26.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/53


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Settembru 2015 – Italmobiliare et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-523/15)

(2015/C 354/64)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Italmobiliare SpA (Milano, l-Italja), Sirap-Gema SpA (Verolanuova, l-Italja), Sirap France SAS (Noves, Franza), Petruzalek GmbH (Tattendorf, l-Awstrija), Petruzalek kft (Budapest, l-Ungerija), Petruzalek s.r.o. (Bratislava, l-Islovakkja), Petruzalek s.r.o. (Břeclav, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: M. Siragusa, avukat, F. Moretti, avukat, A. Bardanzellu, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewoprea

Talbiet

preliminarjament, taħtar perit sabiex jagħmel analiżi ekonomika tal-każ;

tannulla d-Deċiżjoni fil-parti fejn tikkunsidra applikabbli għal Linpac il-benefiċċju tal-immunità mis-sanzjonijiet skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (iktar ’il quddiem l-“Avviż”);

tannulla d-Deċiżjoni sa fejn timputa anki lil Italmobiliare l-aġir issanzjonat, u tikkundannaha in solidum għall-ħlas tal-multa;

tnaqqas l-ammont tal-multi imposti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra l-istess deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-522/15, CCPL et vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi l-Kummissjoni tat il-benefiċċju tal-immunità lil Linpac, minkejja li ma kinux jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji previsti mill-istess Avviż.

2.

It-tieni moitv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ individwalità tal-piena u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza stabbiliti fl-Artikoli 6(2) u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”) u l-Artikoli 48 u 49 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-dritt fundamentali għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni, l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni, kif ukoll l-Artikoli 17 u 21 tal-Karta, kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fit-trattament billi l-Kummissjoni attribwiet b’mod żbaljat ir-responsabbiltà in solidum lil Italmobiliare, bħala kumpannija parent, għal atti mwettqa minn kumpanniji sussidjarji.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 23 tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (“Linji Gwida”), u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi/parametri/segwenti għall-kalkolu tal-multi (i) dħul mill-bejgħ; (ii) ammont skont il-gravità; (iii) entry fee; (iv) aġġustamenti għall-ammont bażiku (b’mod partikolari, minħabba li ma tteħditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kriżi tas-settur; (v) limitu massimu b’riferiment għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003; (vi) tnaqqis insuffiċjenti tal-multi minħabba t-tul ta’ żmien tal-proċedimenti u, fl-aħħar nett, ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Linji Gwida u nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni għaċ-ċaħda tat-talba għall-applikazzjoni tal-punt 35 tal-imsemmija linji gwida.

4.

Ir-raba’ motiv fejn ir-rikorrenti jitolbu, abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li l-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u f’każ li ma tilqax il-motivi preċedenti, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u tnaqqas fi kwalunkwe każ il-multi komplessivament imposti fid-Deċiżjoni.