9.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/27


Appell ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2015 minn CX mis-sentenza mogħtija fit-18 ta’ Ġunju 2015 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-27/13, CX vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-496/15 P)

(2015/C 371/30)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: CX (Enghien, il-Belġju) (rappreżentant: É. Boigelot, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-appell tagħha ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2015, li ġiet innotifika fl-istess jum li fih ingħatat, fil-Kawża F-27/13; u

tiddeċiedi hija stess il-kawża u tilqa’ t-talbiet inizjali tal-appellanti u għalhekk, tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

1.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tagħhom mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem it-“TSP”), tan-nuqqas ta’ korrettezza tal-fatti allegati, tar-rifjut kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tat-TSP li jwettqu l-verifikazzjonijiet indispensabbli sabiex tiġi stabbilita l-verità, u tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

2.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) u tal-Artikolu 9 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn it-TSP irrikonoxxa li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti ma għandhiex il-poter li tissanzjona l-uffiċjal ikkonċernat billi tattribwixxi direttament, fir-rigward tiegħu, “klassifikazzjoni” fi grad determinat, iżda għandha l-poter esklużiv li tiżgradah, madankollu huwa ma silitx il-konsegwenzi ta’ dan b’mod korrett.

3.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.