22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-22 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven administrativen sad – il-Bulgarija) – Asotsiatsia na balgarskite predpriyatia za mezhdunarodni prevozi i patishtata (Aebtri) vs Nachalnik na Mitnitsa Burgas

(Kawża C-224/16) (1)

([Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Unjoni doganali - Tranżitu estern - Trasport bit-triq tal-merkanzija mwettaq taħt carnet TIR - Artikolu 267 TFUE - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR - Operazzjoni tat-TIR mhux imwettqa - Responsabbiltà tal-assoċjazzjoni garanti - Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR - Obbligu li, sa fejn ikun possibbli, jintalab il-ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma ssir talba kontra l-assoċjazzjoni garanti - Noti ta’ spjega annessi mal-Konvenzjoni TIR - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 457(2) - Kodiċi Doganali Komunitarju - Artikoli 203 u 213 - Persuni li akkwistaw jew żammew il-merkanzija u li kienu jafu jew li raġonevolment kien imisshom jafu li hija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali])

(2018/C 022/09)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asotsiatsia na balgarskite predpriyatia za mezhdunarodni prevozi i patishtata (Aebtri)

Konvenuta: Nachalnik na Mitnitsa Burgas

Dispożittiv

1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti [merkanzija] taħt il-carnets TIR, iffirmata f’Genève fl-14 ta’ Novembru 1975, u approvata fl-isem tal-Komunità Ekonomika Ewropea mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978, fil-verżjoni tagħha emendata u konsolidata ppubblikata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE, tat-28 ta’ Mejju 2009.

2)

L-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti [merkanzija] taħt il-carnets TIR, approvata fl-isem tal-Komunità mir-Regolament Nru 2112/78, fil-verżjoni tagħha emendata u konsolidata ppubblikata mid-Deċiżjoni 2009/477 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ssodisfaw l-obbligu tagħhom, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, li jeħtieġu l-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni kkonċernati, sa fejn possibbli, mid-detentur tal-carnet TIR bħala persuna direttament responsabbli għal ħlas ta’ dawn is-somom, qabel ma jressqu talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

3)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) u l-Artikolu 213 tal-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanza li destinatarju kiseb jew żamm merkanzija li tagħha kien jaf li kienet ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR u l-fatt li ma hijiex stabbilita li din il-merkanzija ġiet ippreżentata u ddikjarata fl-uffiċċju tad-dwana ta’ destinazzjoni, ma humiex suffiċjenti, huma biss, biex jiġi kkunsidrat li tali destinatarju kien jaf jew kien imissu raġonevolment kien jaf li l-imsemmija merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali fis-sens tal-ewwel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod li għandu jinżamm responsabbli in solidum tad-dejn doganali bis-saħħa tat-tieni waħda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.


(1)  ĠU C 243, 4.7.2016.