24.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/4


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-9 ta’ Frar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 8 de Madrid) – Spanja – Francisco Rodrigo Sanz vs Universidad Politécnica de Madrid

(Kawża C-443/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Direttiva 1999/70/KE - Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Klawżola 4 - Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku - Ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni universitarja - Leġiżlazzjoni nazzjonali - Integrazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel universitarji fil-korp tal-professuri universitarji - Kundizzjoni - Kisba ta’ dottorat - Bidla tal-impjiegi full-time f’impjiegi part-time - Applikazzjoni biss għall-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni))

(2017/C 129/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 8 de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Francisco Rodrigo Sanz

Konvenuta: Universidad Politécnica de Madrid

Dispożittiv

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni tal-universitajiet, lill-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat inaqqsu bin-nofs iż-żmien ta’ xogħol tal-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba l-fatt li ma għandhomx dottorat, meta l-għalliema tal-iskejjel universitarji li huma uffiċjali, iżda li lanqas ma għandhom dottorat, ma humiex suġġetti għall-istess miżura.


(1)  ĠU C 410, 7.11.2016