15.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 59/31


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2015 – Cham u Bena Properties vs Il-Kunsill

(Kawża T-708/15)

(2016/C 059/34)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Cham Holding Co. SA (Damasku, is-Sirja), u Bena Properties Co. SA (Damasku) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrenti ammissibbli u fondata;

konsegwentement, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea biex tikkumpensa d-dannu sostnut mir-rikorrenti fl-ammont li l-Qorti Ġenerali għandha tiffissa b’mod ekwu;

taħtar il-ħatra ta’ espert sabiex tiġi stabbilita l-portata sħiħa tad-dannu sostnut mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi prinċipali u motiv sussidjarju, ibbażati fuq id-dannu li sostnew u li r-responsabbiltà tiegħu hija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-atti adottati mill-Kunsill, fis-sens li dan tal-aħħar naqas mill-obbligu tiegħu ta’ prudenza u ta’ diliġenza billi bbaża d-deċiżjonijiet tiegħu sabiex jinkludi r-rikorrenti fuq il-bażi ta’ motivi vagi u mhux preċiżi, u dan minkejja l-ġurisprudenza li timponilu li jimmotiva b’mod preċiż id-deċiżjonijiet tiegħu, u jinjora l-obbligu tiegħu li jżomm smigħ minn qabel dwar iż-żamma tar-rikorrenti fil-listi ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrenti huma ta’ natura inġusta u sproporzjonata u jiksru d-dritt tagħhom għar-reputazzjoni u d-drittijiet tagħhom għall-proprjetà.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq id-dannu morali li r-rikorrenti allegatament kienu sostnew, peress li l-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ sanzjonijiet kien ippreġudika r-reputazzjoni tagħhom.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq id-dannu materjali sostnut mir-rikorrenti minħabba l-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi, peress li minħabba f’dan il-fatt huma tilfu numru kbir ta’ kuntratti u sorsi ta’ dħul.

4.

Ir-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ir-responsabbiltà assoluta tal-Unjoni Ewropea għad-danni kkawżati lir-rikorrenti insegwitu għall-inklużjoni tagħhom fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għas-sanzjonijiet kontra s-Sirja.