22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court – l-Irlanda) – Edward Cussens, John Jennings, Vincent Kingston vs T. G. Brosnan

(Kawża C-251/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Sitt Direttiva 77/388/KEE - Artikolu 4(3)(a) u Artikolu 13B(g) - Eżenzjoni tal-provvista ta’ bini u tal-art li fuqha huwa qiegħed minbarra dik deskritta fl-Artikolu 4(3)(a) - Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi - Applikabbiltà fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dan il-prinċipju - Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi))

(2018/C 022/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Edward Cussens, John Jennings, Vincent Kingston

Konvenut: T. G. Brosnan

Dispożittiv

1)

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’, irrispettivament minn miżura nazzjonali li tagħtih effett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, jiġi direttament applikat sabiex tiġi rrifjutata l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imwettaq qabel l-għoti tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121), minjgħajr ma l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu dan.

2)

Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill [77/388/KEE], tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandha tiġi interprtata fis-sens li, fil-każ li t-tranżazzjonjiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, dawk minn dawn it-tranżazzjonjiet li ma jikkostitwixxux tali prattika jistgħu jiġu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu tali issuġġettar.

3)

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat, abbażi tal-punt 75 tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121), jekk l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex jew le l-kisba ta’ vantaġġ fiskali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-kuntratti ta’ kiri preċedenti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod iżolat.

4)

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li provvisti ta’ proprjetà immobbli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jwasslu għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali kuntrarju għall-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, meta l-proprjetajiet immobbli ma kinux, qabel il-bejgħ tagħhom lil xerrejja terzi, għadhom ġew effettivament użati mill-proprjetarju jew mill-inkwilin tagħhom. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk dawn huwiex il-każ fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

5)

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-eventwali eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ tranżazzjoni ta’ provvista ta’ proprjetà immobbli.


(1)  ĠU C 243, 4.7.2016.