19.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 104/7 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Jannar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hof van beroep te Brussel – il-Belġju) – Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Dawid Piotrowski
(Kawża C-367/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Mandat ta’ arrest Ewropew - Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri - Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja - Artikolu 3(3) - Minuri - Ħtieġa ta’ verifika tal-età minima għar-responsabbiltà kriminali jew evalwazzjoni każ b’każ tal-kundizzjonijiet addizzjonali previsti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-prosekuzzjoni jew kundanna ta’ minuri b’mod konkret))
(2018/C 104/07)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van beroep te Brussel
Partijiet fil-kawża prinċipali
Dawid Piotrowski
Dispożittiv
1) |
L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha biss tirrifjuta l-konsenja ta’ persuni minuri li huma s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, ma għandhomx l-età meħtieġa sabiex jinżammu kriminalment responsabbli għall-fatti li abbażi tagħhom inħareġ mandat fil-konfront tagħhom. |
2) |
L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-konsenja ta’ persuna minuri li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika biss jekk il-persuna kkonċernata laħqitx l-età minima sabiex tinżamm kriminalment responsabbli, fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għall-fatti li fuqhom huwa bbażat tali mandat, mingħajr ma għandha tieħu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet addizzjonali relatati ma’ evalwazzjoni individwali, li għalihom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru jissuġġetta b’mod konkret il-prosekuzzjoni jew il-kundanna ta’ persuna minuri għal tali fatti. |