DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

28 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva sulfoksaflor — Inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑600/15,

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Bee Life European Beekeeping Coordination (Bee Life), stabbilita f’Louvain-la-Neuve (il-Belġju),

Unione nazionale associazioni apicoltori italiani (Unaapi), stabbilita f’Castel San Pietro Terme (l-Italja),

irrappreżentati minn B. Kloostra u A. van den Biesen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin, G. von Rintelen u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295, tas-27 ta’ Lulju 2015, li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2015, L 199, p. 8),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

Komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fl-1 ta’ Settembru 2011, l-Irlanda rċeviet, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1), applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfoksaflor.

2

Fit-23 ta’ Novembru 2012, l-Irlanda ssottomettiet lill-Kummissjoni Ewropea abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li kien intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sustanza attiva inkwistjoni kinitx mistennija li tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009.

3

Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) talbet lill-applikant għall-approvazzjoni jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali mill-Irlanda tressqet quddiem l-EFSA fil-format ta’ abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni f’Jannar tal-2014.

4

Fit-12 ta’ Mejju 2014, l-EFSA ppubblikat il-konklużjonijiet tagħha mill-pari tal-valutazzjoni tar-riskji marbuta mas-sustanza sulfoksaflor użata bħala pestiċida, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1107/2009. Verżjoni ġdida ta’ dawn il-konklużjonijiet ġiet ippubblikata mill-EFSA fil-11 ta’ Marzu 2015.

5

Fil-11 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni għas-sulfoksaflor lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, kif ukoll abbozz ta’ regolament li jistipula li din is-sustanza attiva hija approvata.

6

Fis-27 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295, tas-27 ta’ Lulju 2015, li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2015, L 199, p. 8) (iktar 'il quddiem l-“att ikkontestat”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2015, Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), Bee Life European Beekeeping Coordination (Bee Life) u l-Unione nazionale associazioni apicoltori italiani (Unaapi), ippreżentaw dan ir-rikors.

8

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fil-11 ta’ Marzu 2016.

9

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fil-31 ta’ Marzu u fil-5 ta’ April 2016, il-European Crop Protection Association (ECPA), kif ukoll Dow AgroSciences Ltd u Dow AgroSciences Iberica SA talbu li jitħallew jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

10

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-att ikkontestatat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Id-dritt

12

Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta l-konvenut jitlobha, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

13

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fl-iqsar żmien possibbli dwar it-talba, jew meta jkun ġustifikat minħabba ċirkustanzi partikolari, għandha tinkludi l-eżami ta’ din it-talba mad-deċiżjoni fil-mertu.

14

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

15

Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti, taħt diversi aspetti. Hija ssostni, minn naħa, li l-att ikkontestat ma jikkonċernax lir-rikorrenti direttament u, min-naħa l-oħra, li ma jikkonċernahomx individwalment u li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni.

16

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tippreżenta appell kontra att indirizzat lilha jew li jikkonċernaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

17

Huwa paċifiku li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tal-att ikkontestat. Għaldaqstant, huma jista’ jkollhom locus standi biss taħt it-tieni jew it-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Peress li dawn iż-żewġ ipoteżi jippreżupponu li l-att ikkontestat jikkonċerna direttament lir-rikorrenti, jaqbel li l-ewwel tiġi eżaminata din il-kundizzjoni.

18

Fir-rigward tal-effett dirett, hija ġurisprudenza stabbilita li din il-kundizzjoni teżiġi, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna individwali u, fit-tieni lok, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C‑486/01 P, EU:C:2004:394, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45).

19

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu, kif josservaw ir-rikorrenti, li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma huwiex kopja tar-raba’ paragrafu tal-ex Artikolu 230 KE, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li l-kundizzjoni tal-effett dirett stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma ġietx emendata, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar 'il fuq tapplika wkoll f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, digrieti tad-9 ta’ Lulju 2013, Regione Puglia vs Il-Kummissjoni, C‑586/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:459, punt 31; tal-15 ta’ Ġunju 2011, Ax vs Il-Kunsill, T‑259/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:274, punt 21, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, GS vs Il-Parlement u Il-Kunsill, T‑149/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:590, punt 19).

20

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-mekkaniżmu stabbilit mill-kuntest leġiżlattiv applikabbli f’dan il-każ jeskludi li r-rikorrenti jistgħu jkunu direttament ikkonċernati mill-att ikkontestat. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jaġixxux b’mod awtomatiku fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni; għall-kuntrarju, għandhom setgħa diskrezzjonali u marġni ta’ manuvra kunsiderevoli, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-valutazzjoni teknika kumplessa u d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni relatati mas-sitwazzjoni li tipprevali fit-territorju tagħhom u fiż-żona li jappartjenu għaliha.

21

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirreleva li, anki jekk Stat Membru jagħti fil-futur awtorizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi s-sulfoksaflor, l-effetti possibbli ta’ din l-awtorizzazzjoni fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti għandha biss natura fattwali u d-drittijiet u obbligi, u għalhekk is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, ma jkunu affettwati bl-ebda mod.

22

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfoksaflor mir-regolament ikkontestat tagħti lok għal effetti ġuridiċi diretti.

23

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li mill-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni jirriżulta li l-individwi għandhom ikunu kkunsidrati li huma direttament affettwati minn att mhux biss jekk dan jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom, iżda wkoll meta jaffettwa direttament is-sitwazzjoni fattwali tagħhom.

24

L-att ikkontestat għandu bħala suġġett l-approvazzjoni, taħt riżerva ta’ ċerti kundizzjonijiet, tas-sustanza attiva sulfoksaflor bħala ingredjent ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament Nru 1107/2009 u l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, tal-25 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1).

25

L-approvazzjoni tas-sulfoksaflor u l-inklużjoni tagħha fuq il-lista tas-sustanzi attivi approvati għandhom bħala konsegwenza ġuridika li jagħtu l-possibbiltà lill-Istati Membri, taħt riżerva ta’ serje ta’ kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor, jekk issir talba f’dan is-sens.

26

Huwa għalhekk fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-Istati Membri, kif ukoll fuq dik tal-applikanti għall-awtorizzazzjonijiet potenzjali għal tqegħid fuq is-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor, li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar 'il fuq.

27

L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ fil-fatt jikkontesta l-konklużjoni skont liema l-att ikkontestat ma għandu la l-għan u lanqas il-konsegwenza li jagħti drittijiet jew jimponi obbligi lil suġġetti li ma humiex l-Istati Membri jew l-applikanti għal awtorizzazzjonijiet għal tqegħid fis-suq potenzjali.

Fuq l-argumenti bbażati fuq id-drittijiet għall-proprjetà u li jiġi eżerċitat negozju

28

Ir-rikorrenti jsostnu li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva sulfoksaflor mir-regolament ikkontestat tagħti lok għal effetti ġuridiċi diretti fuq il-membri tal-Unaapi, billi tiddetermina b’mod definittiv, pereżempju, il-livelli aċċettabbli ta’ espożizzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ attenwazzjoni tar-riskji. B’hekk, minħabba l-effett dannuż tas-sulfoksaflor fuq in-naħal, l-approvazzjoni tagħha tirrappreżenta theddida għall-attività ta’ produzzjoni eżerċitata mill-apikulturi u toħloq għalhekk effetti ġuridiċi fuq id-dritt għall-proprjetà tagħhom u d-dritt tagħhom li jeżerċitaw negozju.

29

F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-Unaapi hija assoċjazzjoni ta’ apikulturi Taljani li l-għan tagħha huwa li tippromwovi, tipproteġi u tivvalorizza mill-perspettivi kollha l-apikultura Taljana bl-għajnuna, il-koordinazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-apikulturi u assoċjazzjonijiet apikoli li huma membri tagħha. B’mod partikolari, l-Unaapi tirrappreżenta l-interessi tal-apikulturi fi ħdan istituzzjonijiet u amministrazzjonijiet fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

30

Għandu jitfakkar f’dan il-kuntest, li r-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, bħalma hija l-Unaapi huma ammissibbli b’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza, meta jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom li huma stess ikollhom locus standi (ara, f’dan is-sens, digrieti tat-30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il-Kummissjoni, T‑122/96, EU:T:1997:142, punt 61; tat-28 ta’ Ġunju 2005, FederDoc et vs Il-Kummissjoni, T‑170/04, EU:T:2005:257, punt 49, u sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, T‑189/08, EU:T:2010:99, punt 58). F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-membri tal-Unaapi humiex direttament ikkonċernati mill-att ikkontestat.

31

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegati effetti legali fuq id-dritt għall-proprjetà u d-dritt li jiġi eżerċitat negozju li għandhom il-membri tal-Unaapi, ir-rikorrenti jsostnu l-fatt li l-approvazzjoni tas-sulfoksaflor tirrappreżenta theddida għall-attività ta’ produzzjoni tagħhom.

32

Minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat, f’dan ir-rigward, li, fl-ipoteżi li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor jkun realment suxxettibbli li jpoġġi f’perikolu l-attivitajiet kummerċjali tal-membri tal-Unaapi, dawn il-konsegwenzi ekonomiċi ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, iżda unikament is-sitwazzjoni fattwali tagħhom (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Salamander et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑172/98 u T‑175/98 sa T‑177/98, EU:T:2000:168, punt 62, u digriet tal-11 ta’ Lulju 2005, Bonino et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑40/04, EU:T:2005:279, punt 56).

33

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li din l-allegata theddida tippreżupponi wkoll l-awtorizzazzjoni minn Stat Membru ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludi s-sulfoksaflor. Issa, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ma huwiex il-konsegwenza awtomatika tal-approvazzjoni tas-sulfoksaflor. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, setgħa diskrezzjonali u marġni ta’ manuvra kunsiderevoli. Barra minn hekk, l-intestatura “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tal-Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 540/2011, kif emendat bl-att ikkontestat, tinkludi kriterji addizzjonali u speċifiċi li għandhom jiġu evalwati mill-Istat Membru li jkollu quddiemu talba għal awtorizzazzjoni. Kif osservat il-Kummissjoni, ir-riskju għan-naħal jiddependi mill-kundizzjonijiet tal-użu ta’ prodott speċifiku, li jiġu ddefiniti fl-awotrizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri. Konsegwentement, l-effett tal-att ikkontestat fuq id-dritt għall-proprjetà u l-attivitajiet kummerċjali tal-membri tal-Unaapi, anki fl-ipoteżi li jiġi kkwalifikat bħala ġuridiku, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi kkwalifikat bħala dirett.

34

Għal din l-istess raġuni, għandhom ukoll jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti, bbażati fuq l-allegat teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari mill-ġurisprudenza dwar l-għajnuna mill-Istat, ta’ effett purament fattwali, bħala effett dirett.

35

L-istess kunsiderazzjonijiet jgħoddu fir-rigward tal-livelli aċċettabbli ta’ espożizzjoni u tal-kundizzjonijiet ta’ attenwazzjoni tar-riskji, li r-rikorrenti jsostnu li huma ddeterminati b’mod definittiv mill-att ikkontestat. Fil-fatt, dawn il-livelli u dawn il-kundizzjonijiet, fl-ipoteżi li huma effettivament suxxettibbli li jpoġġu f’perikolu l-attivitajiet kummerċjali u d-doqqajs tal-membri tal-Unaapi, jistgħu jagħtu lok konkretament għal tali effetti biss fl-ipoteżi inċerta, fejn l-Istati Membri jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor.

36

Konsegwentement, il-membri tal-Unaapi ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-allegati danni għad-dritt għall-proprjetà tagħhom u d-dritt tagħhom li jeżerċitaw negozju sabiex isostnu li huma direttament ikkonċernati mill-att ikkontestat.

Fuq l-argumenti bbażati fuq l-effetti fuq l-għanijiet tal-kampanja magħmula minn PAN Europe u Bee Life

37

Ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat għandu effett dirett fuq l-għanijiet intiżi mill-kampanja Ewropea favur il-protezzjoni tan-naħal kontra l-insettiċidi dannużi bħas-sulfoksaflor, immexxija minn PAN Europe u Bee Life, li huwa għalfejn dan jaffettwa direttament dawn iż-żewġ rikorrenti.

38

F’dan ir-rigward, qabelxejn, mir-rikors jirriżulta li PAN Europe hija organizzazzjoni ta’ protezzjoni tal-ambjent, b’vokazzjoni panEwropea, attiva f’24 pajjiż li 21 minnhom huma membri tal-Unjoni. Skont l-istatut tagħha, hija għandha l-għan b’mod partikolari li tippromwovi l-attivitajiet intiżi sabiex inaqqsu, anzi jeliminaw, l-użu tal-pestiċidi. Bl-istess mod, mill-proċess jirriżulta li Bee Life hija organizzazzjoni ta’ protezzjoni tal-ambjent. B’hekk, skont l-istatut tagħha, hija għandha l-għan b’mod partikolari li tirreleva u ssolvi l-problemi ambjentali tal-insetti li jwettqu l-pollinizzazzjoni, u b’mod iktar partikolari, in-naħal tal-għasel, u li taħdem għall-protezzjoni tal-ambjent aħjar, b’mod partikolari għal agrikoltura kompatibbli mal-benesseri tal-pollinizzaturi u tal-bijodiversità.

39

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-organizzazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent, bħal PAN Europe u Bee Life, għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li għandhom skont l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iżda d-dritt għal tali protezzjoni ma huwiex tali li jikkontesta l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-persuni kollha, kemm fiżiċi jew ġuridiċi, fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara d-digriet tal-24 ta’ Settembru 2009, Município de Gondomar vs Il-Kummissjoni, C‑501/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:580, punt 38 u l-ġurisprudenza ċitatata; digriet tat-13 ta’ Marzu 2015, European Coalition to End Animal Experiments vs ECHA, T‑673/13, EU:T:2015:167, punt 63).

40

F’dan il-każ, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-att ikkontestat ma jaffettwax id-dritt ta’ PAN Europe u ta’ Bee Life li jmexxu kampanji bi kwalunkwe għan ambjentali li huma jistgħu jiddeċiedu li jagħżlu u li, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent ma għandhom l-ebda dritt, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li l-għanijiet tal-kampanji tagħhom ma jiġux influwenzati minn atti tal-Unjoni. Konsegwentement, minkejja li l-att ikkontestat għandu effett fuq l-għan tal-kampanja mmexxija minn PAN Europe u Bee Life, fi kwalunkwe każ, dan huwa effett fattwali u mhux ġuridiku.

41

Min-naħa l-oħra, kif ġie espost iktar 'il fuq, peress li użu effettiv tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sulfoksaflor li jiddependi mill-awtorizzazzjoni, inċerta, ta’ tali prodotti mill-Istati Membri, l-effetti possibbli tal-att ikkontestat fuq l-għanijiet tal-kampanja ta’ PAN Europe u ta’ Bee Life huma biss indiretti.

42

Konsegwentement, PAN Europe u Bee Life ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-allegati effetti tal-att ikkontestat fuq il-kampanja mmexxija minnhom sabiex isostnu li huma direttament ikkonċernati minn dan l-att.

Fuq l-argumenti bbażati fuq il-parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali

43

Ir-rikorrenti jsostnu li Bee Life tibbenefika mil-locus standi minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess deċiżjonali. Bee Life fil-fatt ippreżentat, abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1107/2009, osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni tas-sulfoksaflor.

44

Huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li ċertament, f’ċerti każijiet, il-fatt li rikorrent ikun ipparteċipa għall-proċedura amministrattiva li tkun ippreċediet l-adozzjoni tal-att ikkontestat ippermetta, flimkien ma’ fatti oħra, li tiġi kkwalifikata bħala individwalment ikkonċernata minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑2/93, EU:T:1994:55, punti 44 u 47, u tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et va Il-Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 36). Min-naħa l-oħra, tali parteċipazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l-att inkwistjoni jikkonċerna direttament rikorrent.

45

Konsegwentement, Bee Life ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tas-sulfoksaflor sabiex issostni li hija direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat.

Fuq l-argumenti bbażati fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

46

Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tiġi interpretata l-kundizzjoni dwar l-effett dirett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijet tagħhom għall-protezzjoni tal-ambjent u għal protezzjoni ġuridika effettiva, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 37 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-Unjoni, li, abbażi tal-Artikolu 6(1) TUE, għandu l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati tal-Unjoni, li għandu jwassal għal interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ta’ natura li tagħtihom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali ta’ livell superjuri fid-dritt tal-Unjoni tista’ twassal, f’ċerti każijiet, sabiex jiġu interpretati b’mod iktar wiesa’ l-kriterji ta’ ammissibbiltà.

47

F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l-artikolu jinkludi biss prinċipju li jipprovdi obbligu ġenerali għall-Unjoni fir-rigward tal-għanijiet li għandha ssegwi fil-kuntest tal-politika tagħha, u mhux dritt sabiex jiġu ppreżentati rikorsi quddiem il-qrati tal-Unjoni, fil-qasam tal-ambjent.

48

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħmel distinzjoni fil-fatt bejn il-prinċipji u d-drittijiet, kif jirriżulta pereżempju mit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(1) kif ukoll mill-Artikolu 52(2) u (5) tagħha. L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 17), li, skont l-Artikolu 52(7) ta’ din l-istess karta “għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni”, jippreċiżaw fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 52(5) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-prinċipji jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ atti leġiżlattivi jew eżekuttivi adottati mill-Unjoni skont il-kompetenzi tagħha, u mill-Istati Membri biss meta huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod li huma jkollhom sinjifikat partikolari għall-qrati biss meta dawn l-atti jiġu interpretati jew mistħarrġa, iżda li, ma jagħtux lok għal xi pretensjonijiet diretti għal azzjoni pożittiva mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jikkorrispondi kemm mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mal-approċċ meħud mis-sistemi kostituzzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-“prinċipji”. F’dan ir-rigwad, l-imsemmija spjegazzjonijiet jiċċitaw, bħala eżempju, l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

49

Fir-rigward barra minn hekk tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li timmodifika s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mit-trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu, li għandhom, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42; tat-18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 32, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97).

50

Għalhekk, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr madankollu ma jiġu injorati l-kundizzjonijiet previsti espressament fit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Huwa ċertament minnu, kif isostnu r-rikorrenti, li huma ma sostnewx li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jissostitwixxi r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iżda li din l-aħħar dispożizzjoni, u b’mod partikolari l-kriterju tal-effett dirett, għandu jiġi interpretat b’mod inqas strett, b’konformità mal-ewwel dispożizzjoni. Madankollu, ma jidhirx li l-garanzija mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tmur lil hinn mill-garanziji diġà mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, bħal dawk stabbiliti, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar 'il fuq. Ir-rikorrenti barra minn hekk ma allegawx li dan huwa l-każ.

52

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikoli 37 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex jikkontestaw l-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-effett dirett, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni.

Fuq l-argumenti bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

53

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għandha tadotta interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (KEE-NU) fuq l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus (id-Danimarka) fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar 'il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

54

B’mod partikolari, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Arhus, li jipprovdi li “kull parti għandha tiżgura li, meta jkunu ssodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm tali kriterji, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha dwar l-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn din id-dispożizzjoni huma jiddeduċu li l-kundizzjoni dwar l-effett dirett stabbilit mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod li tiġi żgurata protezzjoni ġuridika effettiva u l-aċċess għall-ġustizzja, fil-qasam tal-ambjent, għall-benefiċċju tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ta’ difiża tal-ambjent.

55

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tagħha u, kosegwentement, jipprevalu fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42, tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 52, u tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 44).

56

Minn dan isegwi li l-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni, fosthom il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ma jipprevalux fuq id-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod li ma jistax jiġi aċċettat li ssir deroga mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE abbażi tal-imsemmija konvenzjoni.

57

It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni hija parti jistgħu jiġu invokati mill-partijiet bil-kundizzjoni, minn naħa, li n-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet jidhru, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 42, u tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jinkludi ebda obbligu inkondizzjonali u suffiċjentement preċiż ta’ natura li jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi u konsegwentement, ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Fil-fatt, peress li huma biss “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti [bid]-dritt nazzjonali” li għandhom id-drittijiet previsti fl-istess Artikolu 9(3), din id-dispożizzjoni hija suġġetta, fl-eżekuzzjoni tagħha jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ att ulterjuri (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 45, u tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 55).

59

Konsegwentement, il-partijiet ma jistgħux jibbenefikaw direttament mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus quddiem il-qrati tal-Unjoni.

60

It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrelevat li r-rikorrenti ma pprovawx li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni, kien inkompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, hija effettivament il-Konvenzjoni ta’ Aarhus stess, permezz tal-formulazzjoni “il-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali stabbiliti [bid]-dritt nazzjonali”, li tissuġġetta d-drittijiet li l-Artikolu 9(3) tagħha jagħti lill-membri tal-pubbliku bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jirrispondu għall-kriterji ta’ ammissibbiltà li jirriżulaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

61

Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom jiġu miċħuda.

Konklużjoni dwar il-locus standi tar-rikorrenti

62

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ebda dispożizzjoni tal-att ikkontestat ma hija direttament applikabbli għar-rikorrenti, fis-sens li tagħtihom drittijiet jew timponilhom obbligi. Konsegwentement, l-att ikkontestat ma għandu l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, b’mod li ma jissodisfax il-kundizzjoni tal-effett dirett kif jirriżulta mill-ipoteżi kkunsidrata fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

63

Peress li r-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tal-att ikkontestat (ara l-punt 17 iktar 'il fuq), dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà.

Fuq it-talbiet ta ’ intervent

64

Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali u jitlef l-għan tiegħu fil-każ, b’mod partikolari, li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

65

Konsegwentement, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tal-ECPA, ta’ Dow AgroSciences u ta’ Dow AgroSciences Iberica.

Fuq l-ispejjeż

66

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

67

Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

68

Skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent.

69

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, l-ECPA, Dow AgroSciences u Dow AgroSciences Iberica għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom rispettivi relatati mat-talbiet ta’ intervent tal-ECPA, ta’ Dow AgroSciences u ta’ Dow AgroSciences Iberica.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ intervent tal-European Crop Protection Association (ECPA), ta’ Dow AgroSciences Ltd u ta’ Dow AgroSciences Iberica SA.

 

3)

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), Bee Life European Beekeeping Coordination (Bee Life) u l-Unione nazionale associazioni apicoltori italiani (Unaapi) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

4)

PAN Europe, Bee Life, l-Unaapi, il-Kummissjoni, l-ECPA, Dow AgroSciences u Dow AgroSciences Iberica għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet ta’ intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Settembru 2016.

 

E. Coulon

Reġistratur

H. Kanninen

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.