KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2017 ( *1 )

Kawża C‑93/16

Ornua Co-operative Limited, li qabel kienet The Irish Dairy Board

Co-operative Limitedvs

Tindale & Stanton Ltd España SL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Karattru unitarju – Artikolu 1 – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Ħsara għar-reputazzjoni – Artikolu 9(1)(b) u (c) – Trade marks kunfliġġenti li jinkludu indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Koeżistenza paċifika tat-trade marks kunfliġġenti f’parti mit-territorju tal-Unjoni”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima li nħolqot minn kunflitt bejn is-sinjali KERRYGOLD u KERRYMAID. Għalkemm is-sinjali inkwistjoni, li huma rispettivament protetti bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea u bħala trade marks nazzjonali, ilhom iktar minn għoxrin sena jikkoeżistu b’mod paċifiku fl-Irlanda u fir-Renju Unit, din it-tilwima, li hija pendenti quddiem qorti Spanjola adita bħala qorti għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, tirrigwarda kunflitt bejn dawn iż-żewġ sinjali fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni Ewropea.

2.

Il-kuntest partikolari ta’ din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ( *2 ). Dan ser jinvolvi b’mod partikolari li jiġi speċifikat kif l-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-ħsara għar-reputazzjoni, skont l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( *3 ), għandu jinkludi żewġ aspetti, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li t-trade marks kunfliġġenti jikkoeżistu b’mod paċifiku f’parti mit-territorju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn jinkludu indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika ( *4 ).

Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jiddisponi:

“It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett [fl-Unjoni] kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward [tal-Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

4.

L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

[…]

(b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

(c)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea].”

5.

L-Artikolu 12 tal-istess regolament jipprovdi:

“It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ:

[…]

(b)

indikazzjonijiet li jirrigwardaw […] l-oriġini ġeografiku […],

[…]

sakemm dan l-użu jsir f’konformità mal-użi tajba fl-oqsma industrijali u kummerċjali.”

Il-kawża prinċipali

6.

Il-kumpannija Irlandiża Ornua Co-operative Limited, li qabel kienet The Irish Dairy Board Co-operative Limited (iktar ’il quddiem “Ornua”) hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea KERRYGOLD, li ġiet irreġistrata fl-1998, kif ukoll taż-żewġ trade marks figurattivi li jinkludu l-istess element verbali, li ġew irreġistrati rispettivament fl-1998 u fl-2011, għal prodotti tal-ikel (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“trade marks KERRYGOLD”).

7.

Il-kumpannija Spanjola Tindale & Stanton Ltd España SL (iktar ’il quddiem “T&S”) timporta u tqassam fi Spanja, taħt is-sinjal KERRYMAID, il-prodotti tal-ħalib ta’ Kerry Group plc.

8.

Kerry Group huwa l-proprjetarju tat-trade marks nazzjonali verbali KERRYMAID, li ġew irreġistrati fl-Irlanda u fir-Renju Unit.

9.

Fid-29 ta’ Jannar 2014, Ornua ressqet proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra T&S quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Alicante (qorti tal-kummerċ ta’ Alicante, bħala qorti għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, Spanja) fir-rigward tal-vjolazzjoni allegata tat-trade marks KERRYGOLD minħabba l-użu tas-sinjal KERRYMAID. Din l-azzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

10.

Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors minħabba li l-uniku xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kien jirriżulta mill-element komuni “Kerry”, li jirreferi għall-kontea Irlandiża magħrufa għat-trobbija tal-baqar, u minħabba li kien paċifiku li, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, dawn it-trade marks kienu jikkoeżistu b’mod paċifiku.

11.

Fil-fatt, skont dik il-qorti, il-konsegwenzi tal-koeżistenza paċifika f’dawn iż-żewġ Stati Membri għandha, fid-dawl tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, tiġi estiża għall-Unjoni kollha. Għall-istess raġuni, ma jistax ikun hemm vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks invokati, peress li s-sinjal KERRYMAID fi Spanja jintuża għall-finijiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li ilu, għal ħafna snin, jiġi kkummerċjalizzat fi Stati Membri oħra mingħajr oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks KERRYGOLD.

12.

Ornua appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

13.

Il-qorti tar-rinviju tindika li t-trade marks KERRYGOLD għandhom reputazzjoni fl-Unjoni kollha. Din tosserva li l-proprjetajru ta’ dawn it-trade marks jirrikonoxxi l-koeżistenza paċifika tagħhom mat-trade mark KERRYMAID unikament fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk dubji dwar jekk dan il-fatt għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-ħsara għar-reputazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni.

Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ġaladarba l-Artikolu 9(1)(b) tar-[Regolament Nru 207/2009], jirrikjedi li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni sabiex il-proprjetarju tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] jkun jista’ jipprojbixxi lil terz l-użu ta’ sinjal fir-relazzjonijiet ekonomiċi [fil-kummerċ] mingħajr il-kunsens tiegħu, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-istess regolament, dan l-artikolu jista’ jiġi interpretat f’sens li jippermetti l-esklużjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni meta t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tkun ikkoeżistiet b’mod paċifiku, bit-tolleranza tal-proprjetarju, għal snin f’żewġ Stati Membri tal-Unjoni bi trade marks nazzjonali li jixxiebhu, b’tali mod li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dawn iż-żewġ Stati Membri tista’ tiġi estiża għal Stati Membri oħra, jew għall-Unjoni kollha, fid-dawl tat-trattament unitarju li timponi t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea]?

2)

Fiċ-ċirkustanza prevista fid-domanda preċedenti, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi ġeografiċi, demografiċi, ekonomiċi jew ta’ natura oħra, tal-Istati li fihom irriżultat il-koeżistenza, għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, b’tali mod li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fl-imsemmija Stati tkun tista’ tiġi estiża għal Stat Membru ieħor jew għall-Unjoni kollha?

3)

Fir-rigward taċ-ċirkustanza prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tar-[Regolament Nru 207/2009], l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ ċirkustanza li fiha t-trade mark preċedenti tkun ikkoeżistiet mas-sinjal kunfliġġenti matul numru speċifiku ta’ snin f’żewġ Stati Membri tal-Unjoni mingħajr oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, l-imsemmija tolleranza tal-proprjetarju fir-rigward tal-użu tas-sinjal sussegwenti f’dawn iż-żewġ Stati b’mod partikolari tista’ tiġi estiża għall-kumplament tat-territorju tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx sar użu b’raġuni valida ta’ sinjal sussegwenti mit-terzi, fid-dawl tat-trattament unitarju li timponi t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea]?”

15.

Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2016. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

16.

Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki, li din wieġbet għaliha fit-12 ta’ Diċembru 2016. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit-18 ta’ Jannar 2017.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

17.

Din it-tilwima teżiġi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward ta’ żewġ aspetti.

18.

Minn naħa, peress li ż-żewġ trade marks kunfliġġenti jikkoeżistu b’mod paċifiku fl-Irlanda u fir-Renju Unit, permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar x’konklużjoni għandha tinsilet minn dan il-fatt għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-ħsara għar-reputazzjoni fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

19.

Min-naħa l-oħra, din it-tilwima ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ analiżi ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade marks li jinkludu l-istess indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika ( *5 ).

20.

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kelma “Kerry” li hija komuni għaż-żewġ trade marks kunfliġġenti hija l-isem ta’ kontea Irlandiża magħrufa għat-trobbija tal-baqar. Ir-rilevanza ta’ dan l-aspett, li ma huwiex espliċitament imsemmi fid-domandi preliminari, ġiet ikkonfermata permezz ta’ talba għal kjarifiki indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju, filwaqt li l-persuni kkonċernati setgħu jesprimu ruħhom b’mod utli dwar dan is-suġġett matul is-seduta. Għaldaqstant, għandha tiġi estiża l-portata tad-domandi preliminari fuq dan l-aspett, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita li tawtorizza tali proċess sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( *6 ).

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-każ ta ’ koeżistenza paċifika tat-trade marks kunfliġġenti f’parti mit-territorju tal-Unjoni

21.

Permezz tat-tliet domandi preliminari, li qiegħed nipproponi li jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, u, jekk ikun il-każ, kif, il-fatt li t-trade marks kunfliġġenti jikkoeżistu b’mod paċifiku f’parti mit-territorju tal-Unjoni jistax jinfluwenza l-analiżi tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u ta’ ħsara għar-reputazzjoni, skont l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

22.

Qabelxejn nosserva li l-koeżistenza paċifika tat-trade marks kunfliġġenti huwa aspett relattivament ftit żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23.

Fir-rigward tal-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali probabbiltà min-naħa tal-pubbliku rilevanti għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li huma rilevanti għall-każ inkwistjoni ( *7 ).

24.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma jistax jiġi eskluż li l-koeżistenza paċifika ta’ trade marks f’suq partikolari tista’ eventwalment tikkontribwixxi, flimkien ma’ elementi oħrajn, għat-tnaqqis tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom ( *8 ).

25.

Din il-kunsiderazzjoni li tali koeżistenza għandha mhux biss tkun paċifika, iżda għandha wkoll tkun ibbażata fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti, daħlet ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni ( *9 ).

26.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex il-possibbiltà li tispeċifika l-kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “koeżistenza paċifika”, jirriżulta madankollu minn din il-ġurisprudenza li l-koeżistenza paċifika tat-trade marks kunfliġġenti fis-suq ikkonċernat tikkostitwixxi element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

27.

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-koeżistenza bejn it-trade marks kunfliġġenti, li tkun paċifika u għal żmien twil, hija ta’ natura li teskludi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-suq ikkonċernat fl-Irlanda u fir-Renju Unit.

28.

Dan id-dibattitu huwa ffokat għalhekk fuq il-kwistjoni dwar jekk dan il-fatt għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali probabbiltà fi Spanja, it-territorju li fuqu twettqet l-allegata vjolazzjoni, kif ukoll fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni.

29.

Ornua tikkunsidra li, sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, il-koeżistenza paċifika għandha tiġi stabbilita fit-territorju kollu tal-Unjoni. Din il-kunsiderazzjoni tirriżulta, fil-fehma tagħha, mill-prinċipju ta’ karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-fatt li l-effett ta’ tali trade mark jestendi għat-territorju kollu tal-Unjoni. Skont Ornua, il-koeżistenza f’parti mit-territorju tal-Unjoni ma tippermetti li tinsilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-bqija ta’ dan it-territorju.

30.

Din l-interpretazzjoni hija kondiviża, essenzjalment, mill-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż. Il-Kummissjoni tindika wkoll li l-koeżistenza paċifika bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha bħala prinċipju tiġi pprovata fit-territorju kollu li fih jitwettaq il-ksur allegat u, konsegwentement, fir-rigward tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, fit-territorju kollu tal-Unjoni. Hija żżid, madankollu, li ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni fit-territorju li fih jikkoeżistu t-trade marks kunfliġġenti tista’ tipprovdi informazzjoni utli għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fi swieq oħrajn.

31.

Nosserva li interpretazzjoni simili, li teżiġi li tiġi pprovata l-koeżistenza paċifika fit-territorju kollu tal-Unjoni, tirriżulta wkoll mill-prassi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fir-rigward tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ( *10 ), li ġiet ivvalidata mill-Qorti Ġenerali ( *11 ). Skont dan l-approċċ, jekk il-probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti potenzjalment fit-territorju kollu tal-Unjoni, minħabba l-portata tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bis-saħħa tal-koeżistenza għandha, min-naħa tagħha, tkun stabbilita fit-territorju kollu tal-Unjoni.

32.

T&S tipproponi interpretazzjoni differenti u tikkunsidra li l-koeżistenza paċifika tikkostitwixxi element rilevanti anki meta tirrigwarda biss parti mit-territorju tal-Unjoni. Fil-fehma tagħha, meta t-trade marks kunfliġġenti jkunu kkoeżistew f’parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni mingħajr ħolqien ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jista’ jiġi konkluż li tali probabbiltà ma teżisti f’ebda parti mill-Unjoni.

33.

L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ pożizzjonijiet, li huma radikalment opposti għal xulxin, ma tikkonvinċini.

34.

Is-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija bbażata, ċertament, fuq il-prinċipju tal-karattru unitarju ta’ din it-trade mark, li jeżiġi l-protezzjoni uniformi tagħha fit-territorju kollu tal-Unjoni.

35.

Mill-karatteristiċi tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta, madankollu, li, f’ċerti sitwazzjonijiet, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ta’ sinjal mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ma twassalx għal riżultat uniku, li jkun validu għat-territorju kollu tal-Unjoni.

36.

Fis-sentenza combit Software, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju tal-karattru unitarju la jipprekludi li qorti għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonstata li l-użu ta’ sinjal joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea f’parti mit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li ma joħloqx tali probabbiltà f’parti oħra mill-Unjoni, u lanqas ma jipprekludi li dik il-qorti tislet il-konklużjonijiet ta’ din il-konstatazzjoni, billi tippronunzja, b’mod eċċezzjonali u fuq il-bażi tal-provi prodotti bħala prinċipju mill-konvenut, ordni ta’ waqfien territorjalment limitata ( *12 ).

37.

Fil-fatt, meta jiġi kkonstatat li ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni f’ parti partikolari mill-Unjoni, il-kummerċ leġittimu li jirriżulta mill-użu tas-sinjal inkwistjoni f’din il-parti mill-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit ( *13 ).

38.

Minn din l-istess sentenza jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-ksur tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’, b’mod eċċezzjonali, tkun territorjalment limitata. Minn dan jirriżulta wkoll li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti f’parti mit-territorju tal-Unjoni ma jeskludix il-konstatazzjoni ta’ tali probabbiltà f’parti oħra minn dan it-territorju.

39.

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni T&S, anki jekk jiġi stabbilit, permezz tal-argument ibbażat fuq il-koeżistenza paċifika, li l-użu tat-trade marks kunfliġġenti ma joħloq l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fl-Irlanda u fir-Renju Unit, dan il-fatt biss ma jipprekludix il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali probabbiltà f’parti oħra mill-Unjoni.

40.

Madankollu, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża minn Ornua, fil-fehma tiegħi, lanqas ma jirriżulta li l-koeżistenza paċifika f’parti mit-territorju tal-Unjoni hija irrilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea.

41.

L-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, f’tilwima li tirrigwarda l-ksur tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, teżiġi analiżi globali tal-fatturi rilevanti kollha li huma potenzjalment marbuta mat-territorju kollu tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, ir-rilevanza ta’ element ma tistax tiġi eskluża minħabba l-fatt biss li dan jirreferi għas-sitwazzjoni prevalenti f’parti biss mit-territorju tal-Unjoni.

42.

Il-koeżistenza paċifika taż-żewġ trade marks fuq livell nazzjonali tista’ tirriżulta minn diversi ċirkustanzi. Ma jistax jiġi eskluż f’dan ir-rigward li l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti mit-territorju tal-Unjoni fejn it-trade marks ikkonċernati ntużaw għal żmien twil u b’mod intensiv tista’ tkun indikattiva tal-assenza ta’ tali probabbiltà f’partijiet oħra mill-Unjoni, meta l-kundizzjonijiet tas-suq u l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ma jvarjawx b’mod sinjifikattiv ( *14 ).

43.

Għalhekk, meta, bħal f’dan il-każ, ikun stabbilit li l-użu tas-sinjali inkwistjoni ma joħloqx probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti mit-territorju tal-Unjoni fejn dawn is-sinjali jkunu ilhom jikkoeżistu b’mod paċifiku għal ħafna żmien, dan l-element jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’żoni oħrajn ta’ kunflitt potenzjali.

44.

Naħseb li din setgħet kienet l-intenzjoni tal-qorti Spanjola tal-ewwel istanza, meta din indikat li l-uniku xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kien jirriżulta mill-indikazzjoni ġeografika “Kerry” u li, barra minn hekk, dawn it-trade marks kienu kkoeżistew b’mod paċifiku fl-Irlanda u fir-Renju Unit, b’tali mod li ma kien hemm l-ebda raġuni li jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ T&S tista’ toħloq konfużjoni f’parti oħra tal-Unjoni.

45.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem ( *15 ), il-fatt li t-trade marks kunfliġġenti jinkludu indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika, jiġifieri r-riferiment għall-kontea Irlandiża, li tista’ tkun waħda miċ-ċirkustanzi li jispjegaw il-koeżistenza paċifika fl-Irlanda u fir-Renju Unit, jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-livell tal-Unjoni.

46.

Ċertament, kif ġustament josservaw il-Gvern Ġermaniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, il-koeżistenza paċifika f’ċerti Stati Membri ma tistax tiġi estiża għall-bqija tal-Unjoni. Tali estensjoni awtomatika għandha tiġi eskluża. Jibqa’ l-fatt li, fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkustanzi relatati mal-koeżistenza paċifika f’parti mit-territorju tal-Unjoni jistgħu jkunu indizju rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fl-Unjoni kollha.

47.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis għalhekk li l-koeżistenza paċifika tas-sinjali kunfliġġenti f’parti mit-territorju tal-Unjoni tikkostitwixxi element li, mingħajr ma huwa deċiżiv, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea f’parti oħra minn dan it-territorju, skont l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

48.

L-istess kunsiderazzjoni tapplika, fil-fehma tiegħi, għall-analiżi msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, li tistabbilixxi protezzjoni iktar wiesgħa għat-trade marks li għandhom reputazzjoni.

49.

Il-konstatazzjoni dwar wieħed mill-atti ta’ ksur tal-karattru distintiv jew tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti msemmija minn din id-dispożizzjoni għandha tkun ibbażata b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, li tirriżulta minn ċertu livell ta’ xebh bejniethom. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata b’mod globali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni, li jinkludu l-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku ( *16 ).

50.

Għall-istess raġunijiet li semmejt fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali li jeżiġi l-punt (c) ta’ dan l-artikolu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-fatt li t-trade marks jikkoeżistu b’mod paċifiku f’parti mit-territorju tal-Unjoni.

51.

Għalhekk, għalkemm fl-espożizzjoni tat-tielet domanda preliminari l-qorti tar-rinviju ssemmi l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni l-koeżistenza paċifika bħala raġuni valida għall-użu, inqis li dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks. Jekk tali rabta ma tkunx teżisti, ma jkunx meħtieġ li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ raġuni valida.

52.

Infakkar f’dan ir-rigward li l-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni għandha titqies li tkun issodisfatta meta t-trade mark tal-Unjoni Ewropea tgawdi minn reputazzjoni f’parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni, liema parti tista’, jekk ikun il-każ, tikkorrispondi, b’mod partikolari, għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss ( *17 ). Fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ koeżistenza paċifika tista’ tkun iktar rilevanti f’dan il-kuntest, meta din tirrigwarda l-parti tal-Unjoni li sservi ta’ referenza għall-istabbiliment tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

53.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, inqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li t-trade marks kunfliġġenti jikkoeżistu b’mod paċifiku f’parti mit-territorju tal-Unjoni, mingħajr ma joħolqu konfużjoni, ma jfissirx li l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija awtomatikament eskluża f’parti oħra minn dan it-territorju. Din il-koeżistenza madankollu tikkostitwixxi element rilevanti li jista’, skont il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni, li rispettivament huma l-bażi ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 fil-każ ta ’ trade marks li jinkludu indikazzjoni ta ’ oriġini ġeografika

54.

Nosserva li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 207/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa l-eżistenza ta’ interess ġenerali sabiex tinżamm id-disponibbiltà tal-indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-prodotti kkonċernati. Din il-kunsiderazzjoni tikkostitwixxi l-bażi ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, dawk dwar ir-raġunijiet assoluti għal rifjut, il-limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark, kif ukoll l-effetti ta’ trade mark kollettiva ( *18 ).

55.

Skont l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ma jistax jipprojbixxi lil terz l-użu, fil-kummerċ, ta’ indikazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-oriġini ġeografika ta’ prodott, sakemm dan l-użu jsir b’mod konformi mal-użanzi ta’ lealtà fil-qasam industrijali jew kummerċjali. Limitazzjoni analoga hija prevista mill-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE ( *19 ).

56.

Din il-limitazzjoni għad-drittijiet esklużivi li jirriżultaw minn trade mark hija intiża sabiex tirrikonċilja l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark ma’ dawk ta’ produtturi oħra fis-suq intern, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-assjoloġija tad-dritt tat-trade marks bħala element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat FUE jfittex li jistabbilixxi u jżomm ( *20 ).

57.

L-eżistenza ta’ interess ġenerali sabiex tinżamm id-disponibbiltà tas-sinjali jew tal-indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika, b’mod partikolari ismijiet ġeografiċi, ġiet irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( *21 ).

58.

Sabiex jiġi invokat l-interess ġenerali inkwistjoni, huwa biżżejjed li l-isem ġeografiku jkun jista’ jindika l-oriġini tal-prodotti kkonċernati. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk isem ġeografiku jindikax post li attwalment jirrappreżenta, f’għajnejn il-persuni ikkonċernati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti kkonċernata jew jekk huwiex raġonevoli li wieħed jipprevedi li, fil-futur, tiġi stabbilita tali rabta ( *22 ).

59.

Għalhekk, fil-kuntest tat-tilwima li nħolqot minn kunflitt bejn is-sinjal “KERRY Spring” u t-trade mark GERRI, fir-rigward ta’ xorb li jirrinfreska, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jista’ jipprojbixxi l-użu tal-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika relatata ma’ Stat Membru ieħor biss meta dan l-użu ma jsirx b’mod konformi mal-użanzi ta’ lealtà fil-qasam industrijali jew kummerċjali. Is-sempliċi fatt li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fonetika bejn iż-żewġ sinjali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-użu ta’ din l-indikazzjoni fil-kummerċ ma huwiex f’konformità mal-użanzi ta’ lealtà ( *23 ).

60.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, irrilevati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità lingwistika kbira tal-Komunità Ewropea f’dak iż-żmien, li kienet komposta minn ħmistax-il Membru Stat, għadhom rilevanti illum.

61.

Anki jekk jitqies li l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika relatata ma’ Stat Membru tista’ titqies, f’għajnejn il-konsumaturi fi Stat Membru ieħor, li tixbah kelma inkluża fi trade mark, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jipprojbixxi tali użu sakemm jibqa’ f’konformità mal-użanzi ta’ lealtà. Għalhekk, ix-xebh li jirriżulta minn din il-kelma ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

62.

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kelma “Kerry” li hija komuni għaż-żewġ trade marks kunfliġġenti hija l-isem ta’ kontea Irlandiża magħrufa għat-trobbija tal-baqar, li għalhekk tista’ sservi bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika tal-prodotti tal-ħalib inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni tali xebh bejn is-sinjali, li jirriżulta mill-użu b’mod konformi mal-użanzi ta’ lealtà ta’ din l-indikazzjoni ġeografika, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.

64.

Fil-fatt, dik il-qorti għandha tiżgura li l-konstatazzjoni tal-ksur tad-drittijiet esklużivi li jirriżultaw mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea f’tali ċirkustanzi ma tmurx kontra l-limitazzjoni tal-effetti ta’ din it-trade mark imsemmija fl-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-trade marks inkwistjoni jinkludu l-istess kelma, li tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika użata b’mod konformi mal-użanzi ta’ lealtà, ma jistax iservi bħala bażi sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.

Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) bil-mod kif ġej:

1.

L-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġu interpretat fis-sens li l-fatt li t-trade marks kunfliġġenti jikkoeżistu b’mod paċifiku f’parti mit-territorju tal-Unjoni, mingħajr ma joħolqu konfużjoni, ma jfissirx li l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija awtomatikament eskluża f’parti oħra minn dan it-territorju. Din il-koeżistenza madankollu tikkostitwixxi element rilevanti li jista’, skont il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni, li rispettivament huma l-bażi ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

2.

L-Artikolu 9(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-trade marks inkwistjoni jinkludu l-istess kelma, li tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika użata b’mod konformi mal-użanzi ta’ lealtà, ma jistax iservi bħala bażi sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ħsara għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.


( *1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( *2 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C‑235/09, EU:C:2011:238) u tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software (C‑223/15, EU:C:2016:719).

( *3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis għal dan il-każ. Dispożizzjonijiet essenzjalment analogi jinsabu fl-Artikolu 9(2)(b) u (c) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21).

( *4 ) Qiegħed nuża l-frażi li tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 207/2009. Filwaqt li diversi strumenti legali internazzjonali u tal-Unjoni jużaw il-frażijiet “indikazzjoni ta’ oriġini” u “indikazzjoni ġeografika”, il-portata legali preċiża tagħhom tiddependi mill-istrument inkwistjoni.

( *5 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230) u tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen (C‑100/02, EU:C:2004:11).

( *6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 59), u tas-7 ta’ Marzu 2013, Efir (C‑19/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:148, punt 27).

( *7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 18).

( *8 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe (C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 82).

( *9 ) Sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI – Sadia (GRUPO SADA) (T‑31/03, EU:T:2005:169, punt 86), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Portela & Companhia vs UASI – Torrens Cuadrado u Sanz (Bial) (T‑10/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:371, punt 76).

( *10 ) Id-direttivi tal-EUIPO jipprevedu li jekk it-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni hija trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-applikant għandu jipprova koeżistenza fl-Unjoni kollha. Ara “Direttivi dwar il-proċedimenti quddiem l-EUIPO”, Parti C‑2‑6, p. 7 (https://euipo.europa.eu/ohimportal/fr/trade-mark-guidelines).

( *11 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2013, Höganäs vs UASI – Haynes (ASTALOY) (T‑505/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:160, punti 4950).

( *12 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software (C‑223/15, EU:C:2016:719, punt 36).

( *13 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software (C‑223/15, EU:C:2016:719, punti 3132); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 46 sa 48).

( *14 ) Nosserva li, filwaqt li teskludi kwalunkwe estensjoni awtomatika, il-Kummissjoni tindika li xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fi Stati Membri oħra meta l-karatteristiċi lingwistiċi u soċjokulturali, kif ukoll dawk tas-suq ikkonċernat, ikunu komparabbli.

( *15 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( *16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 30, 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( *17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C‑301/07, EU:C:2009:611, punti 2729), u tat-3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith (C‑125/14, EU:C:2015:539, punt 19).

( *18 ) L-Artikolu 7(1)(c), l-Artikolu 12(b), u l-Artikolu 66(2), rispettivament, tar-Regolament Nru 207/2009.

( *19 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

( *20 ) Ara, f’dan is-sens, b’rabta mad-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Artikolu 6(1)(b) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (89/104/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 92), is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen (C‑100/02, EU:C:2004:11, punt 16).

( *21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 26).

( *22 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 31).

( *23 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen (C‑100/02, EU:C:2004:11, punti 2527).