17.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad – il-Bulgarija) – Serin Alheto vs Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

(Kawża C-585/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja - Standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali - Direttiva 2011/95/UE - Artikolu 12 - Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat - Persuni rreġistrati mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) - Eżistenza ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, għal refuġjat tal-Palestina, fiż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA - Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali - Direttiva 2013/32/UE - Artikolu 46 - Dritt għal rimedju effettiv - Eżami sħiħ u ex nunc - Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza - Eżami mill-qorti tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali - Eżami tar-raġunijiet tal-inammissibbiltà))

(2018/C 328/07)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Serin Alheto

Konvenut: Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) jeħtieġ eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tibbenefikax minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva mingħand dan l-organu, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda qabel abbażi ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà jew ta’ raġuni ta’ esklużjoni oħra differenti minn dik stipulata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix jew li tittrasponi b’mod skorrett ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li huma jinkludu;

għandhom effett dirett, u

jistgħu jiġu applikati minkejja li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma għamilx riferiment espress għaliha.

3)

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni li tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi, bħall-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni tal-applikant, li l-organu li ħa din id-deċiżjoni ħa jew seta’ jieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

4)

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika jista’ jirrigwarda wkoll ir-raġunijiet għal inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, u li, fil-każ li l-qorti adita bir-rikors tkun tixtieq teżamina raġuni ta’ inammissibbiltà li ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, hija għandha twettaq smigħ tal-applikant sabiex tippermettilu jesponi personalment, f’lingwa li jifhem, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija raġuni għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

5)

Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) għandha, jekk hija tibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva ta’ dan l-organu f’pajjiż terz li ma jikkorrispondix mat-territorju li fih hija tirrisjedi abitwalment iżda li jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-imsemmi organu, titqies li tgawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan:

jimpenja ruħu li jerġa’ jdaħħal lill-parti kkonċernata wara li din tkun telqet mit-territorju tiegħu sabiex tapplika għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea, u

jirrikonoxxi l-imsemmija protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA u jaderixxi għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li jippermetti b’dan il-mod lill-parti kkonċernata li tissoġġorna fit-territorju tiegħu f’sigurtà, f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi u sakemm ir-riskji sostnuti fit-territorju tar-residenza abitwali tiegħu jagħmlu dan neċessarju.

6)

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jistabbilixxix regoli ta’ proċedura komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament, mill-qorti adita bir-rikors, tad-deċiżjoni inizjali meħuda fuq din l-applikazzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li jiġi żgurat effett utli għall-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva u li jiġi ggarantit rimedju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teżiġi li, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni.


(1)  ĠU C 46, 13.2.2017.