KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-30 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

Kawża C-122/16 P

British Airways plc

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ “telf” – Artikolu 169(1) u Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Prinċipju ne ultra petita – Motiv ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio – Difett ta’ motivazzjoni – Limiti tas-setgħa ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1.

Meta l-qorti tal-Unjoni Ewropea tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku, is-setgħa ta’ annullament tagħha hija limitata mill-prinċipju ne ultra petita? Jew, f’dak il-każ, din il-qorti tista’, jew għandha, b’eċċezzjoni għall-imsemmi prinċipju, tislet il-konsegwenzi tad-dritt kollha li joħorġu mill-fatt li jintlaqa’ l-motiv ta’ ordni pubbliku, u għaldaqstant, eventwalment, tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet?

2.

Din hija, fis-sustanza, il-kwistjoni fundamentali li tqum f’din il-kawża, li tirrigwarda appell li bih British Airways plc (iktar ’il quddiem “BA”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

3.

Il-kuntest ta’ din il-kawża huwa pjuttost partikolari. Quddiem il-Qorti Ġenerali, BA ppreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li ssanzjonat il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju antikompetittiv fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 3 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminat ebda wieħed mill-motivi mressqa minn BA fir-rikors tagħha, iżda qajmet ex officio difett ta’ motivazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi. Madankollu, filwaqt li kkunsidrat ruħha limitata mill-prinċipju ne ultra petita, il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ BA biss sa fejn jirrigwarda t-talba tagħha għal annullament parzjali. Fl-appell tagħha, BA tikkontesta dan l-approċċ u ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi.

4.

Din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel xi preċiżazzjonijiet fuq il-portata tas-setgħa tal-qorti tal-Unjoni b’mod partikolari meta, fil-kuntest li tkun qed tiġi kkontestata l-legalità, din tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku.

5.

Hija tikxef it-tensjoni eżistenti bejn ir-rekwiżiti fundamentali, iżda xi kultant antagonisti, li kull ordinament ġuridiku jrid jissodisfa, jiġifieri, minn naħa, ir-rekwiżit tal-legalità, li fuqu hija bbażata s-setgħa/dmir tal-qorti tal-Unjoni li tqajjem ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ stabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi, ikkunsidrati fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, fid-dawl tad-delimitazzjoni tas-setgħat tal-qorti li joħorġu mill-prinċipju dispożittiv, li tiegħu l-prinċipju ne ultra petita huwa korollarju.

6.

Sabiex tirrispondi għad-domanda fundamentali li tqum f’din il-kawża, li hija, barra minn hekk, ippreċeduta minn domandi mhux evidenti dwar l-ammissibbiltà tal-appell ta’ BA, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun imsejħa, filwaqt li titfa’ fuq bilanċ id-diversi prinċipji involuti, issib bilanċ ġust bejn dawn ir-rekwiżiti.

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

7.

Wara talba għall-immunità ( 4 ) ppreżentata fl-2005 minn kumpanniji li jappartjenu lill-grupp Deutsche Lufthansa, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni fuq l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru.

8.

Din l-investigazzjoni ġiet konkluża bl-adozzjoni, fid-9 ta’ Novembru 2010, tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni indirizzat lil 21 trasportatur, fosthom BA.

9.

F’dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni kkonstatat li, billi pparteċipaw fil-koordinament ta’ ċerti elementi tal-prezz li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni għas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru ( 5 ), BA u kumpanniji oħra tal-ajru kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146) u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”. Minħabba dan, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 104040000 fuq BA.

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10.

Fl-24 ta’ Jannar 2011, BA ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 6 ). Insostenn tar-rikors tagħha, BA invokat seba’ motivi. Id-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kontenzjuża, ħlief għall-kumpannija tal-ajru Qantas Airways Ltd., ikkontestaw ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali.

11.

Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni eventwali bejn il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-ewwel erba’ artikoli tad-dispożittiv tal-istess deċiżjoni.

12.

Fis-16 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata ( 7 ).

13.

F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett fakkret li skont ġurisprudenza stabbilita nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni taqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni ( 8 ).

14.

Sussegwentement, mingħajr ma eżaminat ebda wieħed mis-seba’ motivi invokati minn BA, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, min-naħa, l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 9 ) u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet interni kbar fi ħdan il-motivi tal-imsemmija deċiżjoni stess ( 10 ).

15.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kontradizzjonijiet interni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu ppreġudikaw id-drittijiet tad-difiża ta’ BA, inkwantu dawn ma ppermettewlhiex li tifhem in-natura u l-portata tal-ksur jew tal-ksur ikkonstatati, u kienu pprekludew lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel l-istħarriġ tagħha ( 11 ).

16.

Wara din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni.

17.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li peress li l-qorti tal-Unjoni ma setgħatx tiddeċiedi ultra petita u l-annullament li hija tiddikjara ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrenti, il-konklużjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ difett ta’ motivazzjoni ma setax, f’dan il-każ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi għal dak li jirrigwarda lil BA ( 12 ).

18.

Fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, waqt is-seduta, BA kienet ċertament sostniet li din tal-aħħar setgħat tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, minħabba li d-dispożittiv ma kienx jirrifletti l-motivazzjoni tad-deċiżjoni msemmija. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, anki jekk wieħed jippreżumi li kien possibbli li jiġi kkunsidrat li BA kienet esprimiet impliċitament ir-rieda li tbiddel it-talbiet tagħha u titlob, fis-seduta, l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni msemmija għal dak li kien jikkonċernaha, minn naħa, it-tibdil tat-talbiet huwa suġġett għal rekwiżiti mill-iktar stretti fir-rigward taċ-ċarezza u l-kontenut tiegħu u għandu jsir b’mod formali u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ motivazzjoni li bih kienet ivvizzjata d-deċiżjoni kontenzjuża kien joħroġ mill-qari stess ta’ din id-deċiżjoni u ma setax jiġi kkunsidrat bħala element ta’ dritt u ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura bil-miktub.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża fil-limiti stabbiliti mit-talbiet li jinsabu fir-rikors ippreżentat minn BA ( 13 ).

20.

Fis-17 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li tikkonċerna l-akkordju antikompetittiv issanzjonat fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għal dak li jikkonċerna lil BA din id-deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi l-aspetti tad-deċiżjoni kkontestata annullati fis-sentenza appellata.

III. It-talbiet tal-partijiet

21.

Permezz tal-appell tagħha, BA tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, biex tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tillimita l-portata tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għat-talbiet li hija ressqet fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, u fit-tieni lok, biex tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, fit-tielet lok, biex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, u fir-raba’ lok, biex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

22.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil BA għall-ispejjeż.

IV. Evalwazzjoni

23.

Insostenn tal-appell tagħha, BA tinvoka żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ħassitx ruħha limitata bil-prinċipju ne ultra petita. Skont BA, inkwantu hija qajmet ex officio motiv ta’ ordni pubbliku u kkonstatat l-eżistenza ta’ difett li jivvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla dik id-deċiżjoni kompletament. It-tieni aggravju, li tressaq b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

24.

Il-Kummissjoni tressaq, preliminarjament, eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-appell li għandhom jiġu analizzati fl-ewwel lok.

A. Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

1.  Fuq il-ksur tar-rekwiżit li s-sentenza appellata tiġi annessa mal-appell

25.

Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, l-appell huwa inammissibbli peress li BA ma annettietx is-sentenza appellata mar-rikors, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 168(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ).

26.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regoli tal-Proċedura l-antiki kienu jipprovdu espliċitament li “[i]d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun is-suġġett tal-appell għandha tiġi annessa ma’ dan tal-aħħar” ( 15 ). Madankollu, tali rekwiżit ma għadux espressament meħtieġ fir-Regoli tal-Proċedura li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012. Dawn l-aħħar regoli jeżiġu biss, fl-Artikolu 168(1)(a) li r-rikors ikun fih “l-indikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Qorti Ġenerali” b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tidentifika din id-deċiżjoni b’mod mhux ekwivoku.

27.

L-Artikolu 168(2) ta’ dawn ir-regoli jirreferi għall-Artikolu 122(1) tal-istess regoli, li jirreferi, min-naħa tiegħu, għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Minn dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rikors għandu jkun akkumpanjat bl-att li l-annullament tiegħu jkun mitlub “jekk ikun il-każ”. Issa, fil-fehma tiegħi, l-espressjoni “jekk ikun il-każ” għandha tinftiehem fis-sens li ma huwiex neċessarju li mar-rikors jiġi anness l-att ikkontestat meta l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ faċilment ikollha dak l-att, ħaġa li, fid-dawl tal-iżvilupp teknoloġiku, illum huwa dejjem il-każ għas-sentenzi u għad-digrieti tal-Qorti Ġenerali.

28.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 168(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeżiġix li tkun annessa s-sentenza appellata fl-appell u li, konsegwentement, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandha tkun miċħuda.

2.  Fuq il-ksur tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikoli 169 u 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

29.

Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, l-appell huwa inammissibbli peress li ma josservax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikoli 169 u 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Qabel ma nanalizza dawn l-eċċezzjonijiet, għandha tiġi analizzata madankollu l-eċċezzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-replika, li BA kienet ġiet awtorizzata tippreżenta biex tirrispondi għal dawn l-eċċezzjonijiet, hija inammissibbli kollha kemm hi.

a)  Fuq l-ammissibbiltà tar-replika

30.

Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa minn BA fir-replika tagħha b’risposta għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li hija qajmet jikkostitwixxu motiv ġdid ippreżentat matul l-istanza u li, minħabba din il-klassifikazzjoni tagħha, ir-replika hija inammissibbli kollha kemm hi ( 16 ). Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, peress li, fl-appell tagħha, BA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma siltitx il-konsegwenzi ta’ dritt li joħorġu mill-fatt tal-ilqugħ tal-motiv ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio, BA kkontestat, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, iċ-ċaħda tat-talba tagħha, imressqa waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, biex tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi.

31.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, matul il-proċedura, fil-kuntest li tiġi stabbilita l-proċedura kontradittorja neċessarja fir-rigward tal-motiv li hija riedet tqajjem ex officio, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni fuq dak il-motiv.

32.

Mill-punt 90 tas-sentenza appellata jirriżulta li, waqt is-seduta, fil-kuntest tal-argumenti tagħha dwar dan il-motiv, BA sostniet espressament li l-Qorti Ġenerali setgħat tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi.

33.

Fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet espliċitament din it-talba ta’ BA u ttrattatha, fis-sustanza, bħala talba “impliċita” (skont il-kelma użata mill-Qorti Ġenerali) għat-tibdil tat-talbiet tagħha. Il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, annullat parzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża fil-limiti tat-talbiet kif ifformulati minn BA fir-rikors tagħha.

34.

Fl-appell tagħha, BA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħassitha, f’dan il-każ, limitata mill-prinċipju ne ultra petita. Skont it-teżi ta’ BA, meta l-qorti tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku, hija għandha jkollha s-setgħa li tislet il-konsegwenzi ta’ dritt li joħorġu mill-fatt li jiġi milqugħ dak il-motiv, jiġifieri, f’dan il-każ, l-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont BA, il-qorti tibqa’ libera li teżerċita tali setgħa indipendentement mit-talbiet tal-partijiet, b’mod li, f’dan il-każ, il-preżentata ta’ talba għat-tibdil tat-talbiet lanqas biss kienet neċessarja biex tippermetti lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ( 17 ).

35.

Minn din it-teżi jirriżulta loġikament li, mill-perspettiva ta’ BA, inkwantu l-Qorti Ġenerali, meta laqgħet il-motiv li hija qajmet ex officio, kellha fi kwalunkwe każ tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, ir-raġunament li jinsab fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tagħha għall-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa żbaljat.

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax issostni validament li, billi BA affermat fir-replika tagħha li l-appell tagħha huwa intiż għaċ-ċaħda ta’ din it-talba, hija tqajjem motiv ġdid meta mqabbel ma’ dak imressaq fir-rikors tal-appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju ne ultra petita. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-replika għandha għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda.

b)  Fuq il-konformità tal-appell mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

37.

Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li l-appell ma huwiex konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea peress li BA ma tilfitx fit-talbiet tagħha skont dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talbiet ta’ BA kif iddelimitati bir-rikors tagħha, hija rebħet kompletament il-kawża fl-ewwel istanza.

38.

BA tirribatti li hija tilfet fit-talbiet tagħha. Fil-fatt, waqt is-seduta hija sostniet, fil-kuntest tal-argumenti tagħha dwar il-motiv imressaq ex officio mill-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata totalment u li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ċaħdet din it-talba. L-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura proposta mill-Kummissjoni ċċaħħad lil parti li tkun affettwata b’sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio mill-possibbiltà li tikseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

39.

Preliminarjament infakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea “[appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja] jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. […]”

40.

Issa, għandu jiġi rrilevat li teżisti diverġenza lingwistika bejn il-verżjoni Franċiża tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut u l-verżjoni Ingliża, li hija l-lingwa tal-proċedura f’din il-kawża. Fil-fatt, biex rikorrent ikun jista’ jippreżenta appell, skont il-verżjoni Franċiża, jeħtieġ li huwa jkun “succombé en ses conclusions”, filwaqt li skont il-verżjoni Ingliża, jeħtieġ li r-rikorrent ikun “unsuccessful […] in its submissions”. Il-verżjoni Franċiża tuża għaldaqstant il-kelma “conclusions” li tikkorrispondi għall-kelma użata fl-Artikolu 168(1)(d), fl-Artikolu 169(1) u fl-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-verżjoni Ingliża tuża, min-naħa l-oħra, il-kelma “submissions”, li ma tikkorrispondix mal-espressjoni “form of order” użata fl-imsemmija dispożizzjonijiet u li tista’ tkopri mhux biss it-talbiet (il-petitum), imma wkoll l-argumenti tad-dritt imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Hemm ukoll differenzi f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ċerti minn dawn il-verżjonijiet ma jirreferux għall-kunċett li jikkorrispondi għall-kelma Franċiża “conclusions” użata fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ebda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi ma jistgħu jingħatawlhom prijorità, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat skont l-istruttura ġenerali u l-għan tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-appell ( 19 ).

42.

B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk, skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “tilfet […] fit-talbiet tagħha” skont din id-dispożizzjoni jistax jinftiehem bħala li jirreferi għat-talbiet magħmula fir-rikors promotur jew, tal-inqas, f’talba formali għat-tibdil tat-talbiet.

43.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-talbiet tal-partijiet huma kkaratterizzati bi bżonn ikbar ta’ ċarezza ( 20 ) u, bħala prinċipju, mill-immutabbiltà ( 21 ) tagħhom. Din l-immutabbiltà bħala prinċipju hija marbuta strettament mar-rekwiżit tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors ( 22 ).

44.

Madankollu, l-immutabbiltà tat-talbiet ma hijiex assoluta. Jeżistu xi eċċezzjonijiet, li huma madankollu estremament limitati.

45.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja xi kultant aċċettat tibdil tat-talbiet tar-rikors matul l-istanza meta dan ikun ibbażat fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu ħarġu matul il-proċedura bil-miktub ( 23 ). Barra minn hekk, it-tibdil tat-talbiet huwa llum possibbli, skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura l-ġodda tal-Qorti Ġenerali, li kkodifikaw il-ġurisprudenza preeżistenti ( 24 ), meta l-att, li l-annullament tiegħu hija mitluba, jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li għandu l-istess suġġett. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’xi każijiet partikolari, aċċettat il-possibbiltà li jiġu ppreċiżati t-talbiet matul l-istanza ( 25 ). It-tibdil tat-talbiet huwa, madankollu, suġġett għal rekwiżiti stretti ħafna fir-rigward taċ-ċarezza u l-kontenut tiegħu u għandu jsir b’mod formali ( 26 ), u huwa possibbli li jsir, madankollu, fis-seduta ( 27 ).

46.

Issa, meta rikorrent jippreżenta talba għat-tibdil tat-talbiet tiegħu u l-Qorti Ġenerali tiċħad espressament din it-talba fis-sentenza tagħha, dak ir-rikorrent ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jikkontesta l-legalità ta’ dik iċ-ċaħda għas-sempliċi raġuni li huwa rebaħ il-kawża fit-talbiet oriġinali tiegħu, kif kontenuti fir-rikors tiegħu.

47.

Fil-fatt, huwa evidenti li tali rikorrent tilef fit-talba għat-tibdil tat-talbiet tiegħu. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ċaħdet din it-talba, l-imsemmi rikorrent ikun jista’ potenzjalment jikseb iktar minn dak li jikseb kieku jintlaqgħu t-talbiet oriġinali tiegħu. Tali rikorrent jkollu għaldaqstant jitpoġġa f’pożizzjoni li jkun jista’ jikkontesta l-legalità taċ-ċaħda tat-talba tiegħu għat-tibdil tat-talbiet tiegħu.

48.

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod korrett jew le t-talba għat-tibdil tat-talbiet ta’ xi parti taqa’ taħt il-mertu tal-kawża, u dan indipendentement mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet tali talba billi kisret ir-rekwiżiti proċedurali.

49.

Fil-fehma tiegħi, jirriżulta li, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “telf” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jistax ikun strettament limitat għat-talbiet magħmula fir-rikors promotur jew f’dawk mibdula fl-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali. Dak il-kunċett għandu, min-naħa l-oħra, jinkludi l-fatt li titlef f’kull talba ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali matul il-proċedura li fuqha l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fis-sentenza appellata.

50.

Tali interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tidher barra minn hekk, koerenti mal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni, li jirreferu kollha kemm huma għall-kunċett ta’ “telf”, imma ma jorbtux neċessarjament dan il-kunċett għat-talbiet magħmula formalment fir-rikors promotur ( 28 ).

51.

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, fuq it-talba “impliċita” ta’ BA biex tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi, billi ċaħditha, BA għandha tkun ikkunsidrata bħala li tilfet fuq dan il-punt skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-appell tagħha għandu jitqies għaldaqstant bħala ammissibbli minn dan l-aspett.

c)  Fuq il-konformità tal-appell mal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

52.

Il-Kummissjoni ssostni mbagħad li l-appell ma huwiex konformi mal-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma huwiex intiż għall-annullament tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda biex dak id-dispożittiv jiġi kkompletat, billi l-annullament parzjali, mitlub fl-ewwel istanza minn BA u milqugħ mill-Qorti Ġenerali, jiġi estiż għal annullament totali.

53.

Skont l-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja “[t]-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni”.

54.

Din id-dispożizzjoni tikkonċerna t-talbiet tar-rikors tal-appell li jirrigwardaw l-appell (filwaqt li l-Artikolu 170 tal-istess regoli jikkonċerna t-talbiet f’każ li jintlaqa’ l-appell). Hija tirrigwarda b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali fil-qasam tal-appell li bih l-appell għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun intiż esklużivament għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ dik id-deċiżjoni ( 29 ).

55.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għal dak li jikkonċerna t-talbiet li jirrigwardaw l-appell, BA ppreżentat żewġ kapi ta’ talbiet: fl-ewwel kap, hija titlob l-annullament tas-sentenza appellata “sa fejn [din is-sentenza] tillimita l-portata tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża għat-talbiet li hija ressqet fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza”; fit-tieni kap tagħha, hija titlob l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

56.

Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, BA titlob għaldaqstant l-annullament tal-motivi tas-sentenza appellata li fuqhom huwa bbażat il-punt 1 tad-dispożittiv inkwantu jiddikjara biss l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża. Dan jirrigwarda speċifikament, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tqis ruħha limitata, f’dan il-każ, mill-prinċipju ne ultra petita u, min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni li tiċħad it-talba “impliċita” għat-tibdil tat-talbiet li BA tippretendi li hija ressqet waqt is-seduta ( 30 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivi tas-sentenza appellata, li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv tagħha huma inseparabbli minnu ( 31 ) u d-dispożittiv ta’ sentenza għandu jinqara fid-dawl ta’ dawk il-motivi ( 32 ).

57.

Abbażi ta’ din il-premessa, fit-tieni kap tat-talbiet, BA talbet mbagħad l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

58.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm hija kompetenti biex tevalwa s-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali, hija għandha, għaliex li kieku ma kienx hekk il-proċedura tal-appell tiġi mċaħħda minn parti importanti mis-sinjifikat tagħha, tkun kompetenti wkoll sabiex tevalwa l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet minn tali soluzzjoni, li wkoll jikkostitwixxu punt ta’ dritt ( 33 ).

59.

Issa, fl-appell tagħha, BA tikkontesta l-portata tal-annullament li l-Qorti Ġenerali ppronunzjat b’konsegwenza talli laqgħet il-motiv li hija qajmet ex officio. BA tikkontesta, għaldaqstant, il-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali siltet mill-fatt li laqgħet dan il-motiv.

60.

Minn dan kollu jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li l-appell ta’ BA ma huwiex intiż għall-annullament tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, kif meħtieġ mill-Artikolu 169(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

d)  Fuq il-konformità tal-appell mal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

61.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-appell lanqas ma huwa konformi mal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-artikolu ma jawtorizzax lil rikorrent jippreżenta fl-appell talbiet li jmorru lil hinn mit-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza u biex jitlob miżura iktar wiesgħa minn dik mitluba quddiem il-Qorti Ġenerali. It-talba magħmula minn BA waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali li tikkonċerna l-portata tal-annullament (punt 90 tas-sentenza appellata) ma tistax titqies bħala li tifforma parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

62.

L-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jiddisponi li “[j]ekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tiegħu għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida” u li “[l]-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali”.

63.

L-introduzzjoni ta’ artikolu speċifiku ddedikat għat-talbiet f’każ li jintlaqa’ l-appell hija novità tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-konsegwenzi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-eventwali aċċettazzjoni tal-fondatezza tal-appell. Hija tiġi loġikament wara l-Artikolu 169(1) tal-istess regoli, u hija intiża li tevita li appellant ikun jista’ jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja talbiet li huwa ma jkunx ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali ( 34 ).

64.

F’dan il-każ, it-talbiet f’każ li jintlaqa’ l-appell ta’ BA jinsabu fit-tielet kap tat-talbiet li bih hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi.

65.

Għandu jiġi vverifikat jekk din it-talba għandhiex tkun ikklassifikata bħala “talba ġdida” u jekk hija tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66.

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li t-talba li tinsab fit-tielet kap tat-talbiet tikkorrispondi eżattament għat-talba “impliċita” għat-tibdil tat-talbiet li l-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-punt 90 tas-sentenza appellata. Hija tikkonċerna, barra minn hekk, kwistjoni – dik tal-eventwali annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża b’konsegwenza tal-fatt li jiġi milqugħ il-motiv imqajjem ex officio – li,kif jirriżulta mill-punt 90 tas-sentenza appellata, ġie diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tad-diskussjoni li tikkonċerna dan il-motiv.

67.

Fit-tieni lok, jekk, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 58 u 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, rikorrent huwa awtorizzat jikkontesta fl-appell il-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet mill-fatt li jintlaqa’ motiv (f’dan il-każ dak imqajjem ex officio), tali rikorrent għandu loġikament ikun awtorizzat jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ eventwali suċċess fl-appell tiegħu, li tislet hija stess il-konsegwenzi ta’ dritt li joħorġu mill-fatt li jintlaqa’ dak il-motiv.

68.

F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell ta’ BA billi tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżball ta’ liġi li din tal-aħħar tikkritikaha fuqu, isegwi neċessarjament li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata kollha kemm hi ( 35 ).

69.

Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jikkostitwixxi xejn ħlief il-konsegwenza ġuridika neċessarja li ssegwi mill-fatt li eventwalment jintlaqgħu t-talbiet ta’ BA fl-appell (imsemmija fil-punti 21 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u, għaldaqstant, mill-eventwali annullament tas-sentenza appellata.

70.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi estremament partikolari li jikkaratterizzaw din il-kawża, ma jidhirlix li l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludi l-ammissibbiltà tal-appell.

71.

Minn dan isegwi li l-appell ta’ BA huwa, fil-fehma tiegħi, ammissibbli.

B. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta mill-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ne ultra petita

1.  Sinteżi tal-argument tal-partijiet

72.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, BA ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat lilha nfisha bħala limitata mill-prinċipju ne ultra petita meta hija kkonstatat ex officio l-eżistenza ta’ difetti essenzjali li huma ta’ ordni pubbliku u li jivvizzjaw id-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi.

73.

Skont BA, meta l-qorti tal-Unjoni tqajjem ex officio kwistjoni ta’ ordni pubbliku, il-limitazzjonijiet inter partes marbutin mal-prinċipju ne ultra petita ma jibqgħux japplikaw. F’dak il-każ, l-imsemmija qorti għandha jkollha l-kompetenza li tifformula dispożittiv tas-sentenza b’mod li hija jidhrilha xieraq u ma għandhiex tkun limitata fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mit-talbiet ta’ xi parti.

74.

Skont BA, jekk f’kawża li tikkonċerna kwistjoni ta’ ordni pubbliku, il-qorti tal-Unjoni għandha l-libertà li tiskarta l-motivi invokati mill-partijiet, hija għandha, ukoll, tkun libera, bl-istess mod, li tiskarta t-talbiet tagħhom. Huwa biss b’dan il-mod li hija tkun f’pożizzjoni li tifformula dispożittiv adegwat fis-sentenza tagħha u li tirrettifika b’mod effettiv il-ksur tal-ordni pubbliku kkonstatat.

75.

Il-konsegwenzi tat-tqajjim ex officio ta’ motivi ta’ ordni pubbliku mill-Qorti Ġenerali ma jistgħux ikunu suġġetti għall-interessi individwali tal-partijiet fil-kawża. Huma lanqas ma jistgħu jkunu jiddependu mill-eventwali tibdil min-naħa tagħhom tat-talbiet tagħhom matul il-proċedura. Tali soluzzjoni tkun twassal ukoll biex tpoġġi f’idejn il-partijiet il-kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku.

76.

Barra minn hekk, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni minnha, fis-sentenza appellata, tal-proċeduri nazzjonali ulterjuri għad-danni, il-Qorti Ġenerali ħolqot distinzjoni arbitrarja bejn is-sitwazzjoni ta’ BA (li bbenefikat biss minn annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża) u dik tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra li wkoll ikkontestaw l-imsemmija deċiżjoni (li bbenefikaw minn annullament sħiħ tagħha), filwaqt li r-rikorrenti kollha kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni fil-konfront tad-difett essenzjali ta’ motivazzjoni identifikat ex officio mill-Qorti Ġenerali.

77.

Fl-aħħar nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jqajjem tħassib fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja peress li jinkoraġġixxi lir-rikorrenti biex sistematikament jifformulaw it-talbiet tagħhom b’mod wiesa’ mingħajr ġustifikazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiksbu annullament ta’ portata ikbar f’każ li l-qorti tal-Unjoni tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku.

78.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ BA. B’mod partikolari, hija tikkunsidra li t-teżi ta’ BA twassal biex tiċħad il-prinċipji espressi fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (iktar ’il quddiem il-“kawża AssiDomän”) ( 36 ). Id-differenza bejn il-kawża AssiDomän u din il-kawża hija biss kwistjoni ta’ grad. Filwaqt li fil-kawża AssiDomän, ċerti destinatarji ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinux ikkontestawha, f’dan il-każ, BA kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali ċerti aspetti biss mid-deċiżjoni kontenzjuża.

2.  Analiżi

79.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset lilha nfisha limitata, f’dan il-każ, mill-prinċipju ne ultra petita? Setgħat, jew kellha hija, meta tislet il-konsegwenzi kollha ta’ dritt li joħorġu mid-difett ta’ motivazzjoni ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio li kien jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, tannulla kompletament dik id-deċiżjoni, minkejja t-talbiet ta’ BA li kienu intiżi biss għall-annullament parzjali?

80.

Kif irrilevajt fil-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn il-kwistjonijiet jikxfu kunflitt bejn ir-rekwiżiti legali differenti u xi kultant antagonisti. Ir-risposta għalihom tiddependi għaldaqstant mir-rabta bejn dawn ir-rekwiżiti u t-tqegħid f’bilanċ tal-prinċipji li fuqhom huma bbażati.

81.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nibda b’analiżi tal-portata u tar-raġuni ta’ dawn il-prinċipji u rekwiżiti, biex imbagħad nipproponi risposta għall-imsemmija domandi.

a)  Fuq il-prinċipju ne ultra petita, li huwa korollarju għall-prinċipju dispożittiv

82.

Jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi analizzat il-prinċipju ne ultra petita invokat mill-Qorti Ġenerali bħala l-limitu, f’dan il-każ, għas-setgħa ta’ annullament tagħha.

83.

Filwaqt li joħroġ mill-massima “ne eat iudex ultra petita partium”, il-prinċipju ne ultra petita jipprekludi lill-qorti, li tkun mitluba tiddeċiedi fuq rikors għal annullament, milli tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet ( 37 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li hija tiddeċiedi ma jistax jeċċedi dak mitlub mir-rikorrent ( 38 ).

84.

Il-prinċipju ne ultra petita huwa korollarju tal-prinċipju dispożittiv li huwa prinċipju li jirregola l-kawżi li jirrigwardaw il-legalità quddiem il-qorti tal-Unjoni. Skont il-prinċipju dispożittiv, huma l-partijiet li għandhom l-inizjattiva tal-proċess u li jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża, u l-qorti għandha, konsegwentement tiddeċiedi fuq dak kollu li tintalab u biss fuq dak li tintalab (u għaldaqstant ne ultra petita) ( 39 ).

85.

Ġeneralment, il-prinċipju dispożittiv u l-korrollarju tiegħu, il-prinċipju ne ultra petita, jitqiesu bħala l-espressjoni tal-awtonomija privata tal-persuni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn persuna jinvoka d-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti tiddependi, fl-aħħar mill-aħħar, fuq ir-rieda tiegħu stess. Din l-interpretazzjoni tapplika, madankollu, speċjalment fil-kuntest tal-proċeduri ċivili ( 40 ).

86.

Fil-proċeduri ta’ dritt pubbliku, il-prinċipju dispożittiv u l-prinċipju ne ultra petita – u l-limiti għas-setgħa tal-qorti li jirriżultaw minnhom – jakkwistaw madankollu portata differenti ( 41 ). B’mod iktar partikolari, dawn il-prinċipji wieħed għandu jħares lejhom fid-dawl tal-għażla biex il-kawżi fuq il-legalità fid-dritt tal-Unjoni jiġu strutturati bħala kawża li tiddependi mill-preżentata ta’ rikors.

87.

Għaldaqstant, jirriżulta mit-tieni sar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li l-qorti tal-Unjoni għandha kompetenza biex tistħarreġ il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni biss jekk – u sa fejn – hija tkun adita b’rikors ippreżentat minn wieħed mis-suġġetti awtorizzati li jippreżentawh skont dawn id-dispożizzjonijiet.

88.

Fl-assenza ta’ tali rikors, il-qorti tal-Unjoni ma għandha ebda kompetenza li tivverifika ex officio l-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni ( 42 ).

89.

Fi kliem ieħor, is-setgħa tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ il-legalità tal-attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tiddependi mill-eżistenza u mill-portata ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn wieħed mis-suġġetti indikati fl-Artikolu 263 TFUE. Jekk il-qorti ma jkollhiex tali rikors quddiemha, hija ma tistax, bi ndħil fil-qasam tal-attività tal-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, tikkontesta l-legalità tal-atti adottati minnhom ( 43 ).

90.

Minn dan l-aspett, il-limiti fuq is-setgħa tal-qorti li joħorġu mill-prinċipju ne ultra petita, bħala espressjoni tal-prinċipju dispożittiv, huma marbutin mhux biss mal-awtonomija privata, imma wkoll mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ kull Stat ta’ dritt, u li, fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, jittraduċi ruħu, bħala prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, li jimplika li kull waħda mill-istituzzjonijiet teżerċita l-kompetenzi tagħha b’rispett ta’ dawk tal-oħrajn ( 44 ).

91.

Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ne ultra petita, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif jirriżulta minn ismu (ne ultra petita), dan il-prinċipju jirreferi għall-petitum u għaldaqstant għat-talbiet tal-partijiet kif esposti fit-talbiet tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi xi kultant għal dan il-prinċipju wkoll fir-rigward tal-motivi ppreżentati mill-partijiet insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom. Hija tagħmel dan, b’mod speċifiku, fir-rigward tal-projbizzjoni għall-qorti milli teżamina l-motivi li ma jkunux ġew ippreżentati mill-partijiet, ħlief għal – preċiżament – motivi li l-qorti tista’, jew għandha, tqajjem ex officio ( 45 ).

92.

Taħt din il-perspettiva, it-tqajjim ex officio ta’ motiv ta’ ordni pubbliku jista’ jitqies bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ne ultra petita mifhum fis-sens wiesa’ (jiġifieri bħala li jirreferi mhux biss għall-petitum, imma wkoll għall-motivi mressqa biex isostnuh). L-eżistenza tas-setgħa ta’ tqajjim ex officio ta’ dawn il-motivi ma timplikax neċessarjament, madankollu, li f’każ fejn il-qorti tal-Unjoni teżerċita din is-setgħa, hija tista’ tadotta deċiżjoni li tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet. Iż-żewġ kwistjonijiet huma fil-fatt distinti ( 46 ).

b)  Fuq l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors bħala rekwiżit ta’ ordni pubbliku

93.

Il-possibbiltà għal wieħed mis-suġġetti indikati fl-Artikolu 263 TFUE li jadixxi lill-qorti tal-Unjoni b’talba għall-istħarriġ tal-legalità ta’ att tal-Unjoni hija suġġett għal-limitazzjoni temporali: ir-rikors għandu jkun ippreżentat fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-imsemmi artikolu.

94.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li deċiżjoni li ma tkunx ġiet ikkontestata mid-destinatarju fit-terminu previst minn dik id-dispożizzjoni ssir definittiva fil-konfront tiegħu ( 47 ).

95.

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li dan it-terminu u l-konsegwenza tad-dekorrenza tiegħu, jiġifieri l-kisba ta’ natura definittiva, huma intiżi li jipproteġu l-interess pubbliku u li, konsegwentement, dan it-terminu huwa ta’ ordni pubbliku u ma huwiex, għaldaqstant, la għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas tal-qorti, u l-osservanza tiegħu għandha tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni ( 48 ).

96.

Din il-ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li t-termini għall-preżentata ta’ rikors huma intiżi li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, billi jevitaw il-kontestazzjoni indefinita tal-atti tal-Unjoni li jkollhom effetti ta’ dritt, kif ukoll fuq ir-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura ( 49 ).

97.

Issa, il-prinċipji espressi f’din il-ġurisprudenza ma japplikawx biss fil-każijiet ta’ rikors intiż għall-annullament sħiħ ta’ xi att, imma japplikaw ukoll f’każ ta’ talba għal annullament parzjali. Għaldaqstant, f’każ ta’ preżentata ta’ rikors li jitlob l-annullament parzjali ta’ att, il-partijiet separabbli ( 50 ) ta’ dak l-att li ma jkunux ġew ikkontestati fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors jiksbu natura definittiva, b’mod partikolari fir-rigward tad-destinatarju tiegħu.

98.

Barra minn hekk, kif irrilevajt fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżiti ta’ ordni pubbliku konnessi mal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huma l-bażi tal-immutabbiltà bħala prinċipju tat-talbiet tal-partijiet fil-kawżi għal annullament. Huwa l-iskadenza ta’ dan it-terminu li għandu l-effett li jikkristallizza, bħala prinċipju, it-talbiet u għaldaqsant li jiddefinixxi s-suġġett tal-kawża b’mod definittiv. Fil-fatt, li rikorrent ikun permess iwessa’ l-portata tat-talbiet tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors iwassal, essenzjalment, biex hu jkun jista’ jevita dak it-terminu u li jitlob l-annullament ta’ att ieħor (jew ta’ parti oħra mill-att) meta t-terminu biex jikkontesta l-legalità ta’ dak l-att l-ieħor jew il-parti l-oħra jkun skada u li dak l-att (jew dik il-parti mill-att) ikun kiseb natura definittiva fil-konfront tiegħu ( 51 ).

99.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minħabba eżiġenzi ta’ ċertezza legali li fuqhom huma bbażati r-regoli li jikkonċernaw it-termini ta’ proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja applikathom b’mod estremament restrittiv, billi aċċettat derogi biss f’ċirkustanzi assolutament eċċezzjonali ( 52 ).

c)  Fuq ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-legalità li fuqu huwa bbażat it-tqajjim ex officio tal-motivi ta’ ordni pubbliku

100.

Ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-legalità jeżiġi li, fit-twettiq tal-missjoni fundamentali tagħha li tiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jagħtiha l-Artikolu 19 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex limitata li jkollha biss rwol passiv, jekk ma tkunx trid tkun limitata, jekk ikun il-każ, li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati. Għaldaqstant, ċerti regoli ta’ proċedura u l-ġurisprudenza rrikonoxxewlha l-kompetenza li tqajjem ex officio motivi ta’ dritt, ikklassifikati bħala motivi ta’ ordni pubbliku, li jippermettulha li tmur lil hinn mill-motivi u argumenti invokati mill-partijiet. Dan ikun każ li jikkonċerna kemm kwistjonijiet dwar il-proċedura li jkunu quddiemha ( 53 ), kif ukoll kwistjonijiet li jikkonċernaw il-legalità tal-att ikkontestat ( 54 ).

101.

B’mod ġenerali, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tqajjem ex officio l-ksur ta’ regola ta’ ordni pubbliku tal-Unjoni li tidher importanti biżżejjed biex tiġi kklassifikata bħala ta’ ordni pubbliku u biex tiġġustifika s-sanzjoni tagħha ex officio. Meta jkun ġie kkonstatat il-ksur ta’ tali regoli, fil-fatt, ma tantx ikun jimporta li dak l-att ikun ivvizzjat ukoll bid-difetti esposti mir-rikorrent insostenn tat-talba għal annullament tiegħu, peress li d-difiża tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tippermetti lill-qorti li tkun qiegħda tistħarreġ il-legalità, jew teħtieġ minnha, li tikkonstata li l-att inkwistjoni huwa vvizzjat b’difett li, fi kwalunkwe każ, jimplika l-annullament tiegħu ( 55 ).

102.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tat definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ motiv ta’ ordni pubbliku, u lanqas identifikat b’mod astratt il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk motiv huwiex ta’ ordni pubbliku jew le. Madankollu, l-elementi misluta mill-ġurisprudenza jippermettu li dawn il-kriterji jiġu identifikati b’ċerta preċiżjoni, fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

103.

F’dan ir-rigward, kif diġà kelli l-okkażjoni li nenfasizza f’diversi okkażjonijiet ( 56 ), jiena naqbel mal-approċċ propost mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:172) ( 57 ). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, motiv ikun ta’ ordni pubbliku meta, minn naħa, ir-regola miksura hija intiża li sservi għan fundamentali jew valur fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jekk hija jkollha rwol sinjifikattiv fit-twettiq ta’ dak l-għan jew ta’ dak il-valur u, min-naħa l-oħra, jekk dik ir-regola tkun ġiet stabbilita fl-interess ta’ terzi jew tal-kollettività b’mod ġenerali, u mhux sempliċement fl-interess tal-persuni direttament ikkonċernati.

104.

Għaldaqstant, huwa rekwiżit ta’ legalità li wieħed jista’ jiddefinixxi bħala “rrinfurzat”, peress li filwaqt jirrigwarda l-protezzjoni tal-“ordni pubbliku”, jiġifieri l-protezzjoni ta’ valuri fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fl-interess ta’ terzi persuni jew tal-kollettività b’mod ġenerali, li jiġġustifika s-setgħa/dmir tal-qorti tal-Unjoni li tqajjem ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku, anki lil hinn mill-motivi li l-partijiet ressqu quddiemha insostenn tat-talbiet tagħhom.

d)  Fuq il-portata tas-setgħa ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni meta hija tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku

105.

Tali rekwiżit ta’ legalità “rrinfurzata”, marbut mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, li fuqu hija bbażata s-setgħa tal-qorti tal-Unjoni li tqajjem ex officio motiv ta’ dritt, jiġġustifika wkoll l-estensjoni tas-setgħa ta’ annullament tagħha lil hinn mit-talbiet tar-rikorrent? Dan ir-rekwiżit jippermetti lill-qorti li tikkontesta partijiet minn deċiżjoni li, għalkemm ma kinux is-suġġett ta’ appell, kisbu n-natura definittiva fil-konfront tar-rikorrent?

106.

Ir-risposta għal dawn id-domandi tiddependi fl-aħħar mill-aħħar, fuq l-għażla ta’ dik fost ir-rekwiżiti involuti deskritti iktar ’il fuq li jeħtieġ li tkun tipprevali.

107.

Issa, fir-rigward ta’ din l-għażla, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher essenzjalment li hija kkonfrontata bi tliet għażliet, li t-tielet waħda biss, għar-raġunijiet li ser jingħadu iktar ’il quddiem, tikkonvinċini.

108.

L-ewwel għażla hija dik li tikkonsisti f’li tiġi segwita t-teżi mressqa minn BA u biex jipprevali r-rekwiżit tal-legalità “rrinfurzata” billi l-qorti jingħatalha s-setgħa li tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet meta hija tqajjem motiv ta’ ordni pubbliku. Ma jistax jiġi miċħud li tali approċċ fih loġika. Fil-fatt meta r-regola miksura hija daqstant importanti li hija kklassifikata ta’ ordni pubbliku u li hija tista’ titqajjem ex officio, il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni, u dan indipendentement mit-talbiet tal-partijiet, li tirrettifika l-illegalità li toħroġ minn dak il-ksur. Dan l-approċċ huwa koerenti mas-setgħa tal-qorti li tqajjem ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku li, kif irrilevajt fil-punti 91 u 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ne ultra petita mifhum f’sens wiesa’. Jekk dan l-approċċ isib xi sostenn fil-ġurisprudenza, dik il-ġurisprudenza hija impliċita, iżolata, antika u limitata, mid-dehra, għall-kawżi tas-servizz pubbliku ( 58 ).

109.

It-tieni possibbiltà hija dik li tippermetti lill-partijiet, fil-kuntest tat-teħid ta’ pożizzjoni tagħhom (neċessarji għall-osservanza tal-kontradittorju ( 59 )) fuq il-motiv li l-qorti tal-Unjoni tkun trid tqajjem ex officio, li jadattaw il-portata tat-talbiet tagħhom fid-dawl ta’ dak il-motiv.

110.

It-tielet għażla, dik magħżula mill-Qorti Ġenerali u ddefenduta mill-Kummissjoni u li jien nippreferi, tikkonsisti li tingħata prevalenza lir-rekwiżiti marbutin mal-prinċipji ne ultra petita u ċ-ċertezza legali (fir-rigward tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors), billi s-setgħa ta’ annullament tal-qorti tiġi limitata għat-talbiet tal-partijiet.

111.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet segwenti huma rilevanti.

112.

Fl-ewwel lok, għandha tiġi ttrattata l-kawża AssiDomän li r-rilevanza tagħha ġiet diskussa mill-partijiet. Fis-sentenza li tirrigwarda dik il-kawża, li kienet tikkonċerna wkoll il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-akkordji antikompetittivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-annullament ta’ deċiżjoni ppronunzjata b’sentenza fir-rigward ta’ rikorrent ma jaffettwax il-validità ta’ deċiżjoni oħra, identika jew simili, ivvizzjata bl-istess irregolarità u indirizzata lil destinatarju ieħor li ma kkontestahiex fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors ( 60 ). Biex tiġġustifika din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-prinċipju ne ultra petita u għar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali li fuqhom hija bbażata l-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

113.

Ċertament, din il-kawża preżenti tinvolvi ċerti differenzi meta mqabbla mal-kawża AssiDomän. Fl-ewwel lok, fil-kawża AssiDomän, l-illegalità li kienet tivvizzja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx toħroġ, bħal f’dan il-każ, minn ksur ta’ regola ta’ ordni pubbliku ( 61 ). Fit-tieni lok, fil-kawża AssiDomän, li kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-kumpanniji ma kienu ppreżentaw ebda appell kontra d-deċiżjoni li tagħha huma kienu destinatarji u li tagħha huma kienu talbu r-reviżjoni, wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, billi talbu li tiġi estiża favur tagħhom il-konstatazzjoni tal-illegalità magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn destinatarja oħra ta’ dik id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża BA kkontestat fil-fatt quddiem il-qorti – u dan fit-terminu impost għall-preżentata tar-rikors – il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, jew, b’mod iktar preċiż, ta’ parti minnha biss.

114.

Madankollu, minkejja dawn id-differenzi, il-kawża AssiDomän hija fil-fehma tiegħi rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din il-kawża, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet għażla ċara fiha: fl-ibbilanċjar tar-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-legalità u dak taċ-ċertezza legali, hija ppreferiet it-tieni wieħed ( 62 ).

115.

Issa, il-kwistjonijiet f’din il-kawża għandhom punti ta’ konverġenza ma’ dawk tal-kawża AssiDomän. Hawnhekk ukoll jeżisti antagoniżmu bejn, minn naħa, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-legalità (li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, huwa marbut mal-ordni pubbliku) u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit (huwa wkoll ta’ ordni pubbliku) taċ-ċertezza legali, konness mal-ksib ta’ natura definittiva fil-konfront ta’ BA tal-partijiet mid-deċiżjoni kontenzjuża li hija ma kkontestatx fit-termini għall-preżentata ta’ rikors. F’din il-kawża, ma’ dan l-aħħar rekwiżit jiżdied, madankollu, b’kuntrast mal-kawża AssiDomän, dak tal-limitazzjoni tas-setgħa ta’ annullament li joħroġ mill-prinċipju ne ultra petita, kif spjegajt fil-punti 82 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

116.

Fit-tieni lok, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat sitwazzjoni fejn ir-rekwiżiti ta’ legalità ta’ ordni pubbliku għandhom jipprevalu fuq dawk taċ-ċertezza legali (kif ukoll fuq dawk konnessi mal-prinċipju ne ultra petita).

117.

Dan ikun każ fejn att ikun ivvizzjat b’irregolarità li l-gravità tagħha hija daqshekk evidenti li ma tistax tkun ittollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni b’mod li dak l-att għandu jiġi kklassifikat bħala ineżistenti. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata tikkonstata li dak l-att ma jipproduċi ebda effett ġuridiku anki jekk dak l-att ikun ġie kkontestat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ( 63 ). Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tippreċiżaha espliċitament, għandu jiġi kkunsidrat li, f’każ daqshekk eċċezzjonali, il-qorti hija awtorizzata tikkonstata l-ineżistenza tal-att ikkontestat, anki jekk tmur lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, permezz ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju ne ultra petita.

118.

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu indikat espressament li l-gravità tal-konsegwenzi li huma marbutin mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun irriżervata għal ipoteżijiet assolutament estremi ( 64 ), li fihom l-att inkwistjoni jkun affettwat b’difetti partikolarment gravi u evidenti ( 65 ).

119.

Għaldaqstant huwa biss f’dawn l-ipoteżijiet estremi li, b’kuntrast mal-approċċ adottat fil-kawża AssiDomän, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-legalità jista’ jiġġustifika li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ taqbeż il-limiti stabbiliti mir-regoli li jillimitaw il-missjoni tagħha għall-istħarriġ tal-legalità, imposti, b’mod partikolari, mir-rekwiżit tal-osservanza tal-istabbilità tas-sitwazzjoni legali msemmija fil-punti 94 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll minn dak tal-bilanċ istituzzjonali indikat fil-punt 90 ta’ dawn l-istess konklużjonijiet.

120.

Issa, il-konstatazzjoni ta’ difett ta’ motivazzjoni li jaffettwa deċiżjoni indirizzata lil destinatarju, anki jekk dak id-difett jikkostitwixxi illegalità gravi u li tista’ tivvizzja l-att ikkontestat kollu kemm hu, ma jidhirlix li jista’ jaqa’, fl-assenza ta’ ċirkustanzi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ dak l-att ( 66 ), taħt waħda mill-ipoteżijiet estremi li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala li jistgħu jiġġustifikaw li jinqabżu dawk il-limiti.

121.

Ċertament ir-rekwiżit ta’ legalità li jiena kklassifikajt bħala “rrinfurzata”, peress li tirrigwarda n-natura ta’ ordni pubbliku tar-regola miksura, jiġġustifika li l-qorti tikkonstata ex officio tali illegalità. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jiġġustifikax, fil-fehma tiegħi, li l-qorti tkun tista’ taqbeż il-fruntieri tas-setgħa tagħha, kif iddelimitati in concreto mit-talba għal protezzjoni ġudizzjarja mressqa minn rikorrent u kif speċifikat fit-talbiet tiegħu, u tippreġudika għaldaqstant in-natura definittiva miksuba fil-konfront ta’ dak mill-partijiet mid-deċiżjoni li ma ġewx ikkontestati.

122.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa d-destinatarju stess tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors li, billi jispeċifika fit-talbiet tiegħu l-portata tal-bżonn ta’ protezzjoni ġudizzjarja tiegħu, jiddetermina in concreto l-limiti tal-intervent tal-qorti.

123.

Taħt din il-perspettiva, il-fatt li l-qorti qajmet ex officio motiv ta’ ordni pubbliku ma jidhirlix li jista’ jiġġustifika t-tibdil ta’ dawn il-limiti matul l-istanza. Minn naħa, jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-qorti ma tistax tiddisponi mit-termini għall-preżentata ta’ rikors. Min-naħa l-oħra, motiv li seta’ fil-fatt jitressaq mir-rikorrent stess ma jikkostitwixxix element ġdid li jista’ jiġġustifika t-tibdil tat-talbiet ( 67 ). Huwa għal dawn ir-raġunijiet li t-tieni għażla, li jien semmejt fil-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma tikkonvinċinix.

124.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet u mill-punt 90 tas-sentenza appellata, l-eventwali tibdil tat-talbiet huwa suġġett għal rekwiżiti proċedurali stretti ħafna li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, BA ma ssodisfatx f’dan il-każ.

125.

Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat is-setgħat tagħha bħala limitati mit-talbiet imressqa minn BA fir-rikors tagħha meta hija siltet il-konsegwenzi tad-difett ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża li hija kkonstatat.

126.

Ċertament, f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, fejn ikun hemm kunflitt bejn il-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku u fejn ikun meħtieġ li wieħed jingħata prijorità fuq l-ieħor, ebda soluzzjoni ma tkun kompletament sodisfaċenti. Għaldaqstant, fil-kawża AssiDomän l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja wassal biex deċiżjoni vvizzjata b’illegalità, imma li saret definittiva kompliet tipproduċi l-effetti legali. F’din il-kawża, ikun hemm riżultat simili: il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li ma kinitx is-suġġett ta’ appell tkompli tipproduċi l-effetti legali minkejja l-illegalità tagħha. Madankollu, bħalma ġara fil-kawża AssiDomän, dan ir-riżultat ma jkun xejn ħlief il-konsegwenza tal-għażla ta’ BA li ma tikkontestax dik il-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża.

127.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ ukoll li jiġu analizzati fil-qosor l-argumenti l-oħra invokati minn BA, li ma jippreġudikawx is-soluzzjoni li nipproponi jien.

128.

L-ewwel nett, ma nemminx li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali wassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, ma hemmx dubju li BA ma kinitx fl-istess sitwazzjoni bħal dik tat-trasportaturi l-oħra li kkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża u li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali ppronunzjat l-annullament sħiħ ta’ dik id-deċiżjoni. B’kuntrast ma’ BA, dawn kienu, fil-fatt, talbu kollha kemm huma fit-talbiet tagħhom l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kontenzjuża.

129.

Għal dak li jikkonċerna mbagħad il-proċeduri għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, li l-Qorti Ġenerali semmiet fil-punti 39 sa 42 tas-sentenza appellata, ma nemminx li huma jistgħu b’xi mod jiġġustifikaw li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi ultra petita. Fil-fatt, l-eventwali konstatazzjoni ta’ responsabbiltà fid-dritt ċivili għad-danni kkawżati mill-aġir antikompetittiv ta’ rikorrent ma tistax, bħala prinċipju, ikollha rwol fl-eżerċitar tal-kompetenzi li l-qorti tal-Unjoni tislet mill-Artikolu 263 TFUE.

130.

Fl-aħħar nett, l-argument ta’ BA, imsemmi fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jikkonċerna l-eventwali tħassib fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, lanqas ma jista’ jkun invokat biex jiġġustifika eċċezzjoni għal-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti li tiddeċiedi ultra petita. F’dan ir-rigward, min-naħa, jekk parti tippreżenta talbiet li bl-ebda mod ma huma kkorroborati mill-motivi mressqa fir-rikors tagħha, dawn it-talbiet jiġu sempliċement miċħuda. Min-naħa, hija l-portata tat-talba (u għaldaqstant il-portata tal-annullament mitlub) li jiddefinixxi l-petitum u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-motivi mressqa insostenn tat-talbiet humiex fondati jew le. Għaldaqstant, anki jekk il-motivi mressqa insostenn tat-talba għal annullament ma humiex fondati, il-qorti tista’ perfettament tannulla l-att ikkontestat, fil-limitu tal-petitum, jekk hija tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku li jinvolvi l-annullament tal-att inkwistjoni.

131.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel aggravju ta’ BA għandu jiġi miċħud.

C. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta

1.  Sinteżi tal-argument tal-partijiet

132.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, BA ssostni li, anki kieku kellu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq il-prinċipju ne ultra petita, hija, bil-fatt li llimitat il-portata tal-annullament għat-talbiet ifformulati fir-rikors, kisret fi kwalunkwe każ il-prinċipju, ġerarkikament superjuri, ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

133.

Skont BA, jirriżulta mill-ġurisprudenza kemm tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 68 ) kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 69 ), li l-imsemmi prinċipju jeżiġi stħarriġ sħiħ u totali, fid-dritt u fil-fatt ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona l-aġir li jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni. Dan l-istħarriġ għandu wkoll jinkludi s-setgħa li tannulla dik id-deċiżjoni.

134.

BA tosserva li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ċerti inkoerenzi li jaffettwaw id-deċiżjoni kontenzjuża u rrikonoxxiet li dawn l-inkoerenzi kienu ppreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tagħha u kienu pprekludew lill-qorti milli twettaq l-istħarriġ tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tislet il-konsegwenzi neċessarji minn dawn il-konstatazzjonijiet fid-dispożittiv tas-sentenza appellata. B’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawn l-inkoerenzi joħolqu problemi partikolarment kbar fil-proċeduri nazzjonali għad-danni li jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża.

135.

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju ta’ BA huwa infondat.

2.  Analiżi

136.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ ġudizzjarju previst mit-trattati fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jissanzjonaw aġir antikompetittiv, ‐ stħarriġ li jikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 70 ), ma huwiex kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 71 ).

137.

Madankollu hija rrilevat li dan il-prinċipju jippreżumi li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ, sħiħ u totali, kemm tal-liġi kif ukoll tal-fatti fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u li hija għandha s-setgħa, b’mod partikolari, li tannulla dik id-deċiżjoni ( 72 ).

138.

F’dan l-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija tat-tip kontradittorja u li, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija obbligata li tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija r-rikorrenti li għandha tqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u tressaq il-provi insostenn ta’ dawn il-motivi ( 73 ).

139.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-qorti tal-Unjoni, li ċertament għandha l-obbligu li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt, għandha tagħmel, ex officio, investigazzjoni kompletament ġdida tal-każ ( 74 ).

140.

Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bl-ebda mod ma huwa affettwat mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni li jikkonċernaw it-termini tal-proċedura, li jirriflettu r-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ( 75 ). Fil-fatt, l-imsemmija raġunijiet ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw li t-termini għall-preżentata ta’ rikors jitqiesu bħala limitazzjoni inerenti għad-dritt ta’ aċċess għall-qorti ( 76 ).

141.

Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza li għadni kif fakkart li, għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ sħiħ u totali, kemm tad-dritt u kif ukoll tal-fatti, fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jissanzjonaw aġir antikompetittiv li l-legalità tagħhom hija kkontestata quddiemha, l-effettività ta’ dak l-istħarriġ ġudizzjarju ma jipprekludix li dak l-eżerċizzju jkun imdawwar b’ċerti regoli ta’ proċedura li taqdi d-diversi eżiġenzi tal-prinċipju.

142.

Għaldaqstant, minn naħa, jirriżulta min-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni u mill-fatt li ma hijiex indispensabbli l-eżistenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kkontestata biex ikun irrispettat id-dritt iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li hija kompatibbli ma’ dan id-dritt sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju bbażat fuq il-prinċipju dispożittiv li fil-kuntest tiegħu huma l-partijiet li għandhom jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża mingħajr ma l-qorti tkun tista’ taqbeż il-limiti indikati minnhom. Għaldaqstant, ma huwiex kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-istħarriġ sħiħ u totali, li l-qorti tal-Unjoni għandha tagħmel, u li jimplika s-setgħa li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ikun limitat mit-talbiet tal-partijiet kif ifformulati fit-talbiet tagħhom.

143.

Min-naħa l-oħra, peress li d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex affettwat mill-applikazzjoni stretta tar-regoli fil-qasam tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, ir-rispett ta’ dan id-dritt bl-ebda mod ma jimplika li, biex tiġi ggarantita lill-partijiet l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tagħhom, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, b’eċċezzjoni għall-imsemmija regoli ( 77 ), li testendi l-portata tat-talbiet tagħhom lil hinn mit-talbiet tagħhom, billi twessa’ l-portata tal-istħarriġ tagħha lil hinn mill-kawża li tkun ġiet quddiemha, u dan anki fil-każijiet fejn l-imsemmi qorti tqajjem ex officio portata ta’ ordni pubbliku u/jew tikkonstata ksur tad-drittijiet tad-difiża.

144.

Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li l-osservanza tar-rispett tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma kinitx tobbliga lill-Qorti Ġenerali li tmur lil hinn mit-talbiet ifformulati minn BA u li għaldaqstant it-tieni aggravju ta’ BA għandu jiġi miċħud.

145.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-appell ta’ BA għandu jkun miċħud kollu kemm hu.

V. Fuq l-ispejjeż

146.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

147.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel tagħha l-evalwazzjonijiet tiegħi li jikkonċernaw l-appell ta’ BA, din titlef l-appell tagħha. Peress li l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil BA għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

VI. Konklużjoni

148.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil mod kif ġej:

L-appell huwa miċħud.

British Airways plc hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988.

( 3 ) Deċiżjoni li tirrigwarda proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru).

( 4 ) It-talba għall-immunità ġiet ippreżentata skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

( 5 ) L-aġir issanzjonat kien jirrigwarda kuntatti antikompetittivi li jikkonċernaw is-“sovrataxxa tal-karburant”, is-“sovrataxxa tas-sigurtà” u l-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi (ara l-punt 5 tas-sentenza appellata).

( 6 ) B’mod iktar speċifiku, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, BA talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu hija kienet ikkonstatat il-parteċipazzjoni tagħha fir-rifjut tal-ħlas tal-kummissjonijiet, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni bejn it-22 ta’ Jannar 2001 u l-1 ta’ Ottubru 2001, il-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur għal dak li jikkonċerna lil Ħong Kong, il-Ġappun, l-Indja, it-Tajlandja, Singapor, il-Korea t’Isfel u l-Brażil kif ukoll inkwantu timponilha multa.

( 7 ) Fl-istess jum tal-għoti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati minn trasportaturi implikati oħra li kienu intiżi wkoll li jikkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża. F’kull waħda minn dawk is-sentenzi l-Qorti Ġenerali annullat kompletament id-deċiżjoni inkwantu kienet tikkonċerna l-kumpannija tal-ajru li ppreżentat ir-rikors inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il‑Kummissjoni, T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994).

( 8 ) Punt 29 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ara l-punti 41 sa 70 tas-sentenza appellata. B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu jiddeskrivu ksur wieħed uniku u kontinwu, li jirrigwarda l-kuntatti koperti mill-akkordju, li t-trasportaturi kollha implikati kienu pparteċipaw fih, id-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni setgħat tingħata żewġ interpretazzjonijiet differenti: (ara, b’mod iktar speċifiku, il-punt 61 tas-sentenza appellata).

( 10 ) Punti 71 sa 74 tas-sentenza appellata.

( 11 ) Punti 76 sa 85 tas-sentenza appellata.

( 12 ) Punti 87 u 88 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Punt 92 u l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

( 14 ) L-Artikolu 168(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiddisponi, b’mod partikolari, li l-Artikolu 122(1) tal-istess regoli japplika għall-appell. Skont din l-aħħar dispożizzjoni “[j]ekk ikun il-każ, mar-rikors għandhom jiġu annessi d-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea]”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ dan l-istatut jipprovdi li r-rikors “għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament”.

( 15 ) Ara l-Artikolu 112(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Ġunju 1991, li kienu fis-seħħ sal-31 ta’ Ottubru 2012.

( 16 ) Artikolu 190(1) u Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 17 ) Ara l-punti 72 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Għaldaqstant, bħala eżempju u mingħajr ma nkun eżawrjenti, teżisti, f’ċerti lingwi, l-istess bħal-lingwa Franċiża, korrispondenza terminoloġika bejn it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jużaw, kollha kemm huma, l-istess kelma, “Anträgen” fil-lingwa Ġermaniża, il-kelma “conclusioni” fil-lingwa Taljana, il-kelma “pretensiones” fil-lingwa Spanjola, il-kelma “nõue” fil-lingwa Estonjana u l-kelma “prasījumi” fil-lingwa Latvjana. F’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, madankollu, ma hemmx tali korrispondenza lingwistika u l-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut ma fihiex referenza espressa għall-kelma ekwivalenti għall-kelma Franċiża “conclusions” użata fir-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, biex tittraduċi l-kunċett ta’ “telf”, il-verżjoni bil-lingwa Olandiża ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 ma jirreferix għal “conclusies”, dik bil-lingwa Daniża ma tirreferix għal “påstande”, dik bil-lingwa Griega ma tirreferix għal “αιτήματα”, dik bil-lingwa Svediża ma tirreferix għal “yrkanden” u dik bil-lingwa Portugiża ma tirreferix għal “pedidos”.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Skont ġurisprudenza stabbilita t-talbiet fir-rikors promotur għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jevitaw li l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi ultra petita jew fil-fatt tonqos milli tiddeċiedi fuq xi lment. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni (C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Għaldaqstant, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, bħala prinċipju, parti ma tistax, waqt l-istanza, tbiddel is-suġġett stess tal-kawża u li l-fondatezza tar-rikors għandha tkun eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jkunu jinsabu fir-rikors promotur. Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑543/08, EU:C:2010:669, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1979, GEMA vs Il‑Kummissjoni (125/78, EU:C:1979:237, punt 26).

( 22 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni (14/81, EU:C:1982:76, punt 8); tat-8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il‑Kummissjoni (83/63, EU:C:1965:70 punt 2), u tal-14 ta’ Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (103/85, EU:C:1988:398, punt 11). L-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkostitwixxi tali element ġdid (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 15 sa 20).

( 24 ) Il-ġurisprudenza kkunsidrat att, li kien adottat wara l-preżentata ta’ rikors, u li kellu l-istess suġġett tal-att ikkontestat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrenti tadatta t-talbiet u motivi tagħha (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, EU:C:1982:76, punt 8, u tal-14 ta’ Lulju 1988, Stahlwerke Peine-Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, 103/85, EU:C:1988:398, punt 11).

( 25 ) Għalhekk, fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1976, Kampffmeyer et vs KEE (56/74 sa 60/74, EU:C:1976:78, punti 6 sa 9), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-preżentata ta’ talbiet ulterjuri biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ danni sofferti.

( 26 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Compagnie des hauts fourneaux de Chasse vs L‑Awtorità Għolja (33/59, EU:C:1962:43, p. 736), kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (46/59 u 47/59, EU:C:1962:44, p. 803). Ara, ukoll il-punt 90 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 15 sa 20).

( 28 ) Ara l-punt 40 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al‑Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45).

( 30 ) Deċiżjonijiet li jinsabu, rispettivament, fil-punti 87, 88, 90 u 91 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju li, inkwantu d-difett ta’ motivazzjoni kkonstatat irrendiet invalida d-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi (ħaġa li hija murija mill-fatt li, fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru l-oħrajn li kkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ppronunzjat l-annullament totali, ibbażat fuq l-istess difett ta’ motivazzjoni kkonstatat għal BA), kieku l-Qorti Ġenerali ma ħassithiex limitata mill-prinċipju ne ultra petita u ma kinitx ċaħdet it-talba għat-tibdil tat-talbiet ta’ BA, hija kienet tannulla d-deċiżjoni kollha kemm hi, ħaġa li kienet taffettwa l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

( 31 ) Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni (C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 44), kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Al‑Aqsa (C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Bosch (135/77, EU:C:1978:75, punt 4), kif ukoll tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni (97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27).

( 33 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punti 97 u 98).

( 34 ) Bħalma hija talba ġdida għad-danni (ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1993, Il‑Parlament vs Frederiksen, C‑35/92 P, EU:C:1993:104, punti 34 sa 36), jew talba għal annullament kontra atti differenti tal-att ikkontestat (ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑273/99 P, EU:C:2001:126, punti 18 sa 20).

( 35 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407).

( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2015:482, punt 35).

( 38 ) Ara, ex multis, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerinavs Il‑Kummissjoni (C‑240/03 P, EU:C:2006:44, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 146) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Total vs Il‑Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:207, punti 58 u 59). Il-prinċipju dispożittiv jiġi espress f’diversi regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, u b’mod partikolari fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li skonthom il-qrati tal-Unjoni jkollhom quddiemhom rikors li għandu jindika, inter alia, is-suġġett tal-kawża, it-talbiet u espożizzjoni qasira tal-motivi invokati.

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Vedial vs UASI (C‑106/03 P, EU:C:2004:457, punt 28). Ara wkoll, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 20 u 21). Ġie rrilevat ukoll li l-prinċipju dispożittiv huwa intiż ukoll li jipproteġi d-drittijiet tad-difiża u li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jipproteġihom minn dewmien inerenti għall-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Duarte Hueros, C‑32/12, EU:C:2013:128, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Diġà ġie osservat li l-prinċipju dispożittiv u r-regola ne ultra petita jistgħu jkollhom portata differenti fil-proċeduri ta’ dritt ċivili u f’dik ta’ dritt pubbliku. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2015:482, punt 36).

( 42 ) Il-qorti tal-Unjoni tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni wkoll fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fuq il-validità jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. Dawn il-proċeduri bl-ebda mod ma jikkostitwixxu proċeduri li din il-qorti tista’ tqajjem ex officio.

( 43 ) B’mod koerenti ma’ dan l-approċċ, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-atti tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali anki jekk ivvizzjati b’irregolarità, sakemm ma jkunux ġew annullati wara li jintlaqa’ rikors għal annullament jew irtirati jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara -Artikolu 13(2) TFUE. Ara, wkoll, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:172, punt 150).

( 47 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Ara, ex multis, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 61).

( 50 ) L-annullament parzjali ta’ partijiet mill-att li huma inseparabbli mill-bqija tal-att huwa impossibbli u għaldaqstant talba f’dan is-sens hija inammissibbli. Ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑244/03, EU:C:2005:299, punti 20 u 21).

( 51 ) Dawn il-prinċipji ma jistgħux madankollu jippreġudikaw l-ammissibbilta, f’dan il-każ, tat-talbiet ta’ BA f’każ li jintlaqa’ l-appell li jikkorrispondu għat-talba għat-tibdil tat-talbiet miċħuda espliċitament mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u li jikkostitwixxu l-konsegwenza legali neċessarja tal-eventwali lqugħ tal-appell tagħha (ara l-punti 66 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 52 ) Bħalma huma l-każijiet fortuwiti jew il-force majeure, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ara f’dan ir-rigward, ex multis, id-digriet tat-12 ta’ Lulju 2016, Vichy Catalán vs EUIPO (C‑399/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:546, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Għaldaqstant, pereżempju, skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tal-Unjoni tista’ tqajjem ex officio n-nuqqas manifest ta’ kompetenza tagħha jew in-natura manifestament inammissibbli ta’ rikors (ara wkoll l-Artikolu 181 ta’ dawn ir-regoli). Skont l-Artikolu 150 tal-istess regoli, l-imsemmi qorti tista’ tqajjem ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

( 54 ) Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni tista’ tqajjem ex officio, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56), il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-irregolaritajiet li jaffettwaw il-forma tal-att jew il-proċedura segwita, u li jippreġudikaw id-drittijiet tat-terzi jew tal-persuni msemmija f’dak l-att jew li jistgħu jaffettwaw il-kontenut tal-imsemmi att bħalma huwa n-nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Solvay, C‑287/95 P u C‑288/95 P, EU:C:2000:189, punt 55), in-nuqqas ta’ notifika (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, C‑227/92 P, EU:C:1999:360, punt 72), kif ukoll in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-att (ara, ex multis, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 34 u 35).

( 55 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:298, punt 64). F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li, f’dawk il-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Bot kien ippreċiża, ftit paragrafi qabel, li, peress li t-tilwima tiġi ddefinita u ddelimitata mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni “ma għandhiex teċċedi t‑talbiet li l‑partijiet jippreżentaw quddiemha” (ara l-punt 59).

( 56 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:3, punti 67 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 57 ) Ara l-punti 141 u 142.

( 58 ) Għaldaqstant, f’sentenza fil-qasam tas-servizz pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ddeċidiet fuq l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament parzjali, iddeċidiet li, “[…] meta annullat l-att kollu kemm hu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ultra petita meta l-motiv immirat kontra d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax l-ordni pubbliku” (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni, 37/71, EU:C:1972:57, punt 12); filwaqt li bbaża ruħu fuq din is-sentenza, l-Avukat Ġenerali Tesauro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża TWD vs Il‑Kummissjoni (C‑355/95 P, EU:C:1996:483, punt 24) ikkunsidra li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik il-kawża, kienet qajmet ex officio motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, hija setgħat tannullahom anki billi tmur lil hinn mit-talba għal annullament parzjali ppreżentata mir-rikorrenti.

( 59 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 50 sa 62).

( 60 ) Ara, b’mod parikolari, il-punti 52 sa 62 tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:407).

( 61 ) Fil-fatt, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-kawża AssiDomän kien ibbażat fuq diversi ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll fuq nuqqas ta’ prova ta’ ċerti aġir antikompetittiv (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punti 52, 127, 138, 147, 154 u 167). Fuq l-assenza ta’ natura ta’ ordni pubbliku tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:3, punti 60 et seq u speċifikament il-punt 93).

( 62 ) Jew, biex nirriproduċi l-espressjoni “kkulurita” użata mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Jannar 1999, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, EU:C:1999:36), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet l-“inġustizzja” fuq id-“diżordni” (punt 1).

( 63 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il‑Kummissjoni (15/85, EU:C:1987:111, punt 10), kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247; punt 49). Għal applikazzjoni in concreto ta’ dawn il-prinċipji, ara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il‑Kummissjoni vs Franza (6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68, punti 11 sa 13), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat l-eventwali ineżistenza tal-att ikkontestat anki wara t-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

( 64 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 50).

( 65 ) Ara, ex multis, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) B’mod iktar partikolari, f’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-evidenza hija nieqsa, ħaġa li hija murija mill-fatt li BA ma identifikatx dan id-difett u ma qajmitux fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku l-att kien totalment nieqes mill-motivazzjoni; ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1957, Société des usines à tubes de la Sarre vs L‑Awtorità l-Għolja (1/57 u 14/57, EU:C:1957:13, p. 220).

( 67 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 68 ) Qorti EDB, 27 ta’ Settembru 2011, Menarini Diagnostics Srl vs L‑Italja, Nru 43509/08.

( 69 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815), kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816).

( 70 ) Regolament tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 71 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 67) kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 63).

( 72 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 67) kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punti 133136).

( 73 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 64) kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni (C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 131). Ara wkoll, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 61).

( 74 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċmebru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 66).

( 75 ) Digriet tat-22 ta’ Ottubru 2010, Seacid vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑266/10 P, EU:C:2010:629, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2013, Ellinika Nafpigeia u 2. Hoern vs Il‑Kummissjoni (C‑616/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:884, punt 31).

( 77 ) Ara l-punti 43 u 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.