3.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/41


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Awwissu 2015 – Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-492/15)

(2015/C 363/50)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Lufthansa AG (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Martin-Ehlers, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta’ Ottubru 2014, fil-Każ SA.21121 (C 29/2008) (ex NN 54/2007) – ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u Ryanair;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment il-motivi segwenti:

irregolarità proċedurali minħabba l-assenza ta’ diskussjonijiet ulterjuri mar-rikorrenti fl-2014;

preżentazzjoni inkompleta tal-każ, minkejja li l-fatti tal-każ kienu magħrufa mill-konvenuta meta adottat id-deċiżjoni kkontestata;

deskrizzjoni mhux eżatta tal-fatti sa fejn, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi, il-Kummissjoni tat stampa żbaljata tal-każ;

kontradizzjonijiet manifesti fid-deċiżjoni kkontestata;

evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-miżuri favur l-ajruport ikkonċernat, sa fejn ċerti miżuri ma ġewx ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u ċerti miżuri oħra ġew ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni;

evalwazzjoni ġuridika żbaljata tal-miżuri favur il-kumpannija tal-ajru kkonċernata, sa fejn dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.