22.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/34


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2015 – Kluyev vs Il-Kunsill

(Kawża T-731/15)

(2016/C 068/44)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Sergiy Kluyev (Donetsk, l-Ukrajna) (rappreżentanti: R. Gherson, Solicitor, B. Kennelly, Barrister, u T. Garner, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1781/PESK, tal-5 ta’ Ottubru 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1777, tal-5 ta’ Ottubru 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna sa fejn huma japplikaw għar-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jidentifika bażi legali xierqa. L-Artikolu 29 TUE ma kienx bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata għaliex l-ilment magħmul kontra r-rikorrent ma kienx jidentifikah bħala individwu li ppreġudika l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna [fis-sens tal-Artikoli 21(2) u 23 TUE). Peress li d-deċiżjoni kienet invalida, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jadotta r-regolament ikkontestat. Fiż-żmien li fih ġew imposti l-miżuri restrittivi, ma kien hemm l-ebda akkuża kontra r-rikorrent fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li l-attivitajiet tiegħu għandhom mnejn jippreġudikaw l-istat tad-dritt, jew jiksru drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi jsostnu ksur tal-istat tad-dritt mill-awtoritajiet tal-Ukrajna fit-trattament tagħhom tar-rikorrent.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstata li r-rikorrent issodisfa l-kriterju għal inklużjoni. L-allegazzjonijiet ippreżentati lill-Kunsill mill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali kienu wisq ġeneriċi u ma kienu sostnuti bl-ebda prova (jerġa’ inqas “konkreta”) ta’ proċeduri ġudizzjarji kontra r-rikorrent. Ir-rikorrent indika l-iżbalji fl-allegazzjonijiet qabel il-miżuri restrittivi u l-Kunsill naqas milli jikseb risposti u l-provi neċessarji mill-awtoritajiet tal-Ukrajna. Il-Kunsill żbalja meta aċċetta l-allegazzjonijiet prima facie, mhux l-inqas minħabba l-assenza ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Ukrajna li tissodisfa l-istandards Ewropej.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent. F’każ ta’ indikazzjoni mill-ġdid, il-Kunsill għandu obbligu iktar oneruż li jagħmel investigazzjonijiet sħaħ tal-awtoritajiet li qed jagħmlu talba u li jipprovdi din l-informazzjoni lill-persuna indikata. Dan l-obbligu ma ġiex issodisfat f’dan il-każ.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jagħti lir-rikorrent raġunijiet suffiċjenti għall-inklużjoni tiegħu. Ir-raġunijiet mogħtija ma kinux iddettaljati u preċiżi suffiċjentement.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser b’mod serju d-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Il-miżuri restrittivi ġew imposti mingħajr salvagwardji xierqa li jippermettu lir-rikorrent jippreżenta l-każ tiegħu b’mod effettiv quddiem il-Kunsill. Il-miżuri restrittivi ma humiex ristretti għal proprjetà speċifika li jingħad li tirrappreżenta fondi pubbliċi użat ħażin jew limitati għall-ammont ta’ fondi li allegatament intużaw ħażin.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li, sa fejn il-Kunsill għandu raġun isostni li l-kriterji għal indikazzjoni jistgħu jestendu għal kwalunkwe investigazzjoni li ma hijiex konnessa ma’ proċeduri ġudizzjarji, il-kriterji huma sproporzjonati u illegali.