16.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Frar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña – Spanja) – Jessica Porras Guisado vs Bankia SA et

(Kawża C-103/16) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Direttiva 92/85/KEE - Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu - Artikolu 2(a) - Il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 10 - Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha - Kamp ta’ applikazzjoni - Każijiet eċċezzjonali li ma humiex konnessi mal-kundizzjoni tal-ħaddiema kkonċernata - Direttiva 98/59/KE - Tkeċċijiet kollettivi - Artikolu 1(1)(a) - Raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali - Ħaddiema tqila li tkeċċiet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva - Raġunijiet għat-tkeċċija - Prijorità tal-ħaddiema għaż-żamma tal-pożizzjoni - Prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid))

(2018/C 134/04)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Jessica Porras Guisado

Konvenuti: Bankia SA, Sección Sindical de Bankia de CCOO, Sección Sindical de Bankia de UGT, Sección Sindical de Bankia de ACCAM, Sección Sindical de Bankia de SATE, Sección Sindical de Bankia de CSICA, Fondo de Garantía Salarial (Fogasa)

fil-preżenza ta’: Ministerio Fiscal

Dispożittiv

1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila minħabba tkeċċija kollettiva fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi.

2)

Il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li timpjega li tkeċċi ħaddiema tqila fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, mingħajr ma tipprovdilha raġunijiet differenti minn dawk li jiġġustifikaw din it-tkeċċija kollettiva, dment li jiġu indikati l-kriterji oġġettivi li ġew użati biex tindika l-ħaddiema li se jitkeċċew.

3)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprojbixxix, bħala prinċipju, it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’, b’mod preventiv, u li tipprevedi n-nullità ta’ din it-tkeċċija biss meta din tkun illegali, bħala kumpens.

4)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, fis-sens tad-Direttiva 98/59, la tipprevedi prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet u lanqas prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid, applikabbli qabel dik it-tkeċċija, għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, mingħajr madankollu ma tiġi eskluża l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ogħla għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu.


(1)  ĠU C 165, 10.5.2016.