqgħet tibbenefika mill-għajnuna ta’ EUR 41 miljun inizjalment mogħtija lil Sernam ( 113 ).

103.

Il-Qorti Ġenerali kkontrollat l-analiżi mwettaq mill-Kummissjoni mfakkar iktar ’il fuq fil-punti 237 et seq tas-sentenza appellata. Huwa kontra din il-parti ta’ din is-sentenza li huwa indirizzat dan il-ħames aggravju, akkost ta’ argumentazzjoni tal-appellanti xi kultant konfuża, sikwit ripetittiva u li diffiċilment tidentifika kjarament l-iżbalji ta’ liġi konkretament ikkritikati minħabba li tħallat mill-qrib il-fatti u l-liġi.

104.

Nirrispondi immedjatament għall-ilment ibbażat fuq żnaturament u żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2. Skont il-qawl “min jista’ iktar jista’ inqas”, ser neżamina biss l-iżball ta’ liġi allegat, bl-analiżi tal-iżnaturament tkun neċessarjament iktar superfiċjali.

105.

Sabiex tiddeċiedi li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 jikkundizzjona l-irkupru tal-għajnuna mingħand Sernam għaż-żamma tal-attività ekonomika tagħha, il-Qorti Ġenerali rreferiet mhux biss għall-ittra ta’ dan l-artikolu iżda wkoll għall-kuntest li fih jinsab, li huwa dak tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat. Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, SNCF ma setgħetx tinjora li l-għan prinċipali mfittex bir-rimborż ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata bil-vantaġġ kompetittiv mogħti ( 114 ). Barra minn hekk, ir-riżultat imfittex bl-istabbiliment tas-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna illegali huwa, b’mod ġenerali, il-preżervazzjoni tal-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar l-għajnuna mill-Istat ( 115 ). F’dan ir-rigward, l-għajbien legali ta’ Sernam bħala persuna legali waħdu xejn ma huwa garanzija tal-għajbien tal-attività ssussidjata. Finalment, kif fakkret il-Qorti Ġenerali ( 116 ), l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija li tkompli l-attività ekonomika tal-impriża li inizjalment ibbenefikat mill-vantaġġ.

106.

Konsegwentement, l-interpretazzjoni kontestwalizzata tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, mill-Qorti Ġenerali, barra mill-fatt li tadotta metodu klassiku ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, hija ħielsa minn kull żball ta’ liġi. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi għaliex il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 għandu jiġi miċħud.

107.

Ladarba jkun ikkonfermat li, f’għajnejn il-Kummissjoni, Sernam kienet tibqa’ d-debitriċi tal-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun jekk titkompla l-attività ekonomika tagħha, jibqa’ li jiġi vverifikat jekk il-kriterji neċessarji għal din il-tkomplija kinux ġew analizzati korrettament mill-Qorti Ġenerali. Kif jirriżulta mill-punt 236 tas-sentenza appellata, SNCF “ma [t]ikkontestax din l-analiżi tal-kontinwità ekonomika” mfakkra fil-punti 234 u 235 tas-sentenza msemmija.

1) Fuq s-suġġett tat-trasferiment

108.

SNCF tipproċedi għal qari żbaljat tas-sentenza appellata meta ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kriterju tas-suġġett tat-trasferiment huwa sodisfatt għaliex Sernam kollha nbiegħet bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Fil-punt 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan il-kriterju kellu jitqies li huwa sodisfatt mhux għaliex is-sempliċi trasferiment kien sar bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, iżda pjuttost għaliex, waqt l-eżami tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, hija kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li Sernam kollha kienet ġiet ittrasferita ( 117 ). Barra minn hekk, billi tqis li l-ilment tagħha huwa intiż sabiex juri n-natura ineffettiva biss tal-argument tal-Qorti Ġenerali, SNCF ma tqajjimx ilment intiż sabiex jikkontesta r-realtà tal-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Kif issostni l-Kummissjoni, hawnhekk, SNCF ma hijiex tikkontesta l-punt 137 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “[g]ħalhekk, il-Kummissjoni ma għamlet ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt rigward is-suġġett tat-tranżazzjoni meta affermat, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni [Sernam 3], li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma kinitx tikkostitwixxi bejgħ tal-assi, iżda trażmissjoni ta’ Sernam kollha kemm hi, (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet) bi ftit eċċezzjonijiet” ( 118 ).

2) Fuq l-identità tal-azzjonisti

109.

Mill-iskema riprodotta fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta ċar li l-appellanti, li kienet intalbet mill-Kummissjoni sabiex tittrasferixxi l-assi tas-sussidjarja tagħha, Sernam, kellha lil sussidjarja oħra msemmija Sernam Xpress u li huwa lil din is-sussidjarja li l-assi ta’ Sernam kienu ġew ittrasferiti. Għalhekk, SNCF ittrasferiet l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna lil waħda mis-sussidjarji tagħha.

110.

SNCF tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli analizzat il-kriterju tal-identità tal-azzjonisti f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn Sernam u Sernam Xpress u mhux bejn Sernam Xpress u Financière Sernam. Hija tispjega li Sernam Xpress kienet biss metodu li tittrasporta l-assi ta’ Sernam u li l-intervent tagħha sar neċessarju minħabba l-kombinazzjoni ta’ restrizzjonijiet legali ta’ ordni nazzjonali u komunitarju.

111.

Infakkar madankollu li kienu l-assi kollha ta’ Sernam li ġew ittrasferiti lil Sernam Xpress u li SNCF ma tikkontestax li seħħ dan it-trasferiment. Barra minn hekk, u kif fakkret korrettament il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma bbażatx ir-raġunament tagħha fuq il-kontinwità ekonomika bejn Sernam u l-Financière Sernam. B’mod partikolari, ma kienx minħabba l-identiċità tal-azzjonisti bejn Sernam u Financière Sernam li l-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-kriterju huwa sodisfatt, iżda għaliex hemm identiċità tal-azzjonisti bejn Sernam u Sernam Xpress. U l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li Financière Sernam għandha titqies bħala debitriċi tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun biss għaliex kienet hija li ġiet amalgamata ma’ Sernam Xpress, iżda finalment, id-debitriċi, fl-ewwel grad, tal-obbligu ta’ rkupru hija dejjem Sernam Xpress ( 119 ). F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argumenti ta’ SNCF intiżi sabiex juru l-assenza ta’ identiċità tal-azzjonisti bejn Sernam u Financière Sernam huma ineffettivi. Il-kritika ta’ ksur tal-prinċipju li jgħid li d-dritt għall-għajnuna mill-Istat ma jikkonċernax il-forom legali ta’ tranżazzjonijiet iżda biss ir-realtà ekonomika lanqas ma tista’ tirnexxi għall-istess raġunijiet.

3) Fuq il-mument tat-trasferiment

112.

Hawnhekk għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm jista’ jitqies li t-trasferiment seħħ wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 u għall-għan tal-eżekuzzjoni tagħha, jibqa’ l-fatt li, b’effett mill-mument li fih l-awtoritajiet Franċiżi ġew informati b’din id-deċiżjoni, huma kienu jafu li kellhom jirkupraw l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun, u għalhekk l-ammissjoni li, ladarba t-trasferiment seħħ wara d-deċiżjoni finali, intenzjoni li jiġi evaż l-obbligu ta’ rkupru ma tistax tiġi eskluża u lanqas ma hemm involut xi żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali, iktar u iktar meta SNCF ma identifikat l-ebda regola partikolari tad-dritt li b’hekk inkisret mill-Qorti Ġenerali.

4) Fuq il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni

113.

Hawnhekk l-appellanti tikkontesta li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi li t-tranżazzjoni ma interrompietx l-attività ekonomika ta’ Sernam u li, għaldaqstant, l-għan tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx ġie osservat ladarba, skont SNCF, dan l-artikolu jagħmel possibbli t-trasferiment tal-attività ta’ Sernam. Meta għamlet dan hija llimitat ruħha sabiex tirrepeti fil-qosor argumenti li diġà tqajmu, ġew analizzati u miċħuda fil-kuntest tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell, u għaldaqstant nirrinvija lejh.

5) Fuq il-prezz tat-trasferiment

114.

Hawnhekk SNCF tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tas-suq imħallas għall-assi ta’ Sernam, meta, fil-fehma tagħha, dan il-prezz huwa, “skont il-ġurisprudenza, l-iktar kriterju importanti sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ kontinwità ekonomika” ( 120 ). Fil-kuntest tal-argumenti tagħha, l-appellanti tillimita ruħha sabiex tiġbor fil-qosor it-tfakkira li saret mill-Kummissjoni, fil-punti 137 et seq tad-deċiżjoni Sernam 3, tal-ġurisprudenza dwar il-bejgħ ta’ attivitajiet li jkunu bbenefikaw minn għajnuna. SNCF tinsisti b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kawża CDA ( 121 ) li tgħid li meta prezz tax-xiri konformi mas-suq ikun tħallas mix-xerrej, ma jkunx possibbli li jiġi konkluż li dan tal-aħħar baqa’ effettivament igawdi l-vantaġġ kompetittiv.

115.

Issa, l-ewwel nett, m’iniex konvint li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni lil dan il-kriterju, għaliex effettivament hija wettqet l-analiżi intiża sabiex tiddetermina jekk dan il-kriterju kienx ġie osservat f’dan il-każ, sabiex tikkonkludi li ma kienx.

116.

It-tieni nett, filwaqt li SNCF fakkret, ċertament ġustament, li l-kriterju tal-prezz tas-suq huwa wieħed mill-iktar importanti, jista’ jkun li hija insiet li, f’kull każ, dan ma huwiex kriterju suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ kontinwità ekonomika, b’mod li, anki jekk jista’ jiġi identifikat żball ta’ liġi fl-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar il-kriterju tal-prezz imħallas fil-kuntest tal-analiżi tal-kontinwità ekonomika, dan ma jistax ikun suffiċjenti sabiex iwaqqa’ l-analiżi sħiħa u, inqas u inqas, kif titlob l-appellanti, sabiex jannulla s-sentenza appellata.

117.

It-tielet nett, meta tirreferi wkoll għall-punti tas-sentenza SMI ( 122 ) li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċedura segwita sabiex tasal għall-attribuzzjoni tal-prezz tas-suq allegat, l-SNCF ma tikkontestax il-korrelazzjoni li stabbiliet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, bejn ir-rekwiżit ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, minn naħa, u r-rekwiżit ta’ prezz tas-suq, min-naħa l-oħra. Issa, mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell jirriżulta li l-proċedura, li kellha twassal għall-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, ma tippreżentax il-karatteristiċi kollha ta’ proċedura miftuħa u trasparenti.

6) Konklużjoni fuq il-ħames aggravju

118.

Peress li l-ebda lment imressaq fil-kuntest ta’ dan il-ħames aggravju ma jista’ jirnexxi, dan għandu jiġi miċħud.

6.   Fuq is-sitt aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u żnaturament tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-prinċipju tal-investitur privat ma kienx applikabbli għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam

a)   Is-sentenza appellata

119.

Is-sitt aggravju huwa indirizzat kontra l-punti 283 et seq tas-sentenza appellata, li bihom il-Qorti Ġenerali ddeliberat fuq l-ewwel parti tas-sitt aggravju tar-rikors għall-annullament ( 123 ) ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-kriterju tal-investitur privat huwa inapplikabbli f’dan il-każ.

120.

Il-Qorti Ġenerali fakkret li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tapplikax il-kriterju tal-investitur privat hija bbażata fuq żewġ motivi invokati fil-premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni Sernam 3 u qabel kollox eżaminat l-argumenti tal-SNCF dwar it-tieni motiv ( 124 ) li jgħid li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-prezz negattiv miftiehem bejn SNCF u Financière Sernam kien juri li din kienet ċessjoni ta’ attività falluta, li ma setgħetx tkun ekwivalenti għal miżura kumpensatorja u li l-prezz negattiv kien jikkorrispondi għal għajnuna għall-operat tal-impriża, li min-natura tagħha, ma kinitx adatta biex tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għall-Kummissjoni, l-implementazzjoni żbaljata tal-miżuri kumpensatorji invokati fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 irrendiet inapplikabbli l-kriterju tal-investitur privat ( 125 ).

121.

Dwar it-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeliberat fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-miżuri kumpensatorji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ( 126 ). F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni msemmija kien jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ waħda miż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar proposti mill-Kummissjoni u alternattiva ekwivalenti għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, billi ż-żewġ paragrafi jfittxu preċiżament l-istess għan kumpensatorju tad‑distorsjonijiet fil-kompetizzjoni (il-liberazzjoni tas-suq tal-ġarr tal-merkanzija b’kapaċità eċċessiva fix-xenarju kkunsidrat fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jew il-waqfien tal-attività ssussidjata ta’ Sernam fil-każ ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam). Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam jista’ jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ( 127 ). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ SNCF, li kienet il-kontinwazzjoni ta’ Sernam fil-forma legali qabel it-trasferiment li kienet tiġġustifika l-osservanza tal-miżuri kumpensatorji tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, billi ddikjarat li huwa l-issoktar tal-attività ekonomika tal-benefiċjarju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-suq u mhux biss iż-żamma tal-personalità legali tiegħu li jiġġustifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet ( 128 ). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li billi l-kundizzjoni dwar il-bejgħ tal-assi f’daqqa kienet teskludi l-obbligazzjonijiet, l-eventwalità li jinkiseb prezz negattiv fil-kawża inkwistjoni kienet eskluża mid-definizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni jkollha tippreċiża espressament li ma kinitx qiegħda tikkunsidra trasferiment bi prezz negattiv ( 129 ). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel ilment indirizzat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni Sernam 3.

122.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għat-tieni motiv indirizzat kontra din il-premessa u bbażat fuq il-fatt li l-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja kienet responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna jew tal-Istat azzjonist, iżda mhux tal-Istat bħala awtorità pubblika ( 130 ). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet għalhekk li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx deċiżjoni li investitur privat kien jasal li jieħu f’kundizzjonijiet normali tas-suq, b’perspettiva ta’ profitt massimu jew ta’ telf minimu skont ir-razzjonalità ekonomika għaliex il-loġika sottostanti l-miżuri kumpensatorji kellha l-għan li tevita kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ddikjarata kompatibbli taħt kundizzjonijiet mid-Deċiżjoni Sernam 2 ( 131 ). Il-Qorti Ġenerali reġgħet enfasizzat li l-miżuri kumpensatorji setgħu iġiegħlu lill-benefiċjarju tal-għajnuna jew lill-azzjonist tiegħu għal soluzzjoni mhux ekonomikament ottimali, soluzzjoni li investitur privat f’sitwazzjoni normali tas-suq ma jikkunsidrax, u kkonfermat li dan kien seħħ f’dan il-każ ( 132 ). Minn dan hija kkonkludiet li l-loġika ekonomika tal-bejgħ tal-assi f’daqqa kienet differenti mil-loġika ta’ operatur privat ( 133 ). Finalment, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx jimponi l-bejgħ ta’ kumpannija sħiħa u falluta, iżda biss ta’ assi li għandhom valur ekonomiku pożittiv. L-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kienet tinkludi rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni, ta’ rinunzja tal-krediti kif ukoll ta’ garanziji min-naħa tal-bejjiegħ minħabba li Sernam inbiegħet kollha kemm hi, bi bżonn ta’ finanzjament. Għalhekk, il-miżuri kontroversjali jirriżultaw direttament mill-ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u ma għandhom ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat ( 134 ). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-tieni ilment indirizzat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni Sernam 3.

123.

Minħabba l-fatt li kienet għadha kif ikkonstatat il-legalità tat-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta li tapplika l-kriterju tal-investitur privat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar għalfejn tanalizza l-argumenti l-oħra tal-ewwel motiv ibbażati fuq il-kuntest magħruf bħala “tal-irkupru” tal-għajnuna mill-Istat ( 135 ).

b)   Fuq l-ewwel parti tas-sitt aggravju

1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

124.

SNCF tikkritika lill-Qorti Ġenerali, li kkuntentat ruħha sabiex tirriproduċi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni Sernam 3 li tispjega r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat li tapplika l-prinċipju tal-investitur privat infurmat għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, talli ma rrispondietx għall-ilment imressaq li jgħid li l-motivi huma kontradittorji. Fil-fatt, skont SNCF, jekk it-trasferiment tal-assi f’daqqa jikkostitwixxi miżura kumpensatorja, dan iseħħ bħala kundizzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mar-ristrutturar ta’ Sernam. Minn dan hija tikkonkludi li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 li jistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jitqies li jidħol f’sitwazzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna. Il-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tapplika l-prinċipju tal-investitur privat minħabba l-allegata eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ rkupru. Issa fil-punt 312 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma adottatx pożizzjoni fuq dan l-ilment għaliex iddeċidiet li “ma [kienx] hemm għalfejn jiġu analizzati l-argumenti l-oħra relatati mal-ewwel motiv imressaq mill-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat, ibbażat fuq il-kuntest magħruf bħala ‘tal-irkupru’ tal-għajnuna mill-Istat”. Dan in-nuqqas ta’ risposta jivvizzja l-motivazzjoni tas-sentenza appellata.

125.

Fir-replika tagħha, SNCF tikkritika finalment lill-Qorti Ġenerali talli ma ddeċidietx fuq il-kontradizzjoni ta’ motivi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tapplikax il-kriterju tal-investitur privat, għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra dan kemm minħabba l-eżistenza, minn naħa, ta’ sitwazzjoni ta’ rkupru (li tissuġġerixxi li l-għajnuna hija inkompatibbli) u, min-naħa l-oħra, ta’ miżura kumpensatorja (li tissuġġerixxi li l-għajnuna hija kompatibbli).

126.

Il-Kummissjoni titlob li din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

2) Analiżi

127.

Mill-premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni Sernam 3 jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellux jiġi applikat it-test tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq, sabiex, jekk ikun il-każ, il-miżuri previsti mill-protokoll ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 ma jiġux ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, għaliex hija qieset, minn naħa, li dawn il-miżuri kienu ġew adottati “f’sitwazzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna” ( 136 ) u min-naħa l-oħra, għaliex il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam previst bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien maħsub bħala ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji u dan meta jirriżulta mil-Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà ( 137 ) li t-trasferiment ta’ attività falluta ma jistax jitqies bħala tali miżura, u għalhekk il-prezz negattiv imħallas fit-trasferiment ta’ Sernam kien jikkorrispondi għal għajnuna għall-operat tal-impriża, li min-natura tiegħu ma jistax inaqqas id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni ( 138 ).

128.

L-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali osservat din l-istruttura, filwaqt li dawret l-ordni ta’ eżami tagħha. Konsegwentement, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti b’rabta mal-motiv ta’ inapplikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat li jinsab bil-premessa 154 tad-deċiżjoni Sernam 3. Kif fakkart iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-premessa, b’mod li l-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li hija ma kinitx marbuta li tapplika l-kriterju msemmi għall-miżuri inkwistjoni.

129.

Issa, ladarba l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet hekk, ix-xorti li hija kienet irriżervat għall-argumenti tal-appellanti indirizzati kontra l-motiv li jinsab fil-premessa 154 tad-deċiżjoni Sernam 3 ma kellhiex iktar ebda effett fuq it-trattament tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ddikjarat inapplikabbli l-kriterju tal-investitur privat, għaliex b’hekk, dawn saru inoperattivi. Din hija r-raġuni għalfejn, mingħajr ma tivvizzja r-raġunament tagħha b’nuqqas ta’ motivazzjoni jew b’rifjut li tiddeċiedi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm iktar għalfejn teżamina l-argumenti dwar l-ewwel motiv avvanzat mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika n-non-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat fil-kuntest allegat ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat.

130.

Fir-rigward tal-kritika kontra l-Qorti Ġenerali talli ma skoprietx u lanqas ippenalizzat il-kontradizzjoni bejn iż-żewġ motivi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-kriterju tal-investitur privat inapplikabbli, u li ġiet ifformulata minn SNCF fl-istadju tar-replika, ser nillimita ruħi sabiex nikkonstata li din il-kontradizzjoni ma tqajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali. F’kull każ, kif innotat il-Kummissjoni, id-Deċiżjoni Sernam 2 hija deċiżjoni b’diversi aspetti li jidħlu kemm fil-kuntest ta’ rkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun u ta’ kkundizzjonar tal-għajnuna għar-ristrutturar. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli ma identifikatx kontradizzjoni li mhux biss ma teżistix iżda, barra minn hekk, tidher li ma tqajmitx quddiemha.

131.

Għalhekk, l-ewwel parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda.

c)   Fuq it-tieni parti tas-sitt aggravju

1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

132.

SNCF issostni li meta kkonvalidat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni li, billi t-trasferiment tal-assi kien previst bħala miżura kumpensatorja, il-prinċipju tal-investitur privat ma kienx applikabbli, il-Qorti Ġenerali żnaturat serjament id-Deċiżjoni Sernam 2. F’dan ir-rigward, l-appellanti tinvoka erba’ lmenti.

133.

L-ewwel nett, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien jipprevedi li t-trasferiment f’daqqa tal-assi ta’ Sernam kellu jitwettaq bi prezz tas-suq u fi tmiem ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti trasparenti u miftuħa, li għandu jwassal preċiżament sabiex jiġi applikat il-prinċipju tal-investitur privat li jinsab stabbilit fil-qalba tal-istess artikolu. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-kontenut tad-Deċiżjoni Sernam 2 billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess.

134.

It-tieni nett, meta ddeċidiet li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellu jeskludi l-obbligazzjonijiet kollha u li, għalhekk, il-possibbiltà li jiġi akkwistat prezz negattiv kienet, b’definizzjoni, eskluża, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni Sernam 2, kif sostniet l-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju. Barra minn hekk, billi jipprovdi li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellu jsir bil-prezz tas-suq, u dan il-prezz seta’ jirriżulta li jkun negattiv ( 139 ), l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 imkien ma impona li t-trasferiment isir bi prezz null jew pożittiv, b’mod li l-Qorti Ġenerali żiedet kundizzjoni li ma hijiex prevista minn dan l-artikolu, li għalhekk ġie żnaturat.

135.

It-tielet nett, meta ddeċidiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-uniku rekwiżit impost mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien li l-prezz imħallas ikun prezz tas-suq, u sussegwentement, fil-punt 301 ta’ din l-istess sentenza, li l-prezz ta’ bejgħ ma setax, mid-definizzjoni tiegħu, ikun negattiv, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha b’kontradizzjoni ta’ motivi.

136.

Ir-raba’ nett, anki jekk isir rikors għal interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, minn din il-perspettiva, in-natura negattiva jew pożittiva tal-prezz tas-suq ma jista’ jkollha l-ebda effett. SNCF tfakkar, f’dan ir-rigward, il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li tgħid li l-għan jidher kjarament li huwa dak li, bit-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, jippermetti lil terz li jakkwista l-partijiet tas-suq ta’ Sernam b’mod li din ma tkomplix topera fuq is-suq fil-forma legali preċedenti tagħha. Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-fatt li dan it-trasferiment seħħ permezz ta’ prezz negattiv jew pożittiv għandu jkun irrilevanti. Il-partijiet tas-suq okkupati minn Sernam kellhom jiġu liberati favur xerrej indipendenti, permezz ta’ prezz tas-suq li jirriżulta minn sejħa għall-offerti trasparenti u miftuħa. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-Deċiżjoni Sernam 2 meta ddeċidiet li, mid-definizzjoni tiegħu, it-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma setax ikun bi prezz negattiv.

137.

Fl-istadju tar-replika, SNCF żiedet li l-Kummissjoni ma setgħetx, fid-dawl tal-kontenut tal-komunikazzjoni riċenti tagħha fuq il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ( 140 ), tippretendi li t-test tal-investitur privat ma jkunx konfuż mal-kundizzjoni ta’ bejgħ bi prezz tas-suq permezz ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, filwaqt li l-prinċipju nnifsu tal-investitur privat fil-kuntest ta’ bejgħ tal-assi minn impriża pubblika kien jimponi li jintlaħaq prezz tas-suq li l-eżistenza tiegħu tista’ tiġi preżunta meta tinbeda din il-proċedura. Barra minn hekk, SNCF issostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-trasferiment tal-attiv biss seta’ jwassal għal prezz negattiv u li l-valur kumplessiv tal-assi ttrasferiti f’daqqa seta’ f’dan il-każ ukoll jirriżulta negattiv, fid-dawl tan-natura strutturalment falluta tal-attività u tal-obbligazzjonijiet marbuta ma’ dan it-trasferiment.

138.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li din it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

2) Analiżi

139.

Fil-kuntest ta’ din it-tieni parti, SNCF tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 minħabba l-fatt li 1) hija ma kkonkludietx li bir-rekwiżit li t-trasferiment isir bi prezz tas-suq fi tmiem ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, dan l-artikolu kien diġà jġorr iż-żerriegħa tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, 2) hija interpretat dan l-artikolu fis-sens li kien jirrikjedi t-trasferiment tal-assi biss ta’ Sernam u li dan it-trasferiment ma setax iseħħ bi prezz negattiv u 3) li l-interpretazzjoni teleoloġika adottata mill‑Qorti Ġenerali lanqas ma setgħet tiġġustifika l-esklużjoni mill-qorti ta’ bejgħ bi prezz negattiv. Barra minn hekk, SNCF tikkritika lill-Qorti Ġenerali b’kontradizzjoni ta’ motivi.

140.

Fil-punt 292 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat tiddependi fuq il-fatt li l-Istat Membru jagħti, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux biss fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, vantaġġ ekonomiku lil impriża tiegħu, billi huwa ċar li l-interventi tal-Istat intiż sabiex jonoraw l-obbligi imposti fuqu bħala awtorità pubblika ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq. B’mod partikolari, jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward in-natura u s-suġġett ta’ din il-miżura, il-kuntest li fiha sseħħ u l-għan imfittex kif ukoll ir-regoli li hija suġġetta għalihom din il-miżura ( 141 ).

141.

Sabiex infakkar, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju “hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-vantaġġ ekonomiku mogħti, taħt kwalunkwe forma, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża pubblika huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, tali li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, u jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri” ( 142 ). B’hekk, it-test tal-investitur privat jista’ jitwettaq biss jekk il-vantaġġ ingħata mill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonarju, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “vantaġġ ekonomiku […], anki jekk mogħti permezz ta’ mezzi ta’ natura fiskali, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat jekk wara l-evalwazzjoni globali, jidher li minkejja l-użu ta’ tali mezzi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika l-Istat Membru kkonċernat ta l-imsemmi vantaġġ fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist tal-impriża li hija l-proprjetà tiegħu” ( 143 ). Għaldaqstant, “l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat ma tiddependix fuq il-forma li fiha jingħata l-vantaġġ, iżda fuq il-klassifikazzjoni tal-imsemmi intervent bħala deċiżjoni adottata minn azzjonist tal-impriża inkwistjoni” ( 144 ).

142.

Issa, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li kien b’mod korrett, f’konformità ma’ dak li jirriżulta mill-punti 46 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-għan kumpensatorju tax-xenarju kkunsidrat mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kien effettivament jidher bħala alternattiva għall-waqfien mill-attivitajiet tagħha previst bl-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, billi l-Artikolu 3 kien iddedikat kollu għall-kundizzjonijiet li kellhom jiġu osservati sabiex l-għajnuna għar-ristrutturar approvata favur Sernam tkun kompatibbli. Għalhekk it‑trasferiment f’daqqa tal-assi seħħ biss għaliex id-Deċiżjoni Sernam 2 ipprovdiet din l-ordni alternattiva. Għalhekk huwa irrilevanti li l-kontenut innifsu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jirrifletti, kif tallega SNCF, allegata applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat. Rekwiżit li miżuri kumpensatorji jkunu implementati f’kundizzjonijiet intiżi sabiex jirristabbilixxu kompetizzjoni f’saħħitha jidħol fin-natura essenzjali nnifisha tal-kumpensazzjoni, iżda bl-ebda mod ma jippreżumi r-rwol meħud mill-Istat fil-mument tal-implementazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, mill-analiżi żviluppat iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellu jsir bl-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet kollha. Għalkemm huwa minnu li prezz tas-suq jista’ jirriżulta li jkun prezz negattiv, l-appellanti wriet biss li kieku kienu ttrasferiti l-assi biss ta’ Sernam, il-prezz tagħhom kien ikun negattiv minkejja kollox. F’dan ir-rigward, xorta għandu jiġi nnotat li l-argument miġbur fil-punt 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkontradixxi direttament id-dikjarazzjonijiet ta’ SNCF waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u rrapportati fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-prezz tas-suq imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, neċessarjament ma setax ikun negattiv, dan huwa għaliex hija qieset, ġustament, li l-Kummissjoni kkunsidrat, bħala korrispettiv, li l-assi biss ta’ Sernam ikunu ttrasferiti. Kuntrarjament għal dak li ssostni SNCF, il-Qorti Ġenerali ma żiedet l-ebda kundizzjoni mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Għal dawn l-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq allegata kontradizzjoni ta’ motivi bejn il-punti 100 u 301 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, nirrepeti li l-għan imfittex b’dan l-artikolu diġà ġie eżaminat fil-punti 46 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk ma huwiex diffiċli li jinftiehem għalfejn prezz negattiv – li kien jissupponi rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam minn SNCF, u għalhekk injezzjoni ġdida ta’ likwidità – jikser direttament l-għan kumpensatorju mfittex.

143.

Fl-aħħar nett, għandha tingħata risposta għall-argument ta’ SNCF li, filwaqt li jieħu spunt mill-aħħar verżjoni fid-data tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni fuq l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà, jallega li l-miżuri kumpensatorji strutturali għandhom, fil-prinċipju, jieħdu “l-forma ta’ trasferiment ta’ impriżi awtonomi awtonomi fl-attività, li, jekk ikunu operati minn xerrej adegwat, għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw kompetizzjoni effettiva għal żmien fit-tul” ( 145 ). Barra li dan l-argument ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali, inħoss li l-invokazzjoni tiegħu fil-fatt turi l-angolu tal-argumentazzjoni ta’ SNCF fil-kuntest ta’ dan l-appell, li jidher li tiskarta kompletament il-globalità tas-sitwazzjoni u hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li l-assi kienu ġew ittrasferiti f’konformità sħiħa mal-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Deċiżjoni Sernam 2 u li l-miżuri kollha meħuda kellhom l-effett li jillimitaw, kif mitlub, id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Issa, dan ma kienx il-każ, b’mod partikolari minħabba – kif rajna – is-suġġett tat-trasferiment, l-identiċità tax-xerrej u n-natura tal-proċedura segwita. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-prezz negattiv imħallas, li, f’kuntest ieħor, seta’ effettivament ikun ġustifikat, hawnhekk jidher bħala indikatur, li jiżdied mal-firxa, diġà wiesgħa, li tindika li, permezz ta’ SNCF, l-awtoritajiet Franċiżi xejn ma ġabu ruħhom kif kien jobbligahom id-dritt tal-Unjoni.

144.

B’hekk, billi l-ebda żnaturament jew kontradizzjoni ta’ motivi ma waslu sabiex jivvizzjaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, it-tieni parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda.

d)   Fuq it-tielet parti tas-sitt aggravju

1) Sunt tal-argumenti tal-partijiet

145.

It-tielet parti hija bbażata fuq diversi żbalji ta’ liġi minħabba l-allegata inapplikabbiltà tat-test tal-investitur privat għaqli billi t-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kien ekwivalenti għal miżura kumpensatorja. Skont SNCF, l-implementazzjoni ta’ din il-miżura hija imposta fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna li jista’ jkun jew impriża pubblika jew privata indistintament, u mhux l-Istat bħala awtorità pubblika. Xejn ma jiġġustifika ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat fl-okkażjoni tal-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja. Meta ddeċidiet mod ieħor, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE. SNCF tfakkar il-ġurisprudenza klassika dwar l-istħarriġ imwettaq mill-qorti fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll fuq l-elementi li jikkostitwixxu din l-għajnuna ( 146 ) kif ukoll il-fatti li wasslu għas-sentenza ING ( 147 ) li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-injezzjoni tal-kapital inizjali f’impriża f’diffikultà, imwettqa mill-Istat, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ma jneħħi xejn mill-obbligu tal-Istat li jġib ruħu bħala investitur privat għaqli, li josserva r-rekwiżit ta’ razzjonalità ekonomika, fl-istadju tal-emenda tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-injezzjoni tal-kapital.

146.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi manifest meta, fil-punti 306 u 307 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-loġika tal-miżuri kumpensatorji kienet il-prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni, peress li dawn il-miżuri setgħu jimponu kemm fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna kif ukoll fuq l-azzjonist tagħha soluzzjoni mhux ottimali mill-perspettiva ta’ profittabilità ekonomika waħedha, ħaġa li investitur privat f’sitwazzjoni normali tas-suq ma jipprospetta qatt. Fil-fatt, għalkemm bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-Kummissjoni kienet qed tistenna mingħand SNCF li hija tilħaq għan preċiż, din tal-aħħar kellha, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Sernam, iġġib ruħha b’mod ekonomikament razzjonali sabiex tilħaq dan l-għan, kif kien jagħmel kwalunkwe azzjonist privat. F’dan ir-rigward, SNCF tfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 148 ) tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-investituri privati huma suġġetti għal obbligu jew restrizzjonijiet legali u jadottaw l-iktar imġiba ekonomikament razzjonali. L-għan tal-implementazzjoni tal-miżuri kumpensatorji ma jappartjenix għal obbligu impost fuq l-awtorità pubblika, iżda huwa applikabbli għal kull benefiċjarju, privat jew pubbliku, ta’ għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar. F’dan il-każ, għalhekk, l-imġiba tal-SNCF kellha tiġi pparagunata ma’ dik ta’ azzjonist privat li jinsab fl-istess ċirkustanzi jiġifieri azzjonist obbligat li jittrasferixxi l-assi f’daqqa ta’ sussidjarja li tkun ibbenefikat minn għajnuna għar-ristrutturar, u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tevita l-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tal-miżuri kontenzjużi ( 149 ). Dan ir-rekwiżit ta’ razzjonalità ekonomika għandu jkun impost ukoll fil-preżenza ta’ impriża pubblika. Huwa ovvju, fid-dawl tal-fatt li likwidazzjoni ġudizzjarja tiswa iktar mill-implementazzjoni ta’ din il-miżura kumpensatorja, li azzjonist privat kien jaġixxi kif fil-fatt għamlet SNCF. Għaldaqstant, din issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li “l-loġika kumpensatorja tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam […] kienet differenti mil-loġika ta’ operatur privat li qed ifittex li jkabbar kemm jista’ jkun il-profitti tiegħu jew, bħal f’dan il-każ, li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tiegħu”. Il-Qorti Ġenerali kien imissha kkonstatat li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tevalwa r-razzjonalità ekonomika tat-totalità tal-miżuri meħuda minn SNCF fil-mument tat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam. B’hekk hija ma setgħetx tiddeċiedi li r-reġistrazzjoni tad-djun fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ġudizzjarja ta’ Sernam minn SNCF kienet tagħti vantaġġ lil Sernam Xpress imbagħad lill-Financière Sernam mingħajr ma tapplika l-kriterju tal-investitur privat ( 150 ). Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiskarta l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat għall-garanziji ta’ obbligazzjonijiet mogħtija lill-akkwirent fil-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam mingħajr ma tiddeċiedi jekk dawk il-garanziji setgħux kienu aċċettabbli għal bejjiegħ privat fl-ekonomija tas-suq ( 151 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma setgħet tiskarta din l-applikazzjoni għall-miżuri kontenzjużi għall-motiv biss li huma jirriżultaw direttament mill-ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u li għalhekk huma ma kellhom l-ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat ( 152 ) minħabba li din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li t-trasferiment ta’ assi f’daqqa seta’ jippermetti l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida lil Sernam Xpress u lill-Financière Sernam.

147.

Fl-istadju tar-replika, SNCF żiedet li jekk l-obbligu impost fuq investitur privat li jittrasferixxi l-assi f’daqqa ta’ impriża kien impost fuqu mill-awtorità pubblika minħabba għajnuna mill-Istat li huwa kien ibbenefika minnha, ikun ovvju li dan l-investitur privat kien iġib ruħu bl-iktar mod ekonomikament razzjonali u li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, impriża pubblika kellha tkun tista’ tagħmel l-istess. B’risposta għall-Kummissjoni, li tgħid li dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli hawnhekk minħabba li kull deċiżjoni ta’ kompatibbiltà kkundizzjonata ta’ għajnuna hija indirizzata lill-Istat li huwa obbligat li jimponi fuq l-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna l-osservanza tal-miżuri kumpensatorji, SNCF tirrispondi li għandu jirriżulta mil-Linji Gwida fuq l-Għajnuna għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà ( 153 ) li hija l-impriża li għandha timplementa l-pjan ta’ ristrutturar u teżegwixxi kull obbligu ieħor previst bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 154 ). Fl-aħħar nett, SNCF tinsisti fuq ir-rilevanza, minkejja d-differenzi fattwali ovvji bejn dawn is-sentenzi u dan l-appell, tas-sentenzi EDF u ING ( 155 ) għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni tal-prinċipju mqajjem fil-kuntest ta’ din il-parti tas-sitt aggravju.

148.

Għalhekk, SNCF tallega li bir-rifjut tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat għat-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam għall-motiv li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien jikkonċerna miżura kumpensatorja, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza b’diversi żbalji ta’ liġi.

149.

Il-Kummissjoni titlob li din it-tielet parti tas-sitt aggravju tiġi miċħuda.

2) Analiżi

150.

Il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija jekk il-kuntest kumpensatorju li fihom seħħew il-miżuri kontenzjużi huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi l-applikabbiltà tat-test tal-investitur privat u dan meta, finalment, l-effett ta’ dawn il-miżuri rriżulta li kien ferm imbiegħed mill-għan kumpensatorju mfittex bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

151.

Infakkar li fil-premessi 152 et seq tad-deċiżjoni Sernam 3, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri previsti bil-protokoll tal-21 ta’ Lulju 2005 ( 156 ), b’mod partikolari minħabba l-fatt li dawn seħħew meta l-Kummissjoni kienet teżiġi l-implementazzjoni ta’ miżuri kumpensatorji sabiex l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ Sernam tkun tista’ titqies bħala kompatibbli.

152.

Għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwol tal-Istat azzjonist ta’ impriża, minn naħa, u tal-impriża li taġixxi bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra, u l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat “[t]iddependi, finalment, fuq il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika” ( 157 ). Kif fakkart, mis-sentenza EDF jirriżulta li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni “li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità tal-imsemmi Stat Membru ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti, […] in-natura u l-iskop ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura” ( 158 ). Fi kliem ieħor, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat tiddependi fuq il-kwalifika tal-intervent pubbliku bħala deċiżjoni meħuda minn azzjonist tal-impriża inkwistjoni ( 159 ).

153.

M’iniex konvint li s-sentenza ING ( 160 ) waħedha hija suffiċjenti sabiex issolvi l-kwistjoni li qiegħda tiġi eżaminata hawnhekk, billi l-kuntest li fih seħħet huwa relattivament limitat u, f’kull każ, mingħajr rabta mal-għan kumpensatorju li kull implementazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kellha tfittex. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet is-suġġett tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża ING, il-Kummissjoni kienet eżaminat iż-żewġ miżuri separatament (l-għajnuna inizzjali, minn naħa, l-emenda fil-kundizzjonijiet ta’ rimbors, min-naħa l-oħra) ( 161 ).

154.

B’hekk, il-kwistjoni eżaminata f’din is-sentenza kienet dik jekk il-Kummissjoni setgħetx tevita l-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tal-emenda fil-kundizzjonijiet ta’ rimbors fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat għar-raġuni biss li l-injezzjoni ta’ kapital li kienet is-suġġett tar-rimbors diġà kienet fiha nnifisha tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ( 162 ). Għalhekk, din il-kawża ma tgħid xejn dwar l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat f’kuntest kumpensatorju fil-veru sens tal-kelma, iżda hija kienet l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonferma n-natura tal-analiżi li għandha twettaq il-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk dan il-kriterju huwiex applikabbli.

155.

Għalhekk dak li jgħallmuna s-sentenzi EDF u ING ( 163 ) huwa li l-Kummissjoni għandha tevalwa s-sitwazzjoni b’mod globali, kif fakkret u vverifikat perfettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 292 tas-sentenza appellata.

156.

Ninnota qabel kollox li, fil-kuntest tal-argumenti tagħha ddedikati għal din it-tielet parti tas-sitt aggravju, SNCF tammetti li l-intervent tagħha permezz tal-miżuri differenti msemmija iktar ’il fuq seħħ fil-kuntest ta’ implementazzjoni ta’ miżuri kumpensatorji fuq talba espressa tal-Kummissjoni. Kif fakkart ukoll fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, il-miżuri kumpensatorji li jiġu imposti mill-Kummissjoni, u li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar ta’ Sernam, jinsabu f’deċiżjoni indirizzata lill-Istat u jfittxu l-għan li jnaqqsu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti tal-għajnuna. Minħabba l-fatt li, kif fakkret il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-miżuri kumpensatorji huma intiżi sabiex “iċaħħdu lill-benefiċjarju minn parti tal-vantaġġ kompetittiv tiegħu” u sabiex “jintegraw parzjalment is-sitwazzjoni kompetittiva”, għalhekk huma żvantaġġ impost fl-interess pubbliku pjuttost milli fl-interess tal-benefiċjarju. Barra minn hekk, bħall-Kummissjoni, għandi tendenza li nqis li l-miżuri meħuda taħt l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienu, inizjalment, jittrattaw l-obbligu ta’ implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni, sabiex l-għajnuna għar-ristrutturar, li ma jistax jiġi miċħud li hija, min-natura tagħha, att ta’ awtorità pubblika, tkun kompatibbli.

157.

F’dawn il-kundizzjonijiet, u għalkemm hawnhekk ma nixtieq nistabbilixxi l-ebda preżunzjoni, jidhirli li minn analiżi globali tas-sitwazzjoni, kif rikjest mill-ġurisprudenza, jiġifieri fid-dawl tan-natura u tas-suġġett tal-miżuri, tal-kuntest, tal-għan imfittex u tar-regoli li għalihom huma suġġetti dawn il-miżuri, jirriżulta kjarament li hawnhekk l-Istat Franċiż azzjonist ta’ SNCF ma intervjeniex f’din il-kwalità.

158.

Fl-istadju tar-replika, l-appellanti tinvoka ksur tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati. Din l-allegazzjoni tidher tardiva, għall-inqas għaliex l-osseervazzjonijiet ta’ SNCF quddiem il-Qorti Ġenerali ma jsemmuha mkien. F’kull każ, ma nistax nidentifika dan il-ksur. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant ta’ SNCF ippreżenta l-argumentazzjoni tiegħu kif ġej: impriża pubblika li tħallas prezz negattiv għat-trasferiment ma tkunx tosserva l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, u dan għandu jwassal għall-konsegwenzi legali magħrufa fuq il-kompatibbiltà tal‑għajnuna inizzjali, iżda hija tiġi kkritika wkoll li tat il-kunsens tagħha għal għajnuna mill-Istat ġdida filwaqt li impriża privata, li fuqha l-Istat bħala awtorità pubblika jimponi l-implementazzjoni tal-miżuri kumpensatorji abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, lanqas ma tosserva, billi tħallas prezz negattiv, il-kundizzjoni dwar il-kompatibbiltà, liema ħaġa twassal għall-istess konsegwenza legali, iżda f’ebda każ din ma tista’ tiġi kkritikata li tat il-kunsens tagħha għal għajnuna ġdida għaliex dan il-prezz negattiv kien ikun tħallas minn fondi privati. Fi kliem ieħor, fil-preżenza ta’ miżuri kumpensatorji implementati minn impriża privata, l-eżistenza stess ta’ għajnuna ġdida hija impossibbli, u hemm tinsab id-differenza fit-trattament.

159.

Nammetti li nħoss li hawnhekk ir-raġunament jersaq lejn l-assurd peress li, mid-definizzjoni, min-natura, fl-assenza tal-użu ta’ fondi pubbliċi, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-paragun kif ippreżentat minn SNCF ma jidhirlix rilevanti, iktar u iktar għaliex hija tiffoka fuq in-natura negattiva tal-prezz tal-bejgħ, filwaqt li dan ma kienx l-uniku lment fir-rigward tal-kundizzjonijiet imposti bl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

160.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tielet parti tas-sitt aggravju wkoll għandha tiġi miċħuda.

e)   Konklużjoni fuq is-sitt aggravju

161.

Billi t-tliet partijiet li jiffurmaw is-sitt aggravju kollha ġew miċħuda, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

7.   Fuq l-argumenti invokati mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza

162.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tallega, essenzjalment, li filwaqt li hija sostniet li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien inammissibbli, din tal-aħħar ma adottatx deċiżjoni għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ssostni li din kienet obbligata li tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, ex officio, fuq l-aggravju ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kundizzjoni imposta bir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jgħid li rikorrenti jista’ jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma hijiex indirizzata lilu biss jekk huwa kkonċernat direttament u individwalment biha. Issa, l-appellanti ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni Sernam 3 u, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, tinsab f’sitwazzjoni ekwivalenti ta’ dik tal-kumpannija DEFI fis-sentenza DEFI vs Il-Kummissjoni ( 164 ), b’mod partikolari għaliex SNCF ma kinitx tgawdi minn awtonomija deċiżjonali.

163.

Fil-fehma tiegħi, għalkemm tista’ tkun interessanti, il-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma tqajjimx żviluppi supplementari għal żewġ raġunijiet essenzjali. L-ewwel waħda hija marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni ma tiġbed l-ebda konklużjoni awtonoma mill-argumenti li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. It-tieni hija marbuta mal-fatt li l-Qorti Ġenerali mmotivat l-għażla tagħha li ma tiddeċidix preliminarjament fuq l-ammissibbiltà tar-rikors “minħabba raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali” ( 165 ) billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza msejħa “Boehringer” ( 166 ). Sabiex infakkar, meta ddeċidiet fil-kuntest ta’ appell imressaq kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali li fiha din kienet ikkunsidrat “li ma kienx meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill ladarba t-talbiet [tar-rikorrenti] għandhom, f’kull każ, jiġu miċħuda fil-mertu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 167 ), iddikjarat li “għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tevalwa […] jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu […] mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 168 ). Irrispettivament mir-riżervi leġittimi ( 169 ) li jista’ jkun hemm fil-preżenza ta’ din il-ġurisprudenza, li, iktar ’il quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet fil-kuntest tar-rikorsi diretti ppreżentati quddiemha ( 170 ) u tal-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha fil-kuntest tal-appelli ( 171 ), għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni ma fformulatx kritika kontra dan il-kurrent ġurisprudenzjali. Għaldaqstant, peress li ser nikkonkludi li dan l-appell jiġi miċħud, ma huwiex meħtieġ li neżamina iktar fil-fond il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ SNCF quddiem il-Qorti Ġenerali.

V. Fuq l-ispejjeż

164.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

165.

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tbati l-ispejjeż u din, fil-fehma tiegħi, għandha titlef, hemm lok li hija tbati l-ispejjeż relatati mal-appell.

166.

Finalment, Mory SA u Mory Team għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

VI. Konklużjoni

167.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

L-appell huwa miċħud.

SNCF Mobilités hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Mory SA u Mory Team għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Għal iktar informazzjoni fuq ir-rikorrenti, ara l-punt 1 tas-sentenza appellata.

( 3 ) T‑242/12, EU:T:2015:1003.

( 4 ) ĠU 2012, L 195, p. 19.

( 5 ) Deċiżjoni Nru D/288742 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 122/2000 (ex NJ 140/00) – Franza – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ SCS SERNAM minn SNCF.

( 6 ) Għal iktar informazzjoni fuq Sernam u l-iżvilupp tagħha, ara l-punti 1 et seq, punti 20 u 21 tas-sentenza appellata. Minħabba l-ismijiet differenti ta’ Sernam matul il-proċedura amministrattiva (Sernam SCS, Sernam SA), għall-konvenjenza, ser nillimita ruħi sabiex nuża “Sernam”, b’mod ġenerali, f’dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Deċiżjoni 2006/367/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata parzjalment minn Franza favur l-impriża Sernam (ĠU 2006, L 140, p. 1).

( 8 ) Il-kliem tagħha huwa riprodott fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, ara ĠU 2009, C 4, p. 5.

( 10 ) Sernam SCS (li saret Sernam SA), Sernam Xpress, Financière Sernam kif ukoll Sernam Services u Aster, is-sussidjarji tagħha, huma wkoll indikati bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna: ara l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 11 ) Ara l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni Sernam 3. Għal deskrizzjoni tal-proċess ta’ trasferiment, ara l-punt 22 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Effettivament, il-Qorti Ġenerali qieset bħala żbaljat ir-raġunament adottat mill-Kummissjoni li jgħid li l-prezz tat-trażmissjoni ta’ Sernam kien negattiv, li ma kienx hemm bejgħ, kif ukoll il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri li l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni Sernam 2 ma kienx ġie osservat (ara l-punti 94 et seq tas-sentenza appellata).

( 13 ) Ara l-premessi 70 u 179 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 14 ) Ara l-premessa 225 tad-deċiżjoni Sernam 2. Fuq l-iżvilupp tas-sitwazzjoni bejn id-deċiżjoni Sernam 1 u d-deċiżjoni Sernam 2, ara t-tabella riprodotta fil-premessa 223 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 15 ) Minħabba l-fatt li din kienet konsegwenza diretta tal-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna inizjali: ara l-premessa 179 tad-deċiżjoni Sernam 2. Fuq l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun, ara wkoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 16 ) Ara l-premessa 208 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 17 ) Ara l-premessa 209 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 18 ) Premessa 210 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 19 ) Ara l-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 20 ) Ara l-premessa 217 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 21 ) Ara l-premessa 31 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 22 ) Skont il-premessa 35 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 23 ) Fuq dawn l-elementi kollha, ara l-premessa 32 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 24 ) Ara l-premessi 88 sa 131 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 25 ) Ara l-premessi 132 sa 151 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 26 ) Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza SMI”, EU:C:2004:238).

( 27 ) Sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Seleco”, EU:C:2003:252).

( 28 ) Ara l-premessi 152 sa 175 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 29 ) Ara l-premessa 154 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 30 ) Dawn il-garanziji huma ddettaljati fil-premessa 163 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 31 ) Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-punt 114 ta’ din is-sentenza.

( 32 ) Punt 117 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Ara l-punti 118 u 124 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Ara l-punt 119 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Ara l-punt 119 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Punt 194 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Punt 195 tas-sentenza appellata.

( 38 ) Punt 204 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Bl-eċċezzjoni ta’ ċerti djun: ara l-punt 144 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Ara l-punt 144 tas-sentenza appellata.

( 41 ) Rispettivament is-sentenza SMI (punti 68 sa 70) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T‑324/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza CDA”, EU:T:2005:364, punt 73).

( 42 ) Dan l-aggravju huwa fformulat fir-replika tal-appellanti.

( 43 ) SNCF tiċċita, f’dan ir-rigward, l-eżempju tat-tarzni Pollakki.

( 44 ) Ara l-punti 87 u 114 tas-sentenza appellata.

( 45 ) Ara l-punti 86 u 101 tas-sentenza appellata.

( 46 ) Ara l-premessa 208 tad-deċiżjoni Sernam 2

( 47 ) Ara l-premessi 208 u 209 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 48 ) Premessa 216 tad-deċiżjoni Sernam 2. Korsiv miżjud minni.

( 49 ) Korsiv miżjud minni.

( 50 ) Fost il-ġurisprudenza voluminuża, ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-15 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑292/11 P, EU:C:2014:3, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara l-punt 194 tas-sentenza appellata.

( 52 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Ara l-premessa 215 tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 54 ) Premessa 217 tad-deċiżjoni Sernam 2, fl-aħħar.

( 55 ) Punt 193 tas-sentenza appellata.

( 56 ) Punt 197 tas-sentenza appellata.

( 57 ) Punt 194 tas-sentenza appellata.

( 58 ) Punt 218 tas-sentenza appellata.

( 59 ) Dan ġie kkonstatat ukoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 102 tas-sentenza appellata.

( 60 ) Premessa 32 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 61 ) SNCF tinvoka, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Renju ta’ Spanja implementa u kkunsidrat li timplementa bl-għan tar-ristrutturar tal-Babcock Wilcox España SA (ĠU 2002, L 67, p. 50), id-deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 46/07 (ex NN 59/07) implementata mir-Rumanija għal Automobile Craiova (ĠU 2008, L 239, p. 12), il-punt 95 tas-sentenza SMI, kif ukoll il-punt 110 tas-sentenza CDA.

( 62 ) ĠU 2014, L 94, p. 1.

( 63 ) ĠU 2014, L 94, p. 65.

( 64 ) Fil-fatt, huwa fil-kuntest tat-tielet aggravju ta’ dan l-appell li SNCF tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-offerta soda tat-tim tat-tmexxija ta’ Sernam kienet ferm distanti mill-offerta tat-tieni round imressqa mill-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5 u ferm iktar sfavorevoli għall-bejjiegħ.

( 65 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238).

( 67 ) Punt 95 tas-sentenza SMI.

( 68 ) Hawnhekk SNCF tirrinvija għall-punt 102 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 dwar l-għajnuna li r-Renju ta’ Spanja implementa u kkunsidra li jimplementa bl-għan tar-ristrutturar tal-Babcock Wilcox España SA.

( 69 ) Hawnhekk SNCF tirrinvija għall-punti 67 sa 71 tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 46/07 (ex NN 59/07) implementata mir-Rumanija favur Automobile Craiova.

( 70 ) F’kull każ, jekk, matul il-proċedura, jiġi ammess kandidat li ma jkunx ipparteċipa fiha b’mod awtonomu sa mill-bidu, jista’ jkun hemm dubju jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ perijodi identiċi kinux verament żgurati lill-parteċipanti fil-proċedura.

( 71 ) U essenzjalment il-passiv: ara b’mod partikolari l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 72 ) Fuq il-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jopponix li entità kontraenti tawtorizza lil operatur ekonomiku, li jifforma parti minn grupp ta’ żewġ impriżi li jkun ġie magħżul minn qabel u jkun għamel l-ewwel offerta fi proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, sabiex ikompli jipparteċipa f’ismu proprju f’din il-proċedura, wara x-xoljiment ta’ dak il-grupp, nindika s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347), minn liema tista’ tittieħed ċerta indikazzjoni, minkejja d-differenzi sostanzjali rigward id-dritt applikabbli għall-każ dakinhar sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 73 ) Ara l-punt 167 tas-sentenza appellata.

( 74 ) Ara l-punt 170 tas-sentenza appellata.

( 75 ) Ara l-punt 173 tas-sentenza appellata.

( 76 ) Barra minn hekk, dan ma jidhirx li huwa kkontestat mill-appellanti għaliex fir-replika tagħha hija ma rreaġixxietx għall-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni.

( 77 ) Ara l-punt 86 tal-appell, fejn l-appellanti tillimita ruħha għal formulazzjoni li tuża l-kliem “anki jekk”.

( 78 ) Ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni għaliex ikkunsidrat li t-trasferiment tal-assi f’daqqa ma kienx osserva l-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni Sernam 2.

( 79 ) Ara l-punti 155 sa 157 tas-sentenza appellata.

( 80 ) Ara l-punt 158 tas-sentenza appellata.

( 81 ) Ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni għaliex, fil-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni Sernam 3, ikkunsidrat li t-trasferiment tal-attiv f’daqqa ta’ Sernam bi prezz negattiv ma kienx jikkostitwixxi bejgħ.

( 82 ) B’mod partikolari, rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 59 miljun, li minnhom EUR 2 miljun kienu tnaqqsu u tħallsu minn Finanċière Sernam għall-akkwist tal-assi f’daqqa ta’ Sernam: ara l-punt 93 tal-appell.

( 83 ) Jiġifieri d-distakk li jista’ jeżisti bejn il-prezz tal-akkwist imħallas fi flus kontanti jew f’titoli u l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet pagabbli akkwistati individwalment (ara l-punt 223 tas-sentenza appellata).

( 84 ) Ara l-punt 93 tal-appell.

( 85 ) Punt 155 tas-sentenza appellata.

( 86 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252).

( 87 ) Ara l-punt 240 tas-sentenza appellata.

( 88 ) Ara l-punt 243 tas-sentenza appellata.

( 89 ) Rispettivament is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni (C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252), is-sentenza SIM kif ukoll is-sentenza CDA.

( 90 ) Ara l-punt 246 tas-sentenza appellata.

( 91 ) Punt 247 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tirrinvija għall-punti 84 sa 93 u 110 sa 187 tas-sentenza appellata.

( 92 ) Ara l-punt 251 tas-sentenza appellata.

( 93 ) Ara l-punt 252 tas-sentenza appellata.

( 94 ) Ara l-punt 255 tas-sentenza appellata.

( 95 ) Ara l-punt 256 tas-sentenza appellata.

( 96 ) Ara l-punti 257 sa 260 tas-sentenza appellata.

( 97 ) Ara l-punti 261 u 262 tas-sentenza appellata.

( 98 ) Ara l-punti 263 sa 265 tas-sentenza appellata.

( 99 ) Ara l-punti 266 sa 270 tas-sentenza appellata.

( 100 ) Ara l-punti 271 u 272 tas-sentenza appellata.

( 101 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781).

( 102 ) Ara l-punti 273 u 274 tas-sentenza appellata.

( 103 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781).

( 104 ) Punt 278 tas-sentenza appellata.

( 105 ) L-appellanti tirreferi għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 77), u għall-punt 80 tas-sentenza SMI.

( 106 ) Fuq id-definizzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, SNCF tirrinvija għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni (T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punt 135) u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 155).

( 107 ) Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 235 tas-sentenza appellata.

( 108 ) U spjegati fid-dettall fil-punt 116 tal-appell.

( 109 ) Rispettivament il-punti 66, 70, 78, 84, 86, 93 sa 95 tas-sentenza SMI u l-punti 97 sa 99 tas-sentenza CDA.

( 110 ) Essenzjalment korrispondenti għal għajnuna supplimentari mħallsa minħabba d-dewmien fl-appoġġjar ta’ Sernam lil Geodis, li dwaru l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni biss fir-rapport annwali tagħhom tal-2002 u mingħajr ma dan l-ammont addizzjonali kien is-suġġett ta’ notifika ġdida kompleta tal-fajl (ara b’mod partikolari l-premessa 176 tad-deċiżjoni Sernam 2).

( 111 ) Ara l-premessa 37 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 112 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 148 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 113 ) Ara l-premessa 150 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 114 ) Ara, inter alia, il-punt 77 tas-sentenza SMI.

( 115 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 75).

( 116 ) Ara l-punt 277 tas-sentenza appellata, li tiċċita s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781).

( 117 ) Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 234 tas-sentenza appellata, u li SNCF ma tikkontestax, l-assunzjoni tal-kuntratti tax-xogħol invokata diversi drabi minn SNCF hija wkoll indikatur li s-suġġett tat-trasferiment jirrigwarda tal-inqas parti sostanzjali minn Sernam.

( 118 ) Korsiv miżjud minni.

( 119 ) Ara l-premessa 149 tas-sentenza appellata.

( 120 ) Ara l-punti 120 u 125 tal-appell.

( 121 ) Punti 97 sa 99.

( 122 ) Punti 93 sa 95.

( 123 ) Ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni għaliex ikkunsidrat li l-miżuri previsti mill-protokoll ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 dwar it-trasferiment tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida favur Sernam Xpress‑Financière Sernam.

( 124 ) Ara l-punt 288 tas-sentenza appellata.

( 125 ) Ara l-punti 287 u 288 tas-sentenza appellata.

( 126 ) Ara l-punti 293 et seq tas-sentenza appellata.

( 127 ) Ara l-punt 297 tas-sentenza appellata.

( 128 ) Ara l-punti 298 u 299 tas-sentenza appellata.

( 129 ) Ara l-punti 300 u 301 tas-sentenza appellata.

( 130 ) Ara l-punti 303 et seq tas-sentenza appellata.

( 131 ) Ara l-punti 305 u 306 tas-sentenza appellata.

( 132 ) Ara l-punti 307 u 308 tas-sentenza appellata.

( 133 ) Ara l-punt 309 tas-sentenza appellata.

( 134 ) Ara l-punt 310 tas-sentenza appellata.

( 135 ) Ara l-punt 312 tas-sentenza appellata.

( 136 ) Premessa 154 tad-deċiżjoni Sernam 3.

( 137 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturazzjoni ta’ Impriżi f’Diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2).

( 138 ) Ara l-premessa 155 tas-sentenza appellata.

( 139 ) Hawnhekk, l-appellanti tinvoka s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑334/99, EU:C:2003:55, punt 133) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni (T‑511/09, EU:T:2015:284, punt 139).

( 140 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” li jissemma fl-Artikolu 107(1) TFUE (ĠU 2016, C 262, p. 1, b’mod partikolari l-punti 74 u 84 tagħha).

( 141 ) Ara l-punt 292 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 142 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza EDF”, EU:C:2012:318, punt 89).

( 143 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza ING”, EU:C:2014:213, punt 30).

( 144 ) Punt 31 tas-sentenza ING.

( 145 ) Ara l-punt 80 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà li ma humiex stabbilimenti finanzjarji (ĠU 2014 C 249, p. 1). Korsiv miżjud minni.

( 146 ) B’mod partikolari, SNCF tirreferi għas-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni (C‑353/95 P, EU:C:1997:596), tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u l-Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 25) kif ukoll fis-sentenza EDF (punt 78).

( 147 ) Punti 32 sa 37.

( 148 ) B’mod partikolari, is-sentenza EDF (punt 79).

( 149 ) L-appellanti tiċċita b’analoġija s-sentenza ING.

( 150 ) Ara l-punt 323 tas-sentenza appellata.

( 151 ) Ara l-punt 327 tas-sentenza appellata.

( 152 ) Ara l-punt 310 tas-sentenza appellata.

( 153 ) Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 154 ) Hawnhekk, l-appellanti tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-punt 47 ta’ dawn il-linji gwida.

( 155 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318) u tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213) rispettivament.

( 156 ) Jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam b’EUR 57 miljun u ta’ Sernam Xpress b’EUR 2 miljun, ir-rinunzja tal-krediti ta’ SNCF favur Sernam f’ammont ta’ EUR 38.5 miljun, il-garanziji mogħtija minn SNCF bħala l-impenn sabiex jittella f’perijodu stabbilit sit neċessarju għall-operazzjoni tat-TBE, il-kopertura ta’ żieda possibbli fil-kirjiet tas-siti operattivi ġodda, l-estensjoni bi tliet snin tad-dritt ta’ ritorn ta’ ħaddiema tal-ferroviji ssekondati fi ħdan Sernam, l-estensjoni bi tliet snin tal-protokoll soċjali kif ukoll il-garanzija minn SNCF tas-sostenibbiltà tat-TBE u tal-aċċess tagħha.

( 157 ) Punti 80 u 81 tas-sentenza EDF.

( 158 ) Punt 86 tas-sentenza EDF. Korsiv miżjud minni.

( 159 ) Punt 31 tas-sentenza ING.

( 160 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213).

( 161 ) Dan seta’ jkollu effett fuq is-soluzzjoni adottata: ara l-punt 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2013:870).

( 162 ) Ara l-punt 37 tas-sentenza ING.

( 163 ) Is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318) u tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213) rispettivament.

( 164 ) Sentenza tat-10 ta’ Lulju 1986 (282/85, EU:C:1986:316).

( 165 ) Punt 419 tas-sentenza appellata.

( 166 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118).

( 167 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 51).

( 168 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

( 169 ) Ara l-punti 50 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il-Kunsill (C‑511/13 P, EU:C:2015:206).

( 170 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑233/02, EU:C:2004:173).

( 171 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 193).