19.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/33


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2015 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-478/15)

(2015/C 346/39)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: R. Radu, A. Buzoianu u E. Gane, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata taħt il-forma tal-ittra NruoBUDG/B/3/MV D(2015) 2453089, tal-11 ta’ Ġunju 2015, li permezz tagħha hija tordna lill-Rumanija tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha s-somma ta’ EUR 1 079 513,09 gross, għar-riżorsi proprji.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata

Id-dritt tal-Unjoni ma fih ebda dispoizzjoni li tagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li timponi fuq Stat Membru l-obbligu li jħallas somma ta’ flus li tikkorrispondi għat-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, telf li sar wara maħfra ta’ dejn doganali deċiża minn Stat Membru, de dette douanière décidée par un autre État membre, inkarigat sabiex jevalwa d-dazji doganali, sabiex jiġborhom u sabiex jgħaddihom lill-baġit tal-Unjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti u inadegwata tad-deċiżjoni kkontestata

Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti u adegwat, skont l-Artikolu 296 TFUE. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix bażi legali li fuqha ġiet adottata, li ma tistax tiġi ddeterminata lanqas jekk isir riferiment għal elementi oħra tal-ittra. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tesponix, fil-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunament legali li wassalha sabiex timponi dan l-obbligu ta’ ħlas fuq ir-Rumanija.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-eżerċizzju mhux xieraq tal-kompetenza tal-Kummissjoni

Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-imsemmija istituzzjoni aġixxiet fil-limiti tal-kompetenzi tagħha mogħtija lilha mit-Trattati, ir-Rumanija tqis li din eżerċitat il-kompetenza tagħha b’mod mhux xieraq, bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjonji tajba u tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Rumen.

Il-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba billi naqset mill-teżamina attentivament kull informazzjoni rilevanti li kellha jew li titlob informazzjoni oħra neċessarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma wrietx rabta kawżali diretta bejn il-fatti li r-Rumanija hija kkritikata bihom u t-telf tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx is-somma mitluba lir-Rumanija billi rreferiet għall-ammont ta’ dazji doganali li jikkorrispondu għall-valur tal-operazzjoni ta’ tranżitu inkwistjoni, iżda bbażat ruħha fuq il-valur maħfur mill-Ġermanja.

L-approċċ li ħadet il-Kummissjoni kien nieqes mill-prevedibbiltà u ma ppermettiex lir-Rumanija teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

Ir-regoli tad-dritt li abbażi tagħhom il-Kummissjoni stabbilixxiet l-obbligu ta’ ħlas ma ġewx identifikati u ppreċiżati minnha u l-applikazzjoni tagħhom ma setgħetx tkun prevedibbli għar-Rumanija. L-Istat Rumen la seta’ jipprevedi u lanqas ikun konxju, qabel ma rċieva l-ittra tal-Kummissjoni, tal-obbligu tiegħu li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni s-somma mitluba. Barra minn hekk, ir-Rumanija tqis li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata u billi imponiet fuq ir-Rumanija obbligu ta’ ħlas ħames snin wara li seħħew il-fatti u minkejja l-konklużjonijiet fformulati mill-Kummissjoni waqt id-djalogu mal-awtoritajiet Rumeni matul dan il-perijodu, l-imsemmija istituzzjoni kisret l-aspettattivi leġittimi tal-Istat Rumen għal dak li jikkonċerna l-assenza ta’ obbligu min-naħa tiegħu li jħallas id-dazji doganali relatati mal-operazzjonijiet ta’ tranżitu inkwistjoni.