12.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/39


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2015 – KZ et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-480/15)

(2015/C 337/44)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: KZ (il-Polonja), LA (il-Polonja), LB (l-Awstrija), LC (l-Awstrija) (rappreżentanti: S. Dudzik, konsulent legali, u J. Budzik, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2015) 4284 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2015, fil-Każ AT.39864 – BASF, li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 772/2004 (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva

Billi ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004 meta kien hemm ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE bi preġudizzju għalihom – u meta l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni ma setgħetx iktar tagħti bidu għal proċedura minħabba li kien skada t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u meta, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma setgħux iktar jitolbu b’mod effettiv kumpens għad-dannu sostnut permezz ta’ azzjoni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali –, il-Kummissjoni kisret id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll għal azzjoni ġudizzjarja effettiva.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, moqrija flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004 u mal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003 (2)

Billi qieset li l-interess tal-Unjoni Ewropea ma kienx jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura dwar l-ilment imressaq mir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni;

billi ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti u billi rrifjutat li tiftaħ proċedura fuq il-bażi tal-ipoteżi żbaljata li l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 101 TFUE, stipulati fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T-111/96, Ġabra, EU:T:1998:183, ma humiex applikabbli għall-abbuż ta’ proċedura fil-qasam amministrattiv jew kriminali, il-Kummissjoni ppreġudikat l-effettività tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).