KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-15 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )

Kawża C‑90/16

The English Bridge Union Limited

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit)]

“Direttiva 2006/112/KE – VAT – Artikolu 132(1)(m) – Eżenzjonijiet – Servizzi marbuta mill-qrib mal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika – Kunċett ta’ ‘sport’ – Duplicate contract bridge”

Introduzzjoni

1.

“Ikkunsidraw pereżempju l-proċeduri li aħna nsejħu ‘logħob’. Fis-sens ta’ board-games, logħob tal-karti, logħob tal-ballun, logħob olimpiku u l-bqija. X’hemm komuni bejniethom? – Tgħidux: ‘irid ikun hemm xi ħaġa komuni, inkella ma jissejħux “logħob”’ – iżda ħarsu u araw jekk hemmx xi ħaġa komuni bejniethom kollha. – Għaliex jekk tħarsu lejhom ma tarawx xi ħaġa li hija komuni bejniethom kollha, iżda xebh, relazzjonijiet, u sensiela sħiħa minnhom f’dan ir-rigward. Nirrepeti: taħsbux, iżda ħarsu!” ( 2 ).

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (qorti tal-appell, awla fiskali, ir-Renju Unit) tqajjem problemi paragunabbli ma’ dawk li affaċċja Wittgenstein meta pprova jsib il-karatteristiċi komuni li jiddefinixxu attività bħala “logħba”. Illum, it-terminu li jrid jingħata definizzjoni ma huwiex dak ta’ “logħob” imma dak ta’ “sport” sabiex jiġi stabbilit jekk – għall-iskopijiet tal-eżenzjoni mill-VAT – l-attività ta’ duplicate contract bridge tikkostitwixxix “sport” jew le.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ( 3 ) huwa intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. L-Artikolu 132 tagħha huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(l)

il-provvista ta’ servizzi, u l-provvista ta’ merkanzija marbuta mill-qrib magħhom, lill-membri tagħhom fl-interess komuni tagħhom bi tpattija għal sottoskrizzjoni ffissata b’mod konformi mar-regoli tagħhom minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt b’għanijiet politiċi, trejdjunjonistiċi, reliġjużi, patrijottiċi, filosfiċi, filantropiċi jew ta’ natura ċivika, sakemm din l-eżenzjoni mhix probabli li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(m)

il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u [jew] edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;

(n)

il-provvista ta’ ċertu servizzi kulturali, u l-provvista ta’ merkanzija marbuta mill-qrib magħhom, minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew minn korpi kulturali oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat;

[…]”

Id-dritt tar-Renju Unit

4.

Il-Grupp 10 tal-Iskeda 9 tal-Value Added Tax Act 1994 (Att dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud 1994) jipprevedi l-eżenzjoni rilevanti fir-rigward ta’ ċerti provvisti konnessi mal-isport:

“Grupp 10: Sport, kompetizzjonijiet tal-isport u edukazzjoni fiżika

[…]

1.

L-għoti ta’ dritt għal parteċipazzjoni f’kompetizzjoni tal-isport jew f’attività fiżika ta’ rikreazzjoni fejn il-korrispettiv għal dak l-għoti jkun fi flus li jkunu ser jiġu allokati kompletament għall-għoti ta’ premju jew premji li jingħataw f’dik il-kompetizzjoni.

2.

L-għoti, minn korp eliġibbli maħluq għal raġunijiet ta’ sport jew ta’ attività fiżika ta’ rikreazzjoni, tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni f’tali qasam.

3.

Il-provvista, minn korp eliġibbli lil individwu, ta’ servizzi marbutin mill-qrib mal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika u essenzjali għalihom, li fihom ikun qiegħed jieħu sehem l-individwu”.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

5.

Contract bridge hija logħba bil-karti tal-logħob bejn erba’ ġugaturi f’żewġ timijiet kontra xulxin fejn l-individwi jpoġġu ma’ mejda faċċata ta’ xulxin. Il-logħba fiha erba’ fażijiet: it-tqassim tal-karti tal-logħob, it-tqegħid tal-flus, il-logħob bil-karti tal-logħob u r-riżultati. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja jilagħbu bridge fi klabbs, turnej, online u mal-ħbieb.

6.

Il-parti l-kbira tal-logħob ta’ turnej u fi klabbs tinvolvi “duplicate bridge” fejn il-karti li jkollu kull ġugatur f’kull dawra jinżammu biex kull tim jilgħab dejjem l-istess sett ta’ karti bħat-tim ta’ kontrih fuq imwejjed oħra bl-iskor ikun bbażat fuq il-prestazzjoni relattiva.

7.

Din it-tip ta’ logħba tintlagħab b’mod kompetittiv fuq livell nazzjonali u internazzjonali.

8.

L-English Bridge Union (iktar ’il quddiem l-“EBU”) hija l-korp nazzjonali għad-duplicate bridge fl-Ingilterra. L-azzjonisti tiegħu huma l-organizzazzjonijiet tal-kontea għall-bridge. Hija torganizza turnej tal-contract bridge u titlob lill-ġugaturi jħallsu miżata għad-dħul biex jilagħbu f’dawn it-turnej. Din il-miżata għad-dħul hija suġġetta għall-VAT taħt id-dritt tal-VAT fir-Renju Unit ( 4 ).

9.

L-EBU ressqet talba lil Her Majesty’s Revenue and Customs (l-amministrazzjoni fiskali tar-Renju Unit) sabiex tirkupra l-VAT li kienet tħallset fir-rigward ta’ dawn il-miżati għad-dħul, fejn sostniet li l-miżati kienu suġġetti għal eżenzjoni mill-VAT skont l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT. Il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs ċaħdu din it-talba b’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2014. L-EBU ppreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni. Il-First-Tier Tribunal (qorti tal-ewwel istanza) ċaħdet ir-rikors tal-EBU iżda tat permess għal appell quddiem l-Upper Tribunal (qorti tal-appell). Wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2015, l-Upper Tribunal (qorti tal-appell) tat id-deċiżjoni tagħha fit-23 ta’ Lulju 2015, li fiha ddeċidiet li kienet meħtieġa deċiżjoni fuq kwistjoni ta’ interpetazzjoni tal-Artikolu 132(1)(m) sabiex hija tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq l-appell. Fl-1 ta’ Settembru 2015, hija għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Liema huma l-karatteristiċi essenzjali li attività għandu jkollha sabiex din tkun ‘sport’ fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-[Direttiva tal-VAT]? Attività għandha b’mod partikolari tinkludi element fiżiku sinjifikattiv (jew mhux insinjifikattiv) li jkun determinanti għar-riżultat tagħha jew huwa biżżejjed li din tkun tinvolvi element mentali sinjifikattiv li jkun determinanti għar-riżultat tagħha?

(2)

Id-duplicate contract bridge huwa ‘sport’ fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT?”

10.

Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Frar 2016. Il-Gvern tar-Renju Unit u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-EBU, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Marzu 2017.

Analiżi

Domanda 1: “Sport” fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT: fiżiku u/jew mentali?

11.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, fost il-karatteristiċi li attività għandu jkollha biex hija tkun “sport” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT, huwiex meħtieġ element fiżiku mhux insinjifikattiv li huwa determinanti għar-riżultat tagħha jew jekk huwiex biżżejjed li jkollha element mentali sinjifikattiv li huwa determinanti għar-riżultat tagħha.

12.

Skont l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet ta’ “provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika”.

Rimarki ġenerali fuq l-eżenzjonijiet fid-Direttiva tal-VAT u l-ġurisprudenza rilevanti

13.

Ir-regola ġenerali li fuqha hija bbażata s-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, stabbilita mid-Direttiva tal-VAT, hija li t-tranżazzjonijiet kollha huma suġġetti għall-VAT. L-eżenzjonijiet, bħalma huma dawk li jinsabu fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva, għandhom jitqiesu li huma eċċezzjoni għal din ir-regola.

Eżenzjonijiet fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT

14.

Madankollu, l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-VAT ma humiex fakultattivi min-natura tagħhom. Kif jirriżulta mill-użu tat-terminu preskrittiv “għandhom”, l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw it-tranżazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva. Dan jimplika li huwa fl-interess tal-Unjoni li t-tranżazzjonijiet elenkati jkunu eżentati mill-VAT. Dan ifisser ukoll li, filwaqt li l-eżenzjonijiet bħala eċċezzjoni għal regola ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, wieħed ma għandux jinsa l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-kriterji huma differenti minn dawk li japplikaw għar-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni jew għar-rekwiżiti mandatorji taħt il-libertajiet fundamentali tal-Unjoni u għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni relatati, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jgawdu setgħa diskrezzjonali. Fir-rigward tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT, ma hemm ebda marġni ta’ manuvra għall-Istati Membri. Jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-tranżazzjonijiet. Tali obbligu fuq l-Istati Membri huwa, madankollu, neċessarju sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-eżenzjoni fl-Unjoni kollha.

15.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet diversi drabi biex tinterpreta l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva tal-VAT u mill-predeċessuri tagħha. Il-każijiet jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji.

16.

Fl-ewwel lok, hemm il-kawżi relatati ma’ kwistjonijiet li jirrigwardaw il-persuni taxxabbli li jistgħu jikkwalifikaw għall-eżenzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistentement li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jeżiġi li l-Istati Membri ma jagħmlux differenza li tkun tiddependi fuq il-forma legali jew il-forma tal-organizzazzjoni li twettaq it-tranżazzjoni għall-iskopijiet li jagħtu eżenzjoni ( 5 ).

17.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-kwistjoni dwar jekk ċerta attività li kienet relatata ma’ attività eżentata kinitx ukoll koperta mill-eżenzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Stockholm Lindöpark ( 6 ) li l-kiri, jew fis-sentenza Turn- und Sportunion Waldburg ( 7 ), li l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli ma kienx marbut direttament mal-isport u għaldaqstant ma kienx eżenti mill-VAT, filwaqt li l-provvista ta’ grawnd jew ta’ arbitru huma essenzjali għall-ipprattikar tal-isport ( 8 ), u għaldaqstant hija koperta mill-eżenzjoni mill-VAT.

18.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar liema tipi ta’ attività jistgħu jitqiesu li huma sport. Fis-sentenza Žamberk ( 9 ), hija ddeċidiet li attivitajiet sportivi mhux organizzati u mhux sistematiċi u li ma humiex immirati għall-kompetizzjoni jaqgħu taħt l-eżenzjoni. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi ( 10 ), hija ddeċidiet li l-kiri ta’ dgħajjes tal-passatemp ma għandux jitqies li huwa attività sportiva peress li l-għan tiegħu jista’ jkun purament rikreattiv ( 11 ). Dak il-każ, madankollu, ma ttrattax il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-isport bħala tali, peress li ma kienx ikkontestat li t-tbaħħir bid-dgħajjes jista’ jkun sport.

Eżenzjonijiet oħra magħżula fid-Direttiva tal-VAT

19.

Fis-sentenza Rank Group ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li differenza fit-trattament għall-iskopijiet tal-VAT ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi li huma identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur hija biżżejjed biex jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali fil-kuntest tal-eżenzjoni għal-logħob tal-ażżard stabbilita fl-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva tal-VAT ( 13 ). Il-kwistjoni dwar jekk l-attività inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi “imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob ta’ l-azzard” tiddependi għaldaqstant fuq approċċ orjentat għas-suq: jekk il-konsumaturi jqisu li s-servizzi huma simili, huma għandhom ikunu ntaxxati bl-istess mod.

20.

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet għal servizzi mediċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat fi stadju bikri li servizzi pprovduti mill-veterinarji ( 14 ), l-analiżi bioloġika ta’ affinitajiet ġenetiċi ( 15 ), u l-ħażna ta’ ċelloli staminali għal terapiji potenzjali futuri ( 16 ) ma jibbenefikawx mid-definizzjoni tal-eżenzjonijiet mill-VAT tal-Artikoli 132(1)(b) u/jew (ċ), filwaqt li servizzi ta’ kura fid-dar ipprovduti mill-infermiera ( 17 ), analiżi medika pprovduta minn impriżi privati ( 18 ) u t-tneħħija u l-kultivazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi ( 19 ) jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ kura medika ( 20 ). Minn dawn il-kawżi huwa possibbli li wieħed jiddeduċi li l-kunċett ta’ “kura medika” ma jeżiġix xi interpretazzjoni partikolarment stretta peress li l-eżenzjoni ta’ attivitajiet marbutin mill-qrib mal-isptar u mal-kura medika hija intiża li tiżgura li l-benefiċċji li jirriżultaw minn dik il-kura ma jkunux ostakolati bi spejjeż żejda ( 21 ).

21.

Mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jiena niddeduċi li l-kunċett ta’ “sport” fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat b’mod strett, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskop u l-għan tal-eżenzjoni.

22.

It-terminu “sport” ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2006/112. Lanqas ma hemm definizzjoni globali ta’ “sport” li tapplika fl-Unjoni kollha għal kull att tad-dritt primarju u sekondarju. Għaldaqstant, għandu jsir riferiment għat-teknika klassika ta’ interpretazzjoni tal-formulazzjoni, tas-sistema (jew tal-istruttura ġenerali), tal-kuntest/tal-għanijiet (jew tal-spirtu) u tal-kuntest storiku.

Formulazzjoni

23.

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ċara, il-punt tat-tluq tal-interpretazzjoni għandu jkun it-tifsira ordinarja tat-terminu “sport”. Hawnhekk, id-definizzjonijiet f’dizzjunarji awtorevoli jagħtu definizzjonijiet konformi mal-intuwizzjoni tagħna billi jeżiġu element fiżiku. Huwa biżżejjed li wieħed iħares lejn id-definizzjonijiet mogħtija, fuq din in-naħa tal-Atlantiku ( 22 ), mill-Oxford Advanced Learner’s Dictionary (bħala “attività li wieħed jagħmel għall-pjaċir u li trid sforz u kapaċità fiżika, li ssir normalment f’żona speċjali u skont regoli fissi biss”) ( 23 ), il-Cambridge Dictionary (“logħba, kompetizzjoni, jew attività li teħtieġ sforz u kapaċità fiżika li tintlagħab skont ir-regoli, għall-pjaċir u/jew bħala xogħol”) ( 24 ), is-Słownik języka polskiego Pollakk (dizzjunarju tal-lingwa Pollakka) PWN– Polskie Wydawnictwo Naukowe (“eżerċizzji u logħob intiżi għall-iżvilupp tal-kundizzjoni fiżika u għax-xewqa kompetittiva li jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli”) ( 25 ), il-Larousse Franċiż (“attività fiżika intiża li ttejjeb il-kundizzjoni fiżika tal-persuna”) ( 26 ) jew id-Duden Ġermaniż (“attività fiżika mwettqa għall-eżerċizzju fiżiku, b’riżultat ta’ pjaċir fil-moviment u fil-logħob, u skont ċerti regoli [f’kompetizzjoni]”) ( 27 ).

Sistema

24.

L-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għall-“sport u [jew] edukazzjoni fiżika”. Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu li l-fatt li d-dispożizzjoni tirreferi għal “sport u [jew] edukazzjoni fiżika” jimplika wkoll li t-terminu “sport” ukoll tinneċessita element fiżiku. Fil-fatt, l-użu tat-terminu “u [jew]” jista’ jitqies li jimplika li t-termini “edukazzjoni fiżika” għandhom portata li tikkoinċidi ma’ dik tat-terminu “sport”, fis-sens li kull sport irid ikollu element fiżiku. Għalhekk jista’ jiġi dedott li, f’moħħ il-leġiżlatur, iż-żewġ termini “sport” u “edukazzjoni fiżika” kienu marbuta mill-qrib, jew saħansitra kienu sinonimi.

25.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

26.

Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda “sport” u “edukazzjoni fiżika” fl-istess dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi, jindika sempliċement li t-termini huma relatati b’xi mod jew ieħor, li mhux neċessarjament iridu jkunu marbutin mal-element “fiżiku”. Jista’ jkun li r-raġuni kienet l-aspett ta’ “edukazzjoni” fl-“edukazzjoni fiżika”, jew kwalunkwe element komuni fiż-żewġ kunċetti bħalma huma l-benefiċċji tas-saħħa, is-sens ta’ komunità, il-kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni jew biex jiġi żgurat li l-attivitajiet li l-element fiżiku fihom huwa dubjuż, iżda li normalment jitqiesu li huma “sport” bħalma huma l-isparar, l-isparar bil-vleġeġ jew il-logħba tal-iskakki jaqgħu taħt id-definizzjoni ( 28 ) – jew inkella l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jkun li kienet sempliċiment li jiżgura li l-“edukazzjoni fiżika”, anki jekk normalment ma jkunx fiha element ta’ kompetizzjoni, taqa’ taħt l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, nifhem li din id-distinzjoni pjuttost tiċċara li l-edukazzjoni fiżika li, għal kwalunkwe raġuni, tista’ ma tikkostitwixxix “sport” hija koperta wkoll mill-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva. Eżempju li jiġini f’moħħi f’dan ir-rigward huwa l-edukazzjoni fiżika li sseħħ mingħajr element kompetittiv dirett, bħalma huwa t-trejning. Ċertament, pereżempju t-trejning tal-futbol jaqa’ taħt l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT.

27.

Fi kliem ieħor, wieħed ma għandux jassumi li l-għan tal-użu tal-espressjoni “sport u [jew] edukazzjoni fiżika” kien li jiġu esklużi attivitajiet li ma għandhomx element fiżiku bħala l-karatteristika determinanti tagħhom.

28.

Għaldaqstant, is-sistema tad-Direttiva tal-VAT inġenerali hija inkonklużiva dwar il-kwistjoni jekk attività li hija prinċipalment ibbażata fuq eżerċizzju mentali iktar milli fiżiku tistax tkun “sport” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest storiku

29.

Barra minn hekk, l-istorja tal-abbozzar tad-Direttiva tal-VAT ma tiżvelax definizzjoni iktar preċiża. Id-delegazzjoni tar-Renju Unit irrimarkat fil-protokoll tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE ( 29 ) li l-Artikolu 132(1)(m) u (n) (attwali) kien jeħtieġ definizzjoni iktar preċiża tal-attivitajiet ikkonċernati ( 30 ), iżda tali definizzjoni sa fejn naf jien qatt ma kienet inkluża fid-Direttiva tal-VAT.

Għanijiet

30.

Il-provvista ta’ ċerti servizzi marbutin mill-qrib mal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru lil persuni li jieħdu sehem fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika titqies mil-leġiżlatur tal-Unjoni li tikkostitwixxi servizz ta’ interess pubbliku li jimmerita li jkun eżentat. Iktar minn hekk, ir-raġuni għal din l-eżenzjoni għandha tiġi analizzata fl-isfond tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 165(1) TFUE, li skontu l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija ’l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

31.

Għal dak li jirrigwarda l-prassi komuni fl-Istati Membri dwar jekk attivitajiet li ma għandhomx element fiżiku jistgħux jikkwalifikaw bħala sport, din tagħti stampa pjuttost eteroġenea. L-eżempju kardinali f’dan ir-rigward huwa l-logħba tal-iskakki, li hija attività meqjusa minn ħafna li hija sport ( 31 ) anki jekk, sa fejn nista’ naċċerta jien, mhux fir-Renju Unit.

32.

Jekk tingħata ħarsa lejn kuntest usa, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, fl-1992, ħareġ Karta tal-Isport ( 32 ) li, fid-definizzjoni ta’ “sport”, tirreferi speċifikament għal “attività fiżika”.

33.

Huwa minnu li l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa jikkostitwixxu standard għall-attivitajiet tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Unjoni ma għandhiex biss obbligu ġenerali li tistabbilixxi kull forma xierqa ta’ kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa ( 33 ), izda għandha obbligu speċifiku li trawwem il-kooperazzjoni fl-oqmsa tal-isport ( 34 ) u tal-kultura ( 35 ). Għal dak li jirrigwarda l-isport, il-Kunsill tal-Ewropa jikkostitwixxi, fi kliem l-Artikolu 165(3) TFUE “organizzazzjoni[…] internazzjonali kompetenti”.

34.

Madankollu, ma hemmx indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi rabta bejn it-terminu fid-Direttiva tal-VAT u dak fil-Karta tal-Isport tal-1992.

35.

Il-bridge titqies li hija sport taħt il-programm Erasmus+. Erasmus+ jista’ jiffinanzja wkoll attivitajiet li ma humiex neċessarjament eżentati mill-VAT. Fi kliem ieħor, filwaqt li d-definizzjoni ta’ sport trid tkun awtonoma għall-iskopijiet tad-Direttiva tal-VAT ( 36 ), it-terminu ma għandux neċessarjament ikollu tifsira aċċettata universalment fid-dritt tal-Unjoni. Ma naħsibx li nistgħu niddeduċu li l-Kunsill tal-Ewropa jew l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni jużaw definizzjoni waħda ta’ sport li hija universali għall-atti legali kollha, b’mod partikolari minħabba li d-definizzjoni tat-terminu tista’ tiddependi fuq l-iskop tal-att.

36.

Id-domanda preżenti hija, għaldaqstant, mhux jekk l-isport skont xi definizzjoni għandux bżonn jinvolvi element ta’ sforz jew strapazz fiżiku iżda pjuttost, jekk l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT taħt it-terminu “sport” għandhomx neċessarjament jinkludu element ta’ sforz jew strapazz fiżiku. Jien issa ser nipprovdi l-elementi essenzjali għal definizzjoni tat-terminu “sport” għall-iskopijiet tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT, li tirrifletti l-għan ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni fis-sistema ta’ din id-direttiva.

Lejn definizzjoni ta’ sport ( 37 )

37.

It-tifsira tat-terminu “sport” rat tibdil sostanzjali bejn iż-żminijiet antiki bl-ewwel logħob olimpiku fil-Greċja u s-seklu 21. Oriġinarjament, meta t-terminu ġie introdott fil-lingwa Ingliża fis-seklu 14, “sport” kien ifisser “divertiment”. Huwa biss iktar tard li t-terminu ġie assoċjat mal-attività fiżika biex il-ġisem jitħarreġ skont regoli fissi ( 38 ). Madankollu, din id-definizzjoni li, kif intwera iktar ’il fuq, għadha aċċettata f’ħafna postijiet, bl-ebda mod ma hija universali.

38.

Fil-fatt, l-iSportAccord International Federations’ Union ( 39 ), l-International University Sports Federation ( 40 ) u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ( 41 ) jinkludu espressament l-isport mentali jew jaċċettaw attivitajiet mingħajr element fiżiku. L-aħjar eżempju f’dan ir-rigward huwa l-logħba tal-iskakki. Meta l-element fiżiku ma huwiex neċessarju, l-isport jiġi ddefinit bil-kompetizzjoni u l-fatt li t-tagħmir jiġi pprovdut mhux minn fornitur wieħed biss ( 42 ) –li teskludi attivitajiet li ma humiex mifruxin ħafna fis-soċjetà ċivili, bħalma huma l-prodotti kummerċjali fis-suq, li huma intiżi għall-konsum pur (pereżempju l-logħob tal-vidjo).

39.

Fil-fehma tiegħi, dawn id-definizzjonijiet ma jistgħux jintużaw biex jiddelimitaw b’mod eżawrjenti t-terminu “sport” fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT, iżda jipprovdu punt ta’ tluq tajjeb. L-istatus internazzjonali mogħti mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u/jew minn Sportaccord jimplika ċerta aċċettazzjoni mill-pubbliku u jista’ jimplika li huma jitqiesu ġeneralment li huma simili għall-isport stabbilit. Għall-iskop li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi nnutat għaldaqstant li, fid-dawl tal-kriterju ta’ paragunabbiltà msemmi fis-sentenza Rank Group ( 43 ), l-aċċettazzjoni minn assoċjazzjonijiet tal-isports internazzjonali għandha tkun rilevanti għall-kwistjoni jekk attività tistax, bħala prinċipju, titqies li hija sport.

40.

Ninnota li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jinkludi l-isport mhux fiżiku tal-logħba tal-iskakki fost l-attivitajiet mogħtija status olimpiku ( 44 ). Minn dan niddeduċi li attività mhux neċessarjament irid ikollha element fiżiku biex tkun aċċettata bħala sport. Din jidhirli li ma hija xejn ħlief loġika. L-element fiżiku mandatorju jeskludi ipso facto numru ta’ attivitajiet li ġeneralment jitqiesu li huma sport, minkejja li l-element fiżiku huwa iktar minn marġinali u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala sport ma toħloq ebda dubju. Hawnhekk niftakar fl-isparar u l-isparar bil-vleġeġ.

41.

Madankollu, it-terminu “sport” għandu jiġi interpretat ukoll fid-dawl tal-għan tal-eżenzjonijiet mid-Direttiva tal-VAT. Kif jgħid it-titlu tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva (“Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”), l-attività trid tkun fl-interess pubbliku biex tkun koperta mill-eżenzjoni.

42.

F’dan ir-rigward, jidhirli li ħafna mill-attivitajiet li normalment jitqiesu li huma sport għandhom inkomun li (1) jeħtieġu ċertu sforz biex jingħelbu sfida jew ostakolu (u għaldaqstant ma humiex purament rikreazzjonali) ( 45 ), kemm jekk l-isfida tkun kompetizzjoni kontra avversarju kemm jekk biex jintgħelbu l-limiti fiżiċi jew mentali, (2) it-tgħelib ta’ dawn l-ostakoli (i) iħarreġ ċerta kapaċità fiżika jew mentali u (ii) għaldaqstant ikun ta’ benefiċċju għall-benesseri fiżiku jew mentali tal-persuni li jeżerċitaw l-isport, u (3) tali attivitajiet normalment ma jiġux ipprattikati biss f’kuntest purament kummerċjali. Finalment, (4), il-perċezzjoni pubblika (lokali) jew ir-rikonoxximent internazzjonali jservu bħala indikazzjoni favur l-eżistenza ta’ “sport”. Fi kliem ieħor, “sport” fis-sens tad-direttiva jrid jinftiehem b’mod li jfisser it-tħarriġ tal-kundizzjoni mentali jew fiżika tajba b’mod li huwa ġeneralment ta’ benefiċċju għas-saħħa u għall-benesseri taċ-ċittadini, peress li altrimenti ma jkunx konformi mal-għan tal-eżenzjonijiet fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IX tad-Direttiva tal-VAT ( 46 ).

43.

Finalment, irrid nenfasizza l-komponent kulturali inerenti fl-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT. Filwaqt li d-definizzjoni ta’ “sport” hija, kif intwera iktar ’il fuq, waħda awtonoma tad-dritt tal-Unjoni, wieħed ma għandux jinsa l-fatt li ħafna sport huwa reġjonali min-natura tiegħu u ma jiġix ipprattikat fl-Unjoni kollha. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-hurling fl-Irlanda jew tal-kumoterki ( 47 ) fil-Polonja. Barra minn hekk, xi sport jipprevali iktar f’ċerti pajjiżi jew reġjuni minn oħrajn. Hemm iktar ċittadini Ingliżi jew Franċiżi milli hemm ċittadini Pollakki li jieħdu sehem, pereżempju, fir-rugby. Fuq l-istess linja, jidhirli li fil-contract bridge jipparteċipaw iktar nies fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fil-pajjiżi tat-tramuntana tal-Unjoni Ewropea milli band’oħra. Għaldaqstant, hemm perċezzjonijiet reġjonali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta t-terminu “sport” jiġi ddefinit b’mod awtonomu fuq il-livell tal-Unjoni.

44.

Minn dan isegwi li ħafna attivitajiet jibqgħu esklużi mit-terminu “sport”. Id-definizzjoni teskludi neċessarjament il-logħob tal-ażżard, peress li ma hemmx relazzjoni bejn l-isforz investit u r-riżultat, u l-kompiti involuti ma jeħtieġu ebda kapaċità mentali jew fiżika.

45.

Dak li ma jidhirlix li huwa obbligatorju huwa l-eżistenza ta’ ċertu element fiżiku. Huwa minnu li ftit huma l-attivitajiet mhux fiżiċi li jikkwalifikaw biex jidħlu fid-definizzjoni ta’ sport peress li jridu jkunu mhux purament rikreazzjonali, jilħqu ċertu livell ta’ aċċettazzjoni u għandu jkollhom il-karatteristiċi u l-benefiċċji assoċjati ma’ ħafna sport fiżiku, sa fejn l-effetti fuq il-kundizzjoni mentali tajba u l-benesseri mentali għandhom jitqiesu li huma interkambjabbli mal-kundizzjoni fiżika tajba u l-benesseri fiżiku.

46.

Ir-risposta li nipproponi għall-ewwel domanda hija, għaldaqstant, li fost il-karatteristiċi li l-attività għandu jkollha biex tkun “sport” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT, ma huwiex neċessarju li jkun hemm element fiżiku mhux insinjifikattiv li jkun determinanti għar-riżultat tagħha. Huwa biżżejjed li l-attività jkollha element mentali sinjifikattiv li jkun determinanti għar-riżultat tagħha.

Domanda 2: Bridge

47.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-duplicate contract bridge tikkwalifikax bħala sport fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT.

48.

Hija l-qorti tar-rinviju, li waħidha għandha l-ġurisdizzjoni biex tevalwa l-fatti u tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li fl-aħħar mill-aħħar għandha teżamina, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk id-duplicate contract bridge hijiex “sport” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT.

49.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, madankollu, nipproponi li t-tweġiba tkun “iva”.

50.

Il-bridge la hija logħba tal-ażżard, u lanqas ma jidher li tmur kontra l-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq. Il-fatt li jseħħu turnej fuq livell internazzjonali u li r-riżultati tal-logħba jidher li jiddependu direttament fuq il-kapaċità u t-taħriġ investit fl-attività, skont il-konstatazzjonijiet fattwali pprovduti mill-qorti tar-rinviju, itendu lejn id-direzzjoni tal-bridge bħala sport. Jinħtieġu sforz u taħriġ mentali kunsiderevoli biex wieħed jikkompeti fid-duplicate contract bridge.

51.

Barra minn hekk, hemm aċċettazzjoni internazzjonali wiesgħa tad-duplicate bridge bħala sport, fuq kollox għaliex il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, fl-1998, iddeċieda li jikklassifikaha bħala sport. Illum hija ngħatat ukoll status olimpiku ( 48 ) li jfisser li ser tkun offruta fil-logħob olimpiku tas-sena 2020.

52.

Finalment, ir-rwol relattivament żgħir li għandha x-xorti biex jinkisbu r-riżultati jindika li d-duplicate contract bridge tikkostitwixxi “sport” għall-iskopijiet ta’ din il-kawża.

Konklużjoni

53.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (qorti tal-appell, awla fiskali, ir-Renju Unit) kif ġej:

(1)

Fost il-karatteristiċi li attività għandu jkollha biex tkun “sport” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-“Direttiva tal-VAT”), ma huwiex neċessarju li jkun hemm element fiżiku.

(2)

Id-duplicate contract bridge bħala l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija “sport” fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Wittgenstein, L., Philosophical Investigations, 1953, tradott minn Anscombe, G. E. M., Prentice Hall, 1999, punt 66.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 34, p. 1, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

( 4 ) Għal dak li jirrigwarda l-pożizzjoni fl-Istati Membri, apparti r-Renju Unit, il-partijiet jifhmu li duplicate bridge titqies li hija “sport” għall-iskopijiet tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva tal-VAT mill-awtoritajiet fiskali fl-Awstrija, fil-Belġju, fid-Danimarka, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-partijiet jifhmu li ma titqies li hija “sport” fl-Irlanda u fl-Isvezja.

( 5 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑216/11, EU:C:2013:162, punt 20), f’dan is-sens. Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ April 2003, Hoffmann (C‑144/00, EU:C:2003:192, punt 24), speċifikament għall-eżenzjoni dwar l-isport: sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club and Canterbury Ladies Hockey Club (C‑253/07, EU:C:2008:571, punt 30).

( 6 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001 (C‑150/99, EU:C:2001:34).

( 7 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006 (C‑246/04, EU:C:2006:22).

( 8 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Canterbury Hockey Club and Canterbury Ladies Hockey Club (C‑253/07, EU:C:2008:571).

( 9 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013 (C‑18/12, EU:C:2013:95, punti 2425).

( 10 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 2016 (C‑22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118).

( 11 ) Sentenza tal-25 ta’ Frar 2016 (C‑22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 30).

( 12 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011 (C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 36).

( 13 ) Li qabel kien l-Artikolu 13(B)(f) tad-Direttiva 77/388.

( 14 ) Sentenza tal-24 ta’ Mejju 1988, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (122/87, EU:C:1988:256, punt 9).

( 15 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2000, D. (C‑384/98, EU:C:2000:444, punt 22).

( 16 ) Sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene (C‑262/08, EU:C:2010:328, punt 52).

( 17 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 41).

( 18 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.p. (C‑106/05, EU:C:2006:380, punt 31).

( 19 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Verigen Transplantation Service International (C‑156/09, EU:C:2010:695, punt 32).

( 20 ) Is-sitwazzjoni tal-psikoterapija hija iktar diffiċli: ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C‑45/01, EU:C:2003:595, punti 50) u tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni (C‑443/05 P, EU:C:2007:511, punt 46).

( 21 ) Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, (C‑76/99, EU:C:2001:12, punt 23).

( 22 ) Fil-fatt, l-unika definizzjoni ta’ “sport” li sibt li hija ambigwa dwar il-bżonn ta’ element fiżiku hija dik tal-Merriam-Webster Dictionary, li jagħti tliet definizzjonijiet, li minnhom waħda biss tirreferi għal “attività fiżika mwettqa għall-pjaċir”, ara https://www.merriam-webster.com/dictionary/sport.

( 23 ) Ara http://www.oxfordlearnersdictionaries.com/definition/english/sport_1?q=sport.

( 24 ) Ara http://dictionary.cambridge.org/dictionary/english/sport.

( 25 ) It-traduzzjoni tiegħi ta’ “ćwiczenia i gry mające na celu rozwijanie sprawności fizycznej i dążenie we współzawodnictwie do uzyskania jak najlepszych wyników”, ara http://sjp.pwn.pl/sjp/sport;2523172.html.

( 26 ) It-traduzzjoni tiegħi ta’ “activité physique visant à améliorer sa condition physique”, ara http://www.larousse.fr/dictionnaires/francais/sport/74327?q=sport#73493.

( 27 ) It-traduzzjoni tiegħi ta’ “nach bestimmten Regeln [im Wettkampf] aus Freude an Bewegung und Spiel, zur körperlichen Ertüchtigung ausgeübte körperliche Betätigung”, ara http://www.duden.de/rechtschreibung/Sport.

( 28 ) Nerġa’ ndur fuq il-każ ta’ dawn it-tliet sports iktar ’il quddiem.

( 29 ) Direttiva, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).

( 30 ) Ara Birkenfeld, W., Forst, Ch., Das Umsatzsteuerrecht im Europäischen Binnenmarkt, it-tielet edizzjoni, Erich Schmidt Verlag, Bielefeld 1998, p. 310.

( 31 ) Sa fejn naf jien, il-logħba tal-iskakki titqies li hija sport fid-Danimarka, fil-Belġju, fl-Italja, fi Franza u fl-Awstrija. Fil-Ġermanja, il-logħba tal-iskakki ma titqiesx li hija sport iżda tibbenefika xorta waħda mill-istess eżenzjonijiet minħabba l-Artikolu §52. Abs 2. tal-Abgabenordnung Ġermaniża. Hemmhekk, il-bridge ma tqisitx li hija sport iżda ġiet interpretata bħala “kultura” sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-istess eżenzjonijiet fis-sentenza Finanzgericht Köln 13 K K3949/09 tas-17 ta’ Ottubru 2013.

( 32 ) Rakkomandazzjoni R (92) 13 REV tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-Karta Ewropea tal-Isport riveduta, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fl-24 ta’ Settembru 1992 waqt l-480 laqgħa tad-deputati tal-Ministri u rriveduta fis-752 laqgħa tagħhom fis-16 ta’ Mejju 2001, Artikolu 2(a). Għandu jiġi nnutat li, skont l-Artikolu 2(b) tal-Karta, hija tikkomplementa l-prinċipji etiċi u l-linji gwida tal-politika stabbiliti: (i) fil-Konvenzjoni Ewropea dwar il-vjolenza u l-aġir ħażin tal-ispettaturi waqt avvenimenti sportivi u b’mod partikolari waqt logħbiet tal-futbol; (ii) fil-Konvenzjoni kontra d-doping. Iż-żewġ dokumenti jittrattaw kwistjonijiet marbutin primarjament mal-isport fiżiku professjonali.

( 33 ) Ara l-Artikolu 220(1) TFUE.

( 34 ) Ara l-Artikolu 165(3) TFUE.

( 35 ) Ara l-Artikolu 167(3) TFUE.

( 36 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Žamberk, C‑18/12, EU:C:2013:95, punt 17).

( 37 ) McBride, F., “Toward a non-definition of sport”, Journal of the Philosophy of Sport, Volum 2, Ħarġa 1, 1975, 4–11, jargumenta li d-definizzjoni ta’ “sport” ma hijiex neċessarja għall-skopijiet filosofiċi. Peress li hawnhekk qegħdin nittrattaw l-aspett iktar prattiku tad-Direttiva tal-VAT, naħseb li huwa neċessarju li tipprova tingħata definizzjoni lit-terminu “sport”.

( 38 ) Harper, Douglas. “sport (n.)”. Online Etymological Dictionary, aċċessibbli minn http://www.etymonline.com/index.php?search=sport&searchmode=none.

( 39 ) SportAccord International Federations’ Union, Genève, 2016: “Definition of Sport”, ara http://www.sportaccord.com/about/membership/definition-of-sport.php.

( 40 ) Ara s-sit internet tal-FISU aċċessibbli minn http://www.fisu.net/sports/world-university-championships/chess.

( 41 ) Ara l-inklużjoni tal-bridge u l-logħba tal-iskakki fost l-isport irrikonoxxut mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, https://www.olympic.org/recognised-federations.

( 42 ) Ara “Definition of Sport”, SportAccord International Federations, Ġinevra, 2016, ara http://www.sportaccord.com/about/membership/definition-of-sport.php

( 43 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011 (C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 36).

( 44 ) Lista ta’ sports rikononuxxuti, Kumitat Olimpiku Internazzjonali, https://www.olympic.org/recognised-federations.

( 45 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 24).

( 46 ) Il-punt dwar jekk l-attività għandhiex tkun legali biex tibbenefika mill-eżenzjoni huwa kwistjoni oħra li ma tistax tiġi riżolta fil-kuntest ta’ din il-kawża. Dwar ir-rekwiżit tal-legalità u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer (C‑283/95, EU:C:1998:276, punt 21).

( 47 ) Fejn l-islitti u l-iskis jinġibdu miż-żwiemel. Ipprattikati prinċipalment fir-reġjun ta’ Zakopane.

( 48 ) Ara https://www.olympic.org/recognised-federations.