8.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 5/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Efeteio Athinon – il–Ġreċja) – Il–Kummissjoni Ewropea vs Dimos Zagoriou

(Kawża C-217/16) (1)

([Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ somom imħallsa u li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv - Artikolu 299 TFUE - Eżekuzzjoni forzata - Miżuri ta’ eżekuzzjoni - Determinazzjoni tal-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kawżi dwar l-eżekuzzjoni - Determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-obbligu pekunjarju - Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-modalitajiet proċedurali nazzjonali - Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri - Prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività])

(2018/C 005/10)

Lingwa tal-kawża: il–Grieg

Qorti tar-rinviju

Efeteio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Il–Kummissjoni Ewropea

Konvenut: Dimos Zagoriou

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu ma jiddeterminax l-għażla tal-organu ġudizzjarju nazzjonali li għandu l-ġurisdizzjoni jisma’ kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni Ewropea li jinkludu, l-impożizzjoni fuq persuni minbarra l-Istati, ta’ obbligu pekunjarju li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, konformement mal-imsemmi artikolu, peress li din id-determinazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, dment li din id-determinazzjoni ma tippreġudikax l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, jekk l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali għall-kawżi relatati mal-eżekuzzjoni forzata ta’ att imsemmi fl-Artikolu 299 TFUE ssirx b’mod nondiskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi għad-determinazzjoni tal-kawżi nazzjonali tal-istess tip skont modalitajiet li ma jirrendux iktar diffiċili l-irkupru ta’ somom imħallsa koperti minn dawn l-atti meta mqabbla ma’ każijiet paragunabbli li jikkonċernaw l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti.

2)

L-Artikolu 299 TFUE kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KEE)Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-fondi strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji eżistenti oħrajn, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1998, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinament bejn l-attivitajiet tal-fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn, min-naħa l-oħra, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4256/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima “Gwida” għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jiddeterminawx, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-persuni li kontrihom tista’ ssir l-eżekuzzjoni forzata skont deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura ta’ somom imħallsa u li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina dawn il-persuni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.


(1)  ĠU C 222, 20.6.2016